Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 21 ta’ Marzu 2007

 

San Ġustinu, filosfu u martri

 

Għeżież ħuti,

 

F’dawn il-katekeżijiet qed nirriflettu fuq il-figuri kbar tal-Knisja tal-bidu. Illum se nitkellmu fuq San Ġustinu, filosfu u martri, l-iktar importanti fost il-Padri Apoloġisti tat-tieni seklu. Il-kelma “apoloġisti” tfisser dawk il-kittieba Nsara tal-qedem li riedu jiddefendu r-reliġjon il-ġdida mill-akkużi qawwija tal-pagani u tal-Lhud, u jxerrdu t-tagħlim Nisrani f’termini adatti għall-kultura ta’ żmienhom. Hekk l-Apoloġisti għandhom attenzjoni doppja: dik, iktar proprjament apoloġetika, li jiddefendu l-Kristjaneżmu li kien għadu jitwieled (apologhía fil-Grieg tfisser appuntu “difiża”), u dik propożittiva, “missjunarja”, li jesponu l-kontenuti tal-fidi f’lingwaġġ u b’kategoriji ta’ ħsieb li n-nies ta’ żmienhom setgħu jifhmu.

 

Ġustinu twieled lejn is-sena 100 f’Sikem tal-qedem, fis-Samarija, fl-Art Imqaddsa; hu fittex fit-tul il-verità, u ġera minn skola għall-oħra tat-tradizzjoni filosofika Griega. Fl-aħħar – kif hu stess jirrakkonta fl-ewwel kapitli tiegħu tad-Djalogu ma’ Trifone – persunaġġ misterjuż, raġel xwejjaħ li hu ltaqa’ miegħu fuq ix-xtajta, l-ewwel daħħlu fi kriżi, għax urieh kemm il-bniedem bil-qawwa tiegħu waħdu mhux kapaċi jissodisfa x-xewqa li għandu għad-divin. Imbagħad urieh fil-profeti tal-qedem il-persuni li lejhom kellu jdur biex isib it-triq ta’ Alla u l-“filosofija vera”. Xħin ġie biex jitilqu, ix-xwejjaħ ħeġġu għat-talb, biex jinfetħu quddiemu l-bibien tad-dawl. Ir-rakkont jixħet dawl fuq l-episodju kruċjali tal-ħajja ta’ Ġustinu: fi tmiem mixja filosofika twila ta’ tiftixa tal-verità, hu ħaddan il-fidi Nisranija. Waqqaf skola f’Ruma, fejn kien jagħti b’xejn lill-istudenti tiegħu t-tagħlim tal-bidu dwar ir-reliġjon il-ġdida, meqjusa bħala l-filosofija vera. Fil-fatt, fiha hu kien sab il-verità u allura l-arti kif jgħix b’mod tajjeb. Għal din ir-raġuni hu ġie kkundannat u qatgħulu rasu lejn is-sena 165, taħt is-saltna ta’ Marku Awrelju, l-imperatur filosfu li lilu Ġustinu nnifsu kien indirizza Apoloġija tiegħu.

 

Huma dawn – iż-żewġ Apoloġiji u d-Djalogu ma’ Trifone – l-uniċi opri li baqgħalna tiegħu. Fihom Ġustinu jixtieq qabelxejn jurina l-proġett divin tal-ħolqien u tas-salvazzjoni li jseħħ f’Ġesù Kristu, il-Logos, jiġifieri l-Verb etern, ir-Raġuni eterna, ir-Raġuni ħallieqa. Kull bniedem, ladarba hu ħlejqa razzjonali, għandu sehem fil-Logos, u jġorr fih “żerriegħa” tiegħu, u jista’ jilqa’ fih ix-xrar tal-verità. Hekk l-istess Logos, li rrivela ruħu bħal f’figura profetika lil-Lhud fil-Liġi tal-qedem, deher parzjalment, bħal f’“żerriegħa ta’ verità”, anki fil-filosofija Griega. Issa, jikkonkludi Ġustinu, billi l-Kristjaneżmu hu l-manifestazzjoni storika u personali tal-Logos fil-milja tiegħu, allura “l-ġmiel kollu li jesprimu l-bnedmin, hu tagħna l-Insara” (2 Apol. 13,4). B’dan il-mod Ġustinu, anki jekk jikkontesta l-filosofija Griega minħabba fil-kontradizzjonijiet tagħha, jorjenta għalkollox lejn il-Logos kull verità filosofika, u f’dan isib il-motiv mill-perspettiva razzjonali għall-“pretensjoni” unika ta’ verità u ta’ universalità min-naħa tar-reliġjon Nisranija. Jekk it-Testment il-Qadim miexi lejn Kristu bħalma l-figura torjenta lejn ir-realtà li hija tfisser, il-filosofija Griega timmira hi wkoll lejn Kristu u lejn il-Vanġelu, kif il-parti tinġibed biex tingħaqad mal-kollox. U jgħid li dawn iż-żewġ realtajiet, it-Testment il-Qadim u l-filosofija Greiga, huma bħaż-żewġ toroq li jwasslu għal Kristu, għal-Logos. Huwa għalhekk li l-filosofija Griega ma tistax teħodha kontra l-verità tal-Vanġelu, u l-Insara jistgħu jersqu lejha bil-fiduċja, bħalma jagħmlu lejn ġid li hu tagħhom. Għalhekk il-Predeċessur meqjum tiegħi, il-Papa Ġwanni Pawlu II, sejjaħ lil Ġustinu “wieħed mill-pjunieri li riedu jġibul quddiem rabta pożittiva mal-filosofija, għalkemm bi spirtu ta’ dixxerniment għaqli”: għax Ġustinu, “għalkemm wera stima kbira għall-filosofija Griega, ukoll wara li kkonverta, bil-qawwa kollha stqarr b’mod l-aktar ċar li fil-Kristjaneżmu biss hemm filosofija waħdanija ċerta li tagħti frott’ (Dial. 8,1)” (Fides et ratio, 38).

 

Kollox ma’ kollox, il-figura u l-opri ta’ Ġustinu jimmarkaw l-għażla determinata tal-Knisja bikrija favur il-filosofija, ir-raġuni, pjuttost milli favur ir-reliġjon tal-pagani. Fil-fatt, l-ewwel Insara rrifjutaw bil-qawwa kull kompromess mar-reliġjon pagana. Kienu jżommuha b’idolatra, imqar jekk dan swielhom li jiġu ttimbrati b’“irreverenza” u b’“ateiżmu”. B’mod partikulari Ġustinu, speċjalment fl-ewwel Apoloġija tiegħu, kellu kritika ħarxa kontra r-reliġjon pagana u l-miti tagħha, li hu kien iqishom “tagħwiġ” djaboliku tat-triq tal-verità. Min-naħa l-oħra l-filosofija kienet tirrappreżenta l-qasam ipprivileġġjat tal-laqgħa bejn il-paganiżmu, il-Ġudaiżmu u l-Kristjaneżmu, proprju fuq il-livell tal-kritika għar-reliġjon pagana u għall-miti foloz tagħha. “Il-filosofija tagħna…”: hekk, b’mod l-iżjed ċar, wasal biex jiddefenixxi r-reliġjon il-ġdida Apoloġista ieħor ta’ żmien Ġustinu, l-Isqof Melitone ta’ Sardi (ikkwotat f’Ewsebju, Storia Eccl. 4,26,7).

 

Fil-fatt ir-reliġjon pagana ma kinitx tfittex it-toroq tal-Logos, imma webbset rasha f’dawk tal-mit, imqar jekk dan kien meqjus mill-filosofija Griega bħala nieqes mill-konsistenza fil-verità. Għalhekk it-tmiem tar-reliġjon pagana kien inevitabbli: dan kellu jasal bħala konsegwenza loġika tad-distakk tar-reliġjon – ridotta għal ġabra artifiċjali ta’ ċerimonji, normi u drawwiet – mill-verità tal-essri. Ġustinu, u miegħu l-Apoloġisti l-oħra, esprimew il-pożizzjoni ċara tal-fidi Nisranija dwar l-Alla tal-filosfi kontra l-allat foloz tar-reliġjon pagana. Kienet l-għażla favur il-verità tal-essri kontra l-mit tal-konswetudni. Xi għaxar snin wara Ġustinu, Tertulljanu ddefinixxa din l-istess għażla tal-Insara b’sentenza konċiża u dejjem valida: Dominus noster Christus veritatem se, non consuetudinem, cognominavit – Kristu wriena li hu l-verità, u mhux il-konswetudni” (De Virgin. Vel. 1,1). Hawnhekk irridu ngħidu li t-terminu consuetudo, li juża hawn Tertulljanu f’riferiment għar-reliġjon pagana, jista’ jiġi tradott fl-ilsna moderni bl-espressjonijiet “moda kulturali”, “moda taż-żmien”.

 

Fi żmien bħal tagħna, immarkat mir-relattiviżmu fid-dibattitu fuq il-valuri u fuq ir-reliġjon – kif ukoll fid-djalogu interreliġjuż –, din hija lezzjoni li ma għandniex ninsew. Għal dan il-għan nixtieq nipproponilkom – u b’dan nagħlaq – l-aħħar kelmiet tax-xwejjaħ misterjuż, li l-filosfu Ġustinu ltaqa’ miegħu fuq xatt il-baħar: “Int itlob qabelxejn li l-bibien tad-dawl jinfetħu għalik, għax ħadd ma jista’ jara u jifhem, jekk Alla u l-Kristu tiegħu ma jagħtuhx li jifhem” (Dial. 7,3).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard