Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 19 ta’ Awwissu 2009

 

San Ġwann Eudes u l-formazzjoni tal-kleru

 

Għeżież ħuti,

 

Illum taħbat it-Tifkira liturġika ta’ San Ġwann Eudes, appostlu li xerred bla heda d-devozzjoni lejn il-Qlub Imqaddsa ta’ Ġesù u ta’ Marija, li għex Franza fis-seklu 17, seklu mmarkat minn fenomeni reliġjużi kuntrarji għal xulxin u anki minn problemi politiċi serji. Kien iż-żmien tal-Gwerra tat-Tletin Sena, li ħarbtet mhux biss parti kbira mill-Ewropa Ċentrali, imma ħarbtet ukoll l-erwieħ. Waqt li l-fidi Nisranija kompliet tiġi mżebilħa min-naħa ta’ xi kurrenti ta’ ħsieb dominanti f’dak iż-żmien, l-Ispirtu s-Santu qanqal tiġdid spiritwali mimli ħeġġa, b’personalitajiet ta’ importanza għolja bħal de Bérulle, San Vinċenz de Paul, San Lwiġi Marija Grignon de Montfort u San Ġwann Eudes. Din l-“iskola Franċiża” għolja ta’ qdusija kellha fost il-frott tagħha anki lil San Ġwann Marija Vianney. Bi pjan misterjuż tal-Providenza, il-predeċessur meqjum tiegħi Piju XI ipproklama flimkien bħala qaddisin, nhar il-31 ta’ Mejju 1925, lil Ġwann Eudes u l-Kurat ta’ Ars, u hekk offra lill-Knisja u lid-dinja kollha żewġ eżempji straordinarji ta’ qdusija saċerdotali.

 

Fil-kuntest tas-Sena Saċerdotali, nixtieq nieqaf u nagħfas fuq iż-żelu appostoliku ta’ San Ġwann Eudes, mogħti partikularment għall-formazzjoni tal-kleru djoċesan. Il-qaddisin huma l-vera interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa. Il-qaddisin wettqu, fl-esperjenza tal-ħajja, il-verità tal-Vanġelu; hekk idaħħluna biex nagħrfu u nifhmu l-Vanġelu. Il-Konċilju ta’ Trento, fl-1563, kien ħareġ normi għat-twaqqif tas-seminarji djoċesani u għall-formazzjoni tas-saċerdoti, għax il-Konċilju kien jaf tajjeb li l-kriżi kollha tar-riforma kienet ikkundizzjonata wkoll minn nuqqas fil-formazzjoni tas-saċerdoti, li ma kinux imħejjija għas-saċerdozju bil-mod ġust, intellettwalment u spiritwalment, fil-qalb u fir-ruħ. Dan seħħ fl-1563; imma billi l-applikazzjoni u t-twettiq tan-normi baqgħu jittardjaw kemm fil-Ġermanja, kemm fi Franza, San Ġwann Eudes seta’ jara l-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas. Imqanqal mill-għarfien ċar tal-bżonn serju ta’ għajnuna spiritwali, li fih kienu jinsabu l-erwieħ proprju minħabba wkoll li parti sew mill-kleru ma kinux imħejjija kif imiss, il-qaddis, li kien kappillan, waqqaf Kongregazzjoni mogħtija b’mod speċifiku għall-formazzjoni tas-saċerdoti. Fil-belt universitarja ta’ Caen waqqaf l-ewwel seminarju tiegħu, esperjenza tabilħaqq apprezzata, li malajr twessgħet għal djoċesijiet oħra. Il-mixja ta’ qdusija, li hu mexa u ppropona lid-dixxipli tiegħu, kellha bħala pedament tagħha fiduċja soda fl-imħabba li Alla wera lill-bnedmin fil-Qalb saċerdotali ta’ Kristu u fil-Qalb materna ta’ Marija. F’dak iż-żmien ta’ kefrija, meta kien intilef ħafna mis-sens ta’ interjorità, hu dar għall-qalb fil-linja tal-kelma profetika (Iż 46:8): Redite, prævaricatores, ad cor – spiss ikkummentata minn Santu Wistin. Ried jerġa’ jsejjaħ lill-persuni, lill-bnedmin u fuq kollox lis-saċerdoti futuri għall-qalb, billi jurihom il-qalb saċerdotali ta’ Kristu u l-qalb materna ta’ Marija. Ta’ din l-imħabba tal-qalb ta’ Kristu u ta’ Marija kull saċerdot għandu jkun xhud u appostlu. U hawn niġu għal żmienna.

 

Illum ukoll tinħass il-ħtieġa li s-saċerdoti jagħtu xhieda tal-ħniena bla tarf ta’ Alla b’ħajja kollha kemm hi “mirbuħa” minn Kristu, u li dan jitgħallmuh sa mis-snin tat-tħejjija tagħhom fis-seminarji. Il-Papa Ġwanni Pawlu II, wara s-Sinodu tal-1990, kien ħareġ l-Eżortazzjoni appostolika Pastores dabo vobis li fiha jerġa’ jaqbad u jaġġorna n-normi tal-Konċilju ta’ Trento u fuq kollox jisħaq fuq il-kontinwità meħtieġa bejn il-mument tal-bidu u dak permanenti fil-formazzjoni; dan għalih, għalina huwa veru punt tat-tluq għal riforma awtentika tal-ħajja u tal-appostolat tas-saċerdoti, u huwa wkoll il-punt fundamentali biex l-“evanġelizzazzjoni ġdida” ma tkunx sempliċiment biss slogan attraenti, imma titlaħħam fir-realtà. Il-pedamenti li tagħti l-formazzjoni fis-seminarju huma dak il-“humus spirituale” indispensabbli biex “nitgħallmu lil Kristu”, nitwaħħdu ftit ftit miegħu, is-Saċerdot il-Kbir waħdieni u r-Ragħaj it-Tajjeb tagħna. Żmien is-Seminarju għandna narawh allura bħala t-twettiq tal-mument li fih il-Mulej Ġesù, wara li sejjaħ lill-Appostli u qabel bagħathom jipprietkaw, talabhom jibqgħu miegħu (ara Mk 3:14). Meta San Mark jirrakkonta s-sejħa tat-Tnax, jgħidilna li Ġesù kellu skop doppju: l-ewwel kien li jibqgħu miegħu, it-tieni li jibgħathom jipprietkaw. Imma ladarba jibqgħu dejjem miegħu, huma jħabbru tassew lil Kristu u jwasslu r-realtà tal-Vanġelu lid-dinja.

 

Matul din is-Sena Saċerdotali nistedinkom titolbu, għeżież ħuti, għas-saċerdoti u għal dawk li qed jitħejjew biex jirċievu d-don tal-għaġeb tas-Saċerdozju ministerjali. U nagħlaq billi nagħmel lil kulħadd l-istess eżortazzjoni ta’ San Ġwann Eudes, li lis-saċerdoti jgħidilhom hekk: “Ingħataw għal Ġesù, biex tidħlu fil-wisa’ bla tarf tal-Qalb kbira tiegħu, li fiha l-Qalb tal-Omm Qaddisa tiegħu u tal-qaddisin kollha, u biex tintilfu f’dan l-abbiss ta’ mħabba, ta’ karità, ta’ ħniena, ta’ umiltà, ta’ safa, ta’ sabar, ta’ sottomissjoni u ta’ qdusija” (Cœur admirable, III, 2).

 

F’dan is-sens, ejjew issa nkantaw flimkien il-Missierna bil-Latin.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard