Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 1 ta’ Diċembru 2010

 

Santa Ġuljana ta’ Norwich

 

Għeżież ħuti,

 

Għadni niftakar b’ferħ kbir il-Vjaġġ appostoliku li għamilt fir-Renju Unit f’Settembru li għadda. L-Ingilterra hija art li tatna tant figuri illustri li bix-xhieda tagħhom u t-tagħlim tagħhom iżejnu l-istorja tal-Knisja. Waħda minnhom, meqjuma kemm mill-Knisja Kattolika u kemm mill-Komunjoni Anglikana, hija l-mistika Ġuljana ta’ Norwich, li dwarha nixtieq inkellimkom dalgħodu.

 

It-tagħrif li għandna dwar ħajjitha – mhuwiex ħafna – nisiltuh prinċipalment mill-ktieb li fih din il-mara ġentili u twajba ġabret il-kontenut tal-viżjonijiet tagħha, intitolat Rivelazzjonijiet tal-Imħabba divina. Nafu li għexet bejn wieħed u ieħor bejn l-1342 u l-1430, snin ta’ tiġrib kemm għall-Knisja, mifnija bix-xiżma wara r-ritorn tal-Papa minn Avignon għal Ruma, kemm bil-ħajja tan-nies li kienet qed tbati l-konsegwenzi ta’ gwerra twila bejn is-saltna tal-Ingilterra u dik ta’ Franza. Imma Alla, imqar fiż-żminijiet tat-tiġrib, ma jieqaf qatt iqanqal figuri bħal Ġuljana ta’ Norwich, biex isejjaħ mill-ġdid lill-bnedmin għall-paċi, għall-imħabba u għall-ferħ.

 

Kif tirrakkonta hi stess, f’Mejju 1373, aktarx fit-13 ta’ dak ix-xahar, ġiet ħabta u sabta milquta minn marda gravi ħafna li fi tlitt ijiem donnha kienet qed tixħitha l-qabar. Wara li s-saċerdot, li ġera għal ħdejn is-sodda ta’ mewtha, urieha l-Kurċifiss, Ġuljana mhux biss reġgħet kisbet minnufih saħħitha, imma rċiviet dawk is-sittax-il rivelazzjoni li aktar tard niżżlet bil-miktub u kkummentat fil-ktieb tagħha, ir-Rivelazzjonijiet tal-Imħabba divina. U kien proprju l-Mulej li, ħmistax-il sena wara dawn il-ġrajjiet tal-għaġeb, urieha t-tifsira ta’ dawk il-viżjonijiet. “Trid taf x’fehem il-Mulej tiegħek u tagħraf it-tifsira ta’ din ir-rivelazzjoni? Kun af sewwa: l-imħabba hi dak li hu fehem. Min qed jurihulek dan? L-imħabba. Għaliex qed jurihulek? Għall-imħabba… Hekk tgħallimt li l-Mulej tagħna jfisser imħabba” (Giuliana di Norwich, Il libro delle rivelazioni, cap. 86, Milano 1997, p. 320).

 

Imnebbħa mill-imħabba divina, Ġuljana għamlet għażla radikali. Bħal anakoreta antika, għażlet li tgħix fiċ-ċella tagħha, li kienet qrib il-knisja ta’ San Ġuljanu, fil-belt ta’ Norwich, li fi żmienha kienet ċentru urban importanti, qrib Londra. Forsi ħadet l-isem ta’ Ġuljana proprju minn dak il-qaddis li għalih kienet imsemmija l-knisja li ħdejha għexet għal tant snin, sa mewtha. Tista’ tissorprendina u saħansitra tħallina mifxula din id-deċiżjoni li tgħix “rekluża”, kif kien jingħad dak iż-żmien. Imma ma kinitx l-unika waħda li għamlet għażla bħal din: f’dawk is-sekli għadd imdaqqas ta’ nisa kienu jagħżlu din il-bixra ta’ ħajja, u jaddottaw regoli magħmula apposta għalihom, bħal dik miktuba minn San Alredu ta’ Rievaulx. L-anakoreti jew “reklużi”, fuq ġewwa taċ-ċella tagħhom, kienu jingħataw għal ħajja ta’ talb, meditazzjoni u studju. Hekk, kienu jrawmu fihom sensibbiltà umana u reliġjuża fina ħafna, u minħabba f’hekk kienu meqjuma min-nies. Irġiel u nisa ta’ kull età u kundizzjoni, fil-bżonn ta’ pariri u ta’ faraġ, kienu jfittxuhom b’qima kbira. Mela din ma kinitx xi għażla individwalistika; proprju b’din il-qrubija għall-Mulej immaturat fiha wkoll il-ħila li tagħti l-pariri lil ħafna nies, tgħin lil dawk li kienu għaddejjin minn xi diffikultà f’din il-ħajja.

 

Nafu li anki Ġuljana kien ta’ sikwit ikollha żjajjar, kif naqraw fl-awtobijografija ta’ Nisranija oħra mħeġġa ta’ żmienha, Margery Kempe, li marret Norwich fl-1413 biex tieħu parir fuq il-ħajja spiritwali tagħha. Huwa għalhekk li, meta Ġuljana kienet għadha ħajja, kienet imsejħa, kif hemm miktub fuq il-mafkar funebri fuq il-fdalijiet tagħha: “Madre Ġuljana”. Kienet saret omm għal ħafna.

 

In-nisa u l-irġiel li jitwarrbu mill-għagħa biex jgħixu fil-kumpanija ta’ Alla, proprju grazzi għal din l-għażla tagħhom, jiksbu sens kbir ta’ kompassjoni għat-tbatijiet u d-dgħufijiet tal-oħrajn. Ħbieb ta’ Alla, huma għandhom għerf li d-dinja, li minnha jitbiegħdu, ma għandhiex, u bl-ikbar imħabba jaqsmuh ma’ dawk li jħabbtu fuq il-bieb tagħhom. Qed naħseb, allura, b’ammirazzjoni u gratitudni, fil-monasteri tal-klawsura femminili u maskili li, illum iżjed minn qatt qabel, huma oasi ta’ paċi u ta’ tama, teżor prezzjuż għall-Knisja kollha, speċjalment għax ifakkru fil-primat ta’ Alla u l-importanza li għandu t-talb kontinwu u intens fil-mixja tal-fidi.

 

Kien proprju fis-solitudni mgħammra minn Alla li Ġuljana ta’ Norwich nisġet ir-Rivelazzjonijiet tal-Imħabba divina, li waslulna żewġ ġabriet tagħhom, waħda iqsar mill-oħra, aktarx l-iżjed antika, u oħra itwal. Dan il-ktieb fih messaġġ ta’ ottimiżmu mibni fuq iċ-ċertezza li aħna maħbubin minn Alla u mħarsin mill-Providenza tiegħu. Naqraw f’dan il-ktieb dawn il-kelmiet stupendi: “Ilmaħt b’ċertezza assoluta… li Alla sa minn qabel ħalaqna, ħabbna, bi mħabba li qatt ma ġiet nieqsa, u qatt mhi ħa tintemm. U f’din l-imħabba hu ħalaq l-opri kollha tiegħu, u f’din l-imħabba hu għamel mod li l-ħwejjeġ kollha jiswew għalina, u f’din l-imħabba l-ħajja tagħna tibqa’ għal dejjem… F’din l-imħabba aħna għandna l-bidu tagħna, u dan kollu aħna għad narawh f’Alla bla tmiem” (Il-ktieb tar-rivelazzjonijiet, kap. 86, p. 320).

 

It-tema tal-imħabba divina spiss tirritorna fil-viżjonijiet ta’ Ġuljana ta’ Norwich li, b’ċerta qlubija, ma toqgħodx lura milli tqabbilha wkoll mal-imħabba ta’ omm. Huwa dan wieħed mill-messaġġi l-iżjed karatteristiċi tat-teoloġija mistika tagħha. Il-ħlewwa u l-għożża tat-tjieba ta’ Alla lejna huma hekk kbar li, għalina pellegrini fuq din l-art, jevokaw l-imħabba ta’ omm għal uliedha. Fir-realtà, anki l-profeti bibliċi ġieli nqdew b’dan il-lingwaġġ li jfakkar fil-ħlewwa, fl-intensità u t-totalità tal-imħabba ta’ Alla, li jidhru fil-ħolqien u fl-istorja kollha tas-salvazzjoni, u jilħqu l-qofol tagħhom fl-Inkarnazzjoni tal-Iben. Imma Alla dejjem jgħaddi kull imħabba tal-bniedem, kif jgħid il-profeta Iżaija: “Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Imqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt!” (Iż 49:15). Ġuljana ta’ Norwich fehmet il-messaġġ ċentrali għall-ħajja spiritwali: Alla hu mħabba, u huwa biss meta aħna ninfetħu, totalment u b’fiduċja sħiħa, għal din l-imħabba u nħalluha ssir il-gwida waħdanija ta’ ħajjitna, li kollox jiġi ttrasfigurat, insibu l-paċi vera u l-ferħ veru u nkunu kapaċi nxerrduhom madwarna.

 

Nixtieq nisħaq fuq punt ieħor. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jġib kliem Ġuljana ta’ Norwich meta jesponi l-perspettiva tal-fidi Kattolika fuq argument li ma jieqaf qatt ikun provokazzjoni għal dawk kollha li jemmnu (ara nn. 304-314). Jekk Alla hu l-ogħla tjieba u għerf, għaliex jeżistu l-ħażen u t-tbatija tal-innoċenti? Il-qaddisin ukoll, proprju l-qaddisin, għamluha din il-mistoqsija. Imdawlin mill-fidi, huma jagħtuna tweġiba li tiftħilna qalbna għall-fiduċja u għat-tama: fil-pjanijiet misterjużi tal-Providenza, imqar mill-ħażen Alla jaf joħroġ ġid ikbar, kif kitbet Ġuljana ta’ Norwich: “Bil-grazzja ta’ Alla tgħallimt li jaqbilli li nżomm sħiħ fil-fidi, u nemmen b’mod mhux anqas sħiħ li kull ħaġa se tiġi tajba…” (Il-ktieb tar-rivelazzjonijiet, kap. 32, p. 173).

 

Iva, għeżież ħuti, il-wegħdiet ta’ Alla huma dejjem ikbar minn dak li nistennew aħna. Jekk inħallu f’idejn Alla, f’idejn l-imħabba tiegħu bla tarf, ix-xewqat l-iżjed safja u profondi ta’ qalbna, qatt m’aħna ħa nkunu delużi. “U kollox ikun sew”, “kull ħaġa tkun għall-ġid”: dan hu l-messaġġ finali li Ġuljana ta’ Norwich qed tgħaddilna u anki jien nipproponilkom illum. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard