Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 4 ta’ Ġunju 2008

 

San Girgor il-Kbir (2)

 

Għeżież ħuti,

 

Illum, f’din il-laqgħa tagħna ta’ nhar ta’ Erbgħa, erġajt se nitkellem fuq il-figura straordinarja tal-Papa Girgor il-Kbir, biex nixħet ftit iktar dawl fuq it-tagħlim għani tiegħu. Minkejja l-għadd ta’ ħidmiet marbuta mal-funzjoni tiegħu ta’ Isqof ta’ Ruma, hu ħallielna bosta opri, li minnhom il-Knisja fis-sekli ta’ wara xorbot bil-kotra. Barra l-epistolarju importanti ħafna – ir-Reġistru li għalih aċċennajt fil-katekeżi li għaddiet fih fuq 800 ittra – hu ħallielna qabelxejn kitbiet ta’ karattru eseġetiku, fosthom jispikkaw il-Kummentarju morali għal Ġob – magħruf bit-titlu Latin ta’ Moralia in Iob –, l-Omeliji fuq Eżekjel, u l-Omeliji fuq il-Vanġeli. Imbagħad hemm opra importanti ta’ karattru aġjografiku, id-Djalogi, miktuba minn Girgor għall-edifikazzjoni tar-reġina Longobarda Teodolinda. L-opra ewlenija u l-aktar magħrufa hi bla dubju ta’ xejn ir-Regola pastorali, li l-Papa niseġ fil-bidu tal-pontifikat tiegħu b’għanijiet kjarament programmatiċi.

 

Biex ngħaddu fuq fuq dawn l-opri, irridu qabelxejn ninnutaw li, fil-kitbiet tiegħu, Girgor qatt ma kien moħħu kif ħa jippreżenta xi duttrina “tiegħu”, ħaġa oriġinali tiegħu. Pjuttost, hu jrid isir eku tat-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja, irid sempliċiment ikun il-fomm ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu fil-mixja li hemm bżonn biex wieħed jasal għand Alla. F’dan ir-rigward huma eżemplari l-kummentarji eseġetiċi tiegħu. Hu kien qarrej appassjonat tal-Bibbja, u lejha ma resaqx biss b’fehmiet spekulattivi: hu kien jemmen li mill-Iskrittura Mqaddsa n-Nisrani jrid jikseb mhux tant għarfien teoriku, imma pjuttost l-ikel ta’ kuljum għal ruħu, għall-ħajja tiegħu ta’ bniedem f’din id-dinja. Fl-Omeliji fuq Eżekjel, ngħidu aħna, hu jisħaq bil-qawwa kollha fuq din il-funzjoni tat-test imqaddes: li taqbad l-Iskrittura sempliċiment biex tissodisfa x-xewqa tiegħek għall-għerf ikun ifisser iċċedi għat-tentazzjoni tal-kburija u hekk tesponi ruħek għar-riskju li tiżloq fl-ereżija. L-umiltà intellettwali hija r-regola ewlenija għal min jitlaq mill-Ktieb sagru biex ifittex jinfed fir-realtajiet sopranaturali. Ovvjament, l-umiltà ma teskludix l-istudju serju; imma biex dan iħalli frott spiritwali, u jgħinna nidħlu tassew fil-profondità tat-test, tibqa’ indispensabbli l-umiltà. B’dan l-atteġġjament interjuri biss nistgħu nagħtu tassew widen u fl-aħħar mill-aħħar nagħrfu l-leħen ta’ Alla. Min-naħa l-oħra, meta qed nitkellmu fuq il-Kelma ta’ Alla, li nifhmu ma jfisser xejn, jekk il-fehma ma twassalniex għall-għemil. F’dawn l-omeliji fuq Eżekjel insibu wkoll dik l-espressjoni sabiħa li “l-predikatur għandu jbill il-pinna tiegħu fid-demm ta’ qalbu; hekk jista’ jasal ukoll għall-widna tal-proxxmu”. Meta taqra dawn l-omeliji tiegħu tara kif tassew Girgor kiteb bid-demm tal-qalb tiegħu u għalhekk sal-lum għadu jkellimna.

 

Dan id-diskors Girgor jiżviluppah ukoll fil-Kummentarju morali għal Ġob. Skont it-tradizzjoni Patristika, hu jgħarbel it-test sagru fit-tliet dimensjonijiet tat-tifsira tiegħu: id-dimensjoni letterali, id-dimensjoni allegorika u dik morali, li huma dimensjonijiet tat-tifsira waħdanija tal-Iskrittura Mqaddsa. Madankollu Girgor jattribwixxi prevalenza ċara lit-tifsira morali. F’din il-perspettiva, hu jipproponi l-ħsieb tiegħu b’xi pari ta’ kliem sinifikattivi – tkun taf–tagħmel, titkellem–tgħix, tagħraf–taġixxi –, li fihom jevoka ż-żewġ aspetti tal-ħajja umana li għandhom ikunu kumplimentari għal xulxin, imma li spiss jispiċċaw biex ikunu kontra xulxin. L-ideal morali, jikkummenta, qiegħed dejjem f’li naslu għal integrazzjoni armonjuża bejn kelma u għemil, ħsieb u ħidma, talb u dedikazzjoni għad-dmirijiet tal-istat tagħna: din hija t-triq biex naslu għal din is-sinteżi li biha d-divin jinżel fil-bniedem u l-bniedem jogħla għat-twaħħid tiegħu ma’ Alla. Il-Papa kbir b’dan il-mod ifassal pjan sħiħ ta’ ħajja għal min irid jemmen tassew; għalhekk il-Kummentarju morali għal Ġob fil-Medjuevu kellu jsir speċi ta’ Summa tal-morali Nisranija.

 

Ta’ importanza u ġmiel notevoli huma wkoll l-Omeliji fuq il-Vanġeli. L-ewwel fosthom taha fil-Bażilika ta’ San Pietru fi żmien l-Avvent tal-590 u allura ftit xhur wara l-elezzjoni tiegħu għall-Pontifikat; l-aħħar waħda għamilha fil-Bażilika ta’ San Lawrenz fit-tieni Ħadd wara Għid il-Ħamsin tal-593. Il-Papa kien jipprietka għall-poplu fil-knejjes fejn kienu jiġu ċċelebrati l-“istazzjonijiet” – ċerimonji partikulari ta’ talb fiż-żminijiet qawwija tas-sena liturġika – jew il-festi tal-martri titulari. Il-prinċipju li jnebbaħ kollox, li jsensel flimkien id-diversi interventi tiegħu, jista’ jinġabar fil-kelma “prædicator”: mhux biss il-ministru ta’ Alla, imma wkoll kull Nisrani, għandu d-dmir li jkun “predikatur” ta’ dak li ġarrab fil-ġewwieni tiegħu, fuq l-eżempju ta’ Kristu li sar bniedem biex iwassal lil kulħadd l-aħbar tas-salvazzjoni. Ix-xefaq ta’ dan l-impenn hu wieħed eskatoloġiku: l-istennija għall-milja tal-ħwejjeġ kollha fi Kristu hija ħsieb kostanti tal-Papa kbir u tispiċċa ssir motiv li jnebbaħ kull ħsieb u kull ħidma tiegħu. Min hawn joħorġu s-sejħat bla waqfien tiegħu biex nishru u nitħabtu għall-opri tajba.

 

Forsi t-test l-iktar organiku ta’ Girgor il-Kbir hu r-Regola pastorali, miktuba fl-ewwel snin tal-Pontifikat. Fiha Girgor jippropni l-karatteristiċi tal-figura tal-Isqof ideali, għalliem u gwida tal-merħla tiegħu. Għal dan il-għan hu juri kemm hu serju l-uffiċċju ta’ ragħaj tal-Knisja u x’inhuma d-dmirijiet li jġib miegħu: għalhekk, dawk li ma ġewx imsejħa għal din il-ħidma ma għandhomx ifittxuha b’mod superfiċjali, u min-naħa l-oħra dawk li ħaduha fuqhom mingħajr ma rriflettew kif imiss għandhom iħossu ruħhom titriegħed. Imiss tema għal qalbu ħafna meta jistqarr li l-Isqof hu qabelxejn il-“predikatur” per eċċellenza; bħala tali hu għandu jkun l-ewwel nett ta’ eżempju għall-oħrajn, hekk li l-imġiba tiegħu tista’ tkun punt ta’ riferiment għal kulħadd. Azzjoni pastorali effikaċi titlob imbagħad li hu jkun jaf id-destinatarji tiegħu min huma u jadatta l-interventi tiegħu għas-sitwazzjoni ta’ kull wieħed: Girgor jieqaf biex juri liema huma d-diversi kategoriji ta’ fidili b’noti hekk mirquma u preċiżi, li jistgħu jiġġustifikaw il-valutazzjoni ta’ min f’din l-opra lemaħ ukoll ħjiel ta’ psikoloġija. Minn hawn nifhmu li hu kien jaf tassew il-merħla tiegħu u kien jitkellem fuq kollox man-nies ta’ żmienu u tal-belt tiegħu.

 

Madankollu, il-Papa kbir jisħaq fuq id-dmir li għandu r-Ragħaj li ta’ kuljum jagħraf il-faqar tiegħu, b’mod li l-kburija ma ġġibx fix-xejn, f’għajnejn l-Imħallef suprem, il-ġid li jkun twettaq. Għalhekk l-aħħar kapitlu tar-Regola hu ddedikat lill-umiltà: “Meta wieħed jibda jieħu pjaċir li laħaq ħafna virtujiet, tajjeb jirrifletti fuq in-nuqqas ta’ ħila tiegħu u jiċċekken: flok joqgħod jaħseb fuq il-ġid li għamel, aħjar iqis dak li naqas milli jagħmel”. Dawn l-indikazzjonijiet prezzjużi juru l-idea l-aktar għolja li San Girgor għandu tal-kura tal-erwieħ, li hu sejħilha “ars artium”, l-arti tal-arti kollha. Ir-Regola kellha xorti kbira tant li, ħaġa pjuttost rari, malajr ġiet maqluba fil-Grieg u fl-Anglosassonu.

 

Sinifikattiva wkoll hi l-opra l-oħra, id-Djalogi, li fiha lil ħabibu d-djaknu Pietru, konvint li d-drawwiet issa kienu saru tant korrotti li kienu qed ifixklu l-qawmien ta’ qaddisin bħal fiż-żminijiet l-imgħoddija, Girgor jurih il-maqlub ta’ dan: il-qdusija hi dejjem possibbli, imqar fi żminijiet ibsin. Dan hu jippruvah billi jirrakkonta l-ħajja ta’ persuni kontemporanji jew li ma kinux ilhom mejta, li setgħu faċilment jissejħu qaddisa, anki jekk ma kinux ikkanonizzati. Ir-rakkont hu msieħeb minn riflessjonijiet teoloġiċi u mistiċi li jagħmlu mill-ktieb test aġjografiku uniku, li kapaċi jsaħħar ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ qarrejja. Il-materjal ġabru mit-tradizzjonijiet ħajja tal-poplu u għandu l-għan li jedifika u jifforma, billi jiġbed l-attenzjoni ta’ min qed jaqra fuq serje ta’ argumenti bħalma huma s-sens tal-miraklu, l-interpretazzjoni tal-Iskrittura, l-immortalità tar-ruħ, l-eżistenza tal-infern, ir-rappreżentazzjoni tal-ħajja ta’ dejjem, temi li kollha kienu jeħtieġu li jiġu ċċarati sew. It-II Ktieb hu kollu kemm hu ddedikat lill-figura ta’ Benedittu ta’ Norcia u hu l-unika xhieda antika fuq il-ħajja tar-raħeb qaddis, li l-ġmiel spiritwali tiegħu jidher b’mod ċar f’dan it-test.

 

Fil-pjan teoloġiku li jiżviluppa Girgor permezz tal-opri tiegħu, għandna relattivizzazzjoni tal-passat, il-preżent u l-futur. Dak li jiswa iktar minn kollox għalih hu l-medda sħiħa tal-istorja tas-salvazzjoni, li tibqa’ tinfetaħ qalb il-linji mserrpa u mudlama taż-żmien. F’din il-perspettiva hu sinifikattiv li hu jdaħħal it-tħabbira tal-konverżjoni tal-Angli f’nofs il-Kummentarju morali lil Ġob: f’għajnejh il-ġrajja kienet pass kbir ’il quddiem tas-Saltna ta’ Alla li fuqha titkellem l-Iskrittura; u allura setgħet bir-raġun kollu tissemma f’kummentarju għal ktieb sagru. Fil-fehma tiegħu l-mexxejja tal-komunitajiet Insara għandhom iħabirku biex jerġgħu jaqraw il-ġrajjiet fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla: f’dan is-sens il-Papa kbir iħoss id-dmir li jorjenta lir-ragħajja u l-fidili għall-mixja spiritwali ta’ lectio divina mdawla u konkreta, imqiegħda fil-kuntest tal-istess ħajja tagħhom.

 

Qabel nagħlaq nixtieq ngħid kelma fuq ir-relazzjonijiet li l-Papa Girgor xettel mal-Patrijarki ta’ Antjokja, ta’ Lixandra u tal-istess Kostantinopli. Ħsiebu kien dejjem kif ħa jagħraf u jirrispetta d-drittijiet tagħhom, u kien attent li ma jkun hemm l-ebda ndħil li jillimita l-awtonomija leġittima tagħhom. Imqar jekk San Girgor, fil-kuntest tas-sitwazzjoni storika tiegħu, ħadha kontra t-titlu ta’ “ekumeniku” li ħa fuqu l-Patrijarka ta’ Kostantinopli, dan ma għamlux biex jillimita jew jiċħad l-awtorità leġittima tiegħu, imma għax hu kien ħsiebu fl-għaqda tal-aħwa fil-Knisja universali. Għamlu fuq kollox minħabba l-konvinzjoni profonda tiegħu li l-umiltà għandha tkun il-virtù fundamentali ta’ kull Isqof, iżjed u iżjed ta’ Patrijarka. Girgor kien baqa’ sempliċi monaku f’qalbu u għalhekk żgur li kien kontra t-titli kbar. Hu ried ikun – kif kien iħobb jiffirma – servus servorum Dei. Din l-espressjoni għażiża għalih ma kinitx fuq fommu bħal xi formla devota, imma kienet il-vera wirja tal-mod kif hu kien jgħix u jġib ruħu. Hu kien iħossu milqut wisq mill-umiltà ta’ Alla, li fi Kristu sar qaddej tagħna, ħaslilna u jaħslilna r-riġlejn maħmuġin tagħna. Għalhekk hu kien konvint li fuq kollox Isqof għandu jixbah din l-umiltà ta’ Alla u hekk jimxi wara Kristu. Ix-xewqa tiegħu tabilħaqq kienet li jgħix ta’ monaku fi djalogu kontinwu mal-Kelma ta’ Alla, imma għall-imħabba ta’ Alla għaraf isir qaddej ta’ kulħadd fi żmien mimli tiġrib u tbatijiet; għaraf isir “qaddej tal-qaddejja”. Proprju għalhekk huwa kbir u juri lilna wkoll fejn hu l-veru kobor.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard