Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 16 ta’ Settembru 2009

 

Xmun it-Teologu Ġdid

 

Għeżież ħuti,

 

Illum se nieqfu nirriflettu fuq il-figura ta’ monaku tal-Lvant, Xmun it-Teologu Ġdid, li l-kitbiet tiegħu ħallew influwenza qawwija fuq it-teoloġija u fuq l-ispiritwalità tal-Lvant, b’mod partikulari f’dak li jolqot l-esperjenza tal-għaqda mistika ma’ Alla. Xmun it-Teologu Ġdid twieled fid-949 f’Galatai, fil-Paflagonja (l-Asja Minuri), minn familja nobbli tal-provinċja. Meta kien għadu żagħżugħ, mar Kostantinopli biex jistudja u jidħol fis-servizz tal-imperatur. Imma ftit li xejn ħassu miġbud lejn il-karriera ċivili li kien hemm tistennieh u, imqanqal mid-dawl ġewwieni li kien qed iħoss, beda jfittex persuna li setgħet tiggwidah f’dak il-mument mimli dubji u perplessità li kien qed jgħix, u biex tgħinu jimxi ’l quddiem fit-triq tal-għaqda ma’ Alla. Din il-gwida spiritwali sabha fi Xmun il-Piju (Eulabes), monaku sempliċi tal-Monasteru ta’ Studios, f’Kostantinopli, li tah jaqra t-trattat Il-liġi spiritwali ta’ Marku l-Monaku. F’dan it-test Xmun it-Teologu Ġdid sab tagħlim li impressjonah ħafna: “Jekk qed tfittex il-fejqan spiritwali”, qara fih, “kun attent għall-kuxjenza tiegħek. Dak kollu li tgħidlek agħmlu u ssib dak li jiswa għalik”. Minn dak il-mument – jgħid huwa stess – qatt ma mar jorqod qabel staqsa jekk il-kuxjenza kellhiex xi ħaġa fiex iċċanfru.

 

Xmun daħal fil-Monasteru tal-Istuditi, fejn, imma, l-esperjenzi mistiċi tiegħu u d-devozzjoni straordinarja tiegħu lejn il-Missier spiritwali kkawżawlu diffikultajiet. Telaq lejn il-Kunvent ċkejken ta’ San Mamas, dejjem f’Kostantinopli, fejn, wara tliet snin, sar il-kap, il-hegumen. Hemmhekk hu għamel tiftixa intensa ta’ għaqda spiritwali ma’ Kristu, li tatu awtorità kbira. Interessanti ninnutaw li ngħatalu t-titlu “Teologu Ġdid”, minkejja li t-tradizzjoni t-titlu ta’ “Teologu” kienet iżżommu għal żewġ personalitajiet: għall-evanġelista Ġwanni u għal Girgor Nazjanzenu. Bata għax kien hemm min ma fehmux u spiċċa wkoll fl-eżilju, imma reġa’ ġie rrijabilitat mill-Patrijarka ta’ Kostantinopli, Serġju II.

 

Xmun it-Teologu Ġdid għadda l-aħħar fażi ta’ ħajtu fil-Monasteru ta’ Santa Marina, fejn kiteb il-biċċa l-kbira tal-opri tiegħu, u sar dejjem iktar magħruf għat-tagħlim u għall-mirakli tiegħu. Miet fit-12 ta’ Marzu 1022.

 

L-aktar magħruf mid-dixxipli tiegħu, Niceta Stetatos, li ġabar u reġa’ kkopja l-kitbiet ta’ Xmun, ħareġ edizzjoni wara mewtu, u wara kiteb ukoll il-bijografija. L-opra ta’ Xmun tiġbor fiha disa’ volumi, li jinqasmu f’Kapitli teoloġiċi, injostiċi u prattiċi, tliet volumi ta’ Katekeżi indirizzati lill-monaċi, żewġ volumi ta’ Trattati teoloġiċi u etiċi, u volum ta’ Innijiet. Imbagħad ma rridux ninsew l-għadd ta’ Ittri tiegħu. Dawn l-opri kollha ngħataw importanza fit-tradizzjoni monastika tal-Lvant sa żmienna.

 

Xmun jikkonċentra r-riflessjoni tiegħu fuq il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fl-imgħammdin u fuq l-għarfien li huma għandu jkollhom ta’ din ir-realtà spiritwali. Il-ħajja Nisranija – jisħaq – hija komunjoni intima u personali ma’ Alla, il-grazzja divina ddawwal il-qalb ta’ min jemmen u twasslu għall-viżjoni mistika tal-Mulej. F’din il-linja, Xmun it-Teologu Ġdid jisħaq fuq il-fatt li l-veru għarfien ta’ Alla ma jiġix mill-kotba, imma mill-esperjenza spiritwali, mill-ħajja spiritwali. L-għarfien ta’ Alla jitwieled minn mixja ta’ tisfija ġewwiena, li għandha l-bidu tagħha fil-konverżjoni tal-qalb, grazzi għall-qawwa tal-fidi u tal-imħabba; tgħaddi minn indiema qawwija u sogħba sinċiera għad-dnubiet, biex tasal għall-għaqda ma’ Kristu, għajn ta’ ferħ u ta’ sliem, bid-dawl tal-preżenza tiegħu li jinfed fina. Għal Xmun din l-esperjenza tal-grazzja divina ma hix xi don eċċezzjonali għal ftit mistiċi, imma hija l-frott tal-Magħmudija fil-ħajja ta’ kull fidil li hu serjament impenjat.

 

Punt li fuqu ta’ min jirrifletti, għeżież ħuti! Dan il-monaku qaddis tal-Lvant qed isejħilna lkoll inkunu attenti għall-ħajja spiritwali, għall-preżenza moħbija ta’ Alla fina, għas-sinċerità tal-kuxjenza u għall-purifikazzjoni, għall-konverżjoni tal-qalb, hekk li l-Ispirtu s-Santu tabilħaqq isir preżenti fina u jmexxina hu. Jekk fil-fatt ġustament infittxu kif ħa nieħdu ħsieb li nikbru fiżikament, umanament u intellettwalment, hu iżjed u iżjed importanti ma nittraskurawx il-maturazzjoni interjuri, li tikkonsisti fl-għarfien ta’ Ala, fl-għarfien veru, li ma nitgħallmuhx biss mill-kotba, imma hu interjuri, u fil-komunjoni ma’ Alla, biex induqu l-għajnuna tiegħu f’kull mument u f’kull ċirkustanza. Fl-aħħar mill-aħħar, dan hu li jiddeskrivi Xmun meta jirrakkonta l-esperjenza mistika tiegħu. Sa minn żgħożitu, qabel ma daħal il-monasteru, meta lejl wieħed f’daru kien qed jitlob fit-tul, u jitlob l-għajnuna ta’ Alla biex jitqabad kontra t-tentazzjonijiet, kien lemaħ kamartu mimlija dawl. Meta mbagħad daħal fil-monasteru, offrewlu kotba spiritwali biex jitgħallem, imma l-qari tagħhom ma kienx iġiblu l-paċi li kien qed ifittex. Jirrakkonta li kien iħossu bħal imsejken għasfur ċkejken mingħajr ġwienaħ. Hu aċċetta b’umiltà din is-sitwazzjoni, mingħajr ma rribella, u allura bdew joktru mill-ġdid il-viżjonijiet ta’ dawl. Billi ried jiżgura ruħu li kienu awtentiċi, Xmun talab direttament lil Kristu: “Mulej, tabilħaqq huwa int hawnhekk?”. Sema’ tidwi f’qalbu t-tweġiba affermattiva u rċieva minnha faraġ kbir. “Din kienet l-ewwel darba, Mulej”, kiteb wara, “li lili, iben il-ħali, sibtni denn li nisma’ l-leħen tiegħek”. Madankollu, lanqas din ir-rivelazzjoni ma ħalliet fih il-paċi sħiħa. Pjuttost beda jistaqsi lilu nnifsu jekk imqar dik l-esperjenza kinitx xi illużjoni. Jum wieħed, saflaħħar, seħħ fatt fundamentali għall-esperjenza mistika tiegħu. Beda jħossu bħal wieħed “fqir li jħobb lil ħutu” (ptochós philádelphos). Beda jilmaħ madwaru tant għedewwa li riedu jonsbuh u jagħmlulu d-deni, imma minkejja dan ħass ġewwa fih ħerqa qawwija ta’ mħabba għalihom. Kif jispjegah dan? Kienet ħaġa ċara li mħabba bħal din ma setgħetx kienet ġejja minnu nnifsu, imma bilfors riedet tgelgel minn għajn oħra. Xmun fehem li kienet ġejja minn Kristu preżenti fih u kollox deherlu ċar: kellu l-prova żgura li l-għajn tal-imħabba fih kienet il-preżenza ta’ Kristu u li meta jkolli fija mħabba li tmur lil hemm mill-fehmiet personali tiegħi dan ifisser li l-għajn tal-imħabba qiegħda fija. Hekk, minn naħa nistgħu ngħidu li mingħajr ċertu ftuħ għall-imħabba Kristu ma jidħolx fina, imma, min-naħa l-oħra, Kristu jsir għajn ta’ mħabba u hu li jibdilna. Għeżież ħbieb, din l-esperjenza tibqa’ importanti bħal qatt qabel għalina, illum, biex insibu l-kriterji li juruna jekk aħniex tassew qrib ta’ Alla, jekk Alla hux hawn u hux jgħix fina. L-imħabba ta’ Alla tikber fina jekk nibgħu magħqudin miegħu bit-talb u bis-smigħ tal-kelma tiegħu, bil-qalb miftuħa tagħna. L-imħabba divina biss tista’ tiftħilna qalbna għall-oħrajn u tagħmilna sensibbli għall-ħtiġijiet tagħhom, u hekk tgħinna nqisu lil xulxin ilkoll bħala aħwa u tistedinna nwieġbu bl-imħabba għall-mibegħda u bil-maħfra għall-offiża.

 

Meta nirriflettu fuq din il-figura ta’ Xmun it-Teologu Ġdid, nistgħu nsibu element ieħor tal-ispiritwalità tiegħu. Fil-mixja tal-ħajja axxetika li jipproponilna u li mexa hu, l-attenzjoni u konċentrazzjoni qawwija tal-monaku fuq l-esperjenza interjuri tagħti lill-Missier spiritwali tal-monasteru importanza essenzjali. L-istess żagħżugħ Xmun, kif għidna, kien sab direttur spiritwali, li għenu ħafna u li tiegħu kellu stima kbira, tant li wara mewtu wera lejh qima anki pubblika. U rrid ngħid li tibqa’ valida għal kulħadd – saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi, u speċjalment għaż-żgħażagħ – l-istedinna li nirrikorru għall-pariri ta’ missier spiritwali tajjeb, li jkun kapaċi jakkumpanjana fl-għarfien profond tagħna nfusna, u jwassalna għall-għaqda mal-Mulej, biex ħajjitna ssir dejjem iżjed ħaġa waħda mal-Vanġelu. Biex nimxu lejn il-Mulej għandna bżonn dejjem ta’ gwida, ta’ djalogu. Dan ma nistgħux nagħmluh biss bir-riflessjonijiet tagħna. U dan huwa wkoll is-sens tal-ekkleżjalità tal-fidi tagħna, li nsibu din il-gwida.

 

Biex nagħlqu, nistgħu niġbru hekk it-tagħlim u l-esperjenza mistika ta’ Xmun it-Teologu Ġdid: fit-tifitx bla heda tiegħu ta’ Alla, imqar qalb id-diffikultajiet li ħabbat wiċċu magħhom u fil-kritika li kien oġġett tagħha, hu, fl-aħħar mill-aħħar, ħalla l-imħabba tmexxih. Għaraf jgħix hu stess u jgħallem lill-monaċi tiegħu li l-essenzjal għal kull dixxiplu ta’ Ġesù hu li jikber fl-imħabba u hekk nikbru fl-għarfien ta’ Kristu stess, biex nistgħu nistqarru flimkien ma’ Pawlu: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard