Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


It-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Jekk il-ħtija tagħhom sfat ta’ ħafna ġid għad-dinja, kemm ser tkun aktar is-salvazzjoni tagħhom ilkoll!

Rum 11, 1-2a.11-12.25-29

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Għeżież, nistaqsi jien: “Forsi Alla ċaħad il-poplu tiegħu?”. Żgur li le! Għax jien ukoll Iżraeli, min-nisel ta’ Abraham, mit-tribù ta’ Benjamin. Alla ma ċaħdux lill-poplu tiegħu, li hu kien għażlu sa minn qabel. Mela, ngħid jien, jaqaw tfixklu biex waqgħu għal kollox? Żgur li le! Imma bis-saħħa tal-ħtija tagħhom waslet is-salvazzjoni għand il-pagani biex il-Lhud tiġihom l-għejra għalihom. Jekk, mela, il-ħtija tal-Lhud sfat ta’ ħafna ġid għad-dinja, u l-waqgħa tagħhom ta’ ħafna ġid għall-pagani, kemm se tkun aktar is-salvazzjoni tagħhom ilkoll!

 

Ma rridx li ma tkunux tafu, ħuti, dan il-misteru, li ma tmorrux taħsbu li intom xi għorrief; l-ebusija tal-qalb li waqgħet fuq parti minn Iżrael tibqa’ sakemm tidħol il-milja tal-pagani; u hekk Iżrael kollu jkun salv. Kif inhu miktub:

“Għad joħroġ minn Sijon il-Feddej;

ineħħi l-ħażen minn Ġakobb.

U dan ikun il-patt tiegħi magħhom:

meta nneħħilhom dnubiethom”.

 

Skont l-Evanġelju huma għedewwa minħabba fikom; skont l-għażla huma maħbuba minħabba missirijiethom. Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 93 (94), 12-13a.14-15.17-18

 

R/. (14a): Il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu

 

Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej,

li tgħallmu l-liġi tiegħek,

biex isserrħu f’jiem l-għawġ. R/.

 

Għax il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu,

ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.

Għax il-ħaqq jerġa’ jsir bil-ġustizzja,

u fuqu jimxu dawk kollha ta’ qalb safja. R/.

 

Li kieku l-Mulej ma tanix l-għajnuna,

għal ftit ma dħaltx fis-skiet tal-mewt.

Biżżejjed ngħid: “Qiegħed jiżloq riġli,”

biex tjubitek, Mulej, tweżinni. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 29ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, jgħid il-Mulej,

u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.

Lq 14, 1.7-11

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: “Agħti l-post lil dan”, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar.

 

Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: “Ħabib, itla f’post aktar ’il fuq”. U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. 11Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu