
Il-Papa Piju IX
ipproklama lil San Gużepp bħala
Patrun tal-Knisja Universali
fit-8 ta' Diċembru 1870
Din it-traduzzjoni bil-Malti
tad-Digriet saret minn Mons.
Prof. Hector Scerri mill-ilsien
Ingliż kif dehret fir-rivista
Dublin Review, Sena 16 (Jannar
1871), u kif ġiet riprodotta
fil-ktieb The Man Nearest to
Christ: Nature and Historic
Development of the Devotion to
St Joseph ta’ F. L. Filas
(Milwaukee: Bruce Publishing
Company, 1944), 163-164.
Fl-2020 dan id-dokument jagħlaq
150 sena.
Ara wkolL
Redemptoris Custos. Eżortazzjoni
Appostolika tal-Papa Ġwanni
Pawlu II dwar il-persuna u
l-missjoni ta' San Ġużepp
fil-ħajja ta' Kristu u
tal-Knisja ... |

Quemadmodum Deus
Digriet
tal-Kongregazzjoni tar-Riti
Approvat
mill-Papa Piju IX
li bih qed jipproklama lil San
Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja
Universali
8 ta’ Diċembru 1870
1.
Hekk kif Alla Setgħan ħatar lil
Ġużeppi, iben il-Patrijarka
Ġakobb, fuq l-art kollha
tal-Eġittu biex jaħżen il-qamħ
għall-poplu, hekk ukoll meta
waslet il-milja taż-żmien u Hu
kien se jibgħat fid-dinja l-Iben
il-waħdieni tiegħu, il-Feddej
tad-dinja, Huwa għażel Ġużeppi
ieħor, li tiegħu l-ewwel Ġużeppi
kien bħal dehra minn qabel, u li
għamlu sid u kap tad-dar tiegħu
u ta’ dak kollu li huwa tiegħu,
dak li jħares l-aktar teżori
għeżież tiegħu. U għalhekk,
Ġużeppi kien mgħarras
lill-Verġni bla tebgħa Marija, u
minnha twieled, permezz
tal-Ispirtu s-Santu, Sidna Ġesù
Kristu, li f’għajnejn il-bnedmin
ried li jkun magħruf b’iben
Ġużeppi, u kien jobdih. U ġara
li Dak, li numru bla għadd ta’
slaten u profeti tal-qedem xtaqu
jaraw, Ġużeppi mhux biss rah,
imma wkoll tħaddet miegħu, u
għannqu b’imħabba ta’ missier, u
biesu, u ħaseb għalih bl-akbar
diliġenza biex ikollu x’jiekol –
iva, lil Dak li l-fidili aktar
tard kellhom jirċievu bħala
l-Ħobż li niżel mis-sema sabiex
ikunu jista’ jkollhom il-ħajja
ta’ dejjem.
2.
Minħabba din id-dinjità
mill-aktar għolja li Alla sawwab
fuq dan l-aktar qaddej fidil
tiegħu, il-Knisja sa minn dejjem
tat l-ogħla ġieħ lill-imbierek
Ġużeppi u faħħritu, flimkien ma’
martu, il-Verġni Omm Alla, u
fittxet l-interċessjoni tiegħu
fi żmien it-tiġrib. U issa,
għalhekk, meta f’dawn
iż-żminijiet ta’ inkwiet kbir
il-Knisja hija mġarrba minn
għedewwa minn kull naħa u hija
mtaqqla minn hemm tant tqil li
bnedmin mingħajr Alla qed jaħsbu
li l-bibien tal-infern għelbuha,
l-Isqfijiet tad-dinja Kattolika
ressqu lill-Papa t-talbiet, kemm
tagħhom kif ukoll tal-fidili
afdati lilhom, hu qed jogħġbu
jaħtar lil San Ġużepp bħala
Patrun tal-Knisja Universali. U
din it-talba u x-xewqa tagħhom
kienet imġedda minnhom bi ħrara
liema bħala waqt il-Konċilju
Ekumeniku tal-Vatikan.
Għaldaqstant, għoġob lill-Papa
Piju IX, tant imġarrab
mill-ġrajjiet riċenti li huma
ta’ min jistmerrhom, li jilqa’
x-xewqat tal-Isqfijiet li hu
nnifsu, flimkien mal-fidili
kollha, jistkenn taħt
il-patroċinju l-aktar qawwi ta’
San Ġużepp. Għalhekk, huwa
ddikjara lil San Ġużepp bħala
Patrun tal-Knisja Universali, u
qed jordna li l-festa tiegħu, li
taħbat nhar id-19 ta’ Marzu,
tkun iċċelebrata minn issa bħala
festa doppja tal-ewwel klassi,
imma mingħajr ottava, peress li
taħbat fi żmien ir-Randan.
Fl-aħħarnett, huwa qed jordna li
f’dan il-jum, qaddis
għall-Verġni Omm Alla u għal
żewġha safi, tiġi ppubblikata
dikjarazzjoni għal dan il-għan,
u li dan qed isir b’dan
id-digriet tal-Kongregazzjoni
tar-Riti Mqaddsa.
8 ta’ Diċembru 1870
|