Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 6 ta’ Mejju 2009

 

San Ġwann Damaxxenu

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nitkellem fuq Ġwanni Damaxxenu, persunaġġ ta’ kobor ewlieni fl-istorja tat-teoloġija Biżantina, duttur kbir tal-istorja tal-Knisja universali. Huwa fuq kollox xhud okulari tal-mogħdija tal-kultura Nisranija Griega u Sirjaka, li kienet ukoll imħaddna mill-parti tal-Lvant tal-Imperu Biżantin, għall-kultura tal-Iżlam, li kompliet tikber bil-konkwisti militari tiegħu fit-territorju li normalment hu magħruf bħala l-Lvant Nofsani jew Qarib. Ġwanni twieled f’familja għanja Nisranija, u kien għadu żagħżugħ meta ħa l-kariga – forsi diġà mħaddna minn missieru – ta’ responsabbli ekonomiku tal-kaliffat. Imma l-ħajja fil-qorti rjali ma ssodisfatux, u allura ma damx ma għamel l-għażla monastika, u daħal fil-Monasteru ta’ San Saba, qrib Ġerusalemm. Kien qrib is-sena 700. Qatt ma tbiegħed mill-monasteru, u ddedika l-enerġija kollha tiegħu għall-axxeżi u għall-ħidma letterarja, imma ma warrabx ċerta ħidma pastorali, li tagħha huma xhieda fuq kollox l-għadd ta’ Omeliji tiegħu. It-tifkira liturġika tiegħu hi ċċelebrata fl-4 ta’ Diċembru. Il-Papa Ljun XIII ipproklamah Duttur tal-Knisja universali fl-1890.

 

Tiegħu, fil-Lvant, huma mfakkra fuq kollox it-tliet Diskorsi kontra dawk li jkasbru x-xbihat imqaddsa, li ġew ikkudannati, wara mewtu, mill-Konċilju ikonoklasta ta’ Hieria (754). Imma dawn id-diskorsi kienu wkoll ir-raġuni fundamentali għar-riabilitazzjoni u l-kanonizzazzjoni tiegħu min-naħa tal-Padri Ortodossi miġmugħa fit-II Konċilju ta’ Nicea (787), is-seba’ wieħed ekumeniku. F’dawn it-testi għandna ħjiel tal-ewwel tentattivi teoloġiċi importanti għal-leġittimizzazzjoni tal-qima tax-xbihat imqaddsa, meta jorbtuhom mal-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla fil-ġuf tal-Verġni Marija.

 

Ġwanni Damaxxenu kien ukoll fost l-ewwel li, fil-kult pubbliku u privat tal-Insara, għażel bejn adorazzjoni (latreia) u venerazzjoni/qima (proskynesis): l-ewwel tista’ tingħata biss lil Alla, u hi fuq kollox spiritwali, waqt li t-tieni tista’ tuża xbieha biex tasal għand dak li jiġi rrappreżentat fl-istess xbieha. Ovvjament, il-Qaddis fl-ebda każ ma jista’ jiġi identifikat mal-materja li minnha l-ikona hi magħmula. Din id-distinzjoni malajr saret importanti ħafna biex tingħata tweġiba Nisranija lil dawk li ppretendew bħala universali u dejjiema l-osservanza tal-projbizzjoni severa tat-Testment il-Qadim dwar l-użu kultwali tax-xbihat. Din kienet id-diskussjoni kbira anki fid-dinja Iżlamika, li taċċetta din it-tradizzjoni Ebrajka tal-esklużjoni totali ta’ xbihat fil-kult. Imma l-Insara, f’dan il-kuntest, iddiskutew il-problema u sabu l-ġustifikazzjoni għall-qima tax-xbihat. Jikteb id-Damaxxenu: “Fi żminijiet oħra Alla qatt ma kien ġie rrappreżentat fi xbihat, għax hu m’għandux ġisem u wiċċ. Imma ladarba issa lil Alla rajnieh fil-ġisem u għex fost il-bnedmin, jiena nirrappreżenta dak li jidher f’Alla. Jiena ma nqimx il-materja, imma lill-Ħallieq tal-materja, li sar materja għalija u ndenja jgħammar fil-materja u jwettaq is-salvazzjoni tiegħu permezz tal-materja. Għalhekk jiena qatt ma nehda nqim il-materja li permezz tagħha waslitli s-salvazzjoni. Imma ma nqimhiex assolutament bħala Alla! Kif jista’ jkun Alla dak li rċieva l-eżistenza, u l-bidu tiegħu kien ix-xejn?… Imma jiena nqim u nirrispetta wkoll il-bqija kollu tal-materja li ġabitli s-salvazzjoni, għax hi mimlija enerġija u grazzji qaddisa. Forsi mhix materja l-għuda tas-salib għal tliet darbiet imbierka?… U l-linka u l-ktieb l-aktar qaddis tal-Vanġeli mhux materja huma? L-altar feddej li minnu nirċievu l-ħobż tal-ħajja mhuwiex forsi materja?… U, qabel kull ħaġa oħra, mhumiex materja l-ġisem u d-demm ta’ Sidi? Issa jew se ġġib fix-xejn il-karattru sagru ta’ dan kollu, jew se tammetti fit-tradizzjoni tal-Knisja l-qima tax-xbihat ta’ Alla u dik tal-ħbieb ta’ Alla li huma mqaddsin mill-isem li jġorru, u li għalhekk tgħammar fihom il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. La żżeblaħx, mela, il-materja: hi mhix ta’ min jistkerrahha, għax xejn minn dak li għamel Alla ma hu ta’ min jistkerrhu” (Contra imaginum calumniatores, I, 16, ed. Kotter, pp. 89-90). Qed naraw kif, minħabba l-Inkarnazzjoni, il-materja tidher divinizzata, tidher bħala post fejn jgħammar Alla. Din hi viżjoni ġdida tad-dinja u tar-realtajiet materjali. Alla sar ġisem tad-demm u l-laħam, u dan il-ġisem sar tassew il-post fejn jgħammar Alla, li l-glorja tiegħu tiddi mill-wiċċ uman ta’ Kristu. Għalhekk, it-tħeġġiġ tad-Duttur tal-Lvant għadu llum ta’ attwalità mill-akbar, meta tqis id-dinjità l-aktar għolja li l-materja rċiviet fl-Inkarnazzjoni, biex setgħet issir, fil-fidi, sinjal u sagrament effikaċi tal-laqgħa tal-bniedem ma’ Alla. Ġwanni Damaxxenu jibqa’ għalhekk xhud ipprivileġġjat tal-kult tal-ikoni, li kellu jsir wieħed mill-aspetti l-aktar distintivi tat-teoloġija u tal-ispiritwalità tal-Lvant sal-lum il-ġurnata. Madankollu din hi għamla ta’ kult li tappartieni sempliċiment għall-fidi Nisranija, għall-fidi f’dak Alla li ħa l-ġisem u sar viżibbli. It-tagħlim ta’ San Ġwann Damaxxenu allura jidħol fit-tradizzjoni tal-Knisja universali, li t-tagħlim tagħha dwar is-sagramenti jipprevedi li elementi materjali meħuda min-natura jistgħu jsiru triq tal-grazzja, bl-invokazzjoni (epiclesis) tal-Ispirtu s-Santu, imsieħba mill-istqarrija tal-fidi vera.

 

F’rabta ma’ dawn l-ideat profondi Ġwanni Damaxxenu jqiegħed ukoll il-qima tar-relikwi tal-qaddisin, konvint li l-qaddisin Insara, ladarba ngħataw sehem fil-qawmien ta’ Kristu, ma jistgħux jitqiesu sempliċiment ‘mejta’. Meta jgħodd, ngħidu aħna, lil dawk li r-relikwi jew xbihat tagħhom jixirqilhom il-qima, Ġwanni jippreċiża hekk fit-tielet diskors tiegħu b’difiża tax-xbihat: “Qabelxejn (inqimu) dawk li fosthom Alla għammar, hu li waħdu hu qaddis u jistrieħ fost il-qaddisin (ara Iż 57:15), bħalma hi l-Omm imqaddsa ta’ Alla u l-qaddisin kollha. Dawn huma dawk li, sa fejn hu possibbli, saru jixbhu lil Alla bir-rieda tagħhom u bl-għajnuna u l-ħajja ta’ Alla fihom, huma msejħa tabilħaqq allat (ara Salm 82:6), mhux min-natura, imma b’kontinġenza, l-istess kif il-ħadid jikwi jissejjaħ nar, mhux min-natura tiegħu imma b’kontinġenza u bil-parteċipazzjoni tiegħu fin-nar. Fil-fatt hu jgħid: Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien (Lev 19:2)” (III, 33, kol. 1352 A). Wara serje ta’ riferimenti ta’ din ix-xorta, id-Damaxxenu seta’ allura trankwillament jikkonkludi: “Alla, li hu tajjeb u ogħla minn kull tjieba oħra, ma kkuntentax ruħu bil-kontemplazzjoni tiegħu nnifsu, imma ried li jkun hemm ħlejjaq li hu jgħinhom biex seta’ jkollhom sehem fit-tjieba tiegħu: għalhekk ħalaq mix-xejn kulma jeżisti, dak li jidher u dak li ma jidhirx, fosthom il-bniedem, realtà viżibbli u inviżibbli. U ħalqu bil-ħsieb li jagħmlu ħlejqa li kapaċi taħseb (ennoema ergon), mogħnija bil-kelma (logo[i] sympleroumenon), u orjentata lejn l-ispirtu (pneumati teleioumenon)” (II, 2, PG 94, kol. 865A). U biex jiċċara iżjed dan il-ħsieb, iżid: “Jeħtieġ inħallu jimlewna bl-istagħġib (thaumazein) l-opri kollha tal-providenza (tes pronoias erga), infaħħruhom u nilqgħuhom kollha, u negħlbu t-tentazzjoni li nindividwaw fihom aspetti li għal bosta jidhru inġusti jew żbaljati (adika), u minflok nammettu li l-pjan ta’ Alla (pronoia) imur lil hemm mill-ħila tal-bniedem li jagħraf u jifhem (agnoston kai akatalepton), waqt li għall-kuntrarju Hu biss jagħraf il-ħsibijiet tagħna, l-għemejjel tagħna, u saħansitra l-ġejjieni tagħna” (II, 29, PG 94, kol. 964C). Mill-bqija, Platun diġà kien qal li l-filosofija kollha tibda bl-istagħġib: anki l-fidi tagħna tibda bl-istagħġib għall-ħolqien, għall-ġmiel ta’ Alla li jidher quddiemna.

 

L-ottimiżmu tal-kontemplazzjoni naturali (physikè theoria), jiġifieri li naraw fil-ħolqien li jidher dak li hu tajjeb, sabiħ, veru, dan l-ottimiżmu Nisrani mhuwiex ottimiżmu inġewnu: jaf bil-ġerħa li biha n-natura umana ntlaqtet minn libertà ta’ għażla li Alla riedha u li l-bniedem uża ħażin, bil-konsegwenzi kollha ta’ nuqqas ta’ armonija li xterdu minħabba fiha. Minn hawn joħroġ il-bżonn, li t-teologu Damaxxenu fehem sewwa, li n-natura li fiha huma riflessi t-tjieba u l-ġmiel ta’ Alla, midruba mill-ħtija tagħna, “tiġi msaħħa u mġedda” mill-inżul tal-Iben ta’ Alla fil-ġisem, wara li b’diversi modi u f’diversi okkażjonijiet Alla nnifsu kien fittex li juri li hu kien ħalaq lill-bniedem biex ikun mhux biss fl-“essri”, imma fil-“ben-essri” (ara Il-fidi ortodossa, II, 1, PG 94, kol. 981°). B’żelu u passjoni liema bħalhom Ġwanni jfisser: “Kien meħtieġ li n-natura tiġi msaħħa u mġedda, u li tiġi murija u mgħallma konkretement it-triq tal-virtù (didachthenai aretes hodòn), li tbiegħed mit-telfien u twassal għall-ħajja eterna… Hekk deher fix-xefaq tal-istorja l-baħar kbir tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem (philanthropias pelagos)…”. X’espressjoni sabiħa! Minn naħa naraw il-ġmiel tal-ħolqien, u mill-oħra l-qerda li ġabet il-ħtija umana. Imma fl-Iben ta’ Alla, li jinżel biex iġedded in-natura, naraw dan il-baħar tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem. Jissokta Ġwanni Damaxxenu: “Huwa nnifsu, il-Ħallieq u l-Mulej, tqabad għall-ħlejqa tiegħu u bl-eżempju għaddielha t-tagħlim tiegħu… U hekk l-Iben ta’ Alla, waqt li baqa’ fis-sura ta’ Alla, baxxa s-smewwiet u niżel… għand il-qaddejja tiegħu… biex wettaq l-aktar ħaġa ġdida fost kollha, l-unika ħaġa tassew ġdida taħt ix-xemx, li biha dehret tassew il-qawwa bla tarf ta’ Alla” (III, 1. PG 94, koll. 981C-984B).

 

Nistgħu biss nistħajlu l-faraġ u l-ferħ li xerrdu fil-qalb tal-fidili dawn il-kelmiet għonja bi xbihat ta’ seħer hekk kbir. Nisimgħuhom aħna wkoll, illum, u naqsmu l-istess sentimenti tal-Insara ta’ dak iż-żmien: Alla jrid jistrieħ fina, irid iġedded in-natura anki permezz tal-konverżjoni tagħna, irid jagħtina sehem mid-divinità tiegħu. Hekk il-Mulej jgħinna nagħmlu minn dawn il-kelmiet is-sustanza ta’ ħajjitna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard