Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 8 ta’ Awwissu 2007

 

San Girgor Nazjanzenu

I: Ħajtu u kitbietu

 

Għeżież ħuti,

 

Nhar l-Erbgħa li għadda tkellimt fuq mgħallem kbir tal-fidi, wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, San Bażilju. Illum nixtieq nitkellem fuq ħabib tiegħu, Girgor Nazjanzenu, li hu wkoll, bħal Bażilju, kien mill-Kappadoċja. Teologu, oratur u difensur illustri tal-fidi Nisranija fir-raba’ seklu, kien magħruf għall-elokwenza tiegħu, u kellu wkoll, bħala poeta, ruħ raffinata u sensibbli.

 

Girgor twieled minn familja nobbli. Ommu kkonsagratu lil Alla sa minn twelidu, li seħħ lejn is-sena 330. Wara l-ewwel edukazzjoni fil-familja, iffrekwenta l-iktar skejjel ċelebri ta’ żmienu: l-ewwel kien f’Ċesarija tal-Kappadoċja, fejn kibret ħbiberija ma’ Bażilju, l-Isqof futur ta’ dik il-belt, u mbagħad mar f’metropoli oħrajn tad-dinja tal-qedem, bħal Lixandra tal-Eġittu u fuq kollox Ateni, fejn iltaqa’ mill-ġdid ma’ Bażilju (ara Diskors 43,14-24). Huwa u jfakkar din il-ħbiberija, Girgor aktar tard kiteb hekk: “Dak iż-żmien mhux biss kont inħoss fija qima lejn il-kbir Bażilju tiegħi għas-serjetà tad-drawwiet tiegħu u għall-maturità u l-għerf tad-diskorsi tiegħu, imma kont inħeġġeġ oħrajn li kienu għadhom ma jafuhx biex jagħmlu l-istess… Tmexxina kienet l-istess ħeġġa għall-għerf… F’dan konna nikkompetu: mhux min jiġi l-ewwel, imma min iħalli lill-ieħor jasal l-ewwel. Bħal donna kellna ruħ waħda f’żewġ iġsma” (Diskors 43,16.20). Dan hu kliem li jirrappreżenta xi ftit jew wisq il-profil li tagħti tagħha nfisha din ir-ruħ nobbli. Imma nistgħu wkoll nistħajlu kif dan ir-raġel, li b’qawwa kbira kien mixħut lil hemm mill-valuri ta’ din l-art, bata ħafna minħabba l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja.

 

Lura d-dar, Girgor irċieva l-Magħmudija u orjenta ruħu lejn il-ħajja monastika: is-solitudni, il-meditazzjoni filosofika u spiritwali kienu jsaħħruh. Hu stess kiteb: “Xejn f’għajnejja ma jidher ikbar minn dan: li nsikket is-sensi tiegħi, li noħroġ mill-ġisem ta’ din id-dinja, ninġabar fija nnifsi, ma nagħtix aktar kas tal-ħwejjeġ tal-bnedmin, jekk mhux ta’ dawk strettament meħtieġa; nitkellem miegħi nnifsi u ma’ Alla, ngħix ħajja li tmur lil hemm minn dak li jidher; inġorr f’qalbi xbihat divini dejjem safja, mingħajr taħlit ta’ xejriet ta’ din l-art u żbaljati; li nkun tassew mera safja ta’ Alla u tal-ħwejjeġ divini, u nsir dejjem iżjed hekk, billi mid-dawl nieħu d-dawl…; ingawdi, fit-tama ta’ issa, il-ġid li ġej, u nitkellem mal-anġli; inkun diġà ħallejt l-art, imqar jekk għadni fuq l-art, merfugħ fl-għoli fl-ispirtu” (Diskors 2,7).

 

Kif jistqarr fl-awtobijografija tiegħu (ara Poeżiji [storiċi] 2,1,11 fuq ħajtu 340-349), l-ordinazzjoni presbiterali ma tantx irċeviha b’ħerqa, għax kien jaf li mbagħad kellu jagħmilha ta’ Ragħaj, jieħu ħsieb tal-oħrajn, tal-ħwejjeġ tagħhom, u allura ma setax jibqa’ miġbur biss fil-meditazzjoni: madankollu hu mbagħad laqa’ din il-vokazzjoni u ħa fuqu l-ministeru pastorali f’ubbidjenza sħiħa, u aċċetta, kif spiss ġralu f’ħajtu, li l-Providenza tieħdu hemm fejn ma xtaqx imur (ara Ġw 21:18). Fit-371 ħabibu Bażilju, Isqof ta’ Ċesarija, kontra x-xewqa tal-istess Girgor, ried jikkonsagrah Isqof ta’ Sasima, pajjiż strateġikament importanti tal-Kappadoċja. Imma hu, minħabba bosta diffikultajiet, qatt ma ħa pussess tiegħu, u baqa’ fil-belt ta’ Nazjanzu.

 

Lejn it-379, Girgor ġie msejjaħ Kostantinopli, il-kapitali, biex imexxi lill-komunità ċkejkna Kattolika li baqgħet fidila lejn il-Konċilju ta’ Niċea u l-fidi fit-Trinità. Il-parti l-kbira mill-banda l-oħra kienu ħaddnu l-Arjaniżmu, li kien “politikament korrett” u meqjus ta’ siwi politiku mill-imperaturi. Hekk hu sab ruħu mal-minoranza, imdawwar b’ostilità. Fil-knisja ċkejkna tal-Anastasis għamel għaxar Diskorsi teoloġiċi (27-31) proprju biex jiddefendi u jfisser aħjar il-fidi Trinitarja. Huma diskorsi li baqgħu ċelebri minħabba d-duttrina ċerta tagħhom, il-ħila fir-raġunar, li tabilħaqq tgħinna nifhmu li din hija l-loġika divina. U anki l-ġmiel tal-għamla tagħhom sal-lum jagħmilhom affaxxinanti. Minħabba f’dawn id-diskorsi Girgor irċieva t-titlu ta’ “teologu”. Hekk ġie msejjaħ fil-Knisja Ortodossa: it-“teologu”. U dan għax it-teoloġija għalih ma kinitx riflessjoni purament umana, jew inqas minn hekk frott biss ta’ spekulazzjonijiet ikkumplikati, imma kienet ġejja minn ħajja ta’ talb u ta’ qdusija, minn djalogu assidwu ma’ Alla. U proprju hekk juri lir-raġuni tagħna r-realtà ta’ Alla, il-misteru Trinitarja. Fis-skiet kontemplattiv, mimlija b’sens ta’ stagħġib quddiem il-kobor tal-misteru rivelat, ir-ruħ tilqa’ l-ġmiel u l-glorja divina.

 

Meta kien qed jieħu sehem fit-tieni Konċilju Ekumeniku tat-381, Girgor ġie maħtur Isqof ta’ Kostantinopli, u ħa f’idejh il-presidenza tal-Konċilju. Imma mill-ewwel qamet kontrih oppożizzjoni qawwija, sakemm is-sitwazzjoni ħarbet minn idejh. Għal ruħ hekk sensibbli din il-mibegħda kollha kienet insopportabbli. Tenna dak li Girgor kien diġà lmenta fuqu qabel bi kliem ħerqan: “Qsamna lil Kristu, aħna li tant ħabbejna lil Alla u lil Kristu! Gdibna lil xulxin minħabba l-Verità, xettilna fina sentimenti ta’ mibegħda minħabba fl-Imħabba, infridna minn xulxin!” (Diskors 6,3). U għalhekk, fi klima ta’ tensjoni bħal din, wasal biex irriżenja. Fil-katidral maħnuq bin-nies, Girgor lissen diskors ta’ tislima bi kliem ta’ mħabba u dinjità kbira (ara Diskors 42). Għalaq l-intervent ħerqan tiegħu b’dawn il-kelmiet: “Is-sliem, belt kbira, maħbuba minn Kristu… Uliedi, nitlobkom, ħarsu d-depożitu [tal-fidi] li ġie fdat f’idejkom (ara 1 Tim 6:20), ftakru fit-tbatijiet tiegħi (ara Kol 4:18). Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom ilkoll” (ara Diskors 42,27).

 

Mar lura Nazjanzu, u għal xi sentejn ingħata għall-kura pastorali ta’ dik il-komunità Nisranija. Imbagħad irtira għalkollox fis-solitudni f’Aranzju, fil-qrib, li kienet art twelidu, fejn iddedika ruħu għall-istudju u għall-ħajja axxetika. F’dan iż-żmien niseġ il-parti l-kbira tal-opra poetika tiegħu, fuq kollox l-awtobijografija: il-Poeżiji fuq ħajtu, fejn permezz tal-versi qara mill-ġdid il-mixja umana u spiritwali tiegħu, mixja eżemplari ta’ Nisrani li bata, ta’ bniedem ta’ interjorità kbira f’dinja mimlija kunflitti. Huwa bniedem li jurina l-primat ta’ Alla, u għalhekk ikellem lilna wkoll, lil din id-dinja tagħna: mingħajr Alla l-bniedem jitlef il-kobor tiegħu, mingħajr Alla ma hemmx umaniżmu veru. Ejjew għalhekk nagħtu widen għal dan il-leħen u nfittxu li nagħrfu aħna wkoll il-wiċċ ta’ Alla. F’waħda mill-poeżiji tiegħu kien kiteb, huwa u jindirizza lil Alla: “Kun twajjeb, Int, li tinsab lil hemm minn kollox” (Poeżija [dommatiċi], 1,1,29). U fit-390 Alla laqa’ f’dirgħajh lil dan il-qaddej fidil, li b’intelliġenza liema bħalha kien iddefendieh bil-kitbiet tiegħu, u li b’tant imħabba kien għannielu fil-poeżiji tiegħu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

Fuq San Girgor Nazjanzenu, ara wkoll: Katekeżi tal-Papa Bendittu XVI. It-Tagħlim tiegħu ...