Laikos

 

Ara l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika kollu ...

L-ISKRITTURA MQADDSA

It-Tielet Artiklu tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.

I. Kristu – il-Kelma waħdanija ta’ l-Iskrittura Mqaddsa

101 Biex jgħarraf lilu nnifsu lill-bnedmin fit-tjieba tiegħu, Alla niżel għal-livell tagħhom biex kellimhom bi kliemhom stess. “Fil-fatt, kliem Alla, espress bi lsien il-bniedem ħa sura ta’ kelmet il-bniedem, kif il-Verb tal-Missier ta’ dejjem, meta ħa l-ġisem dgħajjef tagħna, sar jixbaħ lilna l-bnedmin”.[71]

102 Permezz tal-kliem kollu ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, Alla ma qalx ħlief Kelma waħda. Il-Verb waħdieni tiegħu li fih wera lilu nnifsu kollu kemm hu (ara Lh 1,1-3):

Ftakru li hi dejjem l-istess kelma waħda ta’ Alla li tinqara fil-Kotba mqaddsa kollha, hu l-istess Verb li jitlissen minn fomm il-Kittieba mqaddsa kollha, hu l-istess Verb li fil-bidu kien Alla ma’ Alla, u ma jeħtiegx diskorsi għaliex hu m’huwiex suġġett għaż-żmien.[72]

103 Minħabba f’hekk, il-Knisja dejjem qiemet il-Kotba Mqaddsa, kif tqim ukoll Ġisem il-Mulej. Qatt ma tieqaf tagħti lill-fidili kollha l-Ħobż tal-ħajja li tieħu mill-mejda tal-Kelma ta’ Alla u minn dik tal-Ġisem ta’ Kristu.[73]

104 Fl-Iskrittura Mqaddsa l-Knisja ssib bla heda l-manteniment u l-qawwa tagħha,[74] għax ma tilqax l-Iskrittura bħala biss kelma tal-bniedem, imma tilqagħha bħala dak li tassew hi, il-Kelma ta’ Alla (ara 1 Tes 2,13). Fil-Kotba Mqaddsa, il-Missier tas-sema, bit-tjieba kollha tiegħu, jiġi quddiem uliedu u joqgħod jitħaddet magħhom”.[75]

 

II. L-ispirazzjoni u l-veritŕ ta’ l-Iskrittura Mqaddsa

105 Alla hu l-awtur ta’ l-Iskrittura Mqaddsa. “Il-veritŕ rivelata minn Alla li tinsab ipprżentata fil-Kotba ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, inkitbet taħt l-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu”.

 “Ommna l-Knisja Mqaddsa b’fidi ġejja mill-Appostli tqis bħala kotba mqaddsa u kanoniċi l-Kotba kollha tat-Testment il-Qadim u tat-Testment il-Ġdid bil-partijiet tagħhom kollha għaliex, miktuba taħt l-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu, għandhom ‘l Alla bħala awtur tagħhom u ngħataw lill-istess Knisja bħala kitba ta’ Alla”.[76]

106 Alla nebbaħ il-bnedmin li kitbu l-Kotba Mqaddsa, “Biex jinkitbu l-Kotba Mqaddsa, Alla għażel uħud u nqeda bihom bl-użu sħiħ tal-fakultajiet u l-mezzi tagħhom, hekk li, hekk li, Huwa u jaħdem fihom u bihom, huma jniżżlu bil-miktub bħala veri awturi dak kollu u dak biss li kien jaqbel mar-rieda tiegħu”.[77]

107 Il-Kotba ispirati jgħallmu l-veritŕ. “Kull ma qalu l-awturi ispirati jew aġjografi, għandna nqisuh bħallikieku qalu l-Ispirtu s-Santu, u għalhekk għandna ngħidu wkoll li l-kotba ta’ l-Iskrittura Mqaddsa jgħallmu b’mod żgur, bil-fedeltŕ kollha u bla żball il-veritajiet li Alla ried jitniżżlu fil-Kotba Mqaddsa għas-salvazzjoni tagħna”.[78]

108 Iżda l-fidi Nisranija m’hijiex “xi reliġjon ta’ ktieb”. Il-Kristjaneżmu huwa r-reliġjon tal-“Kelma” ta’ Alla, kelmali “m’hijiex xi kelma miktuba u mbikkma, iżda l-Kelma (il-Verb) magħmula bniedem u ħajja”.[79] Biex il-Kotba Mqaddsa ma jibqgħux ittra mejta, jeħtieġ li Kristu, il-Kelma ta’ dejjem ta’ Alla l-ħaj, permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, “jiftħilna moħħna biex nifhmu l-Iskrittura” (Lq 24,45)

 

III. L-Ispirtu s-Santu, interpretu ta’ l-Iskrittura

109 Fl-Iskrittura Mqaddsa, Alla jkellem lill-bniedem kif jitkellmu l-bnedmin. Biex ninterpretaw tajjeb l-Iskrittura jeħtieġ għalhekk noqogħdu attenti għal dak li l-bnedmin li kitbu l-Kotba Mqaddsa riedu verament jgħidu, u għal dak li Alla ried tassew jurina bi kliemhom.[80]

110 Biex naraw x’kienet l-intenzjoni tal-kittieba mqaddsa rridu nqisu l-kondizzjonijiet ta’ żmienhom u l-kultura tagħhom, il-“ġeneri litterarji” li kienu jintużaw dak iż-żmien, il-mod kif in-nies fi żmienhom kienu jħossu, jitkellmu u jirrakkontaw. Dan għaliex “il-veritŕ wieħed jipproponieha u jesprimieha b’mod differenti b’testi li huma storiċi jew profetiċi jew poetiċi jew saħansitra ta’ ġeneri oħra ta’ espressjoni”.[81]

111 Iżda, għax l-Iskrittura Mqaddsa hi ispirata, hemm priċipju ieħor ta’ interpretazzjoni vera, mhux inqas importanti minn dak ta’ qablu, prinċipju li mingħajru l-Iskrittura tibqa’ kitba mejta. “L-Iskrittura Mqaddsa rridu naqrawha u ninterpretawha fid-dawl ta’ l-istess Spirtu, il-kawża prinċipali li nkitbet”.[82]

 Il-Konċilju Vatikan II isemmi tliet kriterji għall-interpretazzjoni ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, skond l-Ispirtu li nebbaħha:[83]

112 1. Trid tingħata attenzjoni kbira għal dak li hemm fl-Iskrittura Mqaddsa u għall-unitŕ tagħha. Huma kemm huma differenti minn xulxin il-kotba li jiffurmaw l-Iskrittura Mqaddsa, l-Iskrittura hi waħda għax wieħed hu l-pjan ta’ Alla, li tiegħu Kristu hu ċ-ċentru u l-qalb, li nfetħet wara l-Qawmien ta’ Kristu (ara Lq 24,25-27, 44-46).

Qalb (ara Salm 22,15) Kristu turina l-Iskrittura Mqaddsa, li biha nsiru nafu l-qalb ta’ Kristu. Din il-qalb kienet magħluqa qabel il-Passjoni għax l-Iskrittura ma kinitx ċara. Iżda l-iskrittura nfetħet wara l-Passjoni, għax dawk li issa qegħdin jifhmuha, qed iqisu u jagħrfu b’liema mod il-profeti għandhom jiġu mfissra.[84]

 113 2. L-Iskrittura trid tinqara fit-“Tradizzjoni ħajja tal-Knisja kollha”. Skond prinċipju ta’ Missirijiet il-Knisja, “l-Iskrittura mqaddsa tinqara ferm aktar f’qalb il-Knisja milli fil-mezzi materjali fejn hi miktuba”.[85] Dan għaliex il-Knisja, fit-Tradizzjoni tagħha, iżżomm it-tifkira ħajja tal-Kelma ta’ Alla, skond is-sens spiritwali li l-Ispirtu s-Santu jagħti bi grazzja lill-Knisja.[86]

114 3. Trid tingħata attenzjoni għall-“analoġija tal-fidi” (ara Rum 12,6). B’”analoġija tal-fidi” nifhmu r-rabta liema bħalha tal-veritajiet tal-fidi bejniethom u mal-pjan kollu tar-Rivelazzjoni.

 

IS-SENS TA’ L-ISKRITTURA

115 Skond tradizzjoni antika, nistgħu niddistingwu żewġ sensi ta’ l-Iskrittura, is-sens letterali u s-sens spiritwali; dan imbagħad jinqasam fis-sens allegoriku, morali u anagoġiku. Il-qbil sħiħ bejniethom ta’ dawn l-erba’ sensi jiżgura l-għana kollu tal-qari ħaj ta’ l-Iskrittura fil-Knisja:

116 Is-sens letterali. Hu s-sens imfisser mill-kliem ta’ l-Iskrittura u jingħaraf permezz ta’ l-eseġesi li ssir skond ir-regoli ta’ l-interpretazzjoni ġusta. Is-sensi kollha ta’ l-Iskrittura għandhom is-sisien tagħhom fis-sens letterarju.[87]

117 Is-sens spiritwali. Għaliex wieħed hu l-pjan ta’ Alla, mhux biss il-kliem ta’ l-Iskrittura, imma ukoll ir-realtajiet u l-ġrajjiet li dwarhom titkellem jistgħu jkunu sinjali.

1. Is-sens allegoriku. Nistgħu niksbu għarfien aktar fil-fond tal-ġrajjiet jekk inkunu nafu t-tifsir tagħhom fi Kristu; hekk, il-mogħdija mill-Baħar l-Aħmar hi sinjal tar-rebħa ta’ Kristu u b’hekk tal-Magħmudija.

2. Is-sens morali. Il-ġrajjiet li ssemmi l-Iskrittura għandhom iwassluna biex nagħmlu għemil li jkun ġust u sewwa. “Inkitbu bi twiddiba għalina” (1 Kor 10,11; ara Lh 3-4,11).

3. Is-sens anagoġiku. Nistgħu naraw ir-realtajiet u l-ġrajjiet fit-tifsir tagħhom tal-ħajja ta’ dejjem, huma u jmexxuna (bil-Grieg “anagoge”) lejn is-sema pajjiżna. Hekk il-Knisja fuq l-art hi sinjal ta’ Ġerusalemm tas-sema (ara Apok 21,1 – 22,5).

118 Żewġ versi taż-żminijiet tan-nofs jiġbru fil-qosor it-tifsir ta’ dawn l-erba’ sensi:

 Littera gesta docet, quid credas allegoria,

moralis quod agas, quo tendas anagogia.[88]

 Bil-Malti: L-ittra tgħallmek x’ġara, x’temmen l-allegorija,

 Il-morali x’għandek tagħmel, fejn sejjer l-anagoġija.

 

119 Hu dmir l-eseġeti, li jħabirku, skond dawn ir-regoli, ħa jidħlu aktar ‘il ġewwa l-eseġeti, li jħabirku, skond dawn ir-regoli, ħa jidħlu aktar ‘il ġewwa u jfissru aktar fil-fond is-sens tal-Iskrittura Mqaddsa, biex bl-istudji tagħhom, li b’xi mod ikunu studji ta’ tħejjija, il-ġudizzju tal-Knisja jimmatura dejjem aktar. Dak kollu li għandu x’jaqsam mal-mod kif tiġi interpretata l-Iskrittura, fl-aħħar mill-aħħar jaqa’ taħt il-ġudizzju tal-Knisja, li b’ministeru u mandat minn Alla għandha tħares il-Kelma ta’ Alla u tfissirha”.[89]

Jien ma kontx nemmen l-Evanġelju kieku ma wasslitnix għal dan l-awtoritŕ tal-Knisja Kattolika.[90]

 

IV. Il-Kanoni ta’ l-Iskrittura

120 Kienet it-Tradizzjoni appostolika li wasslet il-Knisja biex tagħraf liema kitbiet kellhom jidħlu fil-lista tal-Kotba Mqaddsa.[91] Din il-lista sħiħa tissejjaħ “Kanoni” ta’ l-Iskrittura. Tgħodd 46 (45 jekk inqisu Ġeremija u Lamentazzjonijiet ktieb wieħed) tat-Testment il-Qadim, u 27 tat-Testment il-Ġdid.[92]

 Ġenesi, Eżodu, Levitiku, Numri, Dewtoronomju, Ġożwč, Mħallfin, Rut, iż-żewġ kotba ta’ Samwel, iż-żewġ kotba tas-Slaten, iż-żewġ kotba tal-Kronaki, Esdra u Neħemija, Tobit, Ġuditta, Ester, iż-żewġ kotba tal-Makkabin, Ġob, Salmi, Proverbi, Koħelet, Il-Għanja ta’ l-Għanjiet, Għerf, Bin Sirak, Isaija, Ġeremija, Lamentazzjonijiet, Baruk, Eżekjel, Danjel, Ħosegħa, Ġoel, Għamos, Għabdija, Ġona, Mikea, Nahum, Habbakuk, Sofonija, Ħaġġaj, Żakkarija, Malakija – għat-Testment il-Qadim

 L-Evanġelji ta’ San Mattew, San Mark, San Luqa u San Ġwann, l-Atti ta’ l-Appostli, l-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, l-ewwel u t-tieni Ittra lill-Korintin, lill-Galatin, lill-Efesin, lill-Filippin, lill-Kolossin, l-ewwel u t-tieni Ittra lit-Tessalonkin, l-ewwel u t-tieni Ittra lil Timotju, lil Titu, lil Filemon, l-Ittra lill-Lhud, l-Ittra ta’ San Ġakbu, l-ewwel u t-tieni Ittra ta’ San Pietru, it-tliet Ittri ta’ San Ġwann, l-Ittra ta’ San Ġuda, l-Aposkalissi - għat-Testment il-Ġdid.

 

 IT-TESTMENT IL-QADIM

121 It-Testment il-Qadim huwa parti ta’ l-Iskrittura Mqaddsa u ma jistax jitħalla barra. Il-kotba tat-Testment il-Qadim huma ispirati minn Alla u għandhom siwi li jibqa’ għal dejjem[93] għaliex il-Patt il-Qadim qatt ma ġie mħassar.

122 “L-Ekonomija tat-Testment il-Qadim kellha prinċipalment l-għan li tħejji l-miġja ta’ Kristu, is-Salvatur tad-dinja”. “Għalkemm fihom hemm ukoll dak li mhux perfett u dak li kien għal xi żmien biss,” il-Kotba tat-Testment il-Qadim huma xhieda tal-pedagoġija divina kollha ta’ l-imħabba salvifika ta’ Alla: “Fihom insibu tagħlim mill-aktar għoli dwar Alla, għerf tassew ta’ ġid dwar il-ħajja tal-bniedem, teżor tassew għażiż ta’ talb; fl-aħħarnett fihom hemm moħbi l-misteru tas-salvazzjoni tagħna”.[94]

123 L-insara jqimu t-Testment il-Qadim bħala vera Kelma ta’ Alla. Il-Knisja dejjem warrbet bil-qawwa kollha l-idea li twarrab it-Testment il-Qadim bl-iskuża li bit-Testment il-Ġdid għadda żmienu (Marċjoniżmu).

 

IT-TESTMENT IL-ĠDID

124 “Il-Kelma ta’ Alla, li hi qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ kull min jemmen, narawha u turina l-qawwa tagħha b’mod tassew singulari fil-kitba tat-Testment il-Ġdid”.[95] Dawn il-kitbiet wasslulna l-veritŕ definittiva tar-Rivelazzjoni ta’ Alla. Iċ-ċentru ta’ dawn il-kitbiet hu Ġesů Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, l-għemil tiegħu, it-tagħlim tiegħu, il-passjoni u l-glorifikazzjoni tiegħu, u l-bidu wkoll tal-Knisja bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.[96]

125 L-Evanġelji huma l-qalba ta’ l-Iskrittura kollha “għax huma l-aqwa xhieda tal-ħajja u t-tagħlim tal-Verb magħmul bniedem, il-Feddej tagħna”.

126 Fil-formazzjoni tal-Evanġelju nistgħu niddistingwu tliet stadji:

1. Il-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesů. Il-Knisja bla tlaqliq issostni l-istoriċitŕ ta’ l-erba Evanġelji, u “żżomm bil-qawwa kollha li dawn igħaddulna fedelment, dak kollu li Ġesů Kristu, l-Iben ta’ Alla, tul ħajtu fost il-bnedmin, tassew għamel u għallem għas-salvazzjoni ta’ dejjem tal-bnedmin, sa ma ttieħed s-sema.”

2. It-tradizzjoni bil-fomm (orali). “Dak li l-Mulej għamel u għallem, l-Appostli wara t-tlugħ tiegħu fis-sema għaddewh lil dawk li kienu jisimgħuhom b’dak l-għarfien aktar fil-fond ta’ kollox li huma stess kisbu, mgħallmin mill-ġrajjiet glorjużi ta’ Kristu u mdawlin mill-Ispirtu tal-Veritŕ.”

3. L-Evanġelji miktuba. “L-awturi mqaddsa mbagħad kitbu l-erba’ Evanġelji billi għażlu xi ftit minn dak kollu li kien qiegħed jingħad bil-fomm jew kien ġa nkiteb, u xi ftit ieħor qaluh fil-qosor jew fissruh skond il-qagħda tal-Knejjes, waqt li żammew is-sura ta’ tħabbira, hekk li dwar Ġesů, dejjem wasslulna kollox bil-veritŕ u s-sinċeritŕ kollha”.[97]

127 L-Evanġelju, miktub minn erba’ evanġelisti, għandu post waħdu fil-Knisja, u dan jixhduh il-qima li jintwera lilu fil-Liturġija u l-ġibda liema bħalha li dejjem kellu għall-qaddisin:

Ma hemmx tagħlim li jista’ jkun aħjar, aktar għażiż u aktar sabiħ mill-kitba ta’ l-Evanġelju. Araw u żommu dak li l-Mulej u l-Imgħallem tagħna, Kristu għallimna bi kliemu u wettaq b’għemilu.[98]

Hu l-Evanġelju kollu li jżommni mehdi waqt it-talb tiegħi: fih insib dak kollu li neħtieġ għar-ruħi fqajra. Dejjem insib fih dwal ġodda, tifsir moħbi u misterjuż.[99]

 

L-GĦAQDA TAT-TESTMENT IL-QADIM U TAT-TESTMENT IL-ĠDID

128 Il-Knisja sa minn żmien l-Appostli (ara 1 Kor 10,6.11; Lh 10,1; 1 Piet 3.21), u mbagħad, fit-Tradizzjoni tagħha, dejjem uriet ċar li wieħed hu l-pjan ta’ Alla, fiż-żewġ Testmenti, u dan permezz tat-tipoloġija. Din fl-għemil ta’ Alla ta’ żmien il-Patt il-Qadim tara tħabbira minn qabel ta’ dak li Alla għamel fil-milja taż-żminijiet fil-Persuna ta’ Ibnu magħmul bniedem.

129 L-insara mela jaqraw it-Testment il-Qadim fid-dawl ta’ Kristu mejjet u rxoxt. Dan il-qari tipoloġiku juri li dak li hemm fit-Testment il-Qadim ma jintemm qatt. Dan ma għandux inessina li t-Testment il-Qadim għandu s-siwi proprju tiegħuta’ Rivelazzjoni kif tenna l-Mulej tagħna stess (ara Mk 12,29-31). Madankollu t-Testment il-Ġdid ukoll jitlob li jinqara fid-dawl tat-Testment il-Qadim. Il-katekeżi nisranija ta’ l-ewwel żminijiet dejjem irrikorriet għalih (ara 1 Kor 5,6-8; 10,1-11). Skond qawl antik, it-Testment il-Ġdid hu moħbi fil-Qadim, waqt li l-Qadim jinkixef fil-Ġdid. “Novum in Vetere latet et in Novo Vetus patet”.[100]

130 It-tipoloġija tfisser id-dinamiżmu lejn it-tmiem tal-pjan ta’ Alla meta “Alla jkun kollox f’kollox” (1 Kor. 15,28). Hekk is-sejħa tal-patrijarki u l-ħruġ mill-Eġittu, biex insemmu eżempju, ma jitilfux is-siwi proprju tagħhom fil-pjan ta’ Alla, għax fil-fatt huma fl-istess ħin stadji intermedji tal-pjan.

 

V. L-Iskrittura Mqaddsa fil-ħajja tal-Knisja

131 “Hemm tant qawwa u saħħa fil-kelma ta’ Alla, li żżomm u tqawwi l-Knisja, isaħħaħ ulied il-Knisja fil-fidi tagħhom, tmantni lil ruħhom, u hi nixxiegħa safja li ma tintemm qatt fil-ħajja spiritwali tagħhom”,[101] Jeħtieġ li l-bieb ta’ l-Iskrittura Mqaddsa jkun miftuħ beraħ għall-insara.[102]

132 “L-istudju ta’ l-Iskrittura Mqaddsa għandu jkun qisu r-ruħ tat-Teoloġija. Il-ministeru tal-Kelma ukoll, jiġifieri l-predikazzjoni pastorali, il-katekeżi u t-tagħlim nisrani kollu, fejn l-omelija liturġika għandu jkollha post privileġġjat, jitmantna tajjeb bl-istudju ta’ l-Iskrittura u jikseb qawwa qaddisa”.[103]

133 Il-Knisja “tħeġġeġ bil-qawwa kollha u tinsisti ma’ l-insara kollha biex bil-qari ta’ spiss tal-Kotba Mqaddsa “jagħrfu lil Kristu Ġesů” (Fil 3,8). Fil-fatt “Min ma jafx il-Kotba Mqaddsa ma jafx lil Kristu” (S. Ġirolmu).[104]

 

Fil-qosor

134 L-Iskrittura kollha hi ktieb wieħed u dan il-ktieb wieħed hu Kristu “għax l-Iskrittura kollha ta’ Alla titkellem fuq Kristu, u l-Iskrittura kollha ta’ Alla sseħħ fi Kristu”.[105]

135 Il-Kotba Mqaddsa fihom il-Kelma ta’ Alla, u għax huma ispirati huma tassew din il-Kelma”.[106]

136 Alla hu l-awtur ta’ l-Iskrittura Mqaddsa għax nebbaħ in-nies li kitbuha ħadem fihom u bihom. Hu jiżgura ukoll li l-kitbiet tagħhom jgħallmu bla żball il-veritŕ tas-salvazzjoni.[107]

137 L-interpretazzjoni ta’ l-Iskrittura ispirata titlob qabel xejn attenzjoni għal dak li Alla ried jirrivela għas-salvazzjoni tagħna permezz tal-kittieba mqaddsa. “Dak li jiġi mill-Ispirtu ma jiftihemx sħiħ mingħajr il-ħidma ta’ l-Ispirtu”.[108]

138 Il-Knisja tilqa’ u tqim bħala ispirati s-46 ktieb tat-Testment il-Qadim u s-27 tat-Testment il-Ġdid.

139 L-erba’ Evanġelji għandhom post ċentrali għax Kristu Ġesů hu ċ-ċentru tagħhom.

140 L-unitŕ taż-żewġ Testmenti tiġi mill-fatt li wieħed hu l-pjan ta’ Alla u waħda r-Rivelazzjoni tiegħu. It-Testment il-Qadim iħejji l-Ġdid, waqt li dan itemm il-Qadim; iż-żewġ Testmenti jdawlu ‘l xulxin; it-tnejn huma tassew il-Kelma ta’ Alla.

141 “Il-Knisja dejjem qiemet l-Iskrittura Mqaddsa, kif tqim l-istess Ġisem ta’ Kristu”;[109] kemm l-Iskrittura u kemm il-Ġisem ta’ Kristu jmantnu u jmexxu l-ħajja nisranija kollha. “Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek u dawl fil-mogħdija tiegħi” (Salm 119, 105; ara Is 50,4).