Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 10 ta’ Ottubru 2007

 

San Illarju ta’ Poitiers

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nitkellem fuq Missier kbir tal-Knisja tal-Punent, San Illarju ta’ Poitiers, waħda mill-akbar figuri ta’ Isqfijiet tar-raba’ seklu. Fil-konfront mal-Arjani, li lil Ġesù l-Iben ta’ Alla kienu jqisuh ħlejqa, imqar jekk eċċellenti, imma ħlejqa biss, Illarju kkonsagra ħajtu kollha għad-difiża tat-twemmin fid-divinità ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla u Alla bħall-Missier, minnu mnissel sa minn dejjem.

 

Ma għandniex dati żguri dwar il-parti l-kbira tal-ħajja ta’ Illarju. L-għejun qodma jgħidu li twieled f’Poitiers, aktarx lejn is-sena 310. Minn familja tat-tajjeb, irċieva formazzjoni letterarja soda, li tingħaraf sew mill-kitbiet tiegħu. Ma jidhirx li kiber f’ambjent Nisrani. Hu stess ikellimna fuq mixja ta’ tiftixa tal-verità, li ftit ftit wasslitu għall-għarfien ta’ Alla ħallieq u ta’ Alla inkarnat, li miet biex jagħtina l-ħajja ta’ dejjem. Mgħammed lejn it-345, ġie magħżul Isqof ta’ belt twelidu lejn it-353-354. Fis-snin ta’ wara Illarju kiteb l-ewwel opra tiegħu, il-Kummentarju għall-Vanġelu ta’ Mattew. Dan hu l-eqdem kummentarju bil-Latin li waslilna ta’ dan il-Vanġelu. Fit-356 Illarju assista bħala Isqof għas-sinodu ta’ Béziers, fin-nofsinhar ta’ Franza, is-“sinodu tal-appostli foloz”, kif hu stess sejjaħlu, peress li l-ġemgħa ġiet maħkuma mill-Isqfijiet favur l-Arjaniżmu, li kienu jiċħdu d-divinità ta’ Ġesù Kristu. Dawn l-“appostli foloz” talbu lill-Imperatur Kostanzju l-kundanna tal-Isqof ta’ Poitiers għall-eżilju. Hekk Illarju kellu jħalli l-Gallja fis-sajf tat-356.

 

Eżiljat fil-Friġja, fit-Turkija tal-lum, Illarju sab ruħu f’kuntatt ma’ kuntest reliġjuż maħkum għalkollox mill-Arjaniżmu. Anki hemm l-għożża tiegħu ta’ Ragħaj wasslitu biex jaħdem bi qlubija biex jerġa’ jġib l-għaqda fil-Knisja, fil-linja tal-fidi l-vera fformulata mill-Konċilju ta’ Nicea. Għal dan il-għan hu beda jikteb l-opra dommatika l-iżjed importanti u magħrufa tiegħu: It-Trinità. Fiha Illarju jesponi l-mixja personali tiegħu lejn l-għarfien ta’ Alla u jħabrek biex juri li l-Iskrittura tixhed b’mod ċar għad-divinità tal-Iben u l-ugwaljanza tiegħu mal-Missier, mhux biss fit-Testment il-Ġdid, imma anki f’bosta paġni tal-Qadim, fejn diġà jidher il-misteru ta’ Kristu. Quddiem l-Arjani hu saħaq fuq il-verità tal-ismijiet ta’ Missier u ta’ Iben u żviluppa t-teoloġija Trinitarja kollha tiegħu ibda mill-formula tal-Magħmudija li tana l-Mulej innifsu: “Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”.

 

Il-Missier u l-Iben huma tal-istess natura. U jekk xi siltiet mit-Testment il-Ġdid jistgħu jagħtuna x’nifhmu li l-Iben hu inqas mill-Missier, Illarju joffri regoli preċiżi biex nevitaw interpretazzjonijiet żbaljati: xi testi tal-Iskrittura jitkellmu fuq Ġesù bħala Alla, waqt li oħrajn jagħtu importanza lill-umanità tiegħu. Xi wħud jirreferu għalih fl-eżistenza tiegħu sa minn dejjem fi ħdan il-Missier; oħrajn iqisu l-istat li fih tbaxxa (kénosis), l-inżul tiegħu sal-mewt; oħrajn, fl-aħħar nett, jikkontemplawh fil-glorja tal-qawmien. Fis-snin tal-eżilju tiegħu Illarju kiteb ukoll il-Ktieb tas-Sinodi, li fih jirriproduċi u jikkummenta għal ħutu l-Isqfijiet tal-Gallja l-istqarrijiet ta’ fidi u dokumenti oħrajn tas-sinodi li nżammu fil-Lvant lejn nofs is-seklu 4. Dejjem sod fl-oppożizzjoni kontra l-Arjani radikali, San Illarju juri spirtu ta’ ftehim ma’ dawk li aċċettaw li jistqarru li l-Iben kien jixbah lill-Missier fl-essenza, naturalment huwa u jipprova jwassalhom għall-fidi sħiħa, li tgħid li mhux biss hemm xebh, imma ugwaljanza vera tal-Missier u tal-Iben fid-divinità. Anki din jidhirli li hi karatteristiku tiegħu: l-ispirtu ta’ ftehim, li jipprova jifhem lil dawk li għadhom ma waslux u jgħinhom, b’intelliġenza teoloġika kbira, biex jaslu għall-fidi sħiħa fid-divinità vera ta’ Sidna Ġesù Kristu.

 

Fit-360 jew fit-361 Illarju seta’ saflaħħar jirritorna mill-eżilju f’pajjiżu u minnufih reġa’ qabad il-ħidma pastorali fil-Knisja tiegħu, imma l-influwenza tal-maġisteru tiegħu fil-fatt estendiet ruħha sew lil hinn mill-konfini tagħha. Sinodu ċċelebrat Pariġi fit-360 jew fit-361 reġa’ qabad il-lingwaġġ tal-Konċilju ta’ Nicea. Xi awturi antiki huma tal-fehma li din l-iżvolta anti-Arjana tal-episkopat tal-Gallja seħħet fil-parti l-kbira minħabba s-sodezza u l-ħlewwa tal-Isqof ta’ Poitiers. Dan kien appuntu d-don tiegħu: jgħaqqad il-qawwa fil-fidi mal-ħlewwa fir-relazzjonijiet tiegħu mal-persuni. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu hu niseġ ukoll it-Trattati fuq is-Salmi, kummentarju għal 58 Salm, interpretati skont il-prinċipju li jidher ċar fid-daħla tal-opra: “M’hemmx dubju li l-ħwejjeġ kollha li jingħadu fis-Salmi għandna nifhmuhom skont it-tħabbira evanġelika, hekk li, kien x’kien il-leħen li bih l-ispirtu profetiku tkellem, kollox xorta waħda jirreferi għall-għarfien tal-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu, għall-inkarnazzjoni, il-passjoni u s-saltna tiegħu, u għall-glorja u l-qawwa tal-qawmien tagħna” (Istruzzjoni fuq is-Salmi 5). Fis-Salmi kollha huwa jilmaħ din it-trasparenza tal-misteru ta’ Kristu u tal-Ġisem tiegħu, li hu l-Knisja. F’diversi okkażjonijiet Illarju ltaqa’ ma’ San Martin: proprju qrib Poitiers l-Isqof futur ta’ Tours waqqaf monasteru, li għadu jeżisti sal-lum. Illarju miet fit-367. It-tifkira liturġika tiegħu tiġi ċċelebrata fit-13 ta’ Jannar. Fl-1851 il-Beatu Piju IX ipproklamah Duttur tal-Knisja.

 

Biex niġbru l-essenzjal tat-tagħlim tiegħu, nixtieq ngħid li Illarju sab il-punt tat-tluq tar-riflessjoni teoloġika tiegħu fil-fidi fil-Magħmudija. F’De Trinitate Illarju jikteb hekk: Ġesù “ordnalna ngħammdu fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu (ara Mt 28:19, jiġifieri fl-istqarrija tal-Awtur, tal-Iben il-Waħdieni u tad-Don. Wieħed waħdu hu l-Awtur tal-ħwejjeġ kollha, għax wieħed waħdu hu Alla l-Missier, li minnu kollox ġej. U wieħed waħdu hu Sidna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu jsir kollox (1 Kor 8:6), u wieħed waħdu hu l-Ispirtu (Efes 4:4), don f’kulħadd… F’xejn ma tista’ tinstab nieqsa milja hekk kbira, li fiha jiltaqgħu fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu l-immensità fl-Etern, ir-rivelazzjoni fix-Xbieha, l-hena fid-Don” (2,1). Alla l-Missier, li hu kollu mħabba, hu kapaċi jikkomunika fil-milja tagħha d-divinità tiegħu lill-Iben. Insib partikularment sabiħa l-formula li ġejja ta’ San Illarju: “Alla ma jafx ikun ħaġa oħra għajr imħabba, ma jafx ikun ħaġa oħra għajr Missier. U min iħobb mhuwiex għajjur, u min hu Missier huwa hekk b’mod sħiħ. Dan l-isem ma jammettix kompromessi, b’mod li Alla jista’ jkun missier f’ċerti aspetti, u f’oħrajn le” (ibid., 9,61).

 

Għalhekk l-Iben hu kollu kemm hu Alla mingħajr ebda nuqqas jew tnaqqis: “Dak li ġej mill-perfett hu perfett, għax min għandu kollox, tah kollox” (ibid., 2,8). Fi Kristu biss, l-Iben ta’ Alla u Bin il-bniedem, issib is-salvazzjoni l-umanità. Meta ħa fuqu l-umanità tagħna, huwa rabat miegħu lil kull bniedem, “ħa l-ġisem tagħna lkoll” (Trattat fuq is-Salmi 54,9); “ħa fih in-natura ta’ kull ġisem u, waqt li permezz tagħha sar id-dielja vera, għandu fih l-għeruq ta’ kull fergħa” (ibid., 51,16). Proprju għalhekk il-mixja lejn Kristu hi miftuħa għal kulħadd – għax hu ġibed lejh lil kulħadd fin-natura tiegħu ta’ bniedem –, anki jekk dejjem hemm bżonn tal-konverżjoni personali: “Permezz tar-relazzjoni mal-ġisem tiegħu, l-aċċess għal Kristu hu miftuħ għal kulħadd, bil-patt li jinżgħu l-bniedem il-qadim (ara Efes 4:22) u jsammruh mas-salib tiegħu (ara Kol 2:14); bil-patt li jħallu l-opri ta’ qabel u jikkonvertu, biex jiġu midfuna miegħu fil-Magħmudija tiegħu, fid-dawl tal-ħajja (ara Kol 1:12; Rum 6:4)” (ibid., 91,9).

 

Il-fedeltà lejn Alla hija don tal-grazzja tiegħu. Għalhekk San Illarju jitlob, fl-aħħar tat-trattat tiegħu fuq it-Trinità, li nistgħu nibqgħu dejjem fidili għall-fidi tal-Magħmudija. Hija karatteristika ta’ dan il-ktieb: ir-riflessjoni tinbidel f’talb u t-talb jerġa’ jsir riflessjoni. Il-ktieb kollu huwa djalogu ma’ Alla.

 

Nixtieq nagħlaq il-katekeżi tal-lum b’waħda minn dawn it-talbiet, li hekk issir ukoll it-talba tagħna: “Agħmel, o Mulej”, jgħid Illarju b’mod imnebbaħ, “li jiena nibqa’ dejjem fidil għal dak li stqarrejt fis-Simbolu tat-twelid tiegħi mill-ġdid, meta ġejt mgħammed fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu. Ħa nadurak, Missier tagħna, u flimkien miegħek inqim lil Ibnek; ħa nimmerita l-Ispirtu s-Santu tiegħek, li ġej minnek permezz ta’ Ibnek il-Waħdieni… Amen” (It-Trinità 12,57).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard