Stampa t-test tal-qari ...


Id-Dsatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi sa ma wasal fil-muntanja tal-Mulej.

1 Slat 19, 4-8

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, il-profeta Elija rħielha lejn id-deżert. Wara jum mixi waqaf, inxteħet taħt siġra tal-ġummar, talab li jmut, u qal: “Issa biżżejjed, Mulej; ħudli ’l ħajti, għax m’iniex aħjar minn missirijieti!”.

 

U mtedd għad-dell tal-ġummara, u raqad. Kif kien rieqed messu anġlu, u qallu: “Qum u kul!” Elija dawwar wiċċu, u lemaħ ħdejn rasu ftira moħmija u ġarra ilma; kiel u xorob, u raġa’ mtedd.

 

Għat-tieni darba ġie l-anġlu tal-Mulej, u raġa’ messu u qallu: “Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għall-mixja li fadallek”. Elija qam, kiel u xorob, u bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi għal erbgħin jum u erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 33 (34), 2-3.4-5.6-7.8-9

 

R/. (9a): Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej

 

Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

 

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;

ħa ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,

minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.

 

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,

u ma jkollkomx għax tistħu.

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.

 

L-anġlu tal-Mulej jgħasses

madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;

hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.

 

Qari II

Imxu fl-imħabba, bħal Kristu.

Efes 4, 30 - 5,2

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti, tnikktux l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla, li fih intom issiġillati għal jum il-fidwa. Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajjat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu. Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, u imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 6, 51

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.

Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, li niżel mis-sema.

Ġw 6, 41-51

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dan iż-żmien, il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: Jiena nżilt mis-sema?”.

 

Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: U kulħadd ikun imgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.

 

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.

 

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu