Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 2 ta’ Ġunju 2010

 

San Tumas ta’ Aquino (1)

 

Għeżież ħuti,

 

Wara xi katekeżijiet fuq is-saċerdozju u l-aħħar vjaġġi tiegħi, illum nerġgħu lura għat-tema prinċipali tagħna, jiġifieri biex nimmeditaw xi ħassieba kbar tal-Medjuevu. Dan l-aħħar konna ħarisna lejn il-figura kbira ta’ San Bonaventura, Franġiskan, u llum nixtieq nitkellem fuq dak li l-Knisja ssejjaħlu d-Doctor communis: jiġifieri San Tumas ta’ Aquino. Il-Predeċessur meqjum tiegħi, il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-Enċiklika tiegħu Fides et ratio fakkarna li San Tumas dejjem “tqies mill-Knisja mgħallem tal-ħsieb u eżempju ta’ kif għandha tiġi żviluppata t-teoloġija” (n. 43). Ma nistagħġbux li, wara Santu Wistin, fost il-kittieba tal-Knisja msemmijin fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, San Tumas jiġi kkwotat iżjed minn kull awtur ieħor, għal 61 darba! Hu ġie msejjaħ ukoll id-Doctor Angelicus, forsi minħabba l-virtujiet tiegħu, b’mod partikulari s-sublimità tal-ħsieb u s-safa ta’ ħajtu.

 

Tumas twieled bejn l-1224 u l-1225 fil-kastell li l-familja tiegħu, nobbli u għanja, kellha f’Roccasecca, fl-inħawi ta’ Aquino, qrib tal-abbazija ċelebri ta’ Montecassino, fejn ġie mibgħut mill-ġenituri tiegħu biex jirċievi l-ewwel elementi tal-istruzzjoni tiegħu. Xi snin wara mar fil-kapitali tas-Saltna ta’ Sqallija, Napli, fejn Federiku II kien waqqaf Università prestiġjuża. Hemm kien qed jiġi mgħallem, mingħajr il-limitazzjonijiet li kien hemm bnadi oħra, il-ħsieb tal-filosfu Grieg Aristotli, li miegħu ġie mlaqqa’ ż-żagħżugħ Tumas, u li mill-ewwel intebaħ bil-valur kbir tiegħu. Imma fuq kollox, f’dawk is-snin li qatta’ Napli, twieldet il-vokazzjoni Dumnikana tiegħu. Fil-fatt Tumas ħassu miġbud lejn l-ideal tal-Ordni mwaqqaf mhux tant snin qabel minn San Duminku. Madankollu, meta xedd it-tonka Dumnikana, il-familja tiegħu ħaditha kontra din l-għażla, u hu ġie mġiegħel iħalli l-kunvent u jgħaddi xi żmien mal-familja.

 

Fl-1245, meta issa kien laħaq l-età tal-maturità, seta’ jerġa’ jaqbad il-mixja tiegħu ta’ tweġiba għas-sejħa ta’ Alla. Intbagħat Pariġi biex jistudja t-teoloġija taħt il-gwida ta’ qaddis ieħor, Albertu l-Kbir, li dwaru tkellimt m’ilnix. Bejn Albertu u Tumas nibtet ħbiberija vera u profonda, u tgħallmu jistmaw u jirrispettaw lil xulxin, tant li Albertu ried li d-dixxiplu tiegħu jmur warajh Cologne wkoll, fejn kien ġie mibgħut mis-Superjuri tal-Ordni biex iwaqqaf studju teoloġiku. Hawn Tumas ġie f’kuntatt mal-opri kollha ta’ Aristotli u tal-kummentaturi Għarab tiegħu, li Albertu kien jurih u jfissirlu.

 

F’dak il-perjodu, il-kultura tad-dinja Latina kienet ġiet influwenzata b’mod qawwi mil-laqgħa tagħha mal-opri ta’ Aristotli, li għal ħafna żmien kienu baqgħu mhux magħrufa. Dawn kienu kitbiet fuq in-natura tal-għarfien, fuq ix-xjenzi naturali, fuq il-metafiżika, fuq ir-ruħ u fuq l-etika, mimlija tagħrif u intuwizzjonijiet li kienu jidhru validi u konvinċenti. Kienet viżjoni sħiħa tad-dinja li żviluppat mingħajr u qabel Kristu, bir-raġuni pura, u donna kienet timponi ruħha bħala “l-”viżjoni nfisha; allura ż-żgħażagħ kienu msaħħrin bil-kbir jaraw u jiltaqgħu ma’ din il-filosofija. Ħafna laqgħu b’ħerqa, anzi b’entużjażmu mingħajr kritika, din il-bagalja enormi tal-għerf tal-qedem, li deher li seta’ jġedded b’mod vantaġġjuż il-kultura, jiftaħ għalkollox ixfqa ġodda. Imma oħrajn beżgħu li l-ħsieb pagan ta’ Aristotli kien kuntrarju għall-fidi Nisranija, u rrifjutaw li jistudjawh. Iltaqgħu żewġ kulturi: il-kultura pre-Kristjana ta’ Aristotli, bir-razzjonalità radikali tagħha, u l-kultura klassika Nisranija. Ċerti ambjenti waslu biex jirrifjutaw lil Aristotli anki minħabba l-preżentazzjoni li kienu għamlu ta’ dan il-filosfu l-kummentaturi Għarab Avicenna u Averroè. Fil-fatt, kienu huma li għaddew lid-dinja Latina l-filosofija Aristoteljana. Ngħidu aħna, dawn il-kummentaturi kienu għallmu li l-bnedmin ma għandhomx intelliġenza personali, imma li hemm intellett wieħed universali, sustanza spiritwali komuni għal kulħadd, li taħdem f’kulħadd bħala “unika”: għalhekk, depersonalizzazzjoni tal-bniedem. Punt ieħor diskutibbli li wasslu dawn il-kummentaturi Għarab kien li d-dinja hija eterna bħal Alla. Wieħed jista’ jifhem li nqalgħu disputi kbar u bla waqfien fid-dinja universitarja u f’dik ekkleżjastika. Il-filosofija Aristoteljana bdiet tixtered saħansitra fost in-nies sempliċi.

 

Tumas ta’ Aquino, fl-iskola ta’ Albertu l-Kbir, żvolġa ħidma ta’ importanza fundamentali għall-istorja tal-filosofija u tat-teoloġija, biex ma ngħidx għall-istorja tal-kultura: studja fil-fond lil Aristotli u dawk li interpretawh, u kiseb traduzzjonijiet ġodda tal-Latin mit-testi oriġinali fil-Grieg. U hekk ma baqax jistrieħ iżjed biss fuq il-kummentaturi Għarab, imma seta’ jaqra hu stess it-testi oriġinali, u kkummenta parti kbira mill-opri ta’ Aristotli, biex minnhom għażel bejn dak li kien validu u dak li kien dubjuż jew kellu jiġi rrifjutat għalkollox, u hekk wera dak li kien jaqbel ma’ dak li tgħid ir-Rivelazzjoni Nisranija u nqeda fil-wisa’ u b’mod mirqum bil-ħsieb Aristoteljan fl-espożizzjoni tal-kitbiet teoloġiċi li niseġ. Bla ebda dubju, Tumas ta’ Aquino wera li bejn fidi Nisranija u raġuni hemm armonija naturali. U din kienet l-ikbar opra ta’ Tumas, li f’dak il-mument ta’ skontru bejn żewġ kulturi – dak il-mument fejn deher li l-fidi kellha ċċedi quddiem ir-raġuni – wera li huma jmorru id f’id, li dak li kien jidher raġuni imma mhux kompatibbli mal-fidi ma kien raġuni xejn, u dak li kien jidher fidi ma kienx fidi jekk jeħodha kontra l-vera razzjonalità; hekk hu ħoloq sintesi ġdida, li sawret il-kultura tas-sekli li ġew wara.

 

Għall-ħiliet intellettwali eċċellenti tiegħu, Tumas reġa’ ġie msejjaħ Pariġi bħala professur tat-teoloġija fuq il-katedra Dumnikana. Hawn bdiet ukoll il-produzzjoni letterarja tiegħu, li baqa’ għaddej biha sa mewtu, u li hi straordinarja: kummentarji għall-Iskrittura Mqaddsa, għax il-professur tat-teoloġija kien fuq kollox interpretu tal-Iskrittura, kummentarji għall-kitbiet ta’ Aristotli, opri sistematiċi formidabbli, li fosthom teċċella s-Summa Theologiæ, trattati u diskorsi fuq diversi argumenti. Għan-nisġa tal-kitbiet tiegħu, sab l-għajnuna ta’ xi segretarji, fosthom wieħed minn sħabu l-patrijiet, Reġinald ta’ Piperno, li segwieh fedelment u li miegħu kellu rabta ta’ ħbiberija fraterna u sinċiera, ikkaratterizzata minn kunfidenza u fiduċja kbira. Din hija karatteristika tal-qaddisin: kienu jikkultivaw il-ħbiberija, għax hi waħda mill-manifestazzjonijiet l-iżjed nobbli tal-qalb umana u għandha fiha xi ħaġa divina, kif Tumas innifsu spjega f’xi quæstiones tas-Summa Theologiæ, fejn jikteb: “L-imħabba hi l-ħbiberija tal-bniedem ma’ Alla l-ewwel, u mal-essri li huma tiegħu” (II, q. 23, a.1).

 

Ma baqax fit-tul u b’mod stabbli f’Pariġi. Fl-1259 ħa sehem fil-Kapitlu Ġenerali tad-Dumnikani f’Valenciennes fejn kien membru ta’ kummissjoni li stabbiliet il-programm tal-istudji fl-Ordni. Mill-1261 sal-1265, imbagħad, Tumas kien f’Orvieto. Il-Papa Urbanu IV, li kellu stima kbira lejh, ikkummissjonali jinseġ it-testi liturġiċi għall-Festa tal-Corpus Domini, li se niċċelebraw għada, imwaqqfa wara l-miraklu Ewkaristiku ta’ Bolsena. Tumas kellu qalb tabilħaqq Ewkaristika. L-innijiet wisq sbieħ li l-liturġija tal-Knisja tkanta biex tiċċelebra l-misteru tal-preżenza reali tal-Ġisem u tad-Demm tal-Mulej fl-Ewkaristija huma attribwiti lill-fidi tiegħu u lill-għerf teoloġiku tiegħu. Mill-1265 sal-1268 Tumas qagħad Ruma, fejn, aktarx, kien imexxi Studium, jiġifieri Dar tal-istudji tal-Ordni, u fejn beda jikteb is-Summa Theologiæ tiegħu (ara Jean-Pierre Torrell, Tommaso d’Aquino. L’uomo e il teologo, Casale Monf., 1994, pp. 118-184).

 

Fl-1269 reġgħu sejħulu Pariġi għat-tieni ċiklu ta’ tagħlim. L-istudenti – ħaġa minn ewl id-dinja – kienu ħerqanin għal-lezzjonijiet tiegħu. Eks alljiev tiegħu stqarr li għadd kbir ħafna ta’ studenti kienu jsegwu l-korsijiet ta’ Tumas, tant li l-awli bilkemm kienu jesgħuhom u żied, fuq nota personali, illi “li jisimgħu kien għalih hena wisq kbir”. L-interpretazzjoni ta’ Aristotli li ta Tumas ma kinitx aċċettata minn kulħadd, imma mqar l-avversarji tiegħu fil-qasam akkademiku, bħal Goffredu ta’ Fontaines, ngħidu aħna, kienu jammettu li t-tagħlim ta’ Patri Tumas kien superjuri għal oħrajn fis-siwi u l-valur tiegħu u kien iservi biex jikkoreġi dak tal-imgħallmin l-oħra kollha. Forsi anki biex iwarrbuh mid-diskussjonijiet imqanqla li kienu għaddejjin f’dak iż-żmien, is-Superjuri bagħtuh mill-ġdid Napli, biex ikun għad-dispożizzjoni tar-Re Karlu I, li kellu l-ħsieb jorganizza mill-ġdid l-istudji universitarji.

 

Barra għall-istudju u t-tagħlim, Tumas iddedika ruħu wkoll għall-predikazzjoni lill-poplu. U anki l-poplu minn jeddu kien imur jisimgħu bi ħġaru. Inħoss li hi tassew grazzja kbira meta t-teologi jafu jkellmu b’sempliċità u ħeġġa lill-fidili. Il-ministeru tal-predikazzjoni, min-naħa l-oħra, jgħin lill-istess studjużi tat-teoloġija għal realiżmu pastorali san, u jagħni bi tqanqil ħaj it-tiftix tagħhom.

 

L-aħħar xhur tal-ħajja ta’ Tumas fuq din l-art jibqgħu mdawrin minn atmosfera partikulari, misterjuża ngħid jien. F’Diċembru 1273 sejjaħ lil ħabibu u segretarju tiegħu Reġinaldu biex jgħarrfu bid-deċiżjoni tiegħu li jwaqqaf kull ħidma, għax, matul iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, kien fehem, wara rivelazzjoni sopranaturali li kellu, li dak kollu li kien kiteb sa issa kien biss “munzell tiben”. Huwa episodju misterjuż, li jgħinna nifhmu mhux biss l-umiltà personali ta’ Tumas, imma wkoll il-fatt li dak kollu li jirnexxilna naħsbu u ngħidu fuq il-fidi, ikun kemm ikun għoli u pur, isib infinitament jgħadduh il-kobor u l-ġmiel ta’ Alla, li għad jiġu rrivelati lilna fil-milja tagħhom fil-Ġenna. Xi xhur wara, dejjem iżjed mitluf f’meditazzjoni profonda, Tumas miet huwa u jivvjaġġa lejn Lyons, fejn kien sejjer biex jieħu sehem fil-Konċilju Ekumeniku msejjaħ mill-Papa Girgor X. Miet fl-Abbazija Ċisterċensi ta’ Fossanova, fejn b’sentimenti ta’ qima kbira kien irċieva l-Vjatku.

 

Il-ħajja u t-tagħlim ta’ San Tumas ta’ Aquino nistgħu niġbruhom f’episodju li jgħaddulna l-bijografi bikrija. Waqt li l-Qaddis, bħas-soltu, kien qed jitlob quddiem il-Kurċifiss, filgħodu kmieni fil-Kappella ta’ San Nikola, f’Napli, Duminku ta’ Caserta, is-sagristan tal-knisja, sema’ djalogu għaddej. Tumas kien qed jistaqsi, kollu mħasseb, jekk dak li kien kiteb fuq il-misteri tal-fidi Nisranija kienx tajjeb. U l-Imsallab wieġbu: “Tkellimt tajjeb fuqi, Tumas. Xi trid li jkun il-ħlas tiegħek?”. U t-tweġiba li ta Tumas hi dik li anki aħna, ħbieb u dixxipli ta’ Ġesù, nixtiequ dejjem nagħtuh: “Xejn iżjed ħlief lilek, Mulej!” (Ibid., p. 320).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard