Stampa t-test tal-qari ...


Il-Wieħed u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Twarrabtu mit-triq, u ġagħaltu lil ħafna jitfixklu bit-tagħlim tagħkom.

Mal 1, 14b - 2, 2b.8-10

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija

 

Jien Sultan kbir – jgħid il-Mulej tal-eżerċti – u ismi ta’ min jibża’ minnu fost il-ġnus.

 

U issa għalikom, qassisin, huwa dan il-kmandament:

Jekk intom ma tisimgħux u jekk ma tfittxux minn qalbkom li ssebbħu lil ismi,

jgħid il-Mulej tal-eżerċti, jiena nibgħat fuqkom is-saħta, u nisħet

il-barkiet tagħkom.

 

Intom twarrabtu mit-triq,

ġagħaltu ’l ħafna jitfixklu bit-tagħlim tagħkom;

ħassartu l-patt ta’ Levi,

jgħid il-Mulej tal-eżerċti.

 

Għalhekk jien ukoll tlaqtkom għaż-żebliħ

u għat-tmaqdir tal-poplu kollu,

bħalma intom ma żammejtux triqati,

u ħaristu lejn l-uċuħ fit-tagħlim tagħkom.

 

Mhux Missier wieħed għandna lkoll kemm aħna? Mhux Alla wieħed ħalaqna? Mela għaliex nimxu bil-qerq bejnietna u nonqsu mill-ġieħ lejn il-patt ta’ missirijietna?

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 130 (131), 1.2.3

 

R/. Mulej, ħarisli ruħi fis-sliem

 

Mulej, ma tkabbritx qalbi,

anqas ma ntrefgħu għajnejja;

jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar,

jew wara ħwejjeġ ogħla minni. R/.

 

Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ,

bħal tarbija f’ħoġor ommha;

bħal tarbija miftuma,

hekk hi ruħi ġewwa fija. R/.

 

Ittama, Iżrael, fil-Mulej,

minn issa u għal dejjem! R/.

 

Qari II

Ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju skond Alla, imma ħajjitna stess.

1 Tess 2, 7b-9.13

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Ħuti, aħna ġibna ruħna magħkom bil-ħlewwa, bħalma omm tradda’ tħaddan lil uliedha. Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla imma wkoll ħajjitna stess, daqskemm ħabbejniekom.

 

Intom, ħuti, tiftakru fit-taħbit u t-tbatija kbira tagħna. Sakemm konna qegħdin inxandrulkom l-Evanġelju ta’ Alla, aħna ħdimna bil-lejl u binhar, biex lil ħadd minnkom ma ngħabbu.

 

Aħna niżżu ħajr bla heda lil Alla talli l-kelma ta’ Alla, li intom smajtu mingħandna, iltqajtuha mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi, dik il-kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 23, 9b.10b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet;

il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kliem biss għandhom, imma fatti xejn.

Mt 23, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù kellem lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom:Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom.

 

Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom “rabbi”.

 

Imma intom tħallux min isejħilkom “rabbi”, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħadd “missier” fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak

li hu fis-smewiet. Hekk ukoll tħallux min issejħilkom “mexxejja”, għax il-Mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu