Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 14 ta’ Novembru 2007

 

San Ġirolmu

II: It-tagħlim

 

Għeżież ħuti,

 

Inkomplu llum bil-preżentazzjoni tal-figura ta’ San Ġirolmu. Kif għidna l-Erbgħa li għaddiet, hu ddedika ħajtu għall-istudju tal-Bibbja, tant li ġie rikonoxxut minn Predeċessur tiegħi, il-Papa Benedittu XV, bħala “duttur eminenti fl-interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa”. Ġirolmu saħaq fuq il-ferħ u l-importanza li wieħed isir familjari mat-testi bibliċi: “Jewwilla ma tħossokx li qed tgħammar – diġà minn hawn, fuq din l-art – fis-saltna tas-smewwiet, meta tgħix qalb dawn il-kitbiet, meta timmeditahom, meta ma taf jew ma tfittex xejn aktar?” (Ep. 53,10). Fir-realtà, id-djalogu ma’ Alla, mal-Kelma tiegħu, huwa f’ċertu sens preżenza tas-sema, jiġifieri preżenza ta’ Alla. Li nkunu qrib tat-testi bibliċi, fuq kollox tat-Testment il-Ġdid, huwa essenzjali għal min jemmen, għax “min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu” (Kummentarju għal Iżaija, prol.). Tiegħu hi din il-frażi ċelebri, ikkwotata anki mill-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni Dei Verbum (n. 25).

 

Tassew “namrat” tal-Kelma ta’ Alla, hu kien jistaqsi lilu nnifsu: “Kif tista’ tgħix mingħajr l-għerf tal-Iskrittura, li permezz tagħha titgħallem issir taf lil Kristu nnifsu, li hu l-ħajja ta’ kull min jemmen?” (Ep. 30,7). Il-Bibbja, strument “li bih ta’ kuljum Alla jkellem lill-fidili” (Ep. 133,13), hekk issir stimolu u għajn tal-ħajja Nisranija fis-sitwazzjonijiet kollha u għal kull persuna. Meta naqraw l-Iskrittura nkunu nitkellmu ma’ Alla: “Jekk titlob”, jikteb lil xebba nobbli Rumana, “int tkun titkellem mal-Għarus; jekk taqra, ikun hu li qed ikellmek” (Ep. 22,25). L-istudju u l-meditazzjoni tal-Iskrittura jagħmlu lill-bniedem għaref u seren (ara Kummentarju għall-Ittra lill-Efesin, prol.). Bla dubju, biex wieħed jidħol dejjem iżjed fil-fond tal-Kelma ta’ Alla hemm bżonn ta’ applikazzjoni kostanti u progressiva. Hekk Ġirolmu kien jirrakkomanda lis-saċerdot Nepozjanu: “Aqra ta’ spiss l-Iskrittura mqaddsa; anzi, titlaq qatt minn idejk il-Ktieb Imqaddes. Minnu tgħallem għalik dak li għandek tgħallem lill-oħrajn” (Ep. 52,7). Lill-mara influwenti Rumana Leta kien jagħtiha dawn il-pariri għall-edukazzjoni Nisranija ta’ bintha: “Kun ċerta li hi tistudja ta’ kuljum xi silta mill-Iskrittura… Wara t-talb ara li jkun hemm il-qari, u wara l-qari t-talb… Aktar mill-ġojjelli u l-ilbies tal-għażel fin, ħa tkun tħobb il-Kotba mqaddsa” (Ep. 107,9,12). Bil-meditazzjoni u l-għerf tal-Iskrittura wieħed “iżomm il-bilanċ tar-ruħ” (Kummentarju għall-Ittra lill-Efesin, prol.). Huwa biss bi spirtu qawwi ta’ talb u bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li nistgħu nidħlu għall-għarfien tal-Bibbja: “Fl-interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa aħna għandna dejjem bżonn l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu” (Kummentarju għal Mikea 1,1,10,15).

 

Għaldaqstant, imħabba l-aktar imqanqla għall-Iskrittura kienet taħkem il-ħajja kollha ta’ Ġirolmu, imħabba li hu fittex dejjem li jħeġġeġ biha lill-fidili. Lil bint spiritwali tiegħu kien jirrakkomandalha: “Ħobb l-Iskrittura Mqaddsa u l-għerf iħobb lilek; ħobbha bi ħlewwa, u hi tħarsek; weġġaħha, u tirċievi ż-żegħil tagħha. Ħa tkun għalik bħall-kullani u l-imsielet tiegħek” (Ep. 130,20). U mill-ġdid: “Ħobb l-għerf tal-Iskrittura, u ma tħobbx il-vizzji tal-ġisem” (Ep. 125,11).

 

Għal Ġirolmu kriterju fundamentali ta’ metodu fl-interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa kien is-sintonija mal-Maġisteru tal-Knisja. Ma nistgħu qatt naqraw l-Iskrittura waħidna. Se nsibu wisq bibien magħluqa u faċli niżolqu fl-iżball. Il-Bibbja ġiet miktuba mill-Poplu ta’ Alla u għall-Poplu ta’ Alla, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu. F’din il-komunjoni mal-Poplu ta’ Alla biss nistgħu tabilħaqq nidħlu bil-“jien” tagħna fil-qalba tal-verità li Alla nnifsu jrid ilissnilna. Għall-eseġeta kbir, interpretazzjoni awtentika tal-Bibbja kellha tkun dejjem f’fehma waħda u armonija mal-fidi tal-Knisja Kattolika. Din mhijiex xi esiġenza imposta minn barra fuq dan il-Ktieb kbir; il-Ktieb huwa sewwasew il-leħen tal-Poplu ta’ Alla pellegrin, u fil-fidi ta’ dan il-Poplu biss aħna nkunu, biex ngħidu hekk, fit-tonalità t-tajba biex nistgħu nifhmu l-Iskrittura Mqaddsa. Għalhekk Ġirolmu wissa lil wieħed saċerdot: “Ibqa’ marbut sħiħ mat-tagħlim tradizzjonali li ġie mgħallem lilek, biex tista’ teżorta skont id-duttrina t-tajba u tieqaf lil dawk li jeħduha kontriha” (Ep. 52,7). B’mod partikulari, ladarba Ġesù Kristu waqqaf il-Knisja tiegħu fuq Pietru, kull Nisrani – ikkonkluda hu – għandu jkun f’komunjoni “mal-Katedra ta’ San Pietru. Jiena naf li fuq din il-blata hi mibnija l-Knisja” (Ep. 15,2). Konsegwentement, bla ma joqgħod jomgħodha, stqarr: “Jiena ma’ kull min hu magħqud mal-Katedra ta’ San Pietru” (Ep. 16).

 

Ovvjament Ġirolmu ma ttraskurax l-aspett etiku. Anzi, spiss ifakkar fid-dmir li l-ħajja tkun taqbel mal-Kelma divina: huwa biss jekk ngħixuha li nsibu wkoll il-ħila li nifhmuha. Din il-koerenza hija indispensabbli għal kull Nisrani u partikularment għall-predikatur, biex l-għemejjel tiegħu ma jkunux jistunaw mad-diskors li jgħid, u ma jimbarazzawhx. Hekk iħeġġeġ lis-saċerdot Nepozjanu: “L-għemejjel tiegħek ma għandhomx igiddbu kliemek, biex ma jiġrix li, meta int tkun tipprietka fil-knisja, xi ħadd bejnu u bejn ruħu jikkummenta: ‘Allura int għax ma ġġibx ruħek hekk?’. Kapaċi mgħallem, b’żaqqu mimlija, joqgħod jitkellem fuq is-sawm; anki ħalliel jikkundanna r-regħba; imma fis-saċerdot ta’ Kristu l-ħsieb u l-kelma għandhom ikunu fehma waħda” (Ep. 52,7). F’ittra oħra Ġirolmu jisħaq: “Imqar jekk għandha f’idejha l-isbaħ tagħlim, messha tistħi minnha nfisha dik il-persuna li tħoss il-kuxjenza tagħha tikkundannaha” (Ep. 127,4). Dejjem fuq it-tema tal-koerenza, hu josserva: il-Vanġelu għandu jitlaħħam f’atteġġjamenti ta’ mħabba vera, għax f’kull bniedem hemm l-istess Persuna ta’ Kristu. Meta, ngħidu aħna, jindirizza lill-presbiteru Pawlinu (li mbagħad sar Isqof ta’ Nola u Santo), Ġirolmu tah dan il-parir: “It-tempju veru ta’ Kristu hu r-ruħ tal-fidil: żejnu, dan is-santwarju, għanieh, qiegħed fih l-offerti tiegħek u tirċievi lil Kristu. X’jiswa li tlibbes il-ħitan b’ġawhar prezzjuż, jekk Kristu qed imut bil-ġuħ f’wieħed fqir?” (Ep. 58,7). Ġirolmu hu konkret: hemm bżonn “inlibbsu lil Kristu fil-foqra, inżuruh fil-batuti, nitimgħuh fl-imġewħin, nagħtuh fejn joqgħod f’dawk bla saqaf fuq rashom” (Ep. 130,14). L-imħabba għal Kristu, imsaħħa bl-istudju u l-meditazzjoni, tgħinna negħlbu kull diffikultà: “Inħobbu aħna wkoll lil Ġesù Kristu, infittxu dejjem l-għaqda tagħna miegħu: u hekk jidhrilna faċli mqar dak li hu diffiċli” (Ep. 22,40).

 

Ġirolmu, li Prosperu ta’ Aquitaine jsejjaħlu “xempju ta’ mġiba tajba u mgħallem tal-bnedmin” (Poeżija fuq l-ingrati 57), ħallielna wkoll tagħlim għani u varjat fuq l-axxetiċiżmu Nisrani. Hu jfakkarna li impenn kuraġġjuż lejn il-perfezzjoni jitlob li wieħed ikun il-ħin kollu għassa fuqu nnifsu, jagħmel spiss mortifikazzjonijiet, anki jekk b’moderazzjoni u prudenza, iwettaq ħidma assidwa intellettwali jew manwali biex jevita l-għażż (ara Epp. 125,11 u 130,15), u fuq kollox ikun ubbidjenti lejn Alla: “Xejn… ma jogħġob daqshekk lil Alla daqs l-ubbidjenza…, li hija l-ogħla virtù waħdanija” (Omelija fuq l-ubbidjenza). Fil-mixja axxetika tista’ tidħol ukoll mill-ġdid il-prattika tal-pellegrinaġġi. B’mod partikulari, Ġirolmu ħeġġeġ ħafna dawk lejn l-Art Imqaddsa, fejn il-pellegrini kienu jiġu milqugħa u ospitati fil-binjiet imwaqqfa biswit il-monasteru ta’ Betlehem, grazzi għall-ġenerożità tan-nobbli Pawla, bint spiritwali ta’ Ġirolmu (ara Ep. 108,14).

 

Fl-aħħar nett, ma nistgħux ma nsemmux il-kontribut li ta Ġirolmu f’dik li hi pedagoġija Nisranija (ara Epp. 107 u 128). Hu jrid jifforma “ruħ li għandha ssir it-tempju tal-Mulej” (Ep. 107,4), “ġawrha l-aktar prezzjuża” f’għajnejn Alla (Ep. 107,13). B’intuwizzjoni qawwija hu jagħti parir biex tiġi mħarsa mill-ħażen u mill-okkażjonijiet ta’ dnub, biex taħrab ħbiberiji strambi jew żbaljati (ara Ep. 107,4 u 8-9; ara wkoll Ep. 128,3-4). Fuq kollox iħeġġeġ lill-ġenituri biex joħolqu ambjent ta’ serenità u ta’ ferħ madwar uliedhom, jagħmlulhom il-qalb għall-istudju u għax-xogħol, anki billi jfaħħruhom u juruhom l-eżempju tajjeb (ara Epp. 107,4 u 128,1), jinkuraġġuhom jegħlbu d-diffikultajiet, jiffavorixu fihom id-drawwiet it-tajba u jħarsuhom milli jiddakkru minn dawk ħżiena, għax – u hawn jikkwota frażi ta’ Publilju Sirju li kien sema’ l-iskola – “mhux lakemm jirnexxilek tikkoreġi fik dawk il-ħwejjeġ li tidra tagħmel ftit ftit” (Ep. 107,8). Il-ġenituri huma l-edukaturi ewlenin ta’ wliedhom, l-ewwel għalliema tal-ħajja. B’mod ċar ħafna Ġirolmu, waqt li jdur fuq omm ta’ tfajla u mbagħad jaċċenna għall-missier, iwissiha, kważi jesprimi esiġenza fundamentali ta’ kull ħlejqa umana li bdiet tħabbat wiċċha mal-ħajja: “Ħa ssib fik l-għalliema tagħha, u lejk tħares bi stagħġib fit-tfulija safja tagħha. La fik, u lanqas f’missierha m’għandha qatt tara mġibiet li jwassluha għad-dnub, għax tista’ timitahom. Ftakru li… tistgħu iktar tedukawha bl-eżempju milli bil-kelma” (Ep. 107,9). Fost l-intuwizzjonijiet prinċipali ta’ Ġirolmu bħala pedagogu rridu nsemmu l-importanza attribwita lil edukazzjoni b’saħħitha u sħiħa sa mit-tfulija, ir-responsabbiltà partikulari li għandhom il-ġenituri, l-urġenza ta’ formazzjoni serja morali u reliġjuża, il-ħtieġa tal-istudju għal formazzjoni umana iktar sħiħa. Barra minn hekk, aspett pjuttost injorat fiż-żminijiet tal-qedem, imma ta’ importanza kbira għall-awtur tagħna, kien il-promozzjoni tal-mara, li hu jagħraf id-dritt tagħha għal formazzjoni sħiħa: umana, skolastika, reliġjuża, professjonali. U llum proprju qed naraw kif l-edukazzjoni tal-personalità fl-integralità tagħha, l-edukazzjoni għar-responsabbiltà quddiem Alla u quddiem il-bniedem, hija l-vera kundizzjoni għal kull progress, kull paċi, kull rikonċiljazzjoni u kull esklużjoni tal-vjolenza. Edukazzjoni quddiem Alla u quddiem il-bniedem: hija l-Iskrittura Mqaddsa li toffrilna l-gwida tal-edukazzjoni, u allura tal-umaniżmu veru.

 

Ma nistgħux nagħlqu dawn il-ftit noti ħfief fuq dan il-Missier kbir tal-Knisja mingħajr ma nirreferu għall-kontribut qawwi tiegħu b’riżq il-ħarsien tal-elementi pożittivi u validi tal-kulturi qodma Lhud, Griegi u Rumani fi ħdan iċ-ċiviltà Nisranija li kienet għadha fil-bidu tagħha. Ġirolmu għaraf u assimila l-valuri artistiċi, l-għana tal-ħsieb u l-armonija tax-xbihat preżenti fil-klassiċi, li jedukaw il-qalb u l-fantasija għal sentimenti nobbli. Fuq kollox, hu qiegħed fiċ-ċentru ta’ ħajtu u tal-ħidma tiegħu l-Kelma ta’ Alla, li turi lill-bniedem il-mogħdijiet tal-ħajja, u tikxiflu s-sigrieti tal-qdusija. Għal dan kollu ma nistgħux ma nkunulux għal dejjem grati, proprju fi żmienna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard