|
MESSAĠĠ
TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA
FRANĠISKU
FIL-BIDU TAL-LAQGĦA
INTERNAZZJONALI
“KARIŻMA
GĦAS-SERVIŻŻ TAL-KNISJA U TAL-UMANITÀ"
FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊENTINARJU
TAT-TWELID
TAS-SERVA T’ALLA
CHIARA LUBICH
Roma,
minn
San
Ġwann fil-Lateran,
29
ta Jannar
2020
Għeżież ħuti!
Merħba minn qalbi
għaċ-ċelebrazzjoni ta’ din
il-Laqgħa internazzjonali
fl-okkażjoni taċ-ċentinarju
tat-twelid tas-Serva t’Alla
Chiara Lubich. Din il-laqgħa qed
tiġborkom ilkoll flimkien,
l-ewwel fi Trento u mbagħad
f’Loppiano biex tapprofondixxu
t-tifsira u s-sehem tal-kariżma
tal-unità
llum fil-qadi
tal-missjoni tal-Knisja, bħala
komunjoni li tevanġelizza.
Il-kariżmi huma
«regali
tal-Ispirtu mxierka fil-ġisem
tal-Knisja, li jinġibdu lejn
il-qalba li hu Kristu, mnejn
imbagħad b’qawwa
evanġelizzatriċi jiġu
indirizzati lejn kanali
differenti»(Esort.
ap. Evangelii
gaudium, 130).
Għalhekk hu tajjeb li anki
l-Isqfijiet ipoġġu ruħhom
mill-ġdid fl-iskola tal-Ispirtu
s-Santu, li joħroġhom
miċ-Ċenaklu - fejn il-Mulej Ġesù
ġabarhom
flimkien magħqudin ma’ Pietru u
ma’ Marija, Omm Alla u Omm
il-Knisja – biex bin-nar tal-
Pentekoste jimxu flimkien
mal-Poplu t’Alla kollu fit-toroq
tal-missjoni. Id-dawl u l-qawwa
tiegħu jiggwidawna biex bi
ħniena u b’tenerezza niltaqgħu
ma' min qed jgħix u jbati
fil-periferiji eżistenzjali u
soċjali, filwaqt li nxandru u
nagħtu xhieda tal-Evanġelju ta’
Ġesù
b’ferħ u mingħajr biża’,
mogħnija biss b’fidi, tama u
mħabba.
Id-doni tal-kariżmi huma
ko-essenzjali mad-doni
tal-ġerarkija fil-missjoni
tal-Knisja[1].
Ir-Rgħajja għandhom id-don
speċifiku li jagħrfu u
jippromwovu l-azzjoni
tal-Ispirtu s-Santu, li jiżra’
fi ħdan il-poplu t’Alla, fost
il-fidili ta’ kull vokazzjoni,
«grazzji
speċjali
biex bihom ikunu jistgħu jidħlu
aħjar u b’ħeġġa akbar
għall-ħidmiet u għad-dmirijiet
li bihom il-Knisja tkun tista’
tiġġedded u tinbena aktar
fil-wisa’»
(Lumen
gentium, 12).
Il-kariżma tal-unità
hi waħda minn dawn il-grazzji
għal żmienna, żmien li fih qed
naraw isseħħ bidla epokali li
titlob riforma spiritwali u
pastorali sempliċi u radikali,
biex il-Knisja tkompli tiġġedded
u tkun dejjem għajn attwali
tal-Evanġelju ta’ Ġesù.
Permezz tal-kariżma tal-unità,
li hi f’sintonija sħiħa
mal-maġisteru tal-Konċilju
Ekumeniku Vatikan II, l-Ispirtu
s-Santu jagħtina tagħlim konkret
dwar l-għajxien tal-grazzja tal-unità
li Ġesù
talab għaliha lill-Missier meta
kien qrib l-Għid tal-mewt u
l-qawmien tiegħu (ara Ġw 17,21).
L-Ispirtu jistedinna nagħżlu lil
Ġesù
msallab - Chiara Lubich iżżid
“abbandunat”
(ara Mk 15,34; Mt 27,46)
– bħala l-uniku kollox fil-mixja
tagħna warajh u bħala l-boxxla
waħdanija fil-ministeru tagħna.
Aħna mistiedna nagħmlu dan
filwaqt li nsiru ħaġa waħda ma’
kulħadd, nibdew minn dawk li
huma fl-aħħar post, l-imwarrbin,
l-iskartati, biex inwasslulhom
id-dawl, il-ferħ u l-paċi.
L-Ispirtu jiftaħ it-triq
għad-djalogu tal-karità
u tal-verità
ma’ kull raġel u mara ta’ kull
kultura, tradizzjoni reliġjuża u
konvinzjoni ideali sabiex
bil-laqgħa ta’ bejniethom
tinbena ċ-ċiviltà
ġdida tal-imħabba.
L-Ispirtu jpoġġina fl-iskola ta’
Marija, fejn nitgħallmu li dak
li jiswa u jibqa’ hi l-imħabba.
Bħal Marija u flimkien magħha,
aħna msejħin biex flimkien
inwasslu l-preżenza ta’ Ġesu
fid-dinja, preżenza li kważi
tħossha b’idejk; aħna msejħin
biex inwasslu fid-dinja lil
Ġesu, l-Iben t’Alla, li fil-ġuf
ta’ Marija sar il-kbir fost
ħafna aħwa
(ara Rm 8,29)
u li jgħix Rxoxt fost dawk
magħqudin ħaġa waħda f’Ismu (ara
Mt 18,20).
Għalhekk, flimkien magħkom,
għeżież ħuti Isqfijiet,nesprimi
l-gratitudni tiegħi lejn Alla
għad-don tal-kariżma tal-unità
permezz tax-xhieda u t-tagħlim
tas-Serva t’Alla Chiara Lubich.
U b’komunjoni mġedda u taħt
l-ħarsa materna ta’ Marija,
«insejjaħ
(...) lill-Ispirtu s-Santu,
nitolbu jiġi biex iġedded,
iqanqal, jixpruna lill-Knisja
biex kollha kuraġġ toħroġ minnha
nfisha ħalli tevanġelizza l-ġnus
kollha»
(Esort. ap. Evangelii
gaudium, 261).
Nagħti l-barka tiegħi lil kull
wieħed minnkom u
lill-komunitajiet fdati
f’idejkom, u jekk jogħġobkom
itolbu għalija.
Roma,
minn
San
Ġwann fil-Lateran,
29
ta Jannar
2020
Franġisku
[1] ara
Kongregazzjoni għad-Duttrina
tal-Fidi,
Lett. Iuvenescit
Ecclesia
dwar ir-rabta bejn id-doni
ġerarċiċi u kariżmatiċi
għall-ħajja u l-missjoni
tal-Knisja,
15
ta’ Mejju
2016.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Vivienne Attard
|