Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 2 ta’ Settembru 2009

 

San Oddone ta’ Cluny

 

Għeżież ħuti,

 

Wara waqfa twila, nixtieq nerġa’ naqbad il-preżentazzjoni tiegħi ta’ Kittieba kbar tal-Knisja tal-Lvant u tal-Punent fiż-żmien Medjevali, għax, bħal f’mera, f’ħajjithom u fil-kitbiet tagħhom nilmħu xi jfisser tkun Nisrani. Illum qed nipproponilkom il-figura mdawla ta’ San Oddone, Abbati ta’ Cluny: din insibuha f’dak il-Medjuevu monastiku li ra jixterdu b’mod tal-għaġeb fl-Ewropa l-ħajja u l-ispiritwalità mnebbħa mir-Regola ta’ San Benedittu. F’dawk is-sekli nibtu u tkattru b’mod tal-għaġeb il-kjostri li, huma u jixterdu mal-kontinent kollu, magħhom xerrdu wkoll bil-kbir l-ispirtu u s-sensibbiltà Nisranija. San Oddone jeħodna lura, b’mod partikulari, lejn monasteru, Cluny, li fil-Medjuevu kien fost l-iżjed illustri u ċċelebrati u sal-lum permezz tal-fdalijiet maestużi tiegħu għadu juri s-sinjali ta’ passat glorjuż minħabba fid-dedikazzjoni intensa għall-axxeżi, għall-istudju u, b’mod speċjali, għall-kult divin, imdawwar bid-dekor u bil-ġmiel.

 

Oddone kien it-tieni Abbati ta’ Cluny. Twieled lejn is-sena 880, fuq il-konfini bejn il-Maine u t-Touraine, fi Franza. Missieru kkonsagrah lill-Isqof qaddis Martin ta’ Tours, li għad-dell tiegħu bbenefika u fit-tifkira tiegħu Oddone mbagħad qatta’ ħajtu kollha, u fl-aħħar għalaqha qrib il-qabar tiegħu. Qabel l-għażla tal-konsagrazzjoni reliġjuża kellu l-esperjenza ta’ mument speċjali ta’ grazzja, li dwaru hu stess kellem lil monaku ieħor, Ġwanni t-Taljan, li mbagħad sar il-bijografu tiegħu. Oddone kien għadu adolexxent, fuq is-sittax-il sena, meta, waqt lejl tal-Milied, ħass tilgħab fuq xofftejh b’mod spontanju din it-talba lill-Verġni: “Sinjura tiegħi, Omm il-ħniena, li f’dan il-lejl tajt id-dawl lill-Feddej, itlob għalija. Ħa jkun il-ħlas glorjuż u singulari tiegħek, o l-Aktar Pija, il-kenn tiegħi” (Vita sancti Odonis, I, 9: PL 133,747). L-aġġettiv “Omm tal-ħniena”, li bih iż-żagħżugħ Oddone dakinhar sejjaħ lill-Verġni, kellu jibqa’ dak li bih imbagħad kellu jibqa’ jindirizza lil Marija, huwa u jsejħilha wkoll “tama waħdanija tad-dinja,… li grazzi għalik infetħulna l-bibien tas-Sema” (In veneratione S. Mariæ Magdalenæ PL 133,721). F’dak iż-żmien iltaqa’ mar-Regola ta’ San Benedittu u beda josserva xi partijiet minnha, “iġorr, meta kien għadu mhux monaku, il-madmad ħelu tal-monaċi” (ibid., I, 14: PL 133,50). F’omelija tiegħu Oddone ċċelebra lil Benedittu bħala “musbieħ li jiddi fiż-żmien mudlam ta’ din il-ħajja” (De sancto Benedicto abbate: PL 133,725), u sejjaħlu “mgħallem ta’ dixxiplina spiritwali” (ibid.: PL 133,727). Kollu mħabba wriena li l-pjetà Nisranija “tfakkru bi ħlewwa l-aktar sħiħa”, fl-għarfien li Alla refgħu “fost l-aktar Missirijiet għolja u magħżula tal-Knisja mqaddsa” (ibid.: PL 133,722).

 

Imsaħħar mill-ideal Benedittin, Oddone ħalla Tours u daħal bħala monaku fl-Abbazija Benedittina ta’ Baume, biex imbagħad għadda għal dik ta’ Cluny, li tagħha fid-927 sar Abbati. Minn dak iċ-ċentru ta’ ħajja spiritwali seta’ jħaddem influwenza kbira fuq il-monasteri tal-kontinent. Mill-gwida u r-riforma tiegħu gawdew anki fl-Italja diversi ċenobji, fosthom dak ta’ San Paolo fuori le Mura. Oddone żar Ruma iżjed minn darba, u wasal ukoll sa Subiaco, Montecassino u Salerno. Kien proprju f’Ruma li, fis-sajf tad-942, marad. Ħassu riesaq lejn it-tmiem, u allura għamel sforz biex reġa’ lura ħdejn San Martin tiegħu f’Tours, fejn miet fl-ottava tal-Qaddis, it-18 ta’ Novembru 942. Il-bijografu, xħin jisħaq fuq il-“virtù tas-sabar” ta’ Oddone, joffri lista twila ta’ virtujiet oħra tiegħu, bħalma huma l-istmerrija tad-dinja, iż-żelu għall-erwieħ, l-impenn għall-paċi tal-Knejjes. Aspirazzjonijiet kbar tal-Abbati Oddone kienu l-ftehim bejn ir-re u l-prinċpijiet, l-osservanza tal-Kmandamenti, l-attenzjoni għall-foqra, il-korrezzjoni taż-żgħażagħ, ir-rispett għall-anzjani (ara Vita sancti Odonis, I, 17: PL 133,49). Kien iħobb iċ-ċella ċkejkna fejn kien jgħix, “mistur minn għajnejn kulħadd, ħsiebu biss kif jogħġob lil Alla” (ibid., I, 14: PL 133,49). Imma ma kienx jonqos milli jeżerċita wkoll, bħal “għajn kotrana”, il-ministeru tal-kelma u tal-eżempju, “jibki bħala tabilħaqq imsejkna lil din id-dinja” (ibid., I, 17: PL 133,51). F’monaku wieħed waħdu, jikkummenta l-bijografu tiegħu, insibu miġbura d-diversi virtujiet li kienu jeżistu mferrxa fil-monasteri l-oħra: “Ġesù, fit-tjieba tiegħu, ħa mid-diversi ġonna tal-monaċi biex f’post ċkejken isawwar ġenna, fejn mill-għajn tiegħu jsaqqi l-qlub tal-fidili” (ibid., I, 14: PL 133,49).

 

F’silta minn prietka f’ġieħ Marija ta’ Magdala l-Abbati ta’ Cluny jurina kif kien jaħsibha dwar il-ħajja monastika: “Marija li, bilqiegħda ħdejn riġlejn il-Mulej, bi spirtu attent kienet tisma’ l-kelma tiegħu, hija s-simbolu tal-ħlewwa tal-ħajja kontemplattiva, li t-togħma tagħha, iżjed ma tiggustaha, iktar twassal lir-ruħ biex tinqata’ mill-ħwejjeġ li jidhru u mill-ġenn tat-tħassib tad-dinja” (In ven. S. Mariæ Magd., PL 133,717). Dan huwa kunċett li Oddone jikkonferma u jiżviluppa fil-kitbiet l-oħra tiegħu, li fihom tidher l-imħabba għall-ħajja interjuri, viżjoni tad-dinja bħala realtà dgħajfa u prekarja li minnha wieħed irid jinqala’, ġibda kontinwa għad-distakk mill-ħwejjeġ li hu jarahom bħala għejun ta’ tħassib żejjed, aspirazzjoni eskatoloġika qawwija. Din il-viżjoni tad-dinja tista’ tidher pjuttost imbiegħda minn dik tagħna, madankollu dak ta’ Oddone huwa kunċett li, għax iqis kemm hi dgħajfa d-dinja, jivvalorizza l-ħajja interjuri miftuħa għall-oħrajn, għall-imħabba tal-proxxmu, u proprju hekk tibdel il-ħajja u tiftaħ id-dinja għad-dawl ta’ Alla.

 

Jixraq li nsemmu b’mod partikulari d-“devozzjoni” lejn il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu li Oddone, quddiem traskuraġni kbira li hu jikkundanna b’mod ċar, rawwem dejjem b’konvinzjoni. Fil-fatt hu kien konvint tassew mill-preżenza reali, taħt l-ispeċi Ewkaristiċi, tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, bil-qawwa tal-bidla “sostanzjali” tal-ħobż u tal-inbid. Kiteb: “Alla, il-Ħallieq ta’ kollox, ħa l-ħobż, u qal li huwa Ġismu u li qed joffrih għad-dinja, u qassam l-inbid, li sejjaħlu Demmu”; issa, “hija liġi tan-natura li sseħħ il-bidla skont il-kmand tal-Ħallieq”, u ara, għalhekk, li “minnufih in-natura tibdel il-kundizzjoni tagħha tas-soltu: bla dewmien il-ħobż isir ġisem, u l-inbid isir demm”; għall-ordni tal-Mulej “is-sustanza  tinbidel” (Odonis Abb. Cluniac. occupatio, ed. A. Swoboda, Lipsia 1900, p. 121). B’xorti ħażina, jinnota l-Abbati tagħna, dan “il-misteru l-aktar qaddis tal-Ġisem tal-Mulej, li fih tikkonsisti s-salvazzjoni kollha tad-dinja” (Collationes, XXVIII: PL 133,572), hu ċċelebrat ta’ kafkaf. “Is-saċerdoti”, jgħid hu, “li jersqu lejn l-altar bla ma huma denji, itebbgħu l-ħobż, jiġifieri l-Ġisem ta’ Kristu” (ibid., PL 133,572-573). Huwa biss min hu magħqud spiritwalment ma’ Kristu li jista’ jipparteċipa denjament fil-Ġisem Ewkaristiku tiegħu: inkella, meta wieħed jiekol ġismu u jixrob demmu, dan ma jkunx għall-ġid, imma għall-kundanna tiegħu (ara ibid., XXX, PL 133,575). Dan kollu jistedinna nemmnu b’qawwa u profondità ġdida fil-verità tal-preżenza tal-Mulej. Hekk il-preżenza tal-Ħallieq fostna, li jingħata f’idejna u jibdilna kif jibdel il-ħobż u l-inbid, tibdel id-dinja.

 

San Oddone kien tassew gwida spiritwali kemm għall-monaċi u kemm għall-fidili ta’ żmienu. Quddiem il-“firxa kbira ta’ vizzji” mxerrda fis-soċjetà, ir-rimedju li hu ppropona b’mod deċiż kien dak ta’ bidla radikali ta’ ħajja, mibnija fuq l-umiltà, l-awsterità, id-distakk mill-ħwejjeġ li jgħaddu u t-twaħħid ma’ dawk li jibqgħu għal dejjem (ara Collationes, XXX, PL 133, 613). Minkejja r-realiżmu tad-djanjosi tiegħu dwar il-qagħda ta’ żmienu, Oddone ma jaqax fil-pessimiżmu, u jippreċiża: “Dan m’aħniex ngħiduh biex naqtgħu qalb dawk li jixtiequ jikkonvertu. Il-ħniena divina hi dejjem disponibbli; hi qed tistenna s-siegħa tal-konverżjoni tagħna” (ibid.: PL 133, 563). U jesklama: “O ġewwieni bla qies tal-pjetà divina! Alla jara l-ħtija imma jipproteġi lill-midinbin” (ibid.: PL 133,592). Imsaħħaħ minn din il-konvinzjoni, l-Abbati ta’ Cluny kien iħobb jieqaf jikkontempla l-ħniena ta’ Kristu, il-Feddej li hu b’mod suġġestiv kien isejjaħlu “maħbub tal-bnedmin”: “amator hominum Christus” (ibid., LIII: PL 133,637). Ġesù ħa fuqu l-flaġelli li kienu jmissu lilna – josserva – biex hekk isalva l-ħlejqa li hi opra tiegħu u li huwa jħobb (ara ibid.: PL 133, 638).

 

Hawn għandna karatteristika tal-abbati qaddis li mal-ewwel daqqa t’għajn tidher kważi moħbija taħt is-serjetà tal-awsterità tiegħu ta’ riformatur: it-tjieba profonda ta’ qalbu. Kien awster u strett, imma fuq kollox kien twajjeb, bniedem ta’ tjieba kbira, tjieba li ġejja mill-kuntatt mat-tjieba divina. Oddone, hekk jgħidulna n-nies ta’ żmienu, kien ixerred madwaru l-ferħ li bih kien mimli. Il-bijografu tiegħu jgħid li qatt ma sema’ ħiereġ minn fomm bniedem “tant ħlewwa tal-kelma” (ibid., I, 17: PL 133,31). Il-bijografu jfakkar li hu kien iħobb jistieden għall-kant lit-tfal li kien jiltaqa’ magħhom fit-triq biex imbagħad jagħtihom xi rigal ċkejken, u jżid: “Kliemu kien mimli bil-hena…, il-karattru ferrieħi tiegħu kien jimla lil qlubna b’ferħ kbir” (ibid., II, 5: PL 133,63). B’dan il-mod dan l-Abbati tal-Medjuevu, enerġetiku imma fl-istess ħin kollu mħabba, appassjonat għar-riforma, b’azzjoni inċiżiva seddaq fil-monaċi, kif ukoll fil-fidili lajċi ta’ żmienu, ix-xewqa li jimxu ’l quddiem b’pass ħafif fit-triq tal-perfezzjoni Nisranija.

 

Irridu nittamaw li t-tjieba tiegħu, il-ferħ li kien ġej mill-fidi, magħquda mal-awsterità u mal-oppożizzjoni għall-vizzji tad-dinja, imissu wkoll il-qalb tagħna, biex aħna wkoll nistgħu nsibu l-għajn tal-ferħ li joħroġ mit-tjieba ta’ Alla.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard