Aktar
dwar San Ġorġ Preca ...

SAN ĠORĠ PRECA U L-VERĠNI MARIJA
Kull fundatur ta’ kull
kongregazzjoni jew soċjetà
reliġjuża xerred bosta
devozzjonijiet lejn il-Verġni
Marija.
Dan kien sinjal ċar li huma
kienu ispirati minn Alla. San
Ġorġ Preca wkoll ħabb
lill-Verġni Marija b’mod qawwi
u ħadem biex aktar nies iħobbuha.
Sinjifikat ġdid
lid-devozzjonijiet Marjani
L-imħabba ta’ San Ġorġ Preca
lejn Marija ma kinitx
superfiċjali iżda waħda
profonda. Fil-fatt hu nqeda
bid-devozzjonijiet li kien hawn:
il-Labtu tal-Karmnu u l-Midalja
Mirakuluża, iżda fittex li
jagħtihom it-tifsira oriġinali
li kellhom. Ta’ min isemmi li
kien hawn massa ta’ nies f”Malta
li kienu jipprattikaw dawn
id-devozzjonijiet b’mod
superfiċjali, iżda San Ġorġ
Preca ma kienx kuntent b’dan
l-atteġġjament. Ried li l-insara
jiskopru l-ispirtu proprju ta’
dawn id-devozzjonijiet.
Ta’ min isemmi li San Ġorġ
Preca xerred kemm felaħ
id-devozzjoni lejn il-labtu
tal-Madonna tal-Karmelu. Ħabb
lill-labtu peress li kien
proprju fil-festa tal-Karmnu li
huwa ġie salvat milli jegħreq,
meta kellu biss erba’ jew ħames
snin. Kien iħobb itenni
fil-konferenzi tiegħu dak li
l-Verġni Marija qalet lil San
Xmun Stock: “Dawk li jmutu
lebsin il-labtu tal-Karmelu jiġu
salvati mit-telfien etern.”
Kellu ħeġġa kbira biex in-nies
jilbsu l-labtu u fil-konferenzi
tiegħu kien jagħmel minn kollox
biex ixerred din id-drawwa
qaddisa.
San Ġorġ Preca xerred anki
d-devozzjoni lejn il-Midalja
Mirakuluza, li l-Verġni Marija
tat lil Santa Katarina Labourè.
Kien iħobb jgħid li dawk li
jilbsu din id-domna jkunu mħarsa
mid-deni tar-ruħ u tal-ġisem.
Xtaq li l-Kappella tad-Dar
Ċentrali tal-Museum, fil-Blata
l-Bajda, tkun iddedikata lil
Marija taħt dan it-titlu. U
llum l-ġisem ta’ San Ġorġ Preca
ilu minn Mejju tas-sena 2001
jistrieħ f’din il-kappella,
maġenb l-artal.
Il-Fundatur tas-Soċjetà
tad-Duttrina Nisranija kien
konxju li dawn id-devozzjonijiet
jistgħu jiġu prattikati b’mod
superfiċjali. Għalhekk kien
jisħaq illi wieħed ikun jabbuża
mill-ħniena ta’ Marija
Santissima jekk jidneb filwaqt
li jittama li hija tidħol
għalih. San Luiġi Grignon de
Montfort jiddeskrivilna wkoll
seba’ tipi ta’ persuni li,
għalkemm jagħtu qima lil Verġni
Marija, mhumiex fit-triq
it-tajba. Dan il-qaddis
jgħidilna li dawn il-persuni
huma fl-iżball, għaliex flok li
jħobbu lil Marija, jagħtuha qima
b’mod falz. Verament li dawn
iż-żewġ qaddisin jaqblu ma’
xulxin.
Ir-Rużarju
San Ġorġ Preca għamel minn
kollox biex aktar persuni jħobbu
t-talba tar-Rużarju. Kien iħobb
jgħid li l-Verġni Marija ddum sa
nofs il-lejl tistenniena ngħidu
din it-talba. Għalih din
it-talba ma kinitx biss vokali,
iżda meditattiva u
kontemplattiva wkoll. Kien ukoll
kreattiv biex ir-Rużarju jingħad
aħjar: billi kiteb il-misteri
tad-Dawl, li jixbhu ħafna
l-misteri tad-Dawl li għandna
issa.
Tant San Ġorġ Preca kien
kreattiv fir-Rużarju li ried li
nġibu l-misteri quddiem
għajnejna. Dan narawh ċar
fid-“Direttorju Spiritwali”:
“Ipprokura li tagħmel
kollezzjoni ta’ stampi mqaddsa
li jirrappreżentaw kull misterju
tar-Rużarju, u ħares lejhom waqt
ir-reċta tiegħu, għax b’hekk
tgħin l-immaġinazzjoni tiegħek
biex tikkunsidra u biex
tikkontempla l-imqaddes Rużarju,
li tant tirrikmanda l-Madonna
lill-fidili ta’ Ġesù”
(Direzzjoni Nru. 604).
Dan il-qaddis jgħallimna li jekk
nibbażaw l-imħabba tagħna lejn
Alla, lejn Marija u lejn
il-qaddisin fuq l-emozzjonijiet
nistgħu niżbaljaw. Għalhekk
fil-ktieb tiegħu “Ġinnasju
Spiritwali” jgħidilna:
“Id-devozzjoni sensibbli hija
perikoluża minħabba l-vanaglorja
u s-sudisfazzjonijiet
tal-volontà umana u mhux
tal-volontà ta’ Alla. In-natura
u x-xitan fis-sentimenti tagħhom
huma ta’ min jibża’ minnhom
minħabba l-inganni” (Attendenza
Nru 96).
Fiż-żmien li fih għex San Ġorġ
Preca kien hawn bosta
devozzjonijiet lejn Marija. Iżda
huwa għaraf li dawn
id-devozzjonijiet għandhom jiġu
msaħħa permezz tat-tagħlim. Għal
dan l-iskop huwa kiteb dawn
il-kotba Marjani:
“Il-Benedicta”, “Il-Lapidarju”,
u l-“Aula Sanctae Matris
Virginis”. Fid-“Direttorju
Spiritwali” huwa kiteb sittax-il
direttiva fuq it-talba
tar-Rużarju. B’dan il-mod ried
li l-imħabba lejn Marija
tissaħħaħ permezz tat-tagħlim
tal-Knisja. Fil-“Ktieb il-Kbir”
San Ġorġ jesprimi sewwa dan
il-ħsieb: “Nipproponu illi
nistudjaw il-kelma tal-Knisja
fuq Marija SS.ma: ‘Bieb
tas-sema’, biex inkabbru fina
l-fiduċja fiha.” (Paġna XXXVII).
Dan il-qaddis isejjaħ lil Marija
“Bieb tas-sema” għax: “Hija
l-veru bieb, li anki Kristu
minnu biss ried jiħdol, għax
permezz tagħha ried isir bniedem
u hekk imut, jirxoxta u jitla’
fis-sema” (Ktieb il-Kbir, Paġna
XXXVII).
Marija u l-Inkarnazzjoni
San Ġorġ Preca kien iħobb
jimmedita l-waqt meta Marija tat
l-“Iva” tagħha biex Kristu jsir
bniedem. Fil-ktieb tiegħu
s-“Sena tas-Sinjur”, li fih
ħsieb għal kull jum tas-sena,
fil-25 ta’ Awwissu jistħajjel
lil Ġesù jgħidilna: “Jien, bħala
veru bniedem, jiena maħluq iżda
predestinat naturalment u
sustanzjalment veru Iben ta’
Alla sa mit-tnissil tiegħi
fil-ġuf purissimu tal-Omm Verġni
tiegħi.” Fis-sena 1936
ikkummissjoni lil Kav. Rafel
Bonniċi Calì biex jpitter
Madonna b’idejha miftuħa, u fuq
sidirha jikteb Verbum Dei
caro factum est. Fl-1949
reġa’ talab lill-istess pittur
biex jagħmel l-istess pittura,
b’xi tibdiliet żgħar. L-artist
għamel dan u San Ġorġ Preca
ħareġ sodisfatt b’dan
ir-riżultat. Bħall-awturi kollha
Kattoliċi, dan il-qaddis kien
jemmen li l-imħabba lejn
il-Verġni Marija bl-ebda mod ma
teħodha kontra l-imħabba lejn
Kristu, anzi ssaħħaħha.
Fil-kotba “Il-Lapidarju” u
“Il-Benedicta” naraw kemm San
Ġorġ Preca kellu immaġinazzjoni
fertili. Fil-“Benedicta” huwa
jimmaġina l-Arkanġlu Gabrijiel
jirrakkonta veritajiet u fatti
fuq il-Verġni Marija filwaqt li
fil-“Lapidarju” jimmaġina lil
San Ġwann l-appostlu qiegħed
jurih lapidi li fuqhom hemm
skrizzjonijiet fuq il-Verġni
Marija.
San Franġisk ta’ Sales fil-ktieb
tiegħu Introduzzjoni
għall-“Ħajja Devota” jgħidilna
li għandna aktar nammiraw
lill-qaddisin milli jimitahom.
Iżda aħna nistgħu kemm nammiraw
l-imħabba li kellu San Ġorġ
Preca lejn il-Verġni
Marija kif ukoll nimxu fuq
it-tagħlim sabiħ marjoloġiku li
tana.
|