Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 3 ta’ Frar 2010

 

San Duminku ta’ Guzman

 

Għeżież ħuti,

 

Il-ġimgħa li għaddiet ippreżentajt il-figura kollha dawl ta’ San Franġisk ta’ Assisi, u llum nixtieq inkellimkom fuq qaddis ieħor li, fl-istess żmien, ta kontribut fundamentali lit-tiġdid tal-Knisja ta’ żmienu. Dan hu San Duminku, il-fundatur tal-Ordni tal-Predikaturi, magħrufin ukoll bħala Aħwa Dumnikani.

 

Is-suċċessur tiegħu fit-tmexxija tal-Ordni, il-Beatu Ġordanu tas-Sassonja, joffrilna profil sħiħ ta’ San Duminku fit-test ta’ talba famuża: “Mixgħul biż-żelu ta’ Alla u b’ħerqa sopranaturali, għall-imħabba bla tarf tiegħek u l-ħeġġa tal-ispirtu, bil-qawwa kollha kkonsagrajt ruħek kollha bil-vot tal-faqar perpetwu għall-osservanza appostolika u għall-predikazzjoni tal-Vanġelu”. Hi sewwasew din il-karatteristika fundamentali tax-xhieda ta’ Duminku li fuqha jeħtieġ nagħfsu: dejjem kien jitkellem ma’ Alla u dwar Alla. Fil-ħajja tal-qaddisin, l-imħabba għall-Mulej u għall-proxxmu, it-tiftix tal-glorja ta’ Alla u tas-salvazzjoni tal-erwieħ jimxu dejjem id f’id.

 

Duminku twieled Spanja, f’Caleruega, lejn is-sena 1170. Kien ġej minn familja nobbli tal-Kastilja l-Antika u, bl-għajnuna ta’ zijuh saċerdot, ġie ffurmat fi skola ċelebri ta’ Palencia. Minnufih spikka għall-interess tiegħu fl-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa u għall-imħabba lejn il-foqra, sal-punt li biegħ il-kotba tiegħu, li fi żmienu kienu ġid ta’ valur kbir, biex mid-dħul tagħhom seta’ jgħin lill-vittmi ta’ ġuħ li ħakem il-pajjiż.

 

Ordnat saċerdot, ġie maħtur kanonku tal-kapitlu tal-Katidral fid-djoċesi tal-oriġni tiegħu, Osma. Imqar jekk din il-ħatra setgħet tidher għalih xi motiv ta’ prestiġju fil-Knisja u fis-soċjetà, hu ma rahiex bħala privileġġ personali, lanqas bħala l-bidu ta’ xi karriera ekkleżjastika brillanti, imma bħala qadi li xtaq iwettaq b’dedikazzjoni u umiltà. Forsi mhijiex tentazzjoni dik tal-karriera, tal-poter, tentazzjoni li mhumiex meħlusa minnha lanqas dawk li għandhom rwol ta’ animazzjoni u ta’ tmexxija fil-Knisja? Dan fakkartu xi xhur ilu, waqt il-konsagrazzjoni ta’ xi Isqfijiet: “Ma nfittxux il-poter, il-prestiġju, l-istima tagħna nfusna. Nafu kif l-affarijiet fis-soċjetà ċivili, u, mhux darba u tnejn fil-Knisja, ibatu minħabba l-fatt li ħafna minn dawk li lilhom ġiet fdata responsabbiltà, ħadmu għalihom infushom u mhux għall-komunità” (Omelija, Kappella Papali għall-Ordinazzjoni episkopali ta’ ħames Prelati Eċċellentissmi, 12 ta’ Settembru 2009).

 

L-Isqof ta’ Osma, li kien jismu Diegu, ragħaj veru u żelanti, ma damx ma nnota l-kwalitajiet spiritwali ta’ Duminku, u ried jinqeda bil-kollaborazzjoni tiegħu. Flimkien ivvjaġġaw fl-Ewropa ta’ Fuq, biex iwettqu missjonijiet diplomatiċi fdati lilhom mir-Re ta’ Kastilja. Huwa u jivvjaġġa, Duminku ntebaħ b’żewġ sfidi enormi għall-Knisja ta’ żmienu: l-eżistenza ta’ popli li kienu għadhom mhumiex evanġelizzati, fuq il-konfini tat-tramuntana tal-kontinent Ewropew, u t-tiċrit reliġjuż li kien qed idgħajjef il-ħajja Nisranija fin-Nofsinhar ta’ Franza, fejn l-imġiba ta’ xi gruppi eretiċi kienet qed toħloq tgerfix u tbiegħed in-nies mill-verità tal-fidi. L-azzjoni missjunarja ma’ min kien għadu ma rax id-dawl tal-Vanġelu u l-opra ta’ rievanġelizzazzjoni tal-komunitajiet Insara saru għalhekk l-għanijiet appostoliċi li Duminku għamel f’moħħu li jaħdem għalihom. Kien il-Papa, li quddiemu marru l-Isqof Diegu u Duminku biex jitolbu l-parir tiegħu, li talab minn dan tal-aħħar li jiddedika ruħu għall-predikazzjoni lill-Albiġeżi, grupp eretiku li kien iħaddan kunċett duwalistiku tar-realtà, jiġifieri b’żewġ prinċipji ħallieqa li t-tnejn għandhom l-istess qawwa, it-Tajjeb u l-Ħażin. B’konsegwenza, dan il-grupp kien jistkerrah il-materja għax ġejja mill-prinċipju tal-ħażen, u jirrifjuta wkoll iż-żwieġ, sa jiċħad l-inkarnazzjoni ta’ Kristu, is-sagramenti li fihom il-Mulej “imissna” permezz tal-materja, u l-qawmien tal-ġisem mill-imwiet. L-Albiġeżi kellhom stima lejn il-ħajja ta’ faqar u awsterità – f’dan is-sens kienu wkoll eżemplari – u kienu jikkritikaw l-għana tal-kleru ta’ dak iż-żmien. Duminku laqa’ b’entużjażmu din il-missjoni, li wettaq proprju bl-eżempju tal-ħajja tiegħu fqira u awstera, bil-predikazzjoni tal-Vanġelu u b’dibattiti pubbliċi. Huwa ddedika l-bqija ta’ ħajtu għal din il-missjoni li jipprietka l-Aħbar it-Tajba. Uliedu mbagħad wettqu ħolmiet oħra ta’ San Duminku: il-missjoni ad gentes, jiġifieri ma’ dawk li kienu għadhom ma jafux b’Ġesù, u l-missjoni ma’ dawk li kienu jgħixu fl-ibliet, fuq kollox dawk universitarji, fejn it-tendenzi intellettwali ġodda kienu sfida għall-fidi ta’ min kien mgħallem.

 

Dan il-qaddis kbir ifakkarna li fil-qalb tal-Knisja dejjem għandu jħeġġeġ nar missjunarju, li jimbuttana bla waqfien biex inwasslu l-ewwel bxara tal-Vanġelu u, fejn hemm bżonn, għal evanġelizzazzjoni ġdida: fil-fatt, huwa Kristu l-aktar ġid prezzjuż li l-bnedmin ta’ kull żmien u ta’ kull post għandhom kull jedd li jsiru jafu u jħobbu! U x’faraġ kbir meta naraw kif anki fil-Knisja tal-lum huma bosta – ragħajja u fidili lajċi, membri ta’ ordnijiet reliġjużi qodma u ta’ movimenti ekkleżjali ġodda – li bil-ferħ jagħtu ħajjithom għal dan l-ogħla ideal: ix-xandir u x-xhieda tal-Vanġelu!

 

Ma’ Duminku ta’ Guzman imbagħad issieħbu rġiel oħra, miġbudin mill-istess xewqa. B’dan il-mod, ftit ftit, sa mill-ewwel twaqqif f’Toulouse, tnissel l-Ordni tal-Predikaturi. Fil-fatt, Duminku, f’ubbidjenza sħiħa lejn id-direttivi tal-Papiet ta’ żmienu, Innoċenz III u Onorju III, addotta r-Regola antika ta’ Santu Wistin, u addattaha għall-esiġenzi tal-ħajja appostolika, li kienu jieħdu lilu u lil sħabu jipprietkaw u jiġru minn post għall-ieħor, imma mbagħad jirritornaw fil-kunventi, fil-postijiet ta’ studju, ta’ talb u ta’ ħajja komunitarja tagħhom. B’mod partikulari, Duminku ried juri l-importanza ta’ żewġ valuri meqjusin indispensabbli għas-suċċess tal-missjoni evanġelizzatriċi: il-ħajja komunitarja fil-faqar u l-istudju.

 

Qabelxejn, Duminku u l-Aħwa Predikaturi ppreżentaw ruħhom bħala mendikanti, jiġifieri mingħajr ħafna proprjetajiet ta’ artijiet li riedu jamministraw. Dan l-element għamilhom iżjed disponibbli għall-istudju u għall-predikazzjoni minn post għall-ieħor u kien xhieda konkreta quddiem in-nies. It-tmexxija interna tal-kunventi u tal-provinċji Dumnikani ssawret fuq is-sistema ta’ kapitli, li kienu jeleġġu s-Superjuri tagħhom, ikkonfermati mbagħad mis-Superjuri maġġuri; allura, organizzazzjoni li kienet tħeġġeġ għall-ħajja fraterna u r-responsabbiltà tal-membri kollha tal-komunità, u tesiġi konvinzjonijiet personali qawwija. L-għażla ta’ din is-sistema nibtet proprju mill-fatt li d-Dumnikani, bħala predikaturi tal-verità ta’ Alla, riedu jkunu koerenti ma’ dak li kienu jxandru. Il-verità studjata u maqsuma fl-imħabba mal-aħwa hija l-aqwa bażi għall-ferħ. Il-Beatu Ġordanu tas-Sassonja jgħid hekk fuq San Duminku: “Hu kien jilqa’ lil kull bniedem fil-ġuf kbir tal-imħabba u, billi kien iħobb lil kulħadd, kulħadd kien iħobbu. Kien għamilha regola personali li jifraħ ma’ min jifraħ u jibki ma’ min jibki” (Libellus de principiis Ordinis Praedicatorum autore Iordano de Saxonia, ed. H.C. Scheeben, [Monumenta Historica Sancti Patris Nostri Dominici, Romæ, 1935]).

 

It-tieni, Duminku, b’ġest qalbieni, ried li s-segwaċi tiegħu jkollhom formazzjoni teoloġika soda, u ma qagħadx lura milli jibgħathom fl-Universitajiet ta’ dak iż-żmien, anki jekk mhux ftit nies tal-Knisja kienu jħarsu b’suspett lejn dawn l-istituzzjonijiet kulturali. Il-Kostituzzjonijiet tal-Ordni tal-Predikaturi jagħtu importanza kbira lill-istudju bħala tħejjija għall-appostolat. Duminku ried li l-Patrijiet tiegħu jingħataw għalih b’ruħhom u ġisimhom, b’diliġenza u devozzjoni; studju msawwar fuq ir-ruħ ta’ kull għerf teoloġiku, jiġifieri fuq l-Iskrittura Mqaddsa, u b’rispett lejn il-mistoqsijiet li tagħmel ir-raġuni. L-iżvilupp tal-kultura jimponi fuq dawk li jiżvolġu l-ministeru tal-Kelma, fuq diversi livelli, li jkunu mħejjijin kif imiss. Għalhekk, inħeġġeġ lil kulħadd, ragħajja u lajċi, biex irawmu din id-“dimensjoni kulturali” tal-fidi, biex il-ġmiel tal-verità Nisranija jista’ jinftiehem aħjar u l-fidi tista’ tassew tikber, tissaħħaħ u anki titħares. F’din is-Sena Saċerdotali, nistieden lis-seminaristi u lis-saċerdoti jistmaw il-valur spiritwali tal-istudju. Il-kwalità tal-ministeru saċerdotali tiddependi wkoll mill-ġenerożità li biha wieħed jingħata għall-istudju tal-veritajiet rivelati.

 

Duminku, li ried iwaqqaf Ordni reliġjuż ta’ predikaturi-teologi, ifakkarna li t-teoloġija għandha dimensjoni spiritwali u pastorali, li tagħni lir-ruħ u l-ħajja kollha. Is-saċerdoti, l-ikkonsagrati u anki l-fidili kollha jistgħu jsibu “ferħ interjuri” profond fil-kontemplazzjoni tal-ġmiel tal-verità li ġejja minn Alla, verità dejjem attwali u dejjem ħajja. Il-motto tal-Aħwa Predikaturi – contemplata aliis tradere – jgħinna mbagħad niskopru xewqa pastorali fl-istudju kontemplattiv ta’ dawn il-veritajiet, minħabba fil-ħtieġa li naqsmu mal-oħrajn il-frott tal-kontemplazzjoni tagħna.

 

Meta miet Duminku fl-1221, f’Bologna, il-belt li ddikjaratu Patrun tagħha, l-opra tiegħu diġà kienet kisbet suċċess kbir. L-Ordni tal-Predikaturi, bl-appoġġ tas-Santa Sede, kien xetered f’ħafna pajjiżi tal-Ewropa u minnu gawdiet il-Knisja kollha. Duminku ġie kkanonizzat fl-1234, u huwa hu stess li, bil-qdusija tiegħu, jurina żewġ mezzi indispensabbli biex l-azzjoni appostolika tkun effikaċi. Qabelxejn, id-devozzjoni Marjana, li hu kabbar b’tant ħlewwa u li ħalla bħala wirt prezzjuż lill-ulied spiritwali tiegħu, li fl-istorja tal-Knisja kellhom il-merti kbar li jxerrdu t-talba tar-Rużarju mqaddes, hekk għażiża għall-poplu Nisrani u hekk għanja b’valuri evanġeliċi, skola vera ta’ fidi u ta’ qima. It-tieni nett, Duminku, li ħa ħsieb ta’ xi monasteri femminili fi Franza u f’Ruma, kien jemmen bil-qawwa kollha fil-valur tat-talb ta’ interċessjoni għas-suċċess tal-ħidma appostolika. Fil-Ġenna biss għad nifhmu kemm it-talb tas-sorijiet tal-klawsura jsieħeb b’qawwa l-azzjoni appostolika! Lejn kull waħda minnhom imur il-ħsieb grat u kollu mħabba tiegħi.

 

Għeżież ħuti, il-ħajja ta’ Duminku ta’ Guzman tixprunana lkoll biex inkunu mħeġġa fit-talb, qalbiena fil-ħajja tal-fidi, profondament innamrati ma’ Ġesù Kristu. Għall-interċessjoni tiegħu, nitolbu lil Alla jagħni dejjem lill-Knisja bi predikaturi awtentiċi tal-Vanġelu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard