Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 5 ta’ Marzu 2008

 

San Ljun il-Kbir

 

Għeżież ħuti,

 

Inkomplu bil-mixja tagħna qalb il-Missirijiet tal-Knisja, tassew kwiekeb li jiddu mill-bogħod, u fil-laqgħa tagħna tal-lum se niltaqgħu mal-figura ta’ Papa, li fl-1754 ġie pproklamat minn Benedittu XIV bħala Duttur tal-Knisja: San Ljun il-Kbir. Kif jindika l-aġġettiv li spiss tagħtih it-tradizzjoni, hu kien tabilħaqq wieħed mill-ikbar Papiet li onoraw is-Sede Rumana, għax ta sehem kbir ħafna biex saħħaħ l-awtorità u l-prestiġju tagħha. Kien l-ewwel Isqof ta’ Ruma bl-isem ta’ Ljun, addottat imbagħad minn tnax-il Papa ieħor, u kien ukoll l-ewwel Papa li waslitilna l-predikazzjoni tiegħu, li hu kien jagħmel lill-poplu li kien iross madwaru fiċ-ċelebrazzjonijiet. Bilfors naħsbu fih anki fil-kuntest ta’ dawn l-udjenzi ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa, appuntamenti li fl-aħħar għexieren ta’ snin saru għall-Isqof ta’ Ruma mod normali ta’ kif jiltaqa’ mal-fidili u ma’ tant nies li jkunu qed iżuru Ruma minn kull rokna tad-dinja.

 

Ljun oriġinarjament kien mit-Tuscia. Sar djaknu tal-Knisja ta’ Ruma lejn is-sena 430, u maż-żmien kiseb fiha pożizzjoni ta’ importanza għolja. Dan ir-rwol prominenti fl-440 wassal lil Galla Placidia, li f’dak iż-żmien kienet qed tmexxi l-Imperu tal-Punent, biex tibagħtu l-Gallja biex ifejjaq sitwazzjoni xi ftit diffiċli. Imma fis-sajf ta’ dik is-sena miet il-Papa Sistu III – li ismu hu marbut mal-mużajċi mill-isbaħ ta’ Santa Maria Maggiore –, u biex jeħodlu postu ġie elett proprju Ljun, li waslitlu l-aħbar sewwasew waqt li kien qed iwettaq il-missjoni tiegħu ta’ paċi fil-Gallja. Mad-dħul tiegħu lura Ruma, il-Papa ġdid ġie kkonsagrat fid-29 ta’ Settembru 440. Hekk beda l-pontifikat tiegħu, li dam fuq 21 sena, u li kien bla dubju ta’ xejn wieħed mill-iżjed importanti fl-istorja tal-Knisja. Ma’ mewtu, fl-10 ta’ Novembru 461, il-Papa ġie midfun ħdejn il-qabar ta’ San Pietru. Ir-relikwi tiegħu huma mħarsa wkoll illum f’wieħed mill-altari tal-Bażilika tal-Vatikan.

 

Iż-żminijiet li għex fihom il-Papa Ljun kienu ibsin ħafna: l-invażjonijiet bla waqfien tal-Barbari, l-awtorità imperjali dejjem tiddgħajjef iżjed fil-Punent, u kriżi soċjali twila, kienu ġagħlu lill-Isqof ta’ Ruma – kif kellu jseħħ b’mod iżjed qawwi seklu u nofs wara, tul il-pontifikat ta’ Girgor il-Kbir – jassumi rwol rilevanti anki fil-ġrajjiet ċivili u politiċi. Ovvjament, dan ma naqasx milli jżid fl-importanza u l-prestiġju tas-Sede Rumana. Fuq kollox baqa’ ċelebri episodju mill-ħajja ta’ Ljun. Dan jeħodna lura għas-sena 452, meta l-Papa f’Mantova, flimkien ma’ delegazzjoni Rumana, iltaqa’ ma’ Attila, kap tal-Unni, u pperswadieh ma jibqax għaddej bil-gwerra ta’ invażjoni li biha kien diġà fena lir-reġjuni tal-grigal tal-Italja. U hekk salva l-bqija tal-Peninżula. Din il-ġrajja importanti malajr saret waħda memorabbli, u tibqa’ bħala sinjal emblematiku tal-azzjoni ta’ paċi li wettaq il-Papa. Madankollu, ma kienx daqstant ieħor pożittiv, tliet snin wara, ir-riżultat ta’ inizjattiva oħra tal-Papa, għalkemm xorta sinjal ta’ kuraġġ li għadu jgħaġġibna sal-lum: fir-rebbiegħa tal-455 Ljun fil-fatt ma rnexxilux iżomm lill-Vandali ta’ Ġenseriku, li kienu waslu sa fuq l-għatba ta’ Ruma, milli jinvadu l-belt bla difiża, li ġiet maħtufa għal ħmistax. Imma l-ġest tal-Papa – li, bla armi u mdawwar mill-kleru tiegħu, mar jiltaqa’ mal-invażur biex forsi jġagħlu jieqaf –almenu salva lil Ruma milli tiġi maħruqa u f’dak il-ħbit terribbli tal-belt irnexxielu jsalva l-Bażilika ta’ San Pietru, ta’ San Pawl u ta’ San Ġwann, li fihom stkennet parti mill-popolazzjoni mwerwra.

 

Nafu sew x’għamel il-Papa Ljun, grazzi għall-omeliji mill-isbaħ tiegħu – inżammu kważi 100 miktubin f’Latin sabiħ u ċar – u grazzi għall-ittri tiegħu, madwar 150 waħda. F’dawn it-testi l-Papa jidher fil-kobor kollu tiegħu, mogħti għas-servizz tal-verità fl-imħabba, permezz tat-tħaddim assidwu tal-kelma, li turina fih teologu u fl-istess ħin ragħaj. Ljun il-Kbir, il-ħin kollu jħeġġeġ lill-fidili tiegħu u lill-poplu ta’ Ruma, imma attent ukoll għall-komunjoni bejn id-diversi Knejjes u l-ħtiġijiet tagħhom, kien sostenitur u promutur bla heda tal-primat Ruman, fejn ippreżenta ruħu bħala l-werriet awtentiku tal-Appostlu Pietru: dan urew li kienu jafuh sew l-għadd ta’ Isqfijiet, fil-parti l-kbira mil-Lvant, miġbura għall-Konċilju ta’ Kalċedonja.

 

Miżmum fis-sena 451, bit-350 Isqof li ħadu sehem fih, dan il-Konċilju kien l-aktar ġemgħa importanti li qatt kienet ġiet iċċelebrata sa dakinhar fl-istorja tal-Knisja. Kalċedonja tirrappreżenta l-punt żgur li kienet waslet fih il-Kristoloġija tat-tliet Konċilji ekumeniċi ta’ qabel: dak ta’ Nicea fit-325, dak ta’ Kostantinopli fit-381, u dak ta’ Efesu fl-431. Diġà fis-sitt seklu dawn l-erba’ Konċilji, li jiġbru bejniethom il-fidi tal-Knisja tal-qedem, ġew fil-fatt imqabbla mal-erba’ Vanġeli: hekk jistqarr Girgor il-Kbir f’ittra famuża tiegħu (I,24), fejn jiddikjara li qed “jilqa’ u jqim, bħala l-erba’ kotba tal-Vanġelu mqaddes, l-erba’ Konċilji”, għax fuqhom – ikompli jfisser Girgor – “bħal fuq blata kwadrata togħla l-binja tal-fidi mqaddsa”. Il-Konċilju ta’ Kalċedonja – huwa u jiċħad l-ereżija ta’ Ewtiku, li kienet tiċħad il-vera natura umana tal-Iben ta’ Alla – reġa’ saħaq fuq l-għaqda fil-Persuna waħda tiegħu, bla konfużjoni u bla firda, tan-natura umana u dik divina.

 

Din il-fidi f’Ġesù Kristu, veru Alla u veru bniedem, ġiet mistqarra mill-Papa f’test duttrinali importanti indirizzat lill-Isqof ta’ Kostantinopli, l-hekk imsejjaħ Tomo a Flaviano, li, moqri f’Kalċedonja, ġie milqugħ mill-Isqfijiet preżenti b’akklamazzjoni qawwija, li tagħha għandna aħbar fl-atti tal-Konċilju: “Pietru tkellem b’fomm Ljun”, iddikjaraw b’mod unanimi l-Padri Konċiljari. Fuq kollox minn dan l-intervent, u minn oħrajn li għamel matul il-kontroversja Kristoloġika ta’ dawk is-snin, jirriżulta b’mod ċar li l-Papa kien qed iħoss tagħfas fuqu b’urġenza partikulari r-responsabbiltà ta’ Suċċessur ta’ Pietru, li r-rwol tiegħu huwa uniku fil-Knisja, għax “lil Appostlu wieħed ġie fdat dak li ġie mgħoddi lill-Appostli kollha”, kif jistqarr Ljun f’waħda mill-omeliji tiegħu għall-Festa ta’ San Pietru u San Pawl (83,2). U dawn ir-responsabbiltajiet il-Papa kien jaf iħaddimhom, fil-Punent u fil-Lvant, billi ndaħal f’diversi ċirkustanzi bi prudenza, id soda u linja ċara, bil-kitbiet tiegħu u permezz tal-legati mibgħuta minnu. B’dan il-mod hu wera kif it-tħaddim tal-primat Ruman kien meħtieġ dak iż-żmien, kif inhu llum, biex jaqdi b’mod effikaċi l-komunjoni, karatteristika tal-Knisja waħda ta’ Kristu.

 

Konxju mill-mument storiku li fih kien qed jgħix u mill-passaġġ li kien qed iseħħ – f’perjodu ta’ kriżi qawwija – minn Ruma pagana għal dik Nisranija, Ljun il-Kbir għaraf ikun qrib tal-poplu u tal-fidili bl-azzjoni pastorali u bil-predikazzjoni. Ħeġġeġ għall-karità f’Ruma mġarrba mill-ġuħ, mill-influss tar-refuġjati, mill-inġustizzji u mill-faqar. Ħadha kontra s-superstizzjonijiet pagani u l-azzjoni tal-gruppi Manikej. Rabat il-liturġija mal-ħajja ta’ kuljum tal-Insara: ngħidu aħna, għaqqad il-prattika tas-sawm mal-karità u l-elemożina fuq kollox fl-okkażjoni tal-Quattro tempora, li jimmarkaw fil-mixja tas-sena l-bidla tal-istaġuni. B’mod partikulari Ljun il-Kbir għallem lill-fidili tiegħu – u sal-lum kliemu għadu jiswa għalina – li l-liturġija Nisranija mhijiex it-tifkira ta’ ġrajjiet tal-imgħoddi, imma t-twettiq ta’ realtajiet li ma jidhrux imma li jaġixxu fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Dan hu li jisħaq fuqu fi prietka (64,1-2) dwar l-Għid, li għandu jiġi ċċelebrat f’kull żmien tas-sena “mhux tant bħala ħaġa tal-imgħoddi, imma pjuttost bħala ġrajja tal-preżent”. Dan kollu jidħol fi proġett preċiż, jisħaq il-Papa qaddis: fil-fatt, l-istess kif il-Ħallieq bin-nifs tal-ħajja razzjonali ta r-ruħ lill-bniedem magħġun mit-trab tal-art, hekk, wara d-dnub oriġinali, hu bagħat lil Ibnu fid-dinja biex irodd lill-bniedem id-dinjità li kien tilef u jeqred il-ħakma tax-xitan bil-ħajja ġdida tal-grazzja.

 

Dan huwa l-misteru Kristoloġiku li għalih San Ljun il-Kbir, bl-ittra tiegħu lill-Konċilju ta’ Kalċedonja, ta kontribut kbir u essenzjali, u hekk ikkonferma għal kull żmien – permezz ta’ dan il-Konċilju – dak li qal San Pietru f’Ċesarija ta’ Filippu. Ma’ Pietru u bħala Pietru stqarr: “Int il-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj”. U għalhekk Alla u Bniedem flimkien, “mhux barrani għall-bniedem, imma ma jafx x’inhu dnub” (ara Serm. 64). Bil-qawwa ta’ din il-fidi Kristoloġika hu kien messaġġier kbir ta’ paċi u ta’ mħabba. U hekk hu jurina t-triq: fil-fidi nitgħallmu nħobbu. Nitgħallmu għalhekk ma’ San Ljun il-Kbir kif nemmnu fi Kristu, veru Alla u veru Bniedem, u kif inwettqu din il-fidi ta’ kuljum fl-azzjoni b’risq il-paċi u fl-imħabba għall-proxxmu tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard