Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 7 ta’ Lulju 2010

 

Ġwanni Duns Skotu

 

Għeżież ħuti,

 

Dalgħodu nixtieq nippreżentalkom figura oħra importanti fl-istorja tat-teoloġija: il-Beatu Ġwanni Dun Skotu, li għex lejn tmiem is-seklu 13. Kitba antika fuq il-qabar tiegħu tiġbor l-imkejjen ġeografiċi ta’ ħajtu: “l-Ingilterra laqgħetu; Franza għallmitu; Cologne, fil-Ġermanja, tgħożż fdalijietu; fl-Iskozja huwa twieled”. Ma nistgħux nittraskuraw dan it-tagħrif, anki għax ftit għandha tagħrif ieħor fuq il-ħajja ta’ Duns Skotu. Hu twieled aktarx fl-1266 f’raħal, li kien jissejjaħ proprju Duns, qrib Edinburgh. Miġbud mill-kariżma ta’ San Franġisk ta’ Assisi, daħal fil-Familja tal-Aħwa Minuri, u fl-1291 ġie ordnat saċerdot. Mogħni b’intelliġenza brillanti u mogħtija għall-istudju spekulattiv – dik l-intelliġenza li mmeritatlu mit-tradizzjoni t-titlu ta’ Doctor subtilis, “Mgħallem sottili” – Duns Skotu ġie indirizzat għall-istudji tal-filosofija u tat-teoloġija fl-Universitajiet ċelebri ta’ Oxford u ta’ Pariġi. Meta temm b’suċċess il-formazzjoni tiegħu, beda jgħallem it-teoloġija fl-Universitajiet ta’ Oxford u ta’ Cambridge, u mbagħad ta’ Pariġi, fejn beda jikkummenta, bħall-Imgħallmin kollha ta’ dak iż-żmien, is-Sentenzi ta’ Pietru Lombardu. L-opri prinċipali ta’ Duns Skotu jirrappreżentaw appuntu l-frott matur ta’ dawn il-lezzjonijiet, u jiksbu t-titlu tagħhom mill-imkejjen li fihom hu għallem: Ordinatio (fl-imgħoddi msejjaħ Opus Oxoniense Oxford), Reportatio Cantabrigiensis (Cambridge), Reportata Parisiensia (Pariġi). Ma’ dawn irridu nżidu tal-inqas il-Quodlibeta (jew Quæstiones quodlibetales), opra pjuttost importanti msawra minn 21 mistoqsija dwar diversi temi teoloġiċi. Tbiegħed minn Pariġi meta, xħin faqqgħet ġlieda serja bejn ir-Re Filippu IV is-Sabiħ u l-Papa Bonifaċju VIII, Duns Skotu minn jeddu pprefera l-eżilju, milli jiffirma dokument kontra l-Papa, kif ir-Re kien impona fuq ir-reliġjużi kollha. Hekk – għall-imħabba li kellu lejn is-Sede ta’ Pietru –, flimkien mal-Patrijiet Franġiskani, ħalla l-pajjiż.

 

Għeżież ħuti, dan il-fatt jistedinna niftakru kemm drabi, fl-istorja tal-Knisja, nies ta’ fidi ltaqgħu ma’ ostilità u ġarrbu saħansitra persekuzzjonijiet minħabba l-fedeltà tagħhom u l-qima tagħhom lejn Kristu, lejn il-Knisja u lejn il-Papa. Aħna lkoll inħarsu b’ammirazzjoni lejn dawn l-Insara, li jgħallmuna nħarsu bħala ġid prezzjuż il-fidi fi Kristu u l-komunjoni mas-Suċċessur ta’ Pietru u mal-Knisja universali.

 

Madankollu, ir-relazzjonijiet bejn ir-Re ta’ Franza u s-suċċessur ta’ Bonifaċju VIII ma damux ma reġgħu għal dawk ta’ ħbiberija, u fl-1305 Duns Skotu seta’ jerġa’ jidħol Pariġi biex hemm jgħallem it-teoloġija bit-titlu ta’ Magister regens. Wara dan, is-Superjuri bagħtuh Cologne bħala professur tal-Istudju teoloġiku Franġiskan, imma hu miet fit-8 ta’ Novembru 1308, meta kellu biss 43 sena, imma mhux qabel ħallielna għadd mhux żgħir ta’ opri.

 

Minħabba l-fama ta’ qdusija li kien igawdi, il-kult tiegħu malajr infirex fl-Ordni Franġiskan u l-Venerabbli Ġwanni Pawlu II ried jikkonfermah solennement beatu fl-20 ta’ Marzu 1993, fejn sejjaħlu “għannej tal-Verb inkarnat u difensur tal-Immakulata Kunċizzjoni”. F’din l-espressjoni hemm ġabra fil-qosor tal-kontribut kbir li Duns Skotu offra lill-istorja tat-teoloġija.

 

Qabelxejn, huwa mmedita fuq il-Misteru tal-Inkarnazzjoni u, b’differenza minn ħafna ħassieba Nsara ta’ żmienu, saħaq li l-Iben ta’ Alla kien isir bniedem imqar kieku l-umanità ma dinbitx. “Kien ikun għalkollox bla raġuni”, jikteb Duns Skotu, “li naħsbu li Alla kien se jirrifjuta opra bħal din kieku Adam ma dinibx. Għalhekk jiena ngħid li l-waqgħa ma kinitx il-kawża tal-predestinazzjoni ta’ Kristu, u li – anki kieku ma waqa’ ħadd, la l-anġlu u lanqas il-bniedem – f’din l-ipoteżi Kristu xorta kien ikun ippredestinat bl-istess mod” (Reportata Parisiensia, in III Sent., d. 7, 4). Dan il-ħsieb nibet għax għal Duns Skotu l-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, maħsuba sa mill-eternità minn Alla l-Missier fil-pjan tiegħu ta’ mħabba, hija t-twettiq tal-ħolqien, u tagħmilha possibbli għal kull ħlejqa, fi Kristu u permezz tiegħu, li tiġi mogħnija bil-grazzja, u li tagħti ġieħ u glorja lil Alla għal dejjem. Duns Skotu, imqar jekk kien jaf li, fir-realtà, minħabba fid-dnub oriġinali, Kristu fdiena bil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu, jisħaq li l-Inkarnazzjoni hija l-ikbar u l-isbaħ opra tal-istorja kollha tas-salvazzjoni, u li din mhijiex ikkundizzjonata mill-ebda fatt kontinġenti.

 

Dixxiplu fidil ta’ San Franġisk, Duns Skotu kien iħobb jikkontempla u jipprietka l-Misteru tal-Passjoni salvifika ta’ Kristu, espressjoni tar-rieda ta’ mħabba, tal-imħabba bla tarf ta’ Alla, li jikkomunika b’ġenerożità liema bħalha ’l barra minnu nnifsu r-raġġi tat-tjieba u l-imħabba tiegħu (ara Tractatus de primo principio, c. 4). Din l-imħabba ma tidhirx biss fuq il-Kalvarju, imma anki fl-Ewkaristija Mqaddsa, li tagħha Duns Skotu kien mill-aktar devot u kien jaraha bħala s-Sagrament tal-preżenza reali ta’ Ġesù u bħala s-Sagrament tal-għaqda u tal-komunjoni li jwassalna biex inħobbu lil xulxin u nħobbu lil Alla bħala l-Ogħla Tjieba komuni (ara Reportata Parisiensia, in IV Sent., d. 8, q. 1, n. 3). “U l-istess kif din l-imħabba, din il-karità”, ktibt fl-Ittra għall-okkażjoni tal-Kungress Internazzjonali f’Cologne għas-VII Ċentinarju tal-mewt tal-Beatu Duns Skotu, jiena u nġib l-istess ħsieb tal-awtur tagħna, “kienet fil-bidu ta’ kollox, hekk ukoll fl-imħabba u fil-karità waħidhom hemm l-hena tagħna: ‘ix-xewqa jew aħjar ir-rieda li nħobbu hi sempliċiment il-ħajja eterna, hienja u perfetta’” (AAS 101 [2009], 5).

 

Għeżież ħuti, din il-viżjoni teoloġika, għalkollox “Kristoċentrika”, tiftaħna għall-kontemplazzjoni, għas-sens ta’ stagħġib u għall-gratitudni: Kristu huwa ċ-ċentru tal-istorja u tal-kożmu, huwa Dak li jagħti sens, dinjità u valur lill-ħajja tagħna! Bħalma għamel f’Manila l-Papa Pawlu VI, jiena wkoll illum nixtieq ngħajjat lid-dinja: “[Kristu] jirrivelalna lil Alla li ma jidhirx, huwa l-ewwel wieħed fost il-ħlejjaq kollha, huwa l-ġebla tax-xewka ta’ kollox; hu l-Imgħallem tal-bnedmin, huwa l-Feddej; huwa twieled, miet, u qam għalina; huwa ċ-ċentru tal-istorja u tad-dinja; hu Dak li jafna u jħobbna; hu s-sieħeb u l-ħabib ta’ ħajjitna… Kieku nista’, ma nieqaf qatt nitkellem fuqu” (Omelija, 29 ta’ Novembru 1970).

 

Mhux biss ir-rwol ta’ Kristu fl-istorja tas-salvazzjoni, imma anki dak ta’ Marija huwa oġġett ta’ riflessjoni tad-Doctos subtilis. Fi żmien Duns Skotu, il-parti l-kbira tat-teologi kellhom oġġezzjoni, li kienet tidher ma tistax tissolva, għad-duttrina li skontha Marija Santissma kienet imħarsa mid-dnub oriġinali sa mill-ewwel waqt tat-tnissil tagħha: fil-fatt, l-universalità tal-Fidwa li ġab Kristu – ġrajja assolutament ċentrali għall-istorja tas-salvazzjoni – mal-ewwel daqqa t’għajn setgħet tidher qed tiġi kompromessa minn stqarrija bħal din. Duns Skotu hawn ħareġ b’argument, li mbagħad intuża wkoll mill-Beatu Papa Piju IX fl-1854, meta ddefinixxa solennement id-domma tal-Immakulat Konċepiment ta’ Marija. Dan l-argument hu dak tal-“Fidwa preventiva”, li jgħid li l-Immakulata Kunċizzjoni hi l-kapulavur tal-Fidwa li ġabilna Kristu, proprju għaliex il-qawwa ta’ mħabbtu u tal-medjazzjoni tiegħu riedet li l-Omm tiġi mħarsa mid-dnub oriġinali. Il-Franġiskani laqgħu u xerrdu b’ħerqa kbira dan it-tagħlim, u teologi oħra – spiss b’ħalfa solenni – ħadu l-impenn li jiddefenduh u jipperfezzjonawh.

 

Dwar dan, nixtieq infakkar f’ħaġa li naraha importanti. Teologi ta’ valur, bħal Duns Skotu dwar id-duttrina tal-Immakulata Kunċizzjoni, bil-kontribut speċifiku tal-ħsieb tagħhom għanew dak li l-poplu ta’ Alla kien diġà jemmen b’mod spontanju dwar il-Verġni Mbierka, u kien ilu juri fl-għemejjel ta’ pjetà, fl-espressjoni tal-arti u, ġeneralment, fil-ħajja Nisranija. Dan kollu grazzi għal dak is-sensus fidei sopranaturali, jiġifieri dik il-ħila li qiegħed fih l-Ispirtu s-Santu, li biha jista’ jħaddan ir-realtajiet tal-fidi, bl-umiltà tal-qalb u tal-ħsieb. Jalla t-teologi jagħtu dejjem widen għal din l-għajn u jkollhom l-istess umiltà u sempliċità taċ-ċkejknin! Dan fakkartu xi xhur ilu: “Hemm għorrief kbar, speċjalisti kbar, teologi kbar, mgħallma tal-fidi, li għallmuna bosta ħwejjeġ. Nifdu qalb id-dettalji tal-Iskrittura Mqaddsa, tal-istorja tas-salvazzjoni, imma ma setgħux jaraw il-misteru nnifsu, il-qalba vera… L-essenzjal baqa’ moħbi! Imma, għandna wkoll fi żmienna ċ-ċkejknin li għarfuh misteru bħal dan. Biżżejjed naħsbu f’Santa Bernardette Soubirous; f’Santa Tereża ta’ Lisieux, bil-qari ġdid tagħha tal-Bibbja ‘mhux xjentifika’, imma li jidħol fil-qalba tal-Iskrittura Mqaddsa” (Omelija fil-Quddiesa mal-membri tal-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, 1 ta’ Diċembru 2009).

 

Fl-aħħar nett, Duns Skotu żviluppa punt li għalih id-dinja moderna hi sensibbli ħafna. Din hi t-tema tal-libertà u tar-relazzjoni tagħha mar-rieda u mal-intellett. L-awtur tagħna jagħfas fuq il-libertà bħala kwalità fundamentali tar-rieda, u jagħti impostazzjoni li tagħti iktar valur lil din tal-aħħar. B’xorti ħażina, f’awturi li ġew warajh, din il-linja ta’ ħsieb żviluppat f’volontariżmu f’kuntrast mal-hekk imsejjaħ intellettwaliżmu Agostinjan u Tomista. Għal San Tumas ta’ Aquino l-libertà ma tistax tqisha kwalità naturali tar-rieda, imma l-frott tal-kollaborazzjoni tar-rieda u tal-intellett. Idea tal-libertà bħala ħaġa innata u assoluta – kif evolviet, appuntu, wara Duns Skotu – li tinsab fir-rieda qabel l-intellett, kemm f’Alla u kemm fil-bniedem, fil-fatt tirriskja li twassal għal idea ta’ Alla li lanqas ma hu marbut mal-verità u mat-tjieba. Ix-xewqa li tfittex li ssalva t-traxxendenza u d-diversità assoluta ta’ Alla b’aċċentwazzjoni hekk radikali u impenetrabbli fuq ir-rieda tiegħu, tkun qed twarrab il-fatt li Alla li rrivela lilu nnifsu fi Kristu huwa Alla “logos”, li aġixxa u jaġixxi kollu mħabba lejna. Ċertament l-imħabba tegħleb l-għarfien u għandha ħila ta’ perċezzjoni dejjem iżjed milli għandu l-ħsieb, imma hi dejjem l-imħabba ta’ Alla “logos” (ara Benedittu XVI, Diskors f’Ragensburg, Insegnamenti di Benedetto XVI, II [2006], p. 261). Fil-bniedem ukoll l-idea ta’ libertà assoluta, li tinsab fir-rieda, imma li tinsa r-rabta li għandha mal-verità, tkun tinjora li l-istess libertà għandha tiġi meħlusa mil-limiti li joħolqilha d-dnub. Madankollu, il-viżjoni Skotista ma taqax f’dawn l-estremiżmi: għal Duns Skotu att liberu jiġi mill-kollaborazzjoni bejn l-intellett u r-rieda, u jekk hu jitkellem fuq “primat” tar-rieda, dan l-argument jagħmlu proprju għax ir-rieda ssegwi dejjem l-intellett.

 

Jiena u nkellem lis-seminaristi Rumani, fakkarthom li “l-libertà f’kull żmien kienet il-ħolma l-kbira tal-umanità, sa mill-bidu, imma b’mod partikulari fl-epoka moderna” (Diskors lis-Seminarju Pontifiċju Ruman, 20 ta’ Frar 2009). Imma, proprju l-istorja moderna, barra mill-esperjenza tagħna ta’ kuljum, tgħallimna li l-libertà tista’ biss tkun awtentika, u tgħin fil-bini ta’ ċiviltà tabilħaqq umana, meta tkun irrikonċiljata mal-verità. Jekk hi maqlugħa mill-verità, il-libertà ssir traġikament prinċipju ta’ qerda tal-armonija ġewwenija tal-persuna umana, għajn ta’ abbuż ta’ poter min-naħa ta’ min hu l-aktar b’saħħtu u vjolenti, u kawża ta’ tbatijiet u ta’ niket. Il-libertà, bħall-fakultajiet kollha li bihom hu mżejjen il-bniedem, tikber u tipperfezzjona ruħha, jistqarr Duns Skotu, meta l-bniedem jinfetaħ għal Alla, jagħti valur lid-dispożizzjoni għas-smigħ tal-leħen tiegħu: meta aħna nisimgħu r-Rivelazzjoni divina, il-Kelma ta’ Alla, biex nilqgħuha, allura nilqgħu messaġġ li jimla bid-dawl u bit-tama l-ħajja tagħna u nkunu tassew ħielsa.

 

Għeżież ħuti, il-Beatu Duns Skotu jgħallimna li fil-ħajja tagħna l-essenzjali hu li nemmnu li Alla hu qrib tagħna u jħobbna fi Kristu Ġesù, u allura nrawmu fina mħabba profonda lejh u lejn il-Knisja tiegħu. Ta’ din l-imħabba aħna xhieda fuq din l-art. L-Imqaddsa Marija tgħinna nilqgħu din l-imħabba bla tarf ta’ Alla li għad ingawdu b’mod sħiħ u għal dejjem fil-Ġenna, meta saflaħħar ruħna tingħaqad għal dejjem ma’ Alla, fix-xirka tal-qaddisin.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard