Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 20 ta’ Ġunju 2007

 

San Atanasju ta’ Lixandra

 

Għeżież ħuti,

 

Inkomplu nżuru l-Imgħallmin kbar tal-Knisja tal-qedem, u llum irridu ndawru l-attenzjoni tagħna fuq San Atanasju ta’ Lixandra. Dan il-protagonista awtentiku tat-tradizzjoni Nisranija, diġà ftit snin wara mewtu, kien iċċelebrat bħala “l-kolonna tal-Knisja” mit-teologu kbir u Isqof ta’ Kostantinopli Girgor Nazjanzenu (Diskorsi 21,26), u dejjem kien meqjus bħala mudell ta’ ortodossija, kemm fil-Lvant u kemm fil-Punent. Mhux ta’ b’xejn, allura, Gian Lorenzo Bernini qiegħed l-istatwa tiegħu ma’ dawk tal-erba’ qaddisin Dutturi tal-Knisja tal-Lvant u tal-Punent – flimkien ma’ Ambroġ, Ġwanni Kriżostmu u Wistin –, li fl-abside mill-isbaħ tal-Bażilika tal-Vatikan jinsabu madwar il-Katedra ta’ San Pietru.

 

Atanasju kien bla dubju ta’ xejn wieħed mill-aktar Missirijiet importanti u meqjuma tal-Knisja antika. Imma fuq kollox dan il-qaddis kbir huwa t-teologu appassjonat tal-inkarnazzjoni tal-Logos, il-Verb ta’ Alla, li – kif jgħid il-prologu tar-raba’ Vanġelu – “sar bniedem u u għammar fostna” (Ġw 1:14). Proprju għal din ir-raġuni Atanasju kien ukoll l-aktar avversarju importanti u qalbieni tal-ereżija Arjana, li dak iż-żmien kienet qed thedded il-fidi fi Kristu, għax riedet tirriduċih għal ħlejqa “medja” bejn Alla u l-bniedem, skont tendenza rikorrenti fl-istorja, u li qed narawha tiġri wkoll b’diversi modi llum. Imwieled aktarx f’Lixandra, l-Eġittu, lejn is-sena 300, Atanasju rċieva edukazzjoni tajba qabel ma sar djaknu u segretarju tal-Isqof tal-metropoli Eġizzjana, Alessandru. Kollaboratur strett tal-Isqof tiegħu, l-ekkleżjastiku żagħżugħ ħa sehem flimkien miegħu fil-Konċilju ta’ Nicea, l-ewwel wieħed b’karattru ekumeniku, mgħajjat mill-Imperatur Kostantinu f’Mejju 325 biex jiżgura l-għaqda tal-Knisja. Il-Padri Niċeni hekk setgħu jaffrontaw diversi kwistjonijiet, u prinċipalment il-problema gravi li nħolqot xi sena qabel bil-predikazzjoni tal-presbiteru Lixandrin Arju.

 

Dan, bit-teorija tiegħu, kien qed jhedded il-fidi awtentika fi Kristu, meta ddikjara li l-Logos ma kienx tassew Alla, imma Alla maħluq, essri “medju” bejn Alla u l-bniedem, u hekk il-veru Alla jibqa’ dejjem inaċċessibbli għalina. L-Isqfijiet miġbura f’Nicea wieġbu billi żviluppaw u ffissaw is-“Simbolu tal-fidi” li, iffinalizzat iżjed tard mill-ewwel Konċilju ta’ Kostantinopli, baqa’ fit-tradizzjoni tad-diversi konfessjonijiet Insara u fil-Liturġija bħala l-Kredu Niċen-Kostantinopolitan. F’dan it-test fundamentali – li jesprimi l-fidi tal-Knisja mhux mifruda, u li għadna ngħidu anki llum, kull nhar ta’ Ħadd, fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika – jidher it-terminu Grieg homooúsios, bil-Latin consubstantialis: dan irid jindika li l-Iben, il-Logos, hu “natura waħda” mal-Missier, hu Alla minn Alla, u s-sustanza tiegħu, u hekk għandna dawl fuq id-divinità sħiħa tal-Iben, li l-Arjani kienu jiċħdu.

 

Meta miet l-Isqof Alessandru, Atanasju fit-328 sar is-suċċessur tiegħu bħala Isqof ta’ Lixandra, u minnufih wera li kien determinat li ma jagħmel ebda kompromess mat-teoriji Arjani kkundannati mill-Konċilju Niċen. L-intransiġenza tiegħu, deċiża u xi drabi iebsa ħafna, imqar jekk meħtieġa, kontra dawk li kienu ħaduha kontra l-ħatra tiegħu bħala isqof u fuq kollox kontra l-avversarji tas-Simbolu Niċen, ġibdet fuqu l-ostilità bla ħniena tal-Arjani u tal-Filoarjani. Minkejja l-eżistu inekwivokabbli tal-Konċilju, li b’ċarezza kien stqarr li l-Iben hu tal-istess sustanza tal-Missier, ftit wara dawn l-ideat żbaljati reġgħu bdew jgħollu rashom – f’din is-sitwazzjoni saħansitra Arju reġa’ ġie riabilitat –, u għal raġunijiet politiċi ġew imħaddna wkoll mill-istess Imperatur Kostantinu u mbagħad minn ibnu Kostanzu II. Dan, biex tagħqad, peress li ma kienx jinteressah wisq mill-verità teoloġika imma iżjed mill-għaqda tal-Imperu u mill-problemi politiċi tiegħu, ried jippolitiċizza l-fidi, u jagħmilha iktar aċċessibbli – skont kif kien jifhimha hu – għas-sudditi kollha tal-Imperu.

 

Il-kriżi Arjana, li ħasbu li kienu solvewha f’Nicea, allura baqgħet sejra għal għexieren ta’ snin, bi ġrajjiet ibsin u qasmiet ta’ wġigħ il-qalb fil-Knisja. U għal ħames darbiet – fi tletin sena, bejn it-336 u t-366 – Atanasju kellu jħalli l-belt tiegħu, u għadda sbatax-il sena fl-eżilju u bata minħabba l-fidi. Imma tul dan iż-żmien li fih kellu jħalli Lixandra, l-Isqof sab mod kif iwieżen u jxerred fil-Punent, l-ewwel fi Trier u mbagħad f’Ruma, il-fidi Niċena u anki l-ideali tal-monakiżmu, imħaddna fl-Eġittu mill-eremita kbir Antonju b’għażla ta’ ħajja li tagħha Atanasju minn dejjem kien qrib. Sant’Anton, bil-qawwa spiritwali tiegħu, kien l-aktar persuna importanti li wieżnet il-fidi ta’ San Atanasju. Lura darba għal dejjem fis-sede tiegħu, l-Isqof ta’ Lixandra seta’ jiddedika ruħu għall-paċifikazzjoni reliġjuża u għar-riorganizzazzjoni tal-komunitajiet Insara. Miet fit-2 ta’ Mejju 373, jum li fih niċċelebraw it-tifkira liturġika tiegħu.

 

L-opra duttrinali l-iżjed famuża tal-Isqof qaddis ta’ Lixandra hija t-trattat dwar L-Inkarnazzjoni tal-Verb, il-Logos divin li ħa l-ġisem biex sar bħala għas-salvazzjoni tagħna. F’din l-opra Atanasju jgħid, b’affermazzjoni li ġustament saret waħda ċelebri, li l-Verb ta’ Alla “sar bniedem biex aħna nsiru Alla; hu ħa ġisem li jidher biex aħna jkollna ħjiel tal-Missier li ma jidhirx, u hu stess ġarrab il-kefrija tal-bnedmin biex aħna nirtu n-nuqqas ta’ taħsir” (54,3). Fil-fatt, bil-qawmien tiegħu, il-Mulej qered il-mewt bħalma “n-nar jeqred tibna” (8,4). L-idea fundamentali tat-taqbida teoloġika kollha ta’ San Atanasju kienet proprju dik li Alla hu aċċessibbli. Mhuwiex Alla sekondarju, huwa Alla l-veru, u permezz tal-komunjoni tagħna ma’ Kristu aħna nistgħu ningħaqdu tassew ma’ Alla. Hu sar tabilħaqq “Alla magħna”.

 

Fost l-opri l-oħra ta’ dan il-Missier kbir tal-Knisja – li fil-parti l-kbira jibqgħu marbuta mal-ġrajja tal-kriżi Arjana – niftakru mbagħad fl-erba’ ittri li hu indirizza lil ħabibu Serapjun, Isqof ta’ Thmuis, dwar id-divinità tal-Ispirtu s-Santu, li hu jafferma b’ċarezza kbira, u xi tletin ittra “festali”, indirizzati fil-bidu ta’ kull sena lill-Knejjes u lill-monasteri tal-Eġittu biex jindika d-data tal-festa tal-Għid, imma fuq kollox biex jiżgura r-rabtiet bejn il-fidili, iseddaqhom fil-fidi u jħejjihom għal solennità hekk kbira.

 

Fl-aħħar nett, Atanasju hu wkoll awtur ta’ testi meditattivi fuq is-Salmi, li mbagħad xterdu ħafna, u fuq kollox ta’ opra li hija l-best seller tal-letteratura Nisranija tal-qedem: il-Ħajja ta’ Antonju, jiġifieri l-bijografija ta’ Sant’Anton Abbati, miktuba ftit wara l-mewt ta’ dan il-qaddis, proprju meta l-Isqof ta’ Lixandra, fl-eżilju, kien qed jgħix mal-monaċi tad-deżert Eġizzjan. Atanasju kien ħabib tal-eremita kbir, tant li rċieva waħda miż-żewġt iġlud tan-nagħaġ li Anton kien ħalla b’wirt tiegħu, flimkien mal-mantell li l-istess Isqof ta’ Lixandra kien tah. Malajr popolarissma, maqluba kważi mill-ewwel fil-Latin għal darbtejn u mbagħad f’diversi ilsna Orjentali, il-bijografija eżemplari ta’ din il-figura għażiża għat-tradizzjoni Nisranija għenet ħafna biex kompla xtered il-monakiżmu, fil-Lvant u fil-Punent. Mhux ta’ b’xejn il-qari ta’ dan it-test, fi Trier, hu fil-qalba ta’ rakkont emozzjonanti tal-konverżjoni ta’ żewġ funzjonarji imperjali, li Wistin isemmi fl-Istqarrijiet (VIII,6,15) bħala premessa għall-istess konverżjoni tiegħu.

 

Mill-bqija, l-istess Atanasju wera li kellu għarfien ċar tal-influwenza li seta’ jkollha fuq il-poplu Nisrani l-figura eżemplari ta’ Antonju. Fil-fatt, fl-għeluq ta’ din l-opra kiteb hekk: “Li kien magħruf ma’ kullimkien, miġjub u mixtieq minn kulħadd, anki minn dawk li ma kinux rawh, huwa sinjal tal-virtù tiegħu u tar-ruħ tiegħu mħabba ma’ Alla. Fil-fatt, mhux għal kitbietu, lanqas għal xi għerf ta’ din l-art, u lanqas għal xi ħila tiegħu ma hu magħruf Antonju, imma biss għall-qima tiegħu lejn Alla. U ħadd ma jista’ jiċħad li dan hu don ta’ Alla. Fil-fatt, kif seta’ jissemma fi Spanja u l-Gallja, f’Ruma u fl-Afrika dan ir-raġel, li kien jgħix maqtugħ qalb il-muntanji, kienu ma kienx Alla nnifsu li għarraf ismu ma’ kullimkien, kif hu jagħmel ma’ dawk li huma tiegħu, u kif kien ħabbar lil Antonju sa mill-bidu? U mqar jekk dawn jimxu fis-satra u jridu jibqgħu moħbija, il-Mulej jikxifhom ma’ kulħadd bħal imsiebaħ, biex kull min jisma’ lil min jitkellem dwarhom ikun jaf li hu possibbli tobdi l-kmandamenti u jagħmel il-qalb fil-mixja tal-virtujiet” (93,5-6).

 

Iva, ħuti! Għandna ħafna raġunijiet biex inkunu grati lejn San Atanasju. Ħajtu, bħal dik ta’ Antonju u ta’ għadd bla tarf ta’ qaddisin oħra, turina li “min qabad it-triq lejn Alla ma jitbigħedx mill-bnedmin, iżda joqrob aktar lejhom tassew” (Deus caritas est, 42).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard