Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 6 ta’ Ġunju 2007

 

San Ċiprijanu

 

Għeżież ħuti,

 

Fis-serje tal-katekeżi tagħna fuq personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem, illum wasalna għal Isqof eċċellenti Afrikan tas-seklu 3, San Ċiprijanu, li “kien l-ewwel Isqof fl-Afrika li rċieva l-kuruna tal-martirju”. Daqstant ieħor il-fama tiegħu – kif jixhed id-djaknu Ponzju, li kien l-ewwel wieħed li kiteb il-ħajja tiegħu – hi marbuta mal-produzzjoni letterarja u mal-attività pastorali tat-tlettax-il sena li għaddew bejn il-konverżjoni tiegħu u l-martirju (ara Ħajja 19,1; 1,1). Imwieled Kartaġni minn familja għanja pagana, wara żgħożija mgerfxa Ċiprijanu kkonverta għall-Kristjaneżmu fl-età ta’ 35 sena. Hu stess jirrakkonta l-mixja spiritwali tiegħu: “Meta kont għadni mixħut bħal f’lejl mudlam”, kiteb xi xhur wara l-Magħmudija, “dehret ħaġa tassew diffiċli u ta’ tbatija għalija li nwettaq dak li l-ħniena ta’ Alla kienet qed turini… Kont marbut mal-ħafna żbalji tal-ħajja l-imgħoddija tiegħi, u ma kontx nemmen li stajt ninħeles minnhom, tant kemm kont naqa’ għall-vizzji u nfittex ix-xewqat ħżiena tiegħi… Imma mbagħad, bl-għajnuna tal-ilma li jagħti ħajja ġdida, ġejt imnaddaf mill-miżerja tal-ħajja li kelli qabel; dawl minn fuq xtered fil-qalb tiegħi; u ħajja ġdida għamlitni bniedem għalkollox ġdid. B’mod tal-għaġeb imbagħad beda jinħall kull dubju… Bdejt nifhem ċar li dak li qabel kien jgħammar fija kien ħaġa tal-art, fil-jasar tal-vizzji tal-ġisem, waqt li dak li issa l-Ispirtu s-Santu kien nissel fija kien ħaġa divina u tas-sema” (Lil Donatu 3-4).

 

Minnufih wara l-konverżjoni tiegħu, Ċiprijanu – mhux mingħajr l-għira u r-reżistenza ta’ oħrajn – ġie maħtur għall-uffiċċju saċerdotali u għad-dinjità ta’ Isqof. Fiż-żmien qasir tal-episkopat tiegħu affronta l-ewwel żewġ persekuzzjonijiet ordnati b’editt imperjali, dik ta’ Deċju (250) u dik ta’ Valerjanu (257-258). Wara l-persekuzzjoni partikularment kiefra ta’ Deċju, l-Isqof kellu jħabrek b’kuraġġ kbir biex jerġa’ jġib id-dixxiplina fil-komunità Nisranija. Fil-fatt, bosta fidili kienu ċaħdu t-twemmin, jew ma kinux ġabu ruħhom b’mod korrett quddiem il-prova. Kienu l-hekk imsejħa lapsi – jiġifieri dawk li “waqgħu” –, li xtaqu bil-ħerqa kollha jerġgħu jidħlu fil-komunità. Id-dibattitu fuq id-dħul mill-ġdid tagħhom wasal biex qasam lill-Insara ta’ Kartaġni bejn laxkisti u rigoristi. Ma’ din id-diffikultà rridu nżidu l-pjaga kbira tal-pesta li ħakmet lill-Afrika u ħolqot mistoqsijiet teoloġiċi ibsin kemm fi ħdan il-komunità u kemm fil-konfront mal-pagani. Fl-aħħar nett, irridu nfakkru l-kontroversja bejn Ċiprijanu u l-Isqof ta’ Ruma, Stiefnu, dwar il-validità tal-Magħmudija amministrata lill-pagani mill-Insara eretiċi.

 

F’dawn iċ-ċirkostanzi tassew diffiċli Ċiprijanu wera l-ħiliet għolja tiegħu fit-tmexxija: kien sever, imma mhux inflessibbli mal-lapsi, u offrielhom il-possibbiltà tal-maħfra wara penitenza eżemplari; quddiem Ruma kien sod fid-difiża tat-tradizzjonijiet tajba tal-Knisja Afrikana; kien umanissmu u mimli bl-ispirtu l-aktar awtentiku tal-Vanġelu meta sejjaħ lill-Insara għall-għajnuna fraterna lill-pagani tul il-flaġell tal-pesta; għaraf iżomm il-qies it-tajjeb biex fakkar lill-fidili – li kienu qed jibżgħu wisq li jitilfu ħajjithom u l-ġid tal-art – li għalihom il-ħajja vera u l-ġid veru ma humiex dawk ta’ din id-dinja; ma kontx iċċaqilqu fil-ġlieda tiegħu kontra d-drawwiet korrotti u d-dnubiet li kienu qed jherru l-ħajja morali, fuq kollox ir-regħba. “Hekk kien iqatta’ l-ġranet tiegħu”, jirrakkonta hawn id-djaknu Ponzju, “meta ħabta u sabta – b’ordni tal-Prokonslu – wasal fil-villa tiegħu l-kap tal-pulizija” (Ħajja 15,1). F’dak il-jum l-Isqof qaddis kien arrestat, u wara interrogatorju qasir affronta bil-kuraġġ kollu l-martirju f’nofs il-poplu tiegħu.

 

Ċiprijanu niseġ għadd kbir ta’ trattati u ittri, dejjem marbuta mal-ministeru pastorali tiegħu. Ftit li xejn inklinat lejn l-ispekulazzjoni teoloġika, kiteb fuq kollox għall-edifikazzjoni tal-komunità u għall-imġiba tajba tal-fidili. Fil-fatt, il-Knisja hija t-tema li żgur mhux forsi hi l-iżjed għażiża għalih. Jagħżel bejn il-Knisja viżibbli, ġerarkika, u l-Knisja inviżibbli, mistika, imma jistqarr b’qawwa li l-Knisja hija waħda biss, mibnija fuq Pietru. Ma jehda qatt itenni li “min iwarrab il-katedra ta’ Pietru, li fuqha hi mibnija l-Knisja, ikun jidħak bih innifsu jekk jaħseb li qed fil-Knisja” (L-għaqda tal-Knisja Kattolika 4). Ċiprijanu kien konvint, u dan ifformulah bi kliem qawwi, li “barra mill-Knisja m’hemmx salvazzjoni” (Epistola 4,4 u 73,21), u li “ma jistax ikollu lil Alla b’Missier min m’għandux lill-Knisja bħala Omm” (L-għaqda tal-Knisja Kattolika 4). Karatteristika fundamentali tal-Knisja hija l-għaqda, issimbolizzata mit-tunika bla ħjata ta’ Kristu (ibid., 7): għaqda li hu jgħid li ssib il-fundament tagħha f’Pietru (ibid., 4) u t-twettiq perfett tagħha fl-Ewkaristija (Epistola 63,13). “Hemm Alla wieħed, Kristu wieħed”, iwissi Ċiprijanu, “waħda hi l-Knisja tiegħu, waħda l-fidi, wieħed il-poplu Nisrani, magħqud f’ġisem wieħed bis-siment tal-fehma waħda: u ma tistax tifred dak li hu wieħed min-natura” (L-għaqda tal-Knisja Kattolika 23).

 

Tkellimna dwar il-ħsieb tiegħu fuq il-Knisja, imma fl-aħħar nett ma nistgħux nittraskuraw it-tagħlim ta’ Ċiprijanu fuq it-talb. Jiena nħobb partikularment il-ktieb tiegħu fuq il-Missierna, li għenni ħafna nifhem u nitlob aħjar bit-“talba tal-Mulej”: Ċiprijanu jgħallimna kif proprju fil-Missierna jingħata lin-Nisrani l-mod it-tajjeb ta’ kif jitlob, u jisħaq li din it-talba qiegħda fil-plural, “biex min jitlob ma jitlobx biss għalih innifsu. It-talba tagħna”, jikteb, “hi pubblika u komunitarja u, meta aħna nitolbu, ma nitolbux għal wieħed waħdu, imma għall-poplu kollu, għax mal-poplu kollu aħna ħaġa waħda” (It-talba tal-Mulej 8). Hekk it-talba personali u dik liturġika jidhru marbuta bil-kbir bejniethom. L-għaqda tagħhom ġejja mill-fatt li huma jwieġbu għall-istess Kelma ta’ Alla. In-Nisrani ma jgħidx “Missier tiegħi”, imma “Missier tagħna”, imqar fis-satra tal-kamra magħluqa, għax jaf li f’kull post, f’kull ċirkustanza, huwa membru tal-istess Ġisem wieħed.

 

Mela, ħuti għeżież, ejjew nitolbu”, jikteb l-Isqof ta’ Kartaġni, “kif għallimna Alla, ta’ mgħallem tagħna li hu. Ħa tkun għal qalbna u midħla tagħna t-talba li nagħmlu lil Alla kif ordnalna hu, ħa titla’ sa widnejh it-talba ta’ Kristu. Fiha l-Missier jagħraf kliem Ibnu li kif jgħammar ġewwa qalbna hekk ukoll jinstema’ f’leħinna… Meta nkunu nitolbu għandna nkunu miġbura, irżina, u kollna mistħija, għaliex għandna nqisu ruħna li qegħdin quddiem Alla, u rridu nogħġbuh sew bl-imġiba ta’ ġisimna u sew bit-ton ta’ leħinna… Meta ninġabru flimkien mal-aħwa għaċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju qaddis, flimkien mal-qassis ta’ Alla, m’għandniex ninsew li l-imġiba tagħna għandha tkun irżina u mistħija: m’għandniex ngħidu t-talb tagħna b’leħen għoli u bl-addoċċ, xħin ifittlilna; iżda għandna nitolbu bl-umiltà kollha lil Alla ħa jilqa’ t-talb tagħna, mingħajr bżonn ta’ ħafna kliem u għajat. Alla mhux kliemna jisma’ imma qalbna (non vocis sed cordis auditor est) (3-4). Dan hu kliem li jibqa’ jgħodd anki llum u jgħinna niċċelebraw tajjeb il-Liturġija Mqaddsa.

 

Fl-aħħar mill-aħħar, lil Ċiprijanu nsibuh fil-bidu ta’ dik it-tradizzjoni għammiela teoloġika-spiritwali li fil-“qalb” tara l-post ipprivileġġjat tat-talb. Fil-fatt, jekk naraw x’jgħidu kemm il-Bibbja u l-Padri, il-qalb hija l-ġewwieni tal-bniedem, il-post fejn jgħammar Alla. Fiha sseħħ dik il-laqgħa fejn Alla jkellem lill-bniedem, u l-bniedem jisma’ lil Alla; il-bniedem ikellem lil Alla, u Alla jisma’ lill-bniedem: kollox jgħaddi mill-Kelma waħdanija ta’ Alla. Preċiżament f’dan is-sens – f’eku ta’ dak li qal Ċiprijanu – Smaragdu, Abbati ta’ San Mikiel fuq il-Meuse, fl-ewwel snin tas-seklu 9 jgħid li t-talb “hu opra tal-qalb, mhux tax-xufftejn, għax Alla ma jħarisx lejn il-kliem, imma lejn il-qalb ta’ min jitlob” (Id-djadema tal-monaċi 1).

 

Għeżież, ejjew nagħmlu tagħna din il-“qalb li tisma’”, li dwarha jkellmuna l-Bibbja (ara 1 Slat 3:9) u l-Padri: għandna bżonnha ħafna! Hekk biss nistgħu nduqu fil-milja kif Alla hu l-Missier tagħna, u kif il-Knisja, l-Għarusa mqaddsa ta’ Kristu, hi tabilħaqq l-Omm tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard