Ara aktar tagħrif dwar l-Antifoni "O" tal-Avvent ...

L-Antifoni Maġġuri “O”

L-Antifoni għall-Magnificat tat-Tieni Għasar

mis-17 sat-23 ta’ Diċembru

Minn Dun Pawl Sciberras

Il-liturġija tal-ġimgħa ta’ qabel il-Milied u tal-festi kollha tat-Twelid ta’ Ġesù joffrulna għall-kontemplazzjoni tagħna t-tema ta’ Kristu Ġesù, id-dawl li jkeċċi d-dlamijiet.

Biżżejjed wieħed jagħti każ tal-figuri tal-kwiekeb, tax-xemx, tal-qamar, tad-dija, tad-dawl fl-Innijiet tal-Uffiċċju tal-Qari, fil-Lawdi u l-Għasar. Nisimgħu lil Isaija (9,1): “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; fuq dawk li kienu jgħixu fid-dlam dawl kbir idda fuqhom”. Imbagħad ir-rakkonti tat-tfulija ta’ Ġesù fl-ewwel żewġ kapitli tal-Evanġelji ta’ Mattew u Luqa jkellmuna fuq Ġesù l-Messija mill-perspettiva ta’ tant figuri tad-dawl: il-Benedictus (Lq 1,78) – “mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa”; l-anġlu jidher lir-rgħajja li kienu għassa mal-imrieħel tagħhom, “dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom” (Lq 2,8); ix-xwejjaħ Xmun fit-tempju jieħu t-tifel f’idejh u jħabbar: “dawl biex idawwal il-ġnus u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2,32).

Min-naħa tiegħu, Mattew jirrakkuntalna ż-żjara li l-Maġi għamlu lit-tarbija Ġesù: kienet kewkba li mexxiethom lejn is-Sultan tas-slaten.

Ġesù, id-dawl tal-ħelsien tagħna: noħorġu nħaffu biex nilqgħuh bl-imsiebaħ tagħna mixgħula (ara l-Kolletta tal-Quddiesa u tal-għeluq tal-Lawdi u l-Għasar tal-Ġimgħa tat-Tieni Ġimgħa tal-Avvent).

Imma l-Liturġija, imsejsa fuq l-għejjun Bibliċi, tagħtina triq oħra lejn il-Messija Ġesù li wasal. Fil-Versett tal-Hallelujah qabel l-Evanġelju, u fit-talba tal-Għasar ukoll, fl-Antifoni “O” tal-Magnificat bejn 17 u t-23 ta’ Diċembru, tissuġġerilna mixja oħra fl-evokazzjonijiet messjaniċi f’dawn l-Antifoni, li jinstabu msemmija diġà f’manuskritti tal-XI-il seklu w.K.

Dawn il-versetti tal-Evanġelju u l-Antifoni tal-Għasar f’dawn il-ġranet kollha jibdew bl-esklamazzjoni “O” (O Għerf, O Sid u Mexxej, O Għerq ta’ Ġesse....)

Jekk nieħdu l-Antifoni msemmija bil-Latin, kif oriġinarjament inkitbu, insibu fihom akrostiku pedagoġiku mill-aktar suġgestiv.

O Sapientia           O Adonai              O Radix                    O Clavis

O Għerf                 O Sid u Mexxej     O Għerq ta’ Ġesse     O Muftieħ

17 ta’ Diċ               18 ta’ Diċ               19 ta’ Diċ                   20 ta’ Diċ

 

O Oriens                O Rex                   O Emmanuel

O Xemx tiegħla     O Sultan                O Għimmanu-El

21 ta’ Diċ               22 ta’ Diċ               23 ta’ Diċ

 

L-ewwel ittri tal-ewwel erbgħa evokazzjonijiet bil-Latin, moqrija bil-maqlub (mill-20 ta’ Diċembru sas-17 ta’ Diċembru), bejniethom jiffurmaw il-kelma bil-Latin CRAS, u l-ewwel ittri tal-aħħar tliet evokazzjonijiet jiffurmaw il-kelma ERO. Flimkien jiffurmaw il-frażi CRAS ERO – «għada nkun» jew «għada niġi».

L-24 ta’ Diċembru (l-għada ta’ meta titkanta l-aħħar Antifona “O”) filgħaxija diġà nkunu dħalna fis-Solennità tal-Milied.

B’din in-nisġa letterarja, il-versetti tal-Evanġelju u l-Antifoni tal-Għasar bejn is-17 u t-23 ta’ Diċembru jmexxuna pass pass lejn il-jum meta Kristu, id-Dawl tad-dinja, jiġi fostna bħala bniedem fl-Għar ta’ Betlehem. B’hekk, min jitlob l-Għasar f’dawn il-jiem, waqt li jkanta l-Antifoni, jersaq lejn it-Twelid ta’ Ġesù jum b’jum, biex fl-aħħar tagħhom jesprimi l-misteru tal-Inkarnazzjoni: «għada, f’Jum il-Milied, jien, l-Iben ta’ Alla, niġi biex inkun bniedem bħalkom, Dawl tad-dinja».