L-ITTRA APPOSTOLIKA   FIL-QOSOR MOQRIJA BIL-MALTI VIDJO-AWDJO RIŻORSI OĦRA

Il-Papa jwaqqaf il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla

APERUIT ILLIS FIL-QOSOR

 

L-Ittra Appostolika f’għamla ta’ Motu Proprju Aperuit illis, imxandra fit-30 ta’ Settembru 2019, tistabbilixxi li “t-III Ħadd fiż-Żmien ta’ Matul is-Sena jkun iddedikat għaċ-ċelebrazzjoni, ir-riflessjoni u t-tixrid tal-Kelma ta’ Alla”.

 

Id-dokument ixxandar f’ġurnata sinifikanti: it-30 ta’ Settembru hi l-Festa ta’ San Ġirolmu, li qaleb il-parti l-kbira tal-Bibbja għal-Latin, u li baqa’ magħruf għall-vers tiegħu: “Min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu”. Din hi wkoll l-1,600 sena minn mewtu.

 

It-titlu tad-dokument hu daqstant ieħor importanti. Huma l-kelmiet tal-ftuħ, meħuda mill-Vanġelu ta’ Luqa, fejn l-Evanġelista jiddeskrivi kif l-Irxoxt deher lid-dixxipli tiegħu u “fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura”.

 

Tweġiba għal talbiet

Il-Papa Franġisku jfakkar fl-importanza mogħtija mill-Konċilju Vatikan II lir-riskoperta tal-Iskrittura fil-ħajja tal-Knisja. Jgħid li kiteb din l-Ittra biex iwieġeb għat-talbiet ta’ ħafna fidili mid-dinja kollha biex jiġi ċċelebrat il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla.

 

Valur ekumeniku

Fil-Motu Proprju (litteralment, “b’inizjattiva tiegħu”), il-Papa jiddikjara t-Tielet Ħadd tas-Sena għall-Kelma ta’ Alla. Hu jgħid li din hi iżjed minn kumbinazzjoni fiż-żmien: iċ-ċelebrazzjoni għandha “tifsira ekumenika, għax l-Iskrittura Mqaddsa turi lil min jagħti widen għaliha l-mixja li għandu jterraq biex jilħaq l-għaqda awtentika u b’saħħitha”.

 

B’ċerta solennità

Il-Papa Franġisku jistieden lill-komunitajiet lokali jfittxu modi kif “jgħixu dan il-Ħadd bħala jum solenni”. Jissuġġerixxi li t-testi sagri jiġu intronizzati biex “il-ġemgħa tista’ tara b’mod ċar il-valur normattiv li għandha l-Kelma ta’ Alla”. Jisħaq fuq ix-xandir tal-Kelma ta’ Alla, fejn allura jixraq li s-saċerdot “jadatta l-omelija biex jixħet dawl fuq il-qadi tal-Kelma ta’ Alla”. Dakinhar ukoll jista’ jingħata l-Ministeru tal-Lettorat. “Il-kappillani jistgħu jsibu modi kif iqassmu l-Bibbja, jew xi ktieb tagħha, lill-ġemgħa kollha ħalli jagħfsu iktar fuq l-importanza li jissoktaw fil-ħajja ta’ kuljum il-qari, l-approfondiment u t-talb bl-Iskrittura Mqaddsa, b’riferiment partikulari għal-Lectio divina”.

 

Il-Bibbja hi għal kulħadd

Il-Bibbja mhix għal xi ftit ipprivileġġjati, jissokta Franġisku. Hi “tal-poplu mlaqqa’ biex jismagħha u li f’dik il-Kelma jagħraf lilu nnifsu”. Il-Bibbja ma tistax tiġi monopolizzata u lanqas ristretta għal xi gruppi magħżulin, għax “hija l-ktieb tal-poplu tal-Mulej li fis-smigħ tiegħu jgħaddi mit-tixrid ’l hawn u ’l hemm u mill-qsim għall-għaqda”.

 

L-importanza tal-omelija

“Ir-Ragħaj qabelxejn għandu r-responsabbiltà kbira li jfisser u jagħti lil kulħadd il-faċilità li jifhem l-Iskrittura Mqaddsa”, jikteb Franġisku. Għalhekk l-omelija għandha “karattru kważi sagramentali”. Il-Papa jwissi kontra prietki spontanji u biex “ma ntawlux iktar milli hemm bżonn b’omeliji ta’ min jaħseb li jaf kollox jew argumenti barranin għas-suġġett”. Pjuttost, jissuġġerixxi li jintuża lingwaġġ sempliċi u f’postu. Għal ħafna nies, “din hija l-unika okkażjoni li għandhom biex jiltaqgħu mal-ġmiel tal-Kelma ta’ Alla u jifhmu r-rabta tagħha mal-ħajja ta’ kuljum”.

 

L-Iskrittura Mqaddsa u s-Sagramenti

Il-Papa jinqeda bix-xena tad-dehra tal-Irxoxt lid-dixxipli ta’ Għemmaws biex juri dik li jsejħilha “r-rabta fundamentali bejn l-Iskrittura Mqaddsa u l-Ewkaristija”. Billi l-Iskrittura dejjem titkellem dwar Kristu, “biha nistgħu nemmnu li l-mewt u l-qawmien tiegħu mhumiex ħaġa tal-mitoloġija, imma tal-istorja, u jinsabu fil-qalba tal-fidi tad-dixxipli tiegħu”. Meta s-sagramenti jsibu l-Kelma ta’ Alla li tintroduċihom u ddawwalhom, “jidhru iżjed ċari bħala d-destinazzjoni ta’ mixja fejn Kristu nnifsu jiftaħ il-moħħ u l-qalb tagħna biex nagħrfu l-azzjoni salvifika tiegħu”.

 

Ir-rwol tal-Ispirtu s-Santu

Ir-rwol tal-Ispirtu s-Santu fl-Iskrittura Mqaddsa hu fundamentali”, jikteb il-Papa. “Mingħajr l-azzjoni tiegħu, dejjem jibqa’ r-riskju għoli li nibqgħu magħluqin fit-test sagru waħdu, u dan jagħmel eħfef l-interpretazzjoni fundamentalista, li jeħtieġ inżommu bogħod minnha biex ma nittradixxux il-karattru ispirat, dinamiku u spiritwali li għandu t-test imqaddes”. Hu l-Ispirtu s-Santu li “jibdel l-Iskrittura Mqaddsa f’Kelma ħajja ta’ Alla, li tingħax u tiġi mgħoddija fil-fidi tal-poplu qaddis tiegħu”. Il-Papa jistedinna ma nidraw qatt iżżejjed il-Kelma ta’ Alla, “imma nitrejqu biha biex niskopru u ngħixu b’mod profond ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u ma’ ħutna”.

 

Il-prattika tal-ħniena

Il-Papa jagħlaq l-Ittra Appostolika tiegħu billi jfisser dik li hu sejjaħ “l-ikbar sfida li għandna f’ħajjitna”: li “nagħtu widen għall-Iskrittura Mqaddsa biex nipprattikaw il-ħniena”. Il-Kelma ta’ Alla “kapaċi tiftħilna għajnejna biex tgħinna noħorġu mill-individwaliżmu li jaqta’ n-nifs u jħallina vojta, waqt li tiftħilna beraħ it-triq quddiemna biex naqsmu u nkunu solidali mal-oħrajn”.

 

L-Ittra tagħlaq b’riferenza għall-Madonna, li timxi magħna “fit-triq biex nilqgħu l-Kelma ta’ Alla”, tgħallimna l-ferħ ta’ dawk li jagħtu widen għall-Kelma – u jħarsuha.

 

Kitba ta' Francesco Pio Attard

 

customisable counter