Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 21 ta’ Novembru 2007

 

Afrate, l-“Għaref”

 

Għeżież ħuti,

 

Fid-dawra tagħna mad-dinja tal-Missirijiet tal-Knisja, illum nixtieq neħodkom f’parti ftit li xejn magħrufa ta’ dan l-univers tal-fidi, jiġifieri fit-territorji li fihom warrdu l-Knejjes ta’ lsien Semitiku, li kienu għadhom mhux influwenzati mill-ħsieb Grieg. Dawn il-Knejjes, matul ir-raba’ seklu, żviluppaw fil-Lvant qarib, mill-Art Imqaddsa sal-Libanu u l-Meżopotamja. F’dak is-seklu, li huwa perjodu ta’ formazzjoni fuq livell ekkleżjali u letterarju, dawn il-komunitajiet raw iseħħ il-fenomenu axxetiku-monastiku b’karatteristiċi tal-post, li ma messithomx l-influwenza tal-monakiżmu Eġizzjan. Għalhekk il-komunitajiet Sirjaċi tar-raba’ seklu jirrappreżentaw id-dinja Semitika li minnha ħarġet il-Bibbja nfisha, u huma espressjoni ta’ Kristjaneżmu, li l-formulazzjoni teoloġika tiegħu kienet għadha ma daħlitx f’kuntatt ma’ diversi kurrenti kulturali, imma kienet tgħix fix-xejriet ta’ ħsieb tagħha stess. Huma Knejjes li fihom l-axxetiċiżmu taħt diversi għamliet eremitiċi (eremiti fid-deżert, fl-għerien, dawk li jgħixu maqtugħin għalihom, stiliti), u l-monakiżmu taħt diversi xejriet ta’ ħajja komunitarja, kellhom rwol ta’ importanza vitali fl-iżvilupp tal-ħsieb teoloġiku u spiritwali.

 

Din id-dinja nixtieq nippreżentaha permezz tal-figura kbira ta’ Afrate, magħruf ukoll bil-laqam ta’ “Għaref”, wieħed mill-iżjed persunaġġi importanti u fl-istess waqt l-iżjed enigmatiċi tal-Kristjaneżmu Sirjak tas-seklu 4. Kien mir-reġjun ta’ Ninwè-Mossul, illum fl-Iraq, u għex fl-ewwel nofs tas-seklu 4. Ftit nafu fuq ħajtu; imma żamm relazzjonijiet b’saħħithom mal-ambjenti axxetiċi-monastiċi tal-Knisja Sirjaka, li dwarha żammilna tagħrif fl-opra tiegħu u li lilha jiddedika parti mir-riflessjoni tiegħu. Anzi, skont xi għejun, hu kien imexxi monasteru, u fl-aħħar ġie kkonsagrat ukoll Isqof. Kiteb 23 diskors magħrufa bl-isem ta’ Espożizzjonijiet jew Dimostrazzjonijiet, fejn jittratta bosta temi ta’ ħajja Nisranija, bħalma huma l-fidi, l-imħabba, is-sawm, l-umiltà, it-talb, l-istess ħajja axxetika u anki r-rabta bejn Ġudaiżmu u Kristjaneżmu, bejn it-Testment il-Qadim u l-Ġdid. Kiteb fi stil sempliċi, bi frażijiet qosra u b’paralleliżmi xi kultant kuntrastanti; madankollu rnexxielu jinseġ diskors koerenti bi żvilupp mirqum tajjeb ħafna tad-diversi argumenti li jaffronta.

 

Afrate kien ġej minn komunità ekkleżjali li tinsab fuq il-fruntiera bejn il-Ġudaiżmu u l-Kristjaneżmu. Kienet komunità marbuta ħafna mal-Knisja-omm ta’ Ġerusalemm, u l-Isqfijiet tagħha kienu jiġu magħżula tradizzjonalment minn fost l-hekk imsejħa “qraba” ta’ Ġakbu, “ħu l-Mulej” (ara Mk 6:3): jiġifieri kienu persuni li kellhom rabta tad-demm u tal-fidi mal-Knisja ta’ Ġerusalemm. Il-lingwa ta’ Afrate hi dik Sirjaka, allura lsien Semitiku bħall-Ebrajk tat-Testment il-Qadim u bħall-Aramajk mitkellem minn Ġesù nnifsu. Il-komunità ekkleżjali, li fiha kien jgħix Afrate, kienet komunità li ppruvat tibqa’ fidila għat-tradizzjoni Ġudeo-Kristjana, li hi kienet tħossha bint tagħha. U għalhekk hi kienet iżżomm rabta sħiħa mad-dinja Ebrajka u mal-Kotba tagħha. B’mod sinifikattiv ħafna, Afrate jsejjaħ lilu nnifsu “dixxiplu tal-Iskrittura Mqaddsa” tat-Testmet il-Qadim u l-Ġdid (Espożizzjonijiet 22,26), li huwa jqis bħala l-għajn waħdanija tal-ispirazzjoni tiegħu, u lejha jirrikorri ħafna drabi, tant li jagħmilha l-qalba tar-riflessjoni tiegħu.

 

Bosta huma l-argumenti li jiżviluppa Afrate fl-Espożizzjonijiet tiegħu. Fidil lejn it-tradizzjoni Sirjaka, spiss jippreżenta s-salvazzjoni li ġab Kristu bħala fejqan u, għalhekk, lil Kristu nnifsu bħala tabib. Id-dnub, mill-banda l-oħra, jarah bħala ġerħa, li l-penitenza biss tista’ tfejjaq: “Raġel li ġie midrub fil-battalja”, jgħid Afrate, “ma jistħix jafda ruħu f’idejn tabib għaref… bl-istess mod, min ġie midrub minn Satana ma għandux jistħi jagħraf il-ħtija tiegħu u jitbiegħed minnha, u jitlob id-duwa tal-penitenza” (Espożizzjonijiet 7,3). Aspett ieħor importanti fl-opra ta’ Afrate huwa t-tagħlim tiegħu fuq it-talb u, b’mod speċjali, fuq Kristu bħala mgħallem tat-talb. In-Nisrani jitlob billi jsegwi t-tagħlim ta’ Ġesù u l-eżempju tiegħu fit-talb: “Il-Feddej tagħna għallimna nitolbu hekk, meta qal: ‘Itlob mil-moħbi lil Dak li hu fil-moħbi, imma li jara kollox’; u mill-ġdid: ‘Idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu’ (Mt 6:6)… Dak li jrid jurina s-Salvatur tagħna hu li Alla jaf ix-xewqa u l-ħsibijiet tal-qalb” (Espożizzjonijiet 4,10).

 

Għal Afrate, il-ħajja Nisranija hi mibnija fuq ix-xebh ma’ Kristu, billi wieħed jieħu fuqu l-madmad tiegħu u jimxi warajh fit-triq tal-Vanġelu. Waħda mill-virtujiet li l-aktar jeħtieġ id-dixxiplu ta’ Kristu hi l-umiltà. Din mhix aspett sekondarju fil-ħajja spiritwali tan-Nisrani: in-natura tal-bniedem hija umli, u hu Alla li jgħollih għall-istess glorja tiegħu. L-umiltà, josserva Afrate, mhijiex valur negattiv: “Jekk l-għeruq tal-bniedem huma mxettla fl-art, il-frott tiegħu jogħla quddiem il-Mulej tal-kobor” (Espożizzjonijiet 9,14). Waqt li jibqa’ umli, anki fir-realtà ta’ din l-art li fiha jgħix, in-Nisrani jista’ jidħol f’relazzjoni mal-Mulej: “L-umli huwa umli, imma l-qalb tiegħu togħla ’l fuq ħafna. L-għajnejn ta’ wiċċu josservaw l-art u l-għajnejn ta’ ħsiebu l-għoli bla qies” (Espożizzjonijiet 9,2).

 

Il-viżjoni li għandu Afrate tal-bniedem u tar-realtà tal-ġisem tiegħu hi pożittiva ħafna: il-ġisem tal-bniedem, fuq l-eżempju ta’ Kristu umli, hu msejjaħ għall-ġmiel, għall-ferħ, għad-dawl. “Alla joqrob lejn il-bniedem li huwa jħobb”, josserva, “u huwa tajjeb li nħobbu l-umiltà u nibqgħu fil-qagħda ta’ umiltà. L-umli huma sempliċi, paċenzjużi, maħbuba, integri, retti, esperti fit-tajjeb, prudenti, sereni, għorrief, kalmi, paċifiċi, ħanina, lesti li jikkonvertu, twajba, profondi, ħassieba, sbieħ u ta’ min jixtieqhom” (Espożizzjonijiet 9,14). Spiss f’Afrate l-ħajja Nisranija hi ppreżentata f’dimensjoni ċara axxetika u spiritwali: il-fidi hija l-bażi tagħha, il-pedament; din tagħmel mill-bniedem tempju fejn Kristu nnifsu jgħammar. Il-fidi allura tagħmel possibbli mħabba sinċiera, li tesprimi ruħha fl-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Aspett ieħor importanti f’Afrate huwa s-sawm, li hu jifhmu fis-sens wiesa’ tiegħu. Hu jitkellem fuq is-sawm mill-ikel bħala prattika meħtieġa biex inkunu karitatevoli u safja, fuq is-sawm tal-kontinenza fid-dawl tal-qdusija, fuq is-sawm mill-kliem fieragħ jew ta’ min jistmerru, fuq is-sawm mill-korla, fuq is-sawm mill-proprjetà tal-ġid fid-dawl tal-ministeru, fuq is-sawm mill-irqad biex wieħed jista’ jishar fit-talb.

 

Għeżież ħuti, nerġgħu lura mill-ġdid – biex nagħlqu – għat-tagħlim ta’ Afrate fuq it-talb. Skont dan l-“Għaref” tal-qedem, it-talb iseħħ meta Kristu jgħammar fil-qalb tan-Nisrani, u jistiednu għal impenn koerenti ta’ mħabba lejn il-proxxmu. Fil-fatt hu jikteb:

 

“Serraħ lill-maħqurin, żur lill-morda,

ħu ħsieb tal-foqra: dan hu t-talb.

It-talb hu tajjeb, u l-opri tiegħu huma sbieħ.

It-talb hu milqugħ, meta jserraħ lill-proxxmu.

It-talb hu mismugħ,

meta fih hemm ukoll il-maħfra tal-offiżi.

It-talb hu qawwi,

meta hu mimli bil-qawwa ta’ Alla” (Espożizzjonijiet 4,14-16).

 

B’dawn il-kelmiet Afrate jistedinna għal talba li ssir ħajja Nisranija, ħajja fil-milja tagħha, ħajja mimlija bil-fidi, bil-ftuħ għal Alla u, hekk, bl-imħabba tal-proxxmu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard