Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Il-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu.

Ħab 1, 12 -2,4

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħabakkuk

 

Jaqaw m’intix minn dejjem int, Mulej?

M’intix Alla l-Qaddis tiegħi, li ma tmutx?

Mulej, dan minnek sar, biex tagħmel ħaqq,

u sħiħ daqs blata ridtu jkun, b’kastig!

Int għajnejk safja wisq biex tara l-ħażen,

inti ma tiflaħx tħares lejn id-deni;

l-għala nies mill-agħar tħobb tagħti kashom,

iżżomm is-skiet meta min hu ħażin

jibla’ lil min hu aktar minnu ġust?

Int tagħmel il-bnedmin bħall-ħut tal-baħar,

bħall-bhejjem ta’ fuq l-art, bla sid għalihom.

Huwa jtellagħhom kollha bis-sunnara,

u, wara li jressaqhom bix-xbiek tiegħu,

jiġborhom kollha bil-konz tiegħu:

u b’hekk jithenna u jifraħ.

Għalhekk lix-xbiek joffrilu sagrifiċċju,

jaħraq l-inċens quddiem il-konz tiegħu;

għax bihom sehmu joktor

u iklu jkun aktar utiq.

Se jibqa’ jferragħ ix-xibka tiegħu

u joqtol il-ġnus bla waqfien?

Se noqgħod għassa f’posti,

se nibqa’ wieqaf fuq it-torri tiegħi,

nistenna ħalli nara x’sejjer jgħidli,

u kif se jwieġeb għall-ilmenti tiegħi.

Imbagħad il-Mulej wieġeb u qalli:

“Ikteb id-dehra

onqoxha fuq tavlozzi,

hekk li jkun jista’ jħaffef min jaqraha.

Għax id-dehra sseħħ meta jkun waqtha,

tistenna sa ma ttemm, u ma tqarraqx.

Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha,

għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!

Arah jinfena min mhux ruħu sewwa,

iżda l-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 9, 8-9.10-11.12-13

 

R/. (11b): Int, Mulej, ma titlaqxil min ifittxek

 

Il-Mulej isaltan għal dejjem,

iwaqqaf għall-ħaqq it-tron tiegħu.

Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

 

Ikun il-Mulej kenn għal min hu mgħakkes,

kenn għalih fi żmien id-dwejjaq.

Fik jittama min jagħraf lil ismek,

għax int, Mulej, ma titlaqxil min ifittxek. R/.

 

Għannu lill-Mulej li joqgħod f’Sijon,

xandru fost il-popli l-għemejjel tiegħu.

Hu, li jitħallas mid-demm,

jiftakar fihom, ma jinsiex għajjat l-imsejknin. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tim 1, 10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,

u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kieku għandkom il-fidi ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir.

Mt 17, 14-20

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed raġel niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: Mulej, ikollok ħniena minn ibni, għax marid b’tal-qamar u qiegħed ibati ħafna; għax sikwit jaqa’ jew fin-nar jew fl-ilma. Ġibtu lid-dixxipli tiegħek, iżda ma setgħux ifejquh”. Wieġeb Ġesù u qal: “Ja nies bla fidi u ħżiena! Kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli hawn”. Imbagħad Ġesù hedded bis-sħiħ lix-xitan, u dan ħareġ minnu, u minn dak il-ħin stess it-tifel fieq. Wara mbagħad id-dixxipli resqu lejn Ġesù għalihom weħidhom u qalulu: “L-għala aħna ma rnexxilniex inkeċċuh?”. U hu qalilhom: “Minħabba l-fidi żgħira tagħkom! Għax tassew ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja: “Warrab minn hawn u mur hemm”, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu