Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 10 ta’ Ġunju 2009

 

Ġwanni Skotu Eriugena

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nitkellem dwar ħassieb magħruf tal-Punent Nisrani: Ġwanni Skotu Eriugena, li, imma, l-oriġni tiegħu hu mċajpar. Żgur li kien mill-Irlanda, fejn twieled lejn il-bidu tas-snin 800, imma ma nafux meta ħalla l-gżira tiegħu biex jaqsam il-Kanal Ingliż u allura jidħol jagħmel parti b’mod sħiħ minn dik id-dinja kulturali li kienet qed tara twelid ġdid madwar id-dinastija Karolinga (Franka), u b’mod partikulari madwar Karlu l-Fartas, fi Franza tas-seklu 9. Kif ma nafux id-data ċerta ta’ twelidu, hekk lanqas nafu dik ta’ mewtu li, skont l-istudjużi, aktarx seħħet qrib is-sena 870.

 

Ġwanni Skotu Eriugena kellu kultura Patristika, kemm Griega u kemm Latina: fil-fatt kien jaf direttament il-kitbiet tal-Missirijiet Latini u Griegi. Fost l-oħrajn, kien jaf tajjeb l-opri ta’ Wistin, ta’ Ambroġ, ta’ Girgor il-Kbir, Missirijiet kbar tal-Punent Nisrani, imma kien jaf daqstant ieħor tajjeb il-ħsieb ta’ Oriġene, ta’ Girgor ta’ Nissa, ta’ Ġwann Kriżostmu u ta’ Missirijiet oħra Nsara tal-Lvant mhux b’inqas kbar. Kien bniedem eċċezzjonali, li f’dak iż-żmien kellu ħakma tajba wkoll tal-ilsien Grieg. Wera attenzjoni partikulari ħafna għal San Massimu l-Konfessur u, fuq kollox, għal Djoniġi l-Arjopagita. Taħt dan il-psewdonimu jinħeba kittieb tal-Knisja tal-ħames seklu, mis-Sirja, imma kemm il-Medjuevu kollu u kemm l-istess Ġwanni Skotu Eriugena kienu konvinti li dan l-awtur kien identiku għal dixxiplu dirett ta’ San Pawl, li dwaru jitkellem fl-Atti tal-Appostli (17:34). Skotu Eriugena, konvint minn din l-appostoliċità tal-kitbiet ta’ Djoniġi, sejjaħlu ‘awtur divin’ per eċċellenza; il-kitbiet tiegħu allura kienu għajn mill-aktar importanti tal-ħsieb tiegħu. Ġwanni Skotu ttraduċa l-opri tiegħu għal-Latin. It-teologi kbar tal-Medjuevu, bħal San Bonaventura, saru jafu bl-opri ta’ Djoniġi grazzi għal din it-traduzzjoni. Iddedika ħajtu kollha biex jinżel iktar fil-fond u jiżviluppa l-ħsieb tiegħu, dejjem jixrob minn dawn il-kitbiet, sal-punt li sal-lum xi kultant nistgħu nsibuha bi tqila nagħżlu fejn hu l-ħsieb ta’ Skotu Eriugena u fejn mhux jagħmel għajr jipproponi mill-ġdid il-ħsieb tal-Psewdo-Djoniġi.

 

Fil-verità, il-ħidma teoloġika ta’ Ġwanni Skotu ma tantx kellha xorti. Mhux biss it-tmiem tal-epoka Franka nessa l-opri tiegħu; anki ċensura min-naħa tal-Awtorità ekkleżjastika xeħtet dell fuq il-figura tiegħu. Fir-realtà, Ġwanni Skotu jirrappreżenta Platoniżmu radikali, li xi drabi jidher qed joqrob lejn viżjoni panteistika, imqar jekk l-intenzjonijiet personali suġġettivi tiegħu kienu dejjem ortodossi. Minn ta’ Ġwanni Skotu Eriugena waslulna xi opri, li fosthom jixirqilhom li nfakkruhom, b’mod partikulari, it-trattat “Fuq il-firda tan-natura” u l-“Espożizzjonijiet fuq il-ġerarkija ċelesti ta’ San Djoniġi”. Hawn hu jiżviluppa riflessjonijiet teoloġiċi u spiritwali li jistimulawna, u li jistgħu jissuġġerixxu approfondimenti interessanti anki lit-teologi ta’ żmienna. Qed nirreferi, ngħidu aħna, għal dak li hu jikteb fuq id-dmir li neżerċitaw dixxerniment xieraq fuq dak li jiġi ppreżentat bħala auctoritas vera, jew inkella fuq l-impenn li nissoktaw infittxu l-verità sakemm ma naslux għal xi esperjenza tagħha fl-adorazzjoni siekta ta’ Alla.

 

L-awtur tagħna jgħid: “Salus nostra ex fide inchoat: is-salvazzjoni tagħna tibda bil-fidi”. Jiġifieri ma nistgħux nitkellmu fuq Alla billi nibdew minn dak li nivvintaw aħna, imma minn dak li jgħid Alla dwaru nnifsu fl-Iskrittura Mqaddsa. U ladarba Alla ma jgħidx ħlief il-verità, Skotu Eriugena hu konvint li l-awtorità u r-raġuni ma jistgħu qatt ikunu kontra xulxin; hu konvint li r-reliġjon vera u l-filosofija vera jaqblu ma’ xulxin. F’din il-perspettiva jikteb: “Kull xorta ta’ awtorità li ma tiġix imwettqa minn raġuni vera għandha titqies dgħajfa… Għalhekk mhijiex awtorità vera jekk ma taqbilx mal-verità mikxufa mir-raġuni, imqar kieku kienet awtorità rrakkomandata u mgħoddija mis-Santi Padri biex tintuża minn ta’ warajhom” (I, PL 122, kol. 513BC). B’konsegwenza, hu jwissi: “L-ebda awtorità ma għandha tbeżżgħek jew taljenak minn dak li tfiehmek il-persważjoni miksuba b’kontemplazzjoni tajba tar-raġuni. Fil-fatt, l-awtorità vera qatt ma tmur kontra r-raġuni retta, lanqas din tal-aħħar ma tista’ qatt tmur kontra awtorità vera. It-tnejn bla dubju ġejjin mill-istess għajn, li hi l-għerf divin” (I, PL 122, kol. 511B). Hawn qed naraw stqarrija kuraġġjuża tal-valur tar-raġuni, mibnija fuq iċ-ċertezza li l-awtorità vera hi raġonevoli, għax Alla hu l-istess raġuni ħallieqa.

 

L-Iskrittura nfisha, skont Eriugena, hemm il-ħtieġa li wieħed jersaq lejha bl-użu tal-istess kriterju ta’ dixxerniment. Fil-fatt l-Iskrittura – jisħaq it-teologu Irlandiż huwa u jipproponi mill-ġdid riflessjoni li diġà nsibuha fi Ġwanni Kriżostmu – imqar jekk ġejja minn Alla, ma kinitx tkun meħtieġa kieku l-bniedem ma dinibx. Għalhekk irridu nikkonkludu li l-Iskrittura ngħatat minn Alla b’fehma pedagoġika u b’kondixxendenza, biex il-bniedem jista’ jiftakar dak kollu li ġie stampat f’qalbu sa mill-mument tal-ħolqien tiegħu “fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla” (ara Ġen 1:26) u li l-waqgħa oriġinali kienet nessietu. L-Eriugena jikteb hekk fl-Expositiones: “Mhuwiex il-bniedem li ġie maħluq għall-Iskrittura, li hu ma kienx ikollu bżonnha kienu ma dinibx, imma pjuttost hija l-Iskrittura – minsuġa minn tagħlim u minn simboli – li ngħatat għall-bniedem. Grazzi għaliha fil-fatt in-natura razzjonali tagħna tista’ tidħol fil-moħbiet tal-kontemplazzjoni vera u safja ta’ Alla” (II, PL 122, kol. 146C). Il-kelma tal-Iskrittura Mqaddsa ssaffi r-raġuni tagħna xi ftit għamja u tgħinna nerġgħu lura għat-tifkira ta’ dak li aħna, bħala xbieha ta’ Alla, inġorru f’qalbna, li b’xorti ħażina ġiet midruba mid-dnub.

 

Minn hawn joħorġu xi konsegwenzi ermenewtiċi, dwar il-mod kif ninterpretaw l-Iskrittura, li jistgħu jindikaw sal-lum ukoll it-triq it-tajba għal qari korrett tal-Iskrittura Mqaddsa. Fil-fatt hawn irridu niskopru s-sens moħbi tat-test sagru u dan jitlob eżerċizzju interjuri partikulari li għalih tinfetaħ ir-raġuni fil-mixja żgura lejn il-verità. Dan l-eżerċizzju jikkonsisti f’li wieħed irawwem fih disponibbiltà kostanti għall-konverżjoni. Fil-fatt biex naslu għall-viżjoni profonda tat-test hemm bżonn fl-istess waqt nimxu ’l quddiem fil-konverżjoni tal-qalb u fl-analiżi kunċettwali tal-paġna Biblika, ikun liema jkun il-karattru tagħha, kożmiku, storiku jew duttrinali. Fil-fatt hu biss grazzi għat-tisfija kontinwa kemm tal-għajn tal-qalb u tal-għajn tal-moħħ li nistgħu naslu għall-għarfien eżatt.

 

Din il-mixja iebsa, esiġenti u entużjażmanti, magħmula minn kisbiet kontinwi u relativizzazzjoni tal-għerf uman, twassal lill-ħlejqa intelliġenti sa fuq l-għatba tal-Misteru divin, fejn il-kunċetti kollha jakkużaw id-dgħufija u n-nuqqas ta’ ħila tagħna u allura jimponulna, bis-sempliċi qawwa ħielsa u ħelwa tal-verità, li mmorru dejjem lil hemm minn dak li jiġi miksub kontinwament. Għalhekk l-għarfien tal-Misteru, fil-qima u s-skiet, li jirriżulta fil-komunjoni li tgħaqqad, jidher quddiemna bħala t-triq waħdanija ta’ relazzjoni mal-verità li hi fl-istess waqt l-aktar intima possibbli u l-aktar skrupolożament rispettuża tal-ieħor. Ġwanni Skotu – huwa u jinqeda f’dan ukoll b’vokabularju għażiż għat-tradizzjoni Nisranija ta’ lingwa Griega – sejjaħ din l-esperjenza li lejha aħna miġbuda “theosis” jew divinizzazzjoni, bi stqarrijiet kuraġġjużi sal-punt li aktarx wieħed jissuspetta fih panteiżmu eterodoss. Imma tibqa’ qawwija l-emozzjoni quddiem testi bħal dan li ġej fejn – huwa u jirrikorri għall-metafora antika tat-tidwib tal-ħadid – jikteb: “Mela kif il-ħadid kollu xħin jinħaraq idub sal-punt li donnu jidher li hemm biss nar u madankollu jibqgħu magħżula minn xulxin is-sustanzi tal-wieħed u tal-ieħor, hekk irridu naċċettaw li wara t-tmiem ta’ din id-dinja n-natura kollha, kemm dik tal-ġisem u kemm dik li mhix, turi biss lil Alla u madankollu tibqa’ integra b’mod li Alla jista’ jkun b’xi mod mifhum imqar jekk jibqa’ ma jinftehimx u l-ħlejqa nfisha tiġi mibdula, b’mod tal-għaġeb, f’Alla” (V, PL 122, col 451B).

 

Fir-realtà, il-ħsieb teoloġiku kollu ta’ Ġwanni Skotu huwa l-aktar wirja ċara tat-tentattiv li jesprimi dak li jista’ jingħad dwar Alla li ma jidhirx, huwa u jibbaża biss fuq il-misteru tal-Verb magħmul bniedem f’Ġesù ta’ Nazaret. Il-ħafna metafori li juża biex juri din ir-realtà ineffabbli juru kemm hu jaf li t-termini li bihom nitkellmu fuq dawn il-ħwejjeġ assolutament mhumiex biżżejjed biex nispjegaw. U mandankollu jibqgħu s-seħer u dik l-atmosfera ta’ esperjenza awtentika mistika li kull tant u tant nistgħu mmissuha b’idejna fit-testi tiegħu. Biżżejjed nikkwotaw, bħala konferma ta’ dan, paġna mid-De divisione naturæ li tmiss fil-fond tagħha r-ruħ anki tagħna li nemmnu fis-seklu 21: “Ma għandniex nixtiequ iżjed”, jikteb, “ħlief il-ferħ tal-verità li hu Kristu, lanqas naħarbu xejn ħlief l-assenza tiegħu. Fil-fatt din għandha tkun kawża waħdanija ta’ diqa totali u eterna. Ħudli lil Kristu u ma jibqagħli ebda ġid, u lanqas jibqa’ jiġbidni xejn iżjed daqs l-assenza tiegħu. L-ikbar turment ta’ ħlejqa li tirraġuna hu li tiċċaħħad minnu u li ma ssibux” (V, PL 122, kol. 989a). Huma kelmiet li nistgħu nagħmluhom tagħna, nittraduċuhom f’talba lil dak li huwa wkoll ix-xenqa tal-qalb tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard