Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 18 ta’ Ġunju 2008

 

San Sidor ta’ Seville

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nitkellem fuq San Sidor ta’ Seville: kien il-ħu ż-żgħir ta’ Leandru, Isqof ta’ Seville u ħabib kbir tal-Papa Girgor il-Kbir. Dan id-dettall hu importanti, għax jippermettilna nżommu quddiem għajnejna ħarsa kulturali u spiritwali indispensabbli biex nistgħu nagħrfu l-personalità ta’ Sidor. Fil-fatt hu wiret ħafna mingħand Leandru, persuna esiġenti ħafna, studjuż u awster, li kien ħoloq madwar ħuh iż-żgħir kuntest familjari kkaratterizzat mill-esiġenzi axxetiċi proprji ta’ monaku u bir-ritmi ta’ ħidma mitluba minn dedikazzjoni serja għall-istudju. Barra minn hekk, Leandru kien ħaseb għal kulma kien meħtieġ biex jaffaċċja s-sitwazzjoni politika-soċjali tal-mument: fil-fatt f’dawk is-snin il-Viżigoti, Barbari u Arjani, kienu invadew il-peniżula Iberika u kienu ħatfu taħt idejhom territorji li kienu tal-Imperu Ruman. Kien meħtieġ li dawn jiġu mirbuħa lura mill-kultura Rumana u mill-Kattoliċiżmu. Id-dar ta’ Leandru u ta’ Sidor kienet mogħnija b’bibljoteka pjuttost għanja b’opri klassiċi, pagani u Nsara. Sidor, li fl-istess waqt kien iħossu miġbud kemm lejn ħaġa u kemm lejn oħra, għalhekk kien ġie edukat jiżviluppa, taħt ir-responsabbiltà ta’ ħuh il-kbir, dixxiplina b’saħħitha ħafna fid-dedikazzjoni għall-istudju tagħhom, b’diskrezzjoni u dixxerniment.

 

Għalhekk, fid-dar tal-Isqof ta’ Seville kien hemm klima serena u miftuħa. Dan nistgħu narawh mill-interessi kulturali u spiritwali ta’ Sidor, l-istess kif dawn joħorġu mill-istess opri tiegħu, li fihom għarfien enċiklopediku tal-kultura klassika pagana u għarfien profond tal-kultura Nisranija. Hekk nistgħu nfissru l-eklettiċiżmu li jikkaratterizza l-produzzjoni letterarja ta’ Sidor, li b’ħeffa kbira tinfirex minn Marzjal għal Wistin, minn Ċiċerun għal Girgor il-Kbir. It-taqbida interjuri li kellu jgħaddi minnha ż-żagħżugħ Sidor, meta sar suċċessur ta’ ħuh Leandru fuq il-katedra episkopali ta’ Seville fis-sena 599, ma kienet xejn ħafifa. Forsi proprju minn din it-taqbida kostanti miegħu nnifsu ġejja l-impressjoni ta’ eċċess ta’ voluntariżmu li jinħass meta wieħed jaqra l-opri ta’ dan l-awtur kbir, meqjus l-aħħar wieħed mill-Missirijiet Insara tal-qedem. Ftit snin wara mewtu, li seħħet fis-636, il-Konċilju ta’ Toledo tas-653 sejjaħlu: “Mgħallem illustri ta’ żmienna, u glorja tal-Knisja Kattolika”.

 

Sidor kien bla dubju ta’ xejn bniedem ta’ kontrappożizzjonijiet djalettiċi qawwija. U, anki fil-ħajja personali tiegħu, daq kunflitt interjuri permanenti, pjuttost simili għal dak li kienu diġà ħassew San Girgor il-Kbir u Santu Wistin, bejn xewqa għas-solitudni, biex jiddedika ruħu biss għall-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, u l-esiġenzi tal-imħabba lejn ħutu li hu, bħala Isqof, kien iħossu inkarigat mis-salvazzjoni tagħhom. Ngħidu aħna, huwa jikteb hekk dwar dawk responsabbli mil-Knejjes: “Min hu responsabbli minn Knisja (vir ecclesiasticus) għandu minn naħa jissallab għad-dinja bis-sagrifiċċju ta’ ġismu u min-naħa l-oħra jaċċetta d-deċiżjoni tal-ordni ekkleżjastiku, meta din ġejja mir-rieda ta’ Alla, li jiddedika ruħu għat-tmexxija b’umiltà, imqar jekk ma jkunx irid jagħmel dan” (Sententiarum liber III, 33, 1: PL 83, col. 705 B). Imbagħad iżid hekk paragrafu wara: “Il-bnedmin ta’ Alla (sancti viri) xejn ma jixtiequ jiddedikaw ruħhom għall-ħwejjeġ ta’ din id-dinja u jokorbu meta, bi pjan misterjuż ta’ Alla, jiġu mgħobbija b’ċerti responsabbiltajiet… Huma jagħmlu minn kollox biex jevitawhom, imma jaċċettaw dak li jixtiequ jaħarbu minnu u jagħmlu dak li xtaqu jevitaw. Fil-fatt huma jidħlu fil-moħba tal-qalb u hemm ġew ifittxu li jifhmu x’qed titlob minnhom ir-rieda misterjuża ta’ Alla. U meta jintebħu li għandhom joqogħdu għall-pjanijiet ta’ Alla, imiddu għonq qalbhom għall-madmad tad-deċiżjoni divina” (Sententiarum liber III, 33, 3: PL 83, coll. 705-706).

 

Biex nifhmu aħjar lil Sidor qabelxejn irridu niftakru fil-kumplessità tas-sitwazzjonijiet politiċi ta’ żmienu, li għalihom diġà aċċennajt: tul is-snin tat-tfulija kellu jduq l-imrar tal-eżilju. Minkejja dan, tant kellu ħerqa appostolika: daq il-ħeġġa li seta’ jgħin fil-formazzjoni ta’ poplu li saflaħħar sab ruħu mill-ġdid magħqud, fuq livell kemm politiku u kemm reliġjuż, bil-konverżjoni providenzjali tal-eredi tat-tron Viżigot Ermeneġildu mill-Arjaniżmu għall-fidi Kattolika. Imma ma rridux nissottovalutaw id-diffikultà enormi li sab biex jaffronta b’mod adegwat problemi pjuttost gravi bħal dawk tar-relazzjonijiet mal-eretiċi u mal-Lhud. Serje sħiħa ta’ problemi li jidhru konkreti ħafna anki llum, fuq kollox jekk inqisu dak li qed iseħħ f’ċerti reġjuni fejn donna kważi qed naraw jerġgħu jitfaċċaw sitwazzjonijiet pjuttost simili għal dawk li kien hemm fil-peniżula Iberika f’dak is-sitt seklu. L-għana tal-għarfien kulturali li kellu Sidor għenu jikkonfronta l-ħin kollu l-karatteristiċi ġodda tal-Kristjaneżmu mal-wirt klassiku Grieg-Ruman, anki jekk iżjed milli d-don prezzjuż tas-sintesi donnu hu kellu dak tal-collatio, jiġifieri tal-ġabra, li kienet tesprimi ruħha f’erudizzjoni personali straordinarja, mhux dejjem ordnata kemm mixtieq.

 

Hu x’inhu, ta’ min jammira l-attenzjoni kbira tiegħu biex ma jittraskura xejn minn dak li l-esperjenza umana kienet ipproduċiet fl-istorja ta’ pajjiżu u tad-dinja kollha. Sidor ma ried jitlef xejn minn dak li kien inkiseb mill-bniedem fiż-żminijiet tal-qedem, sew jekk kien pagan, Lhudi jew Nisrani. Għalhekk ma għandniex għax nistagħġbu jekk, biex jasal għal dan l-iskop, xi drabi kien jiġrilu li ma jirnexxilux jgħaddi b’mod adegwat, kif xtaq jagħmel, l-għerf li kellu mill-ilmijiet li jsaffu tal-fidi Nisranija. Madankollu, fl-intenzjonijiet ta’ Sidor, il-proposti li hu jagħmel jibqgħu dejjem f’sintonija mal-fidi Kattolika, minnu mistqarra b’fermezza. Fid-diskussjoni ta’ diversi problemi teoloġiċi, hu juri li qed jifhem il-kumplessità tagħhom u spiss jipproponi soluzzjonijiet mirquma li jiġbru u jesprimu l-verità Nisranija sħiħa. Dan hu li lill-fidili matul is-sekli tahom li jgawdu bi gratitudni mid-definizzjonijiet tiegħu sa żminijietna. Eżempju sinifikattiv hawnhekk joffrihulna t-tagħlim ta’ Sidor fuq ir-relazzjoni bejn ħajja attiva u ħajja kontemplattiva. Hu jikteb: “Dawn li jfittxu li jaslu għall-mistrieħ tal-kontemplazzjoni għandhom jitħarrġu l-ewwel fl-istadju tal-ħajja attiva; u hekk, meħlusa mill-ħmieġ tad-dnubiet, ikunu jistgħu juru dik il-qalb safja li, b’mod uniku, tippermettilhom jaraw lil Alla” (Differentiarum Lib II, 34, 133: PL 83, col. 91A). Imma r-realiżmu ta’ ragħaj veru jikkonvinċih li l-fidili qed jirriskjaw li jirriduċu ruħhom li jkunu bnedmin ta’ dimensjoni waħda biss. Għalhekk iżid: “It-triq tan-nofs, magħmula minn kemm għamla u oħra ta’ ħajja, normalment hija aktar siewja biex insewwu dawk it-tensjonijiet li spiss joktru minħabba l-għażla ta’ ġeneru wieħed ta’ ħajja imma kapaċi jitrażżnu aħjar minn alternanza bejn iż-żewġ għamliet” (o.c., 134: ivi, col. 91B).

 

Il-konferma definittiva ta’ orjentament ġust ta’ ħajja Sidor ifittixha fl-eżempju ta’ Kristu u jgħid: “Ġesù l-Feddej joffrilna l-eżempju ta’ ħajja attiva, meta tul il-jum kien jiddedika ruħu biex joffri sinjali u mirakli fil-belt, imma wriena l-ħajja kontemplattiva meta kien iwarrab lejn l-għoljiet u kien iqatta’ hemm il-lejl fit-talb” (o.c. 134: ivi). Għad-dawl ta’ dan l-eżempju tal-Imgħallem divin, Sidor jista’ jagħlaq b’dan it-tagħlim morali preċiż: “Għalhekk il-qaddej ta’ Alla, huwa u jixbah lil Kristu, għandu jiddedika ruħu għall-kontemplazzjoni mingħajr ma jiċċaħħad mill-ħajja attiva. Ebda mġiba oħra ma tkun tajba. Fil-fatt, l-istess kif għandna nħobbu lil Alla bil-kontemplazzjoni, hekk għandna nħobbu l-proxxmu bl-azzjoni. Impossibbli mela ngħixu mingħajr il-preżenza flimkien taż-żewġ għamliet ta’ ħajja, u lanqas hu possibbli nħobbu jekk ma nagħmlux esperjenza kemm tal-waħda u tal-oħra” (o.c., 135: ivi, col. 91C). Inħoss li din hija s-sintesi ta’ ħajja li tfittex il-kontemplazzjoni ta’ Alla, id-djalogu ma’ Alla fit-talb u fil-qari tal-Iskrittura Mqaddsa, kif ukoll l-azzjoni għas-servizz tal-komunità umana u tal-proxxmu. Din is-sintesi hija l-lezzjoni li l-kbir Isqof ta’ Seville qed iħalli lilna, Insara tal-lum, imsejħin biex nagħtu xhieda ta’ Kristu fil-bidu ta’ millennju ġdid.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard