Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 2 ta’ Mejju 2007

 

Oriġene ta’ Lixandra

II: It-tagħlim

 

Għeżież ħuti,

 

Il-katekeżi tal-Erbgħa li għaddiet kienet iddedikata lill-figura kbira ta’ Oriġene, duttur Lixandrin tas-seklu II-III. F’dik il-katekeżi tajna ħarsa lejn il-ħajja u l-produzzjoni letterarja tal-imgħallem kbir, u fil-“qari tripliku” tal-Bibbja, li wettaq hu, rajna l-qalba li tagħti l-ħajja lill-opra sħiħa tiegħu. Ħallejt għalihom – biex nitkellem fuqhom illum – żewġ aspetti tat-tagħlim ta’ Oriġene, li nqishom fost l-iżjed importanti u attwali: nixtieq nitkellem dwar it-tagħlim tiegħu fuq it-talb u fuq il-Knisja.

 

Fil-verità Oriġene – awtur ta’ trattat importanti u dejjem attwali fuq It-talb – jinseġ il-ħin kollu l-produzzjoni eseġetika u teoloġika tiegħu b’esperjenzi u suġġerimenti marbutin mat-talb. Minkejja l-għana teoloġiku kollu tal-ħsieb, hu qatt ma jittratta l-affarijiet minn lenti purament akkademika; dejjem jibni fuq l-esperjenza tat-talb, tal-kuntatt ma’ Alla. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu l-għerf tal-Iskrittura jitlob, iktar mill-istudju, l-intimità ma’ Kristu u t-talb. Hu konvint li t-triq ipprivileġġjata biex wieħed jagħraf lil Alla hi l-imħabba, u li ma tistax tasal għal vera scientia Christi mingħajr ma titħabbeb miegħu. Fl-Ittra lil Girgor Oriġene jirrakkomanda: “Agħti ruħek għal-lectio tal-Iskrittura mqaddsa; żomm sħiħ f’din il-ħidma. Ħabrek fil-lectio bil-fehma li temmen u li togħġob lil Alla. Jekk matul il-lectio ssib quddiemek bieb magħluq, ħabbat u jiftaħhielek dak l-għassies, li dwaru Ġesù qal: ‘Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ’. Int u tħabrek hekk għal-lectio divina, b’lealtà u fiduċja li ma titmermirx f’Alla, fittex is-sens tal-Iskrittura mqaddsa, li hu moħbi fil-medda wiesgħa tagħha. Imma m’għandekx tikkuntenta biss li tħabbat u tfittex: biex tifhem il-ħwejjeġ ta’ Alla bilfors għandek bżonn tal-oratio. Sewwasew biex iħeġġiġna għaliha l-Feddej tagħna ma qalilniex biss: ‘Fittxu u ssibu’ u ‘Ħabbtu u jiftħulkom’, imma żied: ‘Itolbu u jingħatalkom’” (4). Mill-ewwel ifeġġ quddiem għajnejna r-“rwol primordjali” li kellu Oriġene fl-istorja tal-lectio divina. L-Isqof Ambroġ ta’ Milan – li tgħallem jaqra l-Iskrittura mill-opri ta’ Oriġene – imbagħad introduċieha fil-Punent, biex għaddieha lil Wistin u lit-tradizzjoni monastika li ġiet wara.

 

Kif diġà għedna, l-ogħla livell tal-għarfien ta’ Alla, skont Oriġene, joħroġ mill-imħabba. U hekk anki fost il-bnedmin: wieħed jagħraf tassew b’mod profond lill-ieħor biss jekk ikun hemm l-imħabba, jekk jinfetħu l-qlub. Biex juri dan, hu jibni fuq tifsira li xi drabi tingħata lill-verb tagħraf bl-Ebrajk, meta dan jintuża biex jesprimi l-att tal-imħabba umana: “U Adam għaraf lil martu Eva, u din tqalet” (Ġen 4:1). Bħal donnu jrid jgħid li l-għaqda fl-imħabba ġġib l-aktar għarfien veru. Kif ir-raġel u l-mara huma “tnejn f’ġisem wieħed”, hekk Alla u min jemmen isiru “tnejn fi spirtu wieħed”. Hekk it-talb ta’ Oriġene jasal sal-ogħla livelli tal-mistika, kif jixhdu l-Omeliji fuq l-Għanja tal-Għanjiet. Dwar hekk għandna silta mill-ewwel Omelija, fejn Oriġene jistqarr: “Spiss – għal dan jixhidli Alla – ħassejt lill-Għarus riesaq lejja bl-ogħla mod; wara hu għeb ħabta u sabta, u jien ma stajtx insib dak li kont qed infittex. Mill-ġdid taħkimni x-xewqa għaż-żjara tiegħu, u xi kultant hu jerġa’ jiġi, u meta hu deher lili, meta nżommu ġewwa jdejja, mill-ġdid hu jaħrabli, u meta jkun għeb nerġa’ għal darb’oħra nibda nfittxu…” (1,7).

 

Jiġini f’moħħi dak li l-Predeċessur meqjum tiegħi kiteb, bħala xhud awtentiku, fin-Novo millennio ineunte, hemm fejn hu juri lill-fidili “kif it-talb jista’ jwassal għal djalogu ġenwin ta’ mħabba hekk li l-persuna ssir kollha kemm hi tappartieni lill-Maħbub Divin u twieġeb għal kull tnebbiħ tal-Ispirtu filwaqt li tistrieħ fil-qalb tal-Missier… Huwa”, kompla jgħid Ġwanni Pawlu II, “vjaġġ megħjun kollu kemm hu mill-grazzja, li madankollu titlob impenn spritwali sħiħ u li jkollu jgħaddi minn purifikazzjoni ta’ tbatija. Imma huwa vjaġġ li jwassal minn diversi toroq għall-ferħ, li ma jitfissirx bil-kliem, li l-mistiċi ġarrbu bħala ‘għaqda fiż-żwieġ’” (n. 33).

 

Fl-aħħar nett niġu għat-tagħlim ta’ Oriġene fuq il-Knisja, u preċiżament – fi ħdanha – fuq is-saċerdozju komuni tal-fidili. Fil-fatt, kif l-għaref ta’ Lixandra jistqarr fid-disa’ Omelija fuq il-Levitiku, “dan id-diskors jolqot lilna kollha” (9,1). Fl-istess Omelija Oriġene – huwa u jirreferi għall-projbizzjoni li għamel Aron, wara l-mewt taż-żewġ uliedu, li wieħed jidħol fis-Sancta sanctorum “f’kull waqt u żmien” (Lev 16:2) – hekk iwissihom lill-fidili: “Minn hawn jidher li jekk wieħed jidħol f’xi ħin jew ieħor fis-santwarju, mingħajr it-tħejjija xierqa, mingħajr ma jxidd fuqu l-ilbies pontifikali, mingħajr ma jkun ħejja l-offerti mitluba u ra li jistħoqqlu, imut… Dan id-diskors jolqot lilna lkoll. Fil-fatt qed jordnalna li nkunu nafu kif għandna nersqu quddiem l-altar ta’ Alla. Jew ma tafx li lilek ukoll, jiġifieri lill-Knisja kollha ta’ Alla u lill-poplu ta’ dawk li jemmnu, ġie mogħti s-saċerdozju? Ara x’jgħid Pietru lill-fidili: ‘Ġens maħtur’, jgħidilhom, ‘saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih’. Għalhekk inti għandek is-saċerdozju għax int ‘ġens saċerdotali’, u għalhekk jeħtieġ toffri s-sagrifiċċju lil Alla… Imma biex tista’ toffrih kif inhu xieraq, għandek bżonn ta’ lbies safi u magħżul mill-ilbies komuni għal nies oħra, u teħtieġ in-nar divin” (ibid.).

 

Hekk minn naħa l-“qaddejn imħażżma” u l-“ilbies saċerdotali”, jiġifieri l-ħajja safja u onesta, u mill-oħra l-“musbieħ dejjem mixgħul”, jiġifieri l-fidi u x-xjenza tal-Iskrittura, jitwaħħdu flimkien bħala l-kundizzjonijiet indispensabbli għat-tħaddim tas-saċerdozju universali, li jesiġi safa u onestà ta’ ħajja, fidi u xjenza tal-Iskrittura. Iktar u iktar dawn il-kundizzjonijiet huma indispensabbli, evidentement, għat-tħaddim tas-saċerdozju ministerjali. Dawn il-kundizzjonijiet – ta’ mġiba ta’ ħajja integra, imma fuq kollox ta’ min jilqa’ u jistudja l-Kelma – jagħtuna “ġerarkija ta’ qdusija” vera u proprja fis-saċerdozju komuni tal-Insara. Fil-quċċata ta’ din il-mixja ta’ perfezzjoni Oriġene jqiegħed il-martirju. Dejjem fid-disa’ Omelija fuq il-Levitiku jirriferi għan-“nar għas-sagrifiċċju”, jiġifieri għall-fidi u għax-xjenza tal-Iskrittura, li qatt m’għandu jintefa fuq l-altar ta’ min iħaddem dan is-saċerdozju. Imbagħad iżid: “Imma kull wieħed u waħda minna għandna fina” mhux biss in-nar; għandna “wkoll is-sagrifiċċju maħruq, u bis-sagrifiċċju tagħna nixegħlu l-altar, biex jibqa’ jaqbad għal dejjem. Jiena, jekk niċċaħħad minn dak kollu li għandi, nerfa’ salibi u nimxi wara Kristu, inkun noffri s-sagrifiċċju tal-ħruq tiegħi fuq l-altar ta’ Alla; u jekk nagħti ġismi għall-ħruq bl-imħabba u nikseb il-glorja tal-martirju, inkun noffri s-sagrifiċċju tal-ħruq tiegħi fuq l-altar ta’ Alla” (9,9).

 

Din il-mixja bla heda ta’ perfezzjoni “tolqot lilna lkoll”, sakemm “il-ħarsa ta’ qalbna” tkun fuq il-kontemplazzjoni tal-Għerf u tal-Verità, li hu Ġesù Kristu. Huwa u jipprietka fuq id-diskors ta’ Ġesù ta’ Nazaret – meta “għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammrin fuqu” (Lq 4:16-30) – Oriġene donnu qed jindirizza proprju lilna: “Illum ukoll, jekk tridu, f’din il-ġemgħa għajnejkom jistgħu jissammru fuq il-Feddej. Meta fil-fatt int iddawwar il-ħarsa l-aktar profonda ta’ qalbek lejn il-kontemplazzjoni tal-Għerf, tal-Verità u tal-Iben waħdieni ta’ Alla, allura għajnejk jilmħu lil Alla. Hienja l-ġemgħa li għaliha l-Iskrittura tgħid li għajnejn kulħadd kienu msammrin fuqu! Kemm nixtieq li din il-ġemgħa jkollha xhieda bħal din, li għajnejn kulħadd, sew dawk mhux mgħammda u sew il-fidili, in-nisa, l-irġiel u t-tfal, mhux l-għajnejn tal-ġisem, imma dawk tar-ruħ, iħarsu lejn Ġesù! … Mixħuta fuqna hi d-dija ta’ wiċċek, o Mulej, li tiegħek huma l-glorja u l-qawwa għal dejjem ta’ dejjem. Amen!” (Om. fuq il-Vanġelu ta’ Luqa 32,6).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard