Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 11 ta’ Frar 2009

 

Ġwanni Klimaku

 

Għeżież ħuti,

 

Wara għoxrin katekeżi ddedikati lill-Appostlu Pawlu, nixtieq illum nerġa’ naqbad il-preżentazzjoni tal-Kittieba kbar tal-Knisja tal-Lvant u tal-Punent fiż-żmien Medjevali. U nipproponi l-figura ta’ Ġwanni msejjaħ Klimaku, traslitterazzjoni Latina tat-terminu Grieg klímakos, li jfisser tas-sellum (klímax). Dan huwa t-titlu tal-opra ewlenija tiegħu li fiha jfisser is-sellum tal-ħajja umana lejn Alla. Hu twieled lejn il-575. Għalhekk ħajtu żviluppat fis-snin li fihom Biżanzju, kapitali tal-imperu Ruman tal-Lvant, għaddiet mill-akbar kriżi fl-istorja tagħha. Ħabta u sabta l-kwadru ġeografiku tal-imperu nbidel u r-riefnu ta’ invażjonijiet Barbariċi ġarraf l-istrutturi kollha tiegħu. Baqgħet wieqfa biss l-istruttura tal-Knisja, li f’dawn iż-żminijiet ibsin kompliet twettaq l-azzjoni tagħha missjunarja, umana u soċjo-kulturali, speċjalment permezz tax-xibka tal-monasteri, li fiha kienu jaħdmu personalitajiet reliġjużi kbar, bħal dik, appuntu, ta’ Ġwanni Klimaku.

 

Qalb il-muntanji tas-Sinaj, fejn Mosè ltaqa’ ma’ Alla u Elija sema’ leħnu, Ġwanni għex u rrakkonta l-esperjenzi spiritwali tiegħu. It-tagħrif dwaru hu miġbur f’Ħajja qasira (PG 88, 596-608), miktuba mill-monaku Danjel ta’ Raito: ta’ sittax-il sena, monaku fuq il-muntanja Sinaj, sar dixxiplu tal-Abbati Martirju, “anzjan”, jiġifieri “għaref”. Ta’ xi għoxrin sena, għażel li jgħix eremita fi grotta f’riġlejn il-muntanja, fil-lokalità ta’ Tola, xi tmien kilometri mill-Monasteru ta’ Santa Katerina li hemm illum. Imma s-solitudni ma żammitux milli jiltaqa’ ma’ persuni li xtaqu d-direzzjoni spiritwali, kif ukoll li jmur iżur xi monasteri f’Lixandra. Fil-fatt, il-ħajja maqtugħa tiegħu ta’ eremita, mhux talli ma kinitx ħarba mid-dinja u mir-realtà umana, imma talli żviluppat fi mħabba mkebbsa għall-oħrajn (Ħajja 5) u għal Alla (Ħajja 7). Wara erbgħin sena ta’ ħajja ta’ eremita li għex fl-imħabba għal Alla u għall-proxxmu, snin li tulhom hu beka, talab, tqabad kontra d-demonji, huwa ġie maħtur igumenu tal-monasteru kbir tal-muntanja Sinaj u hekk irritorna għall-ħajja ċenobitika, fil-monasteru. Imma xi snin qabel mewtu, nostalġiku għall-ħajja ta’ eremita, għadda lil ħuh, monaku fl-istess monasteru, it-treġija tal-komunità. Miet wara s-sena 650. Il-ħajja ta’ Ġwanni żviluppat bejn żewġ muntanji, is-Sinaj u t-Tabor, u tassew tista’ tgħid li hu rrifletta dak id-dawl li lemaħ Mosè fuq is-Sinaj u kkontemplaw it-tliet Appostli fuq it-Tabor!

 

Kif għidt, sar famuż għall-opra tiegħu Sellum (klímax), li fil-Punent ġiet imsejħa Sellum tal-Ġenna (PG 88,632-1164). Minsuġ fuq talba insistenti tal-igumenu qarib tal-monasteru ta’ Raito fis-Sinaj, is-Sellum huwa trattat sħiħ ta’ ħajja spiritwali, li fih Ġwanni jfisser il-mixja tal-monaku miċ-ċaħda tad-dinja sal-perfezzjoni tal-imħabba. Hija mixja li – skont dan il-ktieb – tiżviluppa permezz ta’ tletin tarġa, kull waħda minnhom marbuta ma’ ta’ warajha. Il-mixja tista’ tinġabar fil-qosor fi tliet fażijiet wara xulxin: l-ewwel waħda tesprimi ruħha fit-twarrib mid-dinja biex wieħed jirritorna għall-istat tat-tfulija evanġelika. Allura l-essenzjal mhuwiex wieħed xi jħalli warajh, imma r-rabta tiegħu ma’ dak li Ġesù qal, jiġifieri li jirritorna għall-vera tfulija fis-sens spiritwali, li jsir bħal tifel ċkejken. Ġwanni jikkummenta: “Pedament tajjeb hu dak mibni fuq tliet sisien u mwieżen minn tliet kolonni: innoċenza, sawm u kastità. L-imwielda kollha fi Kristu (ara 1 Kor 3:1) jibdew minn dawn il-ħwejjeġ, u jimxu fuq l-eżempju ta’ dawk li għadhom kemm twieldu fiżikament” (1,20; 636). Id-distakk tar-ruħ minn jeddha mill-persuni u mill-postijiet għeżież għaliha jippermettilha tidħol f’komunjoni iżjed profonda ma’ Alla. Din iċ-ċaħda tinbidel f’ubbidjenza, li hi triq għall-umiltà permezz tal-umiljazzjonijiet – li qatt mhuma ħa jonqsu – min-naħa tal-aħwa. Ġwanni jikkummenta: “Hieni dak li ssagrifika r-rieda tiegħu sal-aħħar u li fada l-kura ta’ persuntu lill-imgħallem tiegħu fil-Mulej: fil-fatt postu jkun fuq il-lemin tal-Mislub!” (4,37; 704).

 

It-tieni fażi tal-mixja hi magħmula minn taqbida spiritwali kontra l-passjonijiet. Kull tarġa tas-sellum hi marbuta ma’ passjoni prinċipali, li hi definita u djanjostikata, bl-indikazzjoni għat-terapija u l-proposta tal-virtù li tikkorrispondi magħha. Il-ġabra flimkien ta’ dawn it-tarġiet hi bla dubju ta’ xejn l-aktar trattat importanti ta’ strateġija spiritwali li għandna. Imma l-ġlieda kontra l-passjonijiet tieħu xejra pożittiva – ma tibqax ħaġa negattiva – grazzi għax-xbieha tan-“nar” tal-Ispirtu s-Santu: “Dawk kollha li jaqbdu din it-taqbida sabiħa (ara 1 Tim 6:12), iebsa u qalila, […], ħa jkunu jafu li ġew biex jinxteħtu f’nar, jekk tassew jixtiequ li n-nar li ma jidhirx jgħammar fihom” (1,18; 636). In-nar tal-Ispirtu s-Santu li hu nar tal-imħabba u tal-verità. Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biss tista’ tiżgura r-rebħa. Imma skont Ġwanni Klimaku, importanti nagħrfu li l-passjonijiet ma humiex ħżiena fihom infushom; isiru hekk minħabba l-użu ħażin li tagħmel minnhom il-libertà tal-bniedem. Imsoffija, il-passjonijiet jiftħu għall-bniedem it-triq lejn Alla b’enerġiji magħquda mill-axxeżi u mill-grazzja u, “jekk huma rċevew mill-Ħallieq ordni u bidu…, il-limitu tal-virtù hu bla tarf” (26/2,37; 1068).

 

L-aħħar fażi tal-mixja hija l-perfezzjoni Nisranija, li tiżviluppa fl-aħħar seba’ tarġiet tas-Sellum. Dawn huma l-ogħla stadji tal-ħajja spiritwali, li jesperimentawhom l-“eżikasti”, is-solitarji, dawk li waslu għall-ħemda u għas-sliem ġewwieni; imma huma stadji aċċessibbli wkoll għaċ-ċenobiti l-iżjed imħeġġin. Mill-ewwel tlieta – sempliċità, umiltà u dixxerniment – Ġwanni, f’linja mal-Missirijiet tad-deżert, iqis l-aħħar waħda l-aktar importanti, jiġifieri l-ħila li wieħed jgħarbel. Kull imġiba għandha toqgħod għad-dixxerniment; fil-fatt kollox jiddependi mill-motivazzjonijiet profondi, li rridu ngħarbluhom. Hawn nidħlu fil-parti l-aktar ħajja tal-persuna, u fl-eremita, fin-Nisrani naraw titqanqal is-sensibbiltà spiritwali u s-“sens tal-qalb”, doni ta’ Alla: “Bħala gwida u regola f’kollox, wara Alla, jeħtieġ insegwu l-kuxjenza tagħna” (26/1,5;1013). B’dan il-mod, naslu għall-ħemda tar-ruħ, l-esichía, li permezz tagħha r-ruħ tista’ tħabbat wiċċha mal-abbiss tal-misteri divini.

 

L-istat ta’ ħemda, ta’ paċi interjuri, iħejji lill-eżikasta għat-talb, li fi Ġwanni hu doppju: it-“talba tal-ġisem” u t-“talba tal-qalb”. L-ewwel waħda hi ta’ min ifittex biex jgħinuh l-atteġġjamenti tal-ġisem: jiftaħ idejh, jieħu nifsijiet twal, iħabbat fuq sidru, u l-bqija (15,26; 900); it-tieni hi spontanja, għax hi effett tat-tqanqil tas-sensibbiltà spiritwali, don ta’ Alla lil min hu ġa mogħti għat-talba tal-ġisem. Fi Ġwanni din tieħu l-isem ta’ “talba ta’ Ġesù” (Iesoû euché), u hi magħmula mill-invokazzjoni tal-isem ta’ Ġesù waħdu, invokazzjoni kontinwa bħan-nifs: “Ħa titwaħħad il-memorja ta’ Ġesù man-nifs tiegħek, u hemm tifhem x’siwi kbir għandha l-esichía, il-paċi interjuri (27/2,26; 1112). Fl-aħħar it-talba ssir sempliċi ħafna, sempliċiment il-kelma “Ġesù” tkun saret ħaġa waħda man-nifs tagħna.

 

L-aħħar tarġa tas-sellum (30), mimlija bis-“sakra sobrja tal-Ispirtu”, hi ddedikata għall-ogħla “trinità tal-virtujiet”: il-fidi, it-tama u fuq kollox l-imħabba. Dwar l-imħabba Ġwanni jitkellem ukoll bħala éros (imħabba umana), figura tal-għaqda fiż-żwieġ bejn ir-ruħ u Alla. U hu jagħżel mill-ġdid ix-xbieha tan-nar biex jesprimi l-ħeġġa, id-dawl, it-tisfija tal-imħabba lejn Alla. Il-qawwa tal-imħabba umana tista’ tiġi orjentata mill-ġdid lejn Alla, bħalma fuq iz-zokk ta’ żebbuġa selvaġġa tista’ titlaqqam żebbuġa tajba (ara Rum 11:24) (15,66; 893). Ġwanni hu konvint li esperjenza intensa ta’ dan l-éros tista’ tmexxi r-ruħ ’il quddiem ħafna iżjed mit-taqbida qalila kontra l-passjonijiet, għax il-qawwa tagħha hi kbira. Allura hawn tipprevali l-pożittività fil-mixja tagħna. Imma l-imħabba narawha wkoll f’rabta stretta mat-tama: “Il-qawwa tal-imħabba hija t-tama: grazzi għaliha nistgħu nistennew il-ħlas tal-imħabba… It-tama hija l-bieb tal-imħabba… In-nuqqas ta’ tama jxejjen l-imħabba: magħha hu marbut it-taħbit tagħna, minnha hu mwieżen it-tiġrib tagħna, u grazzi għaliha aħna mdawrin mill-ħniena ta’ Alla” (30,16; 1157). Il-konklużjoni tas-Sellum fiha l-ġabra fil-qosor tal-opra b’kelmiet li l-awtur ipoġġi fuq fomm Alla nnifsu: “Dan is-sellum jgħallem id-dispożizzjoni spiritwali tal-virtujiet. Jien ninsab fil-quċċata tas-sellum, kif qal dak l-espert kbir tiegħi (San Pawl): Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba (1 Kor 13:13)!” (30,18; 1160).

 

Hawn jonqos mistoqsija tal-aħħar: is-Sellum, opra miktuba minn monaku eremita li għex elf u erba’ mitt sena ilu, għadha tista’ tgħid xi ħaġa lilna llum? Il-mixja tal-ħajja ta’ bniedem li għex dejjem fuq il-muntanja tas-Sinaj fi żmien tant imbiegħed tista’ tkun ta’ xi attwalità għalina? Mal-ewwel daqqa t’għajn jidher li t-tweġiba għandha tkun “le”, għax Ġwanni Klimaku hu wisq imbiegħed minna. Imma jekk nosservaw xi ftit iżjed mill-qrib, naraw li dik il-ħajja monastika hi biss simbolu kbir tal-ħajja tal-Magħmudija, tal-ħajja tan-Nisrani. Turina, biex ngħidu hekk, b’ittri kbar dak li aħna niktbu ta’ kuljum b’ittri żgħar. Hija simbolu profetiku li juri liema hi l-ħajja tal-imgħammed, f’komunjoni ma’ Kristu, bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Għalija hu partikularment importanti l-fatt li fil-quċċata tas-“sellum”, l-aħħar skaluni huma fl-istess waqt il-virtujiet fundamentali, tal-bidu, l-iżjed sempliċi: il-fidi, it-tama u l-imħabba. Ma humiex virtujiet li jaslu għalihom biss eroj morali, imma huma don ta’ Alla lill-imgħammdin kollha: fihom tikber ukoll ħajjitna. Il-bidu huwa t-tmiem ukoll, il-punt tat-tluq huwa wkoll il-punt tal-wasla: il-mixja kollha sejra lejn twettiq dejjem iżjed radikali tal-fidi, it-tama u l-imħabba. F’dawn il-virtujiet hemm preżenti t-telgħa kollha li rridu nimxu. Il-fidi hija fundamentali, għax din il-virtù timplika li jiena neħodha kontra l-arroganza tiegħi, il-ħsieb tiegħi; kontra l-pretensjoni li nista’ niġġudika waħdi, mingħajr ma nafda fl-oħrajn. Għandna bżonnha din il-mixja lejn l-umiltà, lejn it-tfulija spiritwali: irridu negħlbu l-atteġġjament ta’ arroganza li jġagħalna ngħidu: Jiena, f’dan iż-żmien tiegħi tas-seklu 21, naf aħjar min dak li setgħu kienu jafu dawk ta’ dak iż-żmien. Imma aħna għandna nafdaw biss fl-Iskrittura Mqaddsa, fil-Kelma ta’ Alla, u nħarsu b’umiltà lejn ix-xefaq tal-fidi, biex hekk nidħlu fil-firxa enormi tad-dinja universali, tad-dinja ta’ Alla. B’dan il-mod tikber ir-ruħ tagħna, tikber is-sensibbiltà tal-qalb lejn Alla. Ġustament jgħid Ġwanni Klimaku li t-tama waħidha tagħmilna kapaċi ngħixu l-imħabba. It-tama li biha nittraxxendu l-ħwejjeġ ta’ kuljum, ma nistennewx is-suċċess tal-ġranet tagħna fuq din l-art, imma nistennew fl-aħħar ir-rivelazzjoni ta’ Alla nnifsu. Huwa biss permezz ta’ din l-estensjoni tar-ruħ tagħna, f’din it-traxxendenza minna nfusna, li l-ħajja tagħna tista’ tikber u nistgħu nissaportu t-taħbit u d-delużjonijiet ta’ kuljum, nistgħu nkunu twajba mal-oħrajn mingħajr ma nistennew ebda ħlas. Huwa biss jekk hemm Alla, din it-tama kbira li lejha nħares, li jien nista’ ta’ kuljum nagħmel il-passi żgħar ta’ ħajti u hekk nitgħallem l-imħabba. Fl-imħabba hemm moħbi l-misteru tat-talb, tal-għarfien personali ta’ Ġesù: talba sempliċi, li tfittex biss li tmiss il-qalb tal-Imgħallem divin. U hekk tinfetaħ il-qalb tagħna, nitgħallmu minnu l-istess tjieba tiegħu, l-imħabba tiegħu. Ejjew mela ninqdew b’dan is-“sellum” tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba; u hekk naslu għall-ħajja vera.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard