Laikos

 

Aktar minn Ġwanni Pawlu II


 

Mill-Papa Ġwanni Pawlu II


ROSARIUM VIRGINIS MARIAE
ITTRA APPOSTOLIKA

dwar

IR-RUŻARJU MQADDES
mibgħuta lill-Isqfijiet, lill-Kleru u lill-Fidili.

16 Ottubru 2002

 

INTRODUZZJONI

1. Ir-Rużarju tal-Verġni Marija, li ssawwar bil-mod il-mod matul it-tieni millennju taħt il-ħarsien ta’ l-Ispirtu ta’ Alla, huwa talba li ħafna Qaddisin għożżewha u li l-Maġisteru tal-Knisja jinkoraġġiha.  Fis-sempliċità u l-profondità tagħha,  din  tibqa’ talba b’tifsira kbira, anki f’dan it-tielet millennju li għadu kemm beda, u għandha twassal għal ħafna frott ta’ qdusija.  Tinkwadra tajjeb fil-mixja spiritwali tal-kristjaneżmu, li wara elfejn sena ma tilef xejn mis-safa tiegħu tal-bidu, u  jħoss l-Ispirtu ta’ Alla jqanqlu  biex «jaqdef ‘il barra  fil-fond» (« duc in altum! ») ħalli mill-ġdid jxandar quddiem id-dinja, anzi ‘jgħajjat’ b’leħen għoli, li Kristu huwa l-Mulej u l-Feddej, «it-triq, is-sewwa u l-ħajja » (Ġw 14, 6),  li huwa « l-iskop ta’ l-istorja tal-bniedem, il-punt li lejh  jieħdu x-xewqat ta’ l-istorja u taċ-ċiviltà ».(1)

Fil-fatt, għalkemm ir-Rużarju  hu ta’ xejra marjana ċara ħafna, imma fil-qalba tiegħu hu kristuċentriku. Fis-sobrjetà  ta’ l-elementi tiegħu, insibu miġbura l-profondità tal-messaġġ ta’ l-Evanġelju kollu kemm hu; kważi nistgħu ngħidu li hu kompendju tiegħu.(2) Fih tidwi t-talba ta’ Marija, il-Magnificat dejjiemi tagħha għall-opra fejjieda ta’ l-Inkarnazzjoni li bdiet fil-ġuf verġinali tagħha.   Bir-Rużarju, il-poplu nisrani jpoġġi ruħu fl-iskola ta’ Marija,  u jasal biex  jikkontempla l-ġmiel tal-wiċċ ta’ Kristu u  jagħmel esperjenza tal-kobor bla qies ta’ l-imħabba  tiegħu.  Bir-Rużarju, il-fidili  jistgħu jirċievu kotra kbira ta’ grazzja,  bħal qishom jirċevuha mill-idejn stess ta’ Omm il-Feddej.

 

Il-Papiet u r-Rużarju

2.  Bosta predeċessuri tiegħi taw importanza kbira lil din it-talba.  Ta’ min isemmi b’mod partikulari lill-Papa Ljun XIII li fl-1 ta’ Settembru 1883 nieda l-Enċiklika Supremi apostolatus officio,(3). Dan id-dokument ta’ siwi kbir kien l-ewwel wieħed fost il-ħafna  stqarrijiet tiegħu fejn  hu wera din it-talba bħala arma spiritwali siewja kontra l-ħażen li jaħkem lis-soċjetà. Fost il-Papiet l-aktar reċenti, li minn żmien il-Konċilju ‘l hawn  ħadmu biex ixerrdu d-devozzjoni lejn ir-Rużarju, nixtieq insemmi lill-Beatu Ġwanni XXIII(4)  u fuq kollox lil Pawlu VI, li fl-Eżortazzjoni appostolika Marialis cultus saħaq fuq il-karattru evanġeliku tar-Rużarju u fuq l-orjentament kristoloġiku tiegħu,  bi qbil ma’  l-ispirtu tal-Konċilju EkumenikuVatikan II.

 Jien stess ma ħallejt ebda okkażjoni taħrab biex inħeġġeġ ħalli wieħed jgħid ir-Rużarju ta’ spiss. Sa minn meta kont għadni żagħżugħ, din it-talba kellha post importanti ħafna fil-ħajja spiritwali tiegħi. Ftakart ħafna f’dan matul il-vjaġġ li għamilt dan l-aħħar fil-Polonja, l-aktar meta mort inżur is-Santwarju ta’ Kalwaria. Ir-Rużarju akkompanjani fil-waqtiet ta’ ferħ u anki f’dawk ta’ prova.  Fih fdajt il-ħafna preokkupazzjonijiet tiegħi  u dejjem sibt il-faraġ. Erbgħa u għoxrin sena ilu, fid-29 ta’ Ottubru 1978, ġimgħatejn wara li ġejt elett fuq is-Siġġu ta’ Pietru, kont għidt: «Il-Rużarju huwa talba preferita tiegħi.  Huwa talba meraviljuża! Meraviljuża fis-sempliċità u l-profondità tagħha. [...] Nistgħu ngħidu li r-Rużarju huwa, f’ċertu sens, kumment-talba fuq l-aħħar kapitlu tal-Kostituzzjoni Lumen gentium tal-Konċilju Vatikan II, kapitlu li jitkellem dwar il-preżenza ta’ Omm Alla fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja.  Waqt li ngħidu l-kliem tal-Ave Maria jiġu quddiem l-għajnejn tar-ruħ tagħna l-episodji ewlenin tal-ħajja ta’ Kristu.  Dawn l-episodji flimkien jagħmlu l-misteri tal-ferħ, tat-tbatija u tal-glorja, u nistgħu ngħidu li jpoġġuna f’komunjoni ħajja ma’ Kristu permezz tal-Qalb ta’ Ommu. Fl-istess waqt, f’dawn il-posti tar-Rużarju qalbna tista’ tħaddan il-ġrajjiet kollha li jsawru l-ħajja ta’ l-individwu, tal-familja, tan-nazzjon, tal-Knisja u tal-umanità; il-ġrajjiet personali  tagħna u dawk tal-proxxmu, l-aktar ta’ dawk li huma qrib tagħna, li huma l-aktar għeżież għalina. B’hekk it-talba sempliċi tar-Rużarju timmarka r-ritmu tal-ħajja umana ».(5)

Għeżież ħuti, b’dan il-kliem poġġejt l-ewwel sena tal-Pontifikat tiegħi fir-ritmu ta’ kuljum tar-Rużarju.  Illum, waqt li qed nibda l-ħamsa u għoxrin sena tas-servizz tiegħi bħala suċċessur ta’ Pietru, nixtieq li nagħmel l-istess. Kemm grazzji qlajt f’dawn is-snin mingħand il-Verġni Mbierka permezz tar-Rużarju: Magnificat anima mea Dominum!  Nixtieq inrodd ħajr  lill-Mulej bil-kliem tal-Omm Qaddisa tiegħu, li taħt il-ħarsien tagħha qgħedt il-ministeru Petrin tiegħi: Totus tuus!

 

Ottubru 2002 – Ottubru 2003: is-Sena tar-Rużarju

3. F’kontinwità mar-riflessjoni dwar l-Ittra appostolika Novo millennio ineunte li fiha, wara l-esperjenza tal-Ġublew, stedint lill-Poplu ta’ Alla biex «jerġa’ jibda mill-ġdid minn Kristu»,(6) ħassejt il-ħtieġa li noffri riflessjoni fuq ir-Rużarju,  kważi bħala kuruna marjana ta’ l-istess Ittra appostolika, u  biex inħeġġeġ ħalli  nikkontemplaw il-Wiċċ ta’ Kristu flimkien ma’  Ommu Marija u fl-iskola tagħha. Fil-fatt, li titlob ir-Rużarju mhuwiex ħaġa oħra ħlief li tikkontempla l-Wiċċ ta’ Kristu  ma’ Marija.  Biex din l-istedina tingħata aktar importanza,  fl-okkażjoni tal-120 anniversarju tal-enċiklika ta’ Ljun XIII li ġa semmejt,  nixtieq li matul din is-sena l-komunitajiet insara kollha  jitolbu u jagħtu  valur lit-talba tar-Rużarju. Għalhekk   inniedi  bħala sena tar-Rużarju  minn  Ottubru 2002 sa Ottubru 2003. 

 Nafda din il-proposta pastorali f’idejn l-inizjattiva tal-komunitajiet ekkleżjali individwali. Mhux l-intenzjoni tiegħi li  din tfixkel, imma li tintegra u ssaħħaħ il-pjani pastorali tal-Knejjes partikulari. Jien fiduċjuż li tkun milqugħa mill-ewwel u b’ġenerożità.  Jekk  niskopru mill-ġdid it-tifsira sħiħa tiegħu, ir-Rużarju jwassalna għall-qalba tal-ħajja nisranija u joffrilna opportunità spiritwali u pedagoġika, ordinarja u siewja għall-kontemplazzjoni personali, għall-formazzjoni tal-Poplu ta’ Alla u għall-evanġelizazzjoni ġdida.  Għandi l-pjaċir  nisħaq dwar dan anki  waqt li qed infakkru anniversarju ieħor: il-11 ta’ Ottubru 1962, meta beda l-Konċilju Ekumeniku  Vatikan II, «il-grazzja kbira» mogħtija mill-Ispirtu ta’ Alla lill-Knisja ta’ żmienna.(7)

 

Oġġezzjonijiet  dwar ir-Rużarju

4.  Inizjattiva ta’ din ix-xorta toħroġ minn diversi kunsiderazzjonijiet. L-ewwel waħda hi li naffrontaw b’urġenza l-kriżi dwar din it-talba, li fil-kuntest preżenti, storiku u teoloġiku,  hemm ir-risjku li wieħed jaqa’ fl-iżball li jnaqqas il-valur tagħha, u allura ma jgħaddihiex lill-ġenerazzjonijiet ġodda.  Hemm min jaħseb li ċ-ċentralità tal-Liturġija, li  bir-raġun kollu l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II  saħaq fuqha, tnaqqas neċessarjament l-importanza tar-Rużarju. Fir-realtà, kif  fiehem  tant tajjeb il-Papa Pawlu VI, din it-talba mhux biss ma tmurx kontra l-Liturġija, imma ssaħħaħha, għax isservi ta’ daħla eċċellenti għaliha u għax fiha hemm tidwi l-Liturġija, fil-waqt li tgħin biex wieħed  jieħu sehem  sħiħ fiha  u jikseb il-frott minnha fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.

Hemm ukoll min jibża’ li din it-talba ma tantx hi ekumenika minħabba fix-xejra  Marjana tagħha.  Iżda fir-realtà, bir-Rużarju  nkunu qed nagħtu lil Omm Alla dik il-qima  li jiddiskrivi l-Konċilju: qima li tpoġġi lil Kristu fiċ-ċentru tal-fidi nisranija, b’mod li «waqt li tingħata qima lill-Omm, l-Iben [...] ikun magħruf, maħbub, igglorifikat ».(8)  Jekk wieħed jiskopri mill-ġdid ir-Rużarju b’mod xieraq,  isib li huwa ta’ għajnuna għall-ekumeniżmu, u żgur li ma jxekklux!

 

Triq ta’ kontemplazzjoni

5. Qed nagħtu importanza kbira u nipproponu li mill-ġdid jerġa’ jibda jingħad ir-Rużarju, għax  dan huwa mezz validu ħafna  biex jgħin lill-fidili jimpenjaw ruħhom fil-kontemplazzjoni tal-misteru nisrani li tkellimt dwaru fl-Ittra appostolika  Novo millennio ineunte bħala vera 'taħriġ fil-qdusija': « Dan it-taħriġ fil-qdusija jitlob ħajja nisranija li fiha tispikka fuq kollox l-arti tat-talb ».(9) Waqt li fil-kultura ta’ llum, anki fost tant kontradizzjonijiet, qed twarrad sejħa ġdida għal spiritwalità,  li ġejja wkoll minn dak li joffru reliġjonijiet oħra, illum aktar minn qabel,  hu meħtieġ li l-komunitajiet insara tagħna jkunu «skejjel ġenwini ta’ talb».(10)

Ir-Rużarju hu waħda mill-isbaħ tradizzjonijiet tal-kontemplazzjoni nisranija, tradizzjoni  tassew ta’ min ifaħħarha. Żviluppat fil-Punent u hija talba ta’ meditazzjoni li b’xi mod taqbel «mat-talba tal-qalb» jew «it-talba ta’ Ġesù» li  rabbiet l-għeruq tagħha fil-Lvant nisrani.

 

Talba għall-paċi u għall-familja

6. Hemm ċirkustanzi storiċi li jkomplu juruna kemm hu meħtieġ li ngħidu r-Rużarju.   L-ewwel waħda fosthom hi l-ħtieġa kbira li nitolbu lil Alla għad-don tal-paċi. Kien hemm diversi drabi meta il-Predeċessuri tiegħi u jien ipproponejna r-Rużarju bħala talba għall-paċi.  F’dan il-millennju li beda bl-attakk ikrah tal-11 ta’ Settembru 2001 u li fih kuljum nisimgħu b’sitwazzjonijiet ġodda mdemma u vjolenti f’tant postijiet fid-dinja, li niskopru mill-ġdid ir-Rużarju jfisser li nikkontemplaw il-misteru ta’ Dak li  hu «s-sliem tagħna», li minn «tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna, il-mibegħda ta’ bejnietna» (Efes 2, 14).  Ma nistgħux nitolbu r-Rużarju mingħajr ma nħossu l-impenn preċiż li nagħtu s-sehem tagħna għall-paċi, b’ħarsa  speċjali lejn l-art  fejn għex Ġesù, li hi daqshekk imġarrba u tant għażiża għal qalb tan-nisrani.

L-istess ħtieġa kbira għal impenn u talb tinħass ukoll f’qasam kritiku ieħor ta’ żmienna: il-qasam tal-familja, ċellula tas-soċjetà, li qed tkun dejjem aktar  mhedda minn qawwiet li jridu jeqirduha fuq livell ideoloġiku u prattiku, u li jwassluk biex titħasseb dwar il-ġejjieni ta’ din l-istituzzjoni fundamentali u importanti, li magħha hemm marbut il-ġejjieni tas-soċjetà kollha kemm hi.   Fil-kuntest wiesa’ tal-pastorali tal-familja, il-ħeġġa biex il-familji nsara  jgħidu r-Rużarju, nistgħu nipproponuha bħala għajnuna biex wieħed jilqa’ kontra l-effetti koroh ta’ din il-kriżi ta’ żmienna.

 

« Hemm hi ommok! » (Gw 19, 27)

7. Ħafna huma s-sinjali li juru kemm anki llum, permezz ta’ din it-talba, il-Verġni Qaddisa trid turi l-imħabba tagħha ta’ omm ma’ wlied il-Knisja, li l-Feddej qed imut fuq is-Salib fdalha f’idejha meta qal  lid-dixxiplu l-maħbub:  «Mara, hawn hu ibnek!» (Ġw 19, 26).    Nafu kemm kien hemm ċirkustanzi differenti matul id-dsatax u l-għoxrin seklu meta Omm Kristu wriet il-preżenza tagħha u semmgħet leħinha biex tqanqal il-poplu ta’ Alla għal din talba kontemplattiva. Nixtieq insemmi b’mod speċjali d-dehriet ta’ Lourdes u ta’ Fatima,(11)  minħabba l-effett kbir tagħhom  fuq il-ħajja ta’ l-insara u  r-rikonoxximent  awtorevoli li kellhom mill-Knisja. Għadd kbir ta’ pellegrini jżuru dawn is-santwarji biex ifittxu faraġ u tama.

 

Fuq il-passi ta’ dawk li taw xhieda

8. Mhux possibbli nsemmi l-Qaddisin kollha li sabu  fir-Rużarju t-triq  vera  biex jitqaddsu.   Biżżejjed insemmu  lil  San Alwiġi Maria Grignion de Montfort, awtur ta’ kitba prezzjuża fuq ir-Rużarju,(12) u, ieħor aktar qrib tagħna, Patri Pio ta’ Pietrelcina, li dan l-aħħar kelli x-xorti  nipproklamah qaddis. Imbagħad kien hemm il-Beatu Bartolo Longo, li kellu kariżma speċjali.  Kien veru appostlu tar-Rużarju u l-mixja tiegħu tal-qdusija  kienet isserraħ fuq ispirazzjoni li ħass:  «Minn ixerred l-imħabba lejn ir-Rużarju jsalva!».(13)  Kien għalhekk li ħassu msejjaħ biex jibni  tempju  ddedikat lil Verġni tar-Rużarju  f’Pompei, fuq il-fdajiet tal-Belt Antika, li nqerdet fis-sena 79 meta żbroffa l-Vessuvju, u kienet għadha bil-kemm semgħet l-aħbar ta’ Kristu. Sekli wara, din il-belt  ħarġet mill-irmied bħala xhieda tad-dwal u d-dlamijiet taċ-ċiviltà klassika.

 Bl-opra kollha  tiegħu, u l-aktar bil-«Ħmistax-il Sibt», Bartolo Longo, mexxa ‘l quddiem ir-ruħ kristuċentrika u kontemplattiva tar-Rużarju. Sab għajnuna kbira minn Ljun XIII,  « il-Papa tar-Rużarju».

 

 

KAP I

Nikkontemplaw lil Kristu flimkien ma’ Marija 

Wiċċu  jiddi  bħax-xemx

9. «Hu tbiddel quddiemhom; wiċċu sar jiddi bħax-xemx» Mt 17, 2). Ix-xena tat-Trasfigurazzjoni ta’ Kristu  li  fiha fl-Evanġelju naraw it-tliet appostli Pietru, Ġakbu u Ġwanni msaħħrin mill-ġmiel tal-Feddej, nistgħu nqisuha bħala ikona tal-kontemplazzjoni nisranija.  Kull dixxiplu ta’ Kristu għandu jiffissa ħarstu fuq il-wiċċ ta’ Kristu u jara fih il-misteru tal-mixja ordinarja u ta’ tbatija li l-bniedem jagħmel, biex imbagħad jasal ħa jifhem il-ġmiel divin li jidher f’Ġesù li qam mill-mewt u li qiegħed fil-glorja fuq il-lemin tal-Missier. U jekk dan hu  li jrid jagħmel kull dixxiplu, allura hekk irridu nagħmlu aħna wkoll. Waqt li nikkontemplaw dan il-wiċċ, aħna ninfetħu għall-misteru tal-ħajja trinitarja u nagħmlu esperjenza dejjem ġdida ta’ l-imħabba tal-Missier u nithennew bil-ferħ ta’ l-Ispirtu s-Santu. B’hekk iseħħ fina dak li jgħid San Pawl:  «Aħna lkoll, li b’wiċċna mikxuf nirrifettu l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jagħtina l-Mulej, li hu Spirtu » (2 Kor 3, 18). 

 

Marija  mudell ta’ kontemplazzjoni

10. F’Marija għandna l-aqwa mudell biex nikkontemplaw lil Kristu.  Il-wiċċ  ta’ Kristu huwa   b’mod waħdieni ta’ Marija.  Hu ssawwar f’ġufha, ħa mingħandha xebh uman li juri  intimità spiritwali ħafna akbar. Ħadd ma ddedika ruħu għall-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu bħalma ddedikat ruħha hi.  Hi tefgħet l-ħarsa ta’ ruħha  fuqu  sa mit-tħabbira, meta  hu tnissel fiha bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Fix-xhur ta’ wara ħasset il-preżenza tiegħu  fiha u ġabet quddiem għajnejha l-fattizzi tiegħu. Meta wasal iż-żmien u wellditu f’Betlem,   hi tefgħet l-ħarsa tenera tagħha fuq wiċċ Binha, waqt li “fisqietu u medditu f’maxtura” (ara Lq 2, 7).

Minn dak inhar, il-ħarsa tagħha, dejjem aktar mimlija mħabba, ma nqalgħet qatt minn fuqu. Xi drabi ħarsitha kienet marbuta ma’ mistoqsija bħal meta tilfitu fit-tempju: «Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk?» (Lk 2, 48). Imma dejjem kienet ħarsa li tinfed, kapaċi tifhem il-qalb ta’ Ġesù,  tħoss is-sentimenti moħbija tiegħu u  tobsor x’ser ikunu d-deċiżjonijiet tiegħu  kif ġara f’Kana (ara Ġw 2, 5). Drabi oħra kienet ħarsa ta’ niket, l-aktar fejn is-salib,  meta għal darb’oħra, f’ċertu sens, kienet il-ħarsa ta’ omm waqt il-ħlas, għax Marija ma għexitx  biss il-passjoni u l-mewt ta’ l-Iben Waħdieni tagħha, imma  laqgħet ukoll l-iben il-ġdid li ġie mogħti lilha fid-dixxipli l-maħbub (ara Ġw 19, 26-27). Fl-għodwa tal-Għid ħarsitha kienet waħda  tiddi  bil-ferħ tal-Qawmien, u fl-aħħar, f’Għid il-Ħamsin, ħarsitha kienet mimlija ħeġġa  bil-miġja ta’  l-Ispirtu s-Santu (ara At 1, 14).

 

It-tifkiriet ta’ Marija

11. Marija għexet b’għajnejha fuq Kristu u kienet tgħożż kull kelma tiegħu: «Baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha» (Lq 2, 19; Lq 2, 51). It-tifkiriet ta’ Ġesù minquxa f’qalbha baqgħu dejjem magħha u wassluha biex tgħix il-mumenti differenti ta’ ħajjitha qrib Binha. Kienu dawn it-tifkiriet li, f’ċertu sens, sawru ‘r-rużarju’, li Hi stess kienet tgħid  matul il-ġranet ta’ ħajjitha fuq din l-art.

 U llum ukoll,  fost l-għana  ferrieħi ta’ Ġerusalemm tas-sema,  baqgħu xorta l-għanijiet tagħha ta’ radd il-ħajr u tifħir.   Dan  juri l-imħabba tagħha ta’ omm għall-Knisja  pellegrina, fejn hi għadha qed twassal l-esperjenza personali tagħha tal-Bxara t-Tajba.  Mingħajr ebda waqfien, hi tpoġġi ‘l-misteri’ ta’ Binha quddiem għajnejn dawk li jemmnu  u tixtieq li dawn ikunu kontemplati ħalli minnhom toħroġ il-qawwa kollha tas-salvazzjoni. Meta l-komunità nisranija titlob ir-Rużarju, hi ssir ħaġa waħda mat-tifkiriet u l-ħarsa kontemplattiva  ta’ Marija.

 

Ir-Rużarju, talba kontemplattiva

12. Il-fatt li tibda mill-esperjenza ta’ Marija, it-talba tar-Rużarju hi waħda tabilħaqq kontemplattiva. Mingħajr il-kontemplazzjoni, din it-talba ma tibqax dak li tassew hi. Kif saħaq Pawlu VI: « Mingħajr kontemplazzjoni, ir-Rużarju hu bħal ġisem bla ruħ u hemm ir-riskju li jsir ripetizzjoni mekkanika li tmur kontra dak li wissa Ġesù meta qal: 'Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn minn għalihom li iktar ma jgħidu iktar jinstemgħu' (Mt 6, 7).  Min-natura tiegħu stess, ir-Rużarju jitlob ritmu kalm u bil-mod li jgħin biex wieħed jimmedita fuq il-misteri tal-ħajja ta’ Kristu bl-għajnejn ta’ Dik li kienet l-aktar qrib tiegħu. B’hekk   naraw il-kobor u l-ġmiel bla tarf ta’ dawn il-misteri ».(14)

 Tajjeb niefqu fuq dan il-ħsieb profond ta’ Pawlu VI biex  naraw xi aspetti  tar-Rużarju  bħala talba  ta’ kontemplazzjoni kristoloġika.

 

Niftakru fi Kristu ma’ Marija

13. Il-kontemplazzjoni ta’ Marija hi qabel kollox tifkira. Jeħtieġ nifhmu din il-kelma fis-sens bibliku  ta’ tifkira (zakar) li ġġedded u tagħmel preżenti l-għemejjel  ta’ Alla  fl-istorja  tas-salvazzjoni. Il-Bibbja hi rakkont ta’ ġrajjiet ta’ fidwa, li l-quċċata tagħhom huwa Kristu stess.  Dawn il-ġrajjiet mhumiex biss xi ħaġa tal-bieraħ; huma wkoll is-salvazzjoni llum. Dan iseħħ b’mod speċjali fil-Liturġija: dak li Alla wettaq sekli ilu ma jirrigwardax biss lil dawk li kellhom sehem dirett f’dawn il-ġrajjiet, imma, bid-don tal-grazzja tiegħu, dan  għadu jolqot lill-bniedem ta’ kull żmien.  B’xi mod, dan jgħodd ukoll għal kull devozzjoni oħra li tressqek lejn dawn il-ġrajjiet. Li «nagħmlu tifkira tagħhom»  bil-fidi u l-imħabba jfisser li ninfetħu għall-grazzja li Kristu rebaħ għalina bil-misteri ta’ ħajja, il-mewt u l-qawmien tiegħu.

Mela, jekk flimkien mal-Konċilju Vatikan II  nisħqu li  l-liturġija, bħala l-ħidma  ta’ l-uffiċċju saċerdotali ta’ Kristu u  għemil ta’ qima  pubblika,  hi « l-quċċata li lejha timxi l-ħidma tal-Knisja u fl-istess waqt l-għajn li minnha toħroġ  kull qawwa tagħha»(15),  jeħtieġ ukoll niftakru li l-ħajja spiritwali «ma tinsabx biss fis-sehem tal-liturġija mqaddsa. In-nisrani, barra milli hu msejjaħ biex jitlob flimkien ma’ l-oħrajn, għandu wkoll jidħol f’kamartu biex fil-moħbi jitlob lill-Missier» (ara Mt 6, 6), u  skont it-tagħlim ta’ l-Appostlu,  għandu jitlob bla heda ( ara 1 Tes.5,17) (16)   Ir-Rużarju,  fis-sura partikulari tiegħu,  jagħmel sehem minn din  il-varjetà ta’ talb ‘ bla heda’. U jekk il-Liturġija,  bħala ħidma ta’ Kristu u tal-Knisja hi l-ogħla għemil ta’ fidwa, ir-Rużarju, bħala meditazzjoni fuq Kristu flimkien ma’ Marija, hu kontemplazzjoni li ssaħħaħna. Fil-waqt li jdaħħalna fil-misteri tal-ħajja tal-Feddej, aħna nassimilaw fina b’mod profond dak li Hu wettaq u li l-Liturġija tattwalizza,  u dan jiffurmana.

 

Nitgħallmu lil Kristu ma’ Marija

14. Kristu huwa l-aqwa Għalliem; hu dak li rrivela u hu dak li ġie rrivelat.  Hawnhekk mhux il-każ li nitgħallmu biss  dak li jgħallem Hu, imma li “nitgħallmu lilu”.  U minn aktar minn Marija hu espert f’dan?   Jekk mil-lat divin, l-Ispirtu s-Santu huwa dak li jgħallimna kollox dwar Kristu, (ara Gw 14, 26; 15, 26; 16, 13),   fost il-bnedmin ma hemm ħadd aqwa minn Marija li jaf lil Kristu. Ħadd aktar minn Ommu ma jista’ jwassalna biex insiru nafu b’mod profond il-misteru tiegħu.

L-ewwel fost is-sinjali li għamel  Ġesu’ – meta bidel l-ilma fl-inbid fit-tieġ ta’ Kana – jurina lil Marija bil-libsa ta’ għalliema. Hi  tgħid lill-qaddejja biex jagħmlu dak li kien ser jgħidilhom Kristu (ara Ġw 2, 5). U  nimmaġinaw li għamlet l-istess ħaġa mad-dixxipli wara li Ġesù tela’ s-sema, meta hija baqgħet magħhom tistenna l-Ispirtu s-Santu u kienet ta’ sostenn għalihom fl-ewwel missjoni tagħhom.  Meta nkunu ma’ Marija fir-Rużarju, inkunu bħal qisna qegħdin fl-‘iskola’ tagħha biex minnha nitgħallmu lil Kristu, biex  nidħlu fil-fond  fl-aktar affarijiet intimi tiegħu u nifhmu l-messaġġ tiegħu.

 Nagħrfu kemm tiswa din l-iskola ta’ Marija, jekk inqisu l-kotra tad-doni ta’ l-Ispirtu li Hi tiksbilna permezz tagħha,  fil-waqt li tagħtina eżempju ta’ dik l-«mixja ta’ fidi»,(17) li  tagħha hi l-aqwa għalliema. Quddiem kull misteru ta’ Binha, hi tistedinna biex nagħmlu kif għamlet hi waqt it-Tħabbira: inressqu  l-mistoqsijiet tagħna b’umilta’  ħalli jkollna d-dawl u   naslu dejjem għall-ubbidjenza tal-fidi: «Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmtek» (Lk 1, 38). 

 

Nixbhu lil Kristu ma’ Marija

15. L-ispiritwalità nisranija tingħaraf mill-impenn tan-nisrani li jsir dejjem aktar jixbaħ lill-Imgħallem tiegħu (ara Rm 8, 29; Fil 3, 10. 21).  L-Ispirtu s-Santu li jinżel  fih  fil-Magħmudija jagħmel lin-nisrani bħal fergħa fid-dielja, li hu Kristu (ara Ġw 15, 5), jagħmlu membru tal-Ġisem mistiku (ara 1Kor 12, 12; Rm 12,5). Iżda jeħtieġ li n-nisrani jkompli din il-mixja li beda billi jsir dejjem aktar jixbah lil Kristu fl-imġieba tiegħu, li għandha  tkun skont “il-ħsieb” ta’ Kristu: « Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù » (Fil 2, 5).  Skont il-kliem ta’ l-Appostlu, jeħtieġ li «nilbsu lil Kristu » (ara Rm 13, 14; Gal 3, 27).

Fil-mixja spiritwali tar-Rużarju, li fiha nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu  flimkien ma’ Marija,  aħna nistgħu nimmiraw lejn l-ideal  li nsiru nixbhuH, billi nimxu  fi triq li tista’ tissejjaħ  “tal-ħbieb”.  Din tpoġġina b’mod naturali fil-ħajja ta’ Kristu u  “nixorbu” mis-sentimenti tiegħu. Il-beatu Bartolo Longo  kien jgħid: «Bħal żewġt iħbieb li  ta’ spiss ikunu flimkien u jiddakkru mid-drawwiet ta’ xulxin, l-istess  jiġri lilna meta nitkellmu b’mod familjari ma’ Ġesù  u mal-Verġni Marija waqt li nimmeditaw il-Misteri tar-Rużarju u ngħixu l-istess ħajja  fit-Tqarbin Imqaddes.     Aħna  nistgħu nsiru nixbhuhom – skont sa fejn tasal id-dgħufija tagħna - u mill-eżempju kbir tagħhom nitgħallmu  ngħixu  l-umiltà, il-faqar, is-sabar u l-perfezzjoni ».(18)

F’dan il-proċess li fih insiru nixbhu lil Kristu permezz tar-Rużarju, aħna nintelqu b’mod partikulari f’idejn Ommna Marija.  Hi dik li  nisslet lil Kristu, u fl-istess waqt hi   parti mill-Knisja,  «membru għoli u singulari tagħha »,(19)     hi “Omm il-Knisja”.  U bħala tali hi  “tnissel” bla heda wlied għall-Ġisem mistiku ta’ Binha.  Tagħmel dan billi tidħol għalina u  titlob li jfawwar  fina l-Ispirtu s-Santu. Hi l-ikona perfetta tal-Knisja Omm.

Ir-Rużarju jpoġġina b’mod mistiku qrib ta’ Marija, li ħadet ħsieb  Ġesù  huwa u jikber fid-dar ta’ Nażaret.  U hi tieħu ħsiebna bl-istess mod, tedukana u tiffurmana  sakemm  Kristu «jissawwar»  fina b’mod sħiħ (ara Gal 4, 19).  Din il-ħidma ta’ Marija,  li  għandha l-għeruq tagħha fi Kristu u li toqgħod għar-rieda tiegħu b’mod radikali, « bl-ebda mod ma tfixkel l-għaqda ta’ dawk li jemmnu ma’ Kristu, anzi tħaffifha ».(20)  Dan id-dawl  ħareġ mill-Konċilju Vatikan II u jien  tant ħassejtu b’mod qawwi fil-ħajja tiegħi li għamiltu l-bażi tal-motto episkopali tiegħi: Totus tuus.(21)  Kif tafu, dan il-motto  hu ispirat mid-duttrina ta’ San  Alwiġi Maria Grignion de Montfort, li kien jispjega r-rwol ta’ Marija fil-proċess tax-xebh tagħna ma’ Kristu billi kien jgħid hekk: «Il-perfezzjoni tagħna  tikkonsisti filli nkunu nixbhu lil  Ġesù, li nkunu magħqudin miegħu u konsagrati Lilu.   Mela, m’hemmx dubju li l-aktar devozzjoni perfetta hija dik li tagħmilna nixbhu lil Kristu, li tgħaqqadna miegħu u li tikkonsagrana Lilu b’ mod l-aktar perfett. Issa, la Marija hi l-kreatura li l-aktar tixbah lil Ġesù, mela, id-devozzjoni lejn Marija, l-Omm qaddisa tiegħu, hi dik fost id-devozzjonijiet kollha  li  permezz tagħha l-aktar nistgħu nikkonsagraw  ruħna u nagħmluha tixbah lill-Mulej. Aktar mar-ruħ tkun ikkonsagrata lilha, aktar tkun konsagrata lil Ġesù Kristu ».(22)  M’hemmx aqwa mir-Rużarju fejn nistgħu naraw ir-rabta profonda li hemm bejn it-triq ta’ Ġesù u dik ta’ Marija. Marija  tgħix biss  fi Kristu u għal Kristu! 

 

Nitolbu lil Kristu ma’ Marija

16.Kristu jistedinna biex induru lejn Alla l-ħin kollu u b’fiduċja ħalli Hu jismagħna:  «Itolbu u jingħatalkom; fittxu u ssibu; ħabtu u jiftħulkom » (Mt 7, 7). Il-qawwa ta’ dan it-talb  ġejja mit-tjieba  tal-Missier,  kif  ukoll għax Kristu stess jidħol għalina quddiemu  (ara 1Gw 2, 1)  u għax l-Ispirtu s-Santu  «jidħol għalina» skont il-pjan ta’ Alla (ara Rm 8, 26-27). Fil-fatt « aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss » (Rm 8, 26)  u xi drabi t-talb tagħna ma jinstemax għax « nitolbu ħażin » (ara Ġak 4, 2-3).

 It-talb li  Ġesù u l-Ispirtu s-Santu jqanqlu fi qlubna hu sostnut minn Marija  li tidħol għalina bħal omm. « It-talb tal-Knisja qisu merfugħ mit-talb ta’ Marija ».(23) Fil-fatt, jekk Ġesù, il-Medjatur waħdieni hu t-Triq tat-talb tagħna, Marija, trasparenza safja tiegħU turina t-Triq.  « Hi minn din il-kooperazzjoni singulari ta’ Marija mal-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, li l-Knejjes żviluppaw it-talb tagħhom lill-Verġni Omm Alla, talb li l-qofol tiegħu huwa l-Persuna ta’ Kristu li tidher fil-misteri tiegħu».(24)  Fit-tieġ ta’ Kana, l-Evanġelju jurina  kemm hi  qawwija l-interċessjoni ta’ Marija, li  twassal il-ħtiġijiet tal-bnedmin għand Ġesù: «Ma għandhomx inbid » (Ġw 2, 3).

Ir-Rużarju huwa meditazzjoni u talba ta’ supplika fl-istess ħin.  Nitolbu bla heda lill-Omm Alla  għax għandna fiduċja li  bl-interċessjoni tagħha ta’ Omm hi kollox tista’ taqla mingħand Binha. Hi “tista’ kollox bil-grazzja”,  biex  nużaw l-istess kliem li l-Beatu Bartolo Longo juża fit-talba tas-Supplika;  kliem li rridu nifhmuhom sew. Din il-konvinzjoni li bdiet mill-Evanġelju,  kompliet tissaħħaħ fl-esperjenza tal-poplu nisrani.  Il-poeta magħruf Dante jfissirha b’mod tal-għaġeb bil-versi ta’ San Bernard: « Mara, int kbira  u setgħana wisq,/ min jixtieq il-grazzja u ma jdurx lejk/xewqatu tkun  qed ittir bla ġwienaħ ».(26)  Meta fir-Rużarju  nitolbu lil Marija,  hi, santwarju ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara Lk 1, 35)  tidħol għalina quddiem il-Missier, li  fawwarha bil-grazzja u quddiem Binha, li twieled  minn ġufha, u hi titlob magħna u għalina.

 

Inħabbru lil Kristu ma’ Marija

17. Ir-Rużarju huwa wkoll passaġġ ta’ tħabbira u ta’ approfondiment, li fih il-misteru ta’ Kristu hu ppreżentat il-ħin kollu fid-diversi livelli tal-esperjenza nisranija. Il-forma tiegħu  ta’ talb u meditazzjoni  kapaċi tifforma lid-dixxipli skont il-qalb ta’ Kristu.  Fil-fatt,  meta fir-Rużarju jkun hemm dak kollu meħtieġ biex isir meditazzjoni li tagħti l-frott, minnu titwieled opportunita’ sinifikattiva kateketika, li r-Ragħajja għandhom jagħrfu s-siwi tagħha u dan speċjalment fiċ-ċelebrazzjonijiet komunitarji fil-parroċċi u fis-santwarji.  Anki b’dan il-mod, il-Verġni tar-Rużarju tkompli  l-ħidma tagħha tat-tħabbira ta’ Kristu. L-istorja dwar ir-Rużarju turina kif, speċjalment id-Dumnikani, għamlu użu minn din it-talba fi żmien diffiċli għall-Knisja minħabba fit-tixrid tal-ereżija. Illum ninsabu quddiem sfidi ġodda. Għaliex ma noħdux il-Kuruna f’idejna  bl-istess fidi ta’ dawk li ġew qabilna?  Ir-Rużarju għad  għandu l-qawwa kollha tiegħu u jibqa’ riżorsa ta’ valur pastorali għal  kull evanġelizzatur tajjeb.

 

  

KAP II

MISTERI TA’ KRISTU - MISTERI TA’ L-OMM TIEGĦU

 

Ir-Rużarju « kompendju tal-Evanġelju »

18.  Ma nistgħux nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu mingħajr ma nisimgħu  leħen il-Missier  permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, għax  «ħadd ma jagħraf  lill-Iben jekk mhux il-Missier » (Mt 11, 27). Meta fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu,  Pietru stqarr min hu  Ġesù, Ġesù qal mnejn kienet ġejja  dik l-istqarrija ċara dwaru: «Mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet » (Mt 16, 17).  Kienet meħtieġa rivelazzjoni mis-Sema.     U biex tkun milqugħa,  kien hemm bżonn is-smigħ: « Hija biss l-esperjenza tas-skiet u tat-talb li toffrilna l-ambjent xieraq biex nikbru fl-għarfien veru, fidil u  sod ta’ dak il-misteru ».(27)

Il-Rużarju huwa  talba tradizzjonali  nisranija li fiha nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu.  Il-Papa Pawlu VI iddeskriviha hekk: « Ir-Rużarju huwa talba evanġelika li tiċċentra fuq il-misteru tal-inkarnazzjoni u tal-fidwa, u għalhekk  żgur li hu talba  li twassalna lejn Kristu. Fil-fatt, anki meta ntennu, l-Ave Maria, aħna nkunu qed nagħmlu att  kontinwu ta’ tifħir lil Kristu, li huwa l-għan aħħari kemm tat-Tħabbira tal-Anġlu  kif ukoll tat-tislima li għamlet  omm il-Battista: “Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lk 1, 42). U hemm xi ħaġa aktar minn hekk: fir-ripetizzjoni ta’ l-Ave Maria  hemm mistura dik ix-xiħaġa li fuqha tintiseġ il-kontemplazzjoni tal-misteri:   Ġesù li jissemma f’kull Ave Maria  huwa l-istess  Ġesù  li l-misteri jpoġġu quddiemna, xi drabi  bħala Iben  Alla  u  drabi oħra bħala Iben il-Verġni Marija ».(28)

 

Żieda  f’waqtha

19.  Fir-Rużarju, kif  ġie stabbilit bl-approvazzjoni tal-awtorità tal-Knisja, insibu biss xi wħud mill-misteri tal-ħajja ta’ Kristu. L-għażla ġiet determinata mill-oriġini ta’ din it-talba li tfasslet fuq in-numru 150, l-għadd tas-Salmi.

 Imma nħoss li biex tissaħħaħ il-qawwa kristoloġika tar-Rużarju,  tkun ħaġa f’waqtha li  ssir żieda, li fil-waqt li titħalla għal-liberta’ tal-individwi u tal-komunitajiet,  twassal biex inkunu nistgħu nħaddnu anki  l-misteri tal-ħajja pubblika ta’ Kristu mill-Magħmudija sal-Passjoni tiegħu. F’dawn il-misteri aħna nikkontemplaw aspetti importanti tal-persuna ta’ Kristu, li jirrivelalna lil Alla.  Dak li kien dikjarat l-Iben il-maħbub tal-Missier fil-Magħmudija fil-Ġordan, ħabbar il-miġja tas-Saltna, ta xhieda  tagħha bl-għemejjel tiegħu, xandar dak li titlob is-Saltna.  Matul il-ħajja pubblika  tiegħu, il-misteru ta’ Kristu jidher b’mod ċar misteru ta’ dawl: « Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja » (Ġw 9, 5). 

 Għalhekk, biex inkunu nistgħu ngħidu  bis-sħiħ li r-Rużarju hu ‘kompendju tal-Evanġelju’, tkun ħaġa tajba li, wara li niftakru fl-inkarnazzjoni u l-ħajja moħbija ta’ Kristu (il-misteri tal-ferħ), u qabel ma niefqu fuq it-tbatija tal-passjoni ( il-misteri tat-tbatija), u fuq ir-rebħa tal-qawmien ( il-misteri tal-glorja),  niefqu naħsbu wkoll fuq waqtiet importanti tal-ħajja pubblika tiegħu (il-misteri tad-dawl).   Iż-żieda ta’ dawn il-misteri ġodda, mingħajr ma tippreġudika  l-aspett essenzjali tal-mod kif inhi magħmula din it-talba tradizzjonali, għandha tagħti ħajja ġdida lir-Rużarju u tkebbes ħerqa ġdida  biex l-għajxien ta’ din it-talba  fl-ispiritwalità nisranija ikun  bħal  bieb miftuħ li jwassal lejn  il-Qalb ta’ Kristu, abbiss ta’ ferħ u ta’ dawl, ta’ tbatija u ta’ glorja.

 

Il-Misteri tal-ferħ

20. Il-karatteristika ta’ l-ewwel ħames misteri, “il-misteri tal-ferħ”  huwa l-ferħ li ġġib magħha l-ġrajja ta’ l-Inkarnazzjoni.  Dan jidher b’mod ċar sa mit-Tħabbira  fejn fit-tislima ta’ Gabriel lill-Verġni ta’ Nażaret naraw l-istedina għall-ferħ messjaniku: «Ifraħ, Marija».  Ma’ din it-tħabbira hemm marbuta l-istorja kollha tas-salvazzjoni, anzi b’ċertu mod, l-istorja stess tad-dinja.  Jekk il-pjan tal-Missier huwa li kollox jinġabar taħt  ras waħda li hu Kristu (ara Ef 1, 10), mela, b’xi mod, id-don divin tal-Missier li permezz   tiegħu  Marija ssir omm Ibnu, jolqot lill-univers kollu.  U min-naħa tagħha, l-umanità  kollha  tinġabar fil-fiat li permezz tagħha Marija  wieġbet iva għar-rieda ta’ Alla.

 Imbagħad  naraw tiddi n-nota ta’ ferħ   fil-laqgħa ta’ Marija ma’ Eliżabetta,  meta l-leħen ta’ Marija u l-preżenza ta’ Kristu f’ġufha wasslu lil Ġwanni biex «jaqbeż bil-ferħ»  (ara Lk 1, 44). Mimlija bil-ferħ hi wkoll ix-xena ta’ Betlemm, meta l-anġli jilqgħu bil-kant it-twelid tat-Tarbija Divina, tal-Feddej tad-dinja u jxandruha lir-rgħajja  propju bħala «aħbar ta’ ferħ kbir » (Lk 2, 10).

  Għalkemm il-ferħ ma jonqosx anki fl-aħħar  żewġ misteri,  imma fihom ġa jidher is-sinjal tal-ġrajjiet drammatiċi li kellhom iseħħu.  Waqt il-preżentazzjoni fit-tempju  hemm l-ferħ tal-konsagrazzjoni tat-tarbija u  l-estasi tax-xwejjaħ Xmun,  imma  hemm wkoll il-profezija li Ġesù  kellu jkun «sinjal li jmeruh»  f’Israel u li sejf kellu jinfed qalb Ommu (ara Lk 2, 34-35). L-episodju ta’ Ġesù fit-tempju meta kellu tnax-il sena, hu wkoll mimli ferħ u fl-istess ħin drammatiku. Hawnhekk naraw l-għerf divin  ta’ Ġesù li jisma’ u jistaqsi u jidher   bħal wieħed li ‘jgħallem’.  Ir-rivelazzjoni tal-misteru tiegħu ta’ Iben  iddedikat għal dak li hu tal-Missier hi tħabbira  radikali  evanġelika li tpoġġi  sfida anki għar-rabtiet l-aktar għeżież tal-bniedem  quddiem dak  li titlob is-Saltna.   Ġużeppi u Marija  stess li kienu inkwetati u b’qalbhom maqsuma  « kliemu ma fehmuhx » (Lq 2, 50).

 Mela, li timmedita l-misteri ‘tal-ferħ’ ifisser li tidħol fil-fond f’dak li jwassal għall-ferħ nisrani u fit-tifsira profonda tiegħu. Ifisser li tiffissa ħarstek fuq il-misteru  konkret tal-Inkarnazzjoni u  fuq dak li qed ikun imħabbar minn qabel dwar il-misteru tat-tbatija li fdietna. Marija  twassalna biex nifhmu s-sigriet tal-ferħ nisrani fil-waqt li tfakkarna li l-kristjaneżmu hu qabel kollox euanghelion, 'aħbar tajba',  li għandha ċ-ċentru tagħha, anzi l-kontenut stess tagħha, fil-persuna ta’ Kristu, il-Kelma li ħadet il-ġisem, il-Feddej waħdieni tad-dinja.

 

Il-Misteri tad-Dawl

21. Meta mit-tfulija u l-ħajja f’Nażaret ngħaddu għall-ħajja pubblika ta’ Ġesù,  il-kontemplazzjoni twassalna għal dawk il-misteri li nistgħu nsejħulhom b’titlu speċjali, “il-misteri tad-dawl”.  Fir-realtà, il-misteru kollu ta’ Kristu huwa dawl.  Huwa « d-dawl tad-dinja» (Ġw 8, 12).  Imma dan narawh b’mod partikulari fis-snin tal-ħajja pubblika tiegħu, meta Hu ħabbar l-evanġelju tas-Saltna. Xtaqt nuri  lill-komunità nisranija ħames waqtiet sinifikattivi – misteri “mdawlin” – f’din il-fażi tal-ħajja ta’ Kristu. U naħseb li dawn jistgħu jkunu: 1. il-magħmudija tiegħu fil-Ġordan, 2. meta wera min hu fit-tieġ ta’ Kana, 3. it-tħabbira tas-Saltna ta’ Alla u l-istedina għall-indiema, 4. it-Trasfigurazzjoni u  5. it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija, espressjoni sagramentali tal-misteru tal-Għid.

Kull wieħed minn dawn il-misteri hu rivelazzjoni tas-Saltna li waslet fil-persuna stess ta’ Ġesù.   L-ewwelnett,  hi misteru ta’ dawl il-Magħmudija fil-Ġordan.  Hawnhekk,  meta Kristu, il-persuna innoċenti li saret ‘dnub’ għalina(ara 2Kor 5, 21),   niżel fl-ilma tax-xmara, is-smewwiet infetħu u leħen il-Missier ipproklamah “Ibnu l-għażiż” (ara Mt 3, 17 ),  fil-waqt li l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu biex jagħtih il-missjoni li  kienet qed tistennih.  Hu misteru ta’ dawl l-ewwel wieħed fost is-sinjali  li wettaq (ara Ġw 2, 1-12),  meta f’Kana  Kristu bidel l-ilma f’inbid u meta d-dixxipli emmnu fih, grazzi għall-interċessjoni ta’ Marija, l-ewwel  waħda fost dawk li emmnu. Misteru ta’ dawl hi l-predikazzjoni li biha Ġesù ħabbar il-miġja tas-Saltna u stieden għall-indiema (ara Mk 1, 15). Hu ħafer id-dnubiet ta’ dawk li resqu lejh b’fiduċja  u b’umlità (ara Mk 2, 3-13; Lk 7, 47-48).  U b’hekk ta  bidu għall-ministeru tal-ħniena li Hu jkompli jwettaq sa l-aħħar taż-żmien, l-aktar permezz tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, li Hu  ħalla f’idejn il-Knisja tiegħu (ara Ġw 20, 22-23).  Hi misteru ta’ dawl mill-aqwa it-Trasfigurazzjoni tiegħu, li skont it-tradizzjoni seħħet fuq il-muntanja Tabor. Il-glorja tad-Divinità iddiet fuq wiċċ Kristu, fil-waqt li l-Missier qal lill-Appostli mistagħġba b’dak li raw, biex jisimgħu lilu (ara Lk 9, 35).  U huma kienu lesti li jgħixu miegħu l-mument iebes tal-Passjoni sabiex jaslu miegħu għall-ferħ tal-Qawmien  u għall-ħajja mibdula mill-Ispirtu s-Santu. Misteru ta’ dawl huwa wkoll it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija, li fiha  Kristu jsir ikel għalina bil-Ġisem u d-Demm tiegħu taħt ix-xbihat tal-ħobż u l-inbid.  B’hekk  Hu jagħti xhieda  li  jħobb “sa l-aħħar” (Ġw 13, 1),  lill-umanita’ li għaliha  offra lilu nnifsu b’sagrifiċċju.

F’dawn il-misteri, barra  minn dak ta’ Kana, Marija tibqa’ fl-isfond.  Ftit li nisimgħu dwarha fl-Evanġelji;   tissemma’ ftit f’xi waqt jew ieħor  waqt il-predikazzjoni ta’ Ġesù (ara Mk 3, 31-35; Ġw 2, 12). Ma jgħidulniex li  kienet  preżenti  fiċ-Ċenaklu meta waqqaf l-Ewkaristija.  Imma dak li wettqet f’Kana, kien b’xi mod dak li għamlet matul il-mixja  ta’ Kristu. Ir-rivelazzjoni li l-Missier  għamel b’mod dirett meta Ġesù tgħammed fil-Ġordan u li mbagħad reġa’ għamilha l-Battista,  kienet fuq fomm Marija f’Kana.  U din saret it-twissija tagħha ta’ Omm  lill-Knisja ta’ kull żmien: «Agħmlu dak li jgħidikom hu » (Ġw 2, 5).  Din it-twissija tagħha introduċiet il-kliem u s-sinjali li għamel Kristu matul il-ħajja pubblika tiegħu u fiha hemm l-isfond marjan tal-misteri kollha tad-dawl. 

 

Il-misteri tat-tbatija

22. L-Evanġelju jagħti ħafna importanza lill-misteri tat-tbatija ta’ Kristu.  Sa minn dejjem, speċjalment matul ir-Randan, il-qima nisranija waqfet fuq id-diversi mumenti tal-Passjoni permezz tal-Via Crucis,  u għarfet li f’dawn il-mumenti  hemm il-quċċata tar-rivelazzjoni ta’ l-imħabba u l-għajn tal-fidwa. Fir-Rużarju għandna ċertu waqtiet tal-Passjoni li jgħinu lil min jitlob biex iħares lejhom bl-għajnejn ta’ ruħu u jerġa’ jgħixhom.  Dawn il-misteri  jibdew bil-meditazzjoni  dwar  Kristu  fil-ġnien tal-Ġetsemani meta  Hu għex  mument iebes quddiem ir-rieda tal-Missier, fejn il-ġisem dgħajjef jħoss it-tentazzjoni li jirribella. Hawnhekk, Kristu jpoġġi lilu nnifsu fit-tentazzjonijiet kollha ta’ l-umanità u quddiem id-dnubiet kollha ta’ l-umanità, biex jgħid lill-Missier: «Tkun magħmula r-rieda tiegħek u mhux tiegħi» (Lk 22, 42 ).     Din “ l-iva”  ta’ Ġesu’  hi tweġiba għal  dik  “il-le” tal-ewwel ġenituri  tal-bniedem fl-Eden. Dak li ġabet magħha din l-iva għar-rieda tal-Missier  jidher fil-misteri  ta’ wara: it-telgħa tal-Kalvarju, il-flaġellazzjoni, il-kuruna tax-xewk, il-mewt tas-salib.  Hu  bata l-akbar umiljazzjoni: Ecce homo!

F’din l-umiljazzjoni  li hu bata għalina tidher mhux biss l-imħabba ta’ Alla, imma wkoll is-sens tal-ħajja tal-bniedem.

Ecce homo: it-tifsira, il-bidu u t-twettiq tal-ħajja tal-bniedem jinsabu fi Kristu, Alla, li  għall-imħabba ċekken lilu innifsu “sal-mewt,  anzi sal-mewt tas-salib” (Fil2,8). Il-misteri tat-tbatija jwasslu lil min jemmen biex jerġa’ jgħix il-mewt ta’ Ġesù billi jpoġġi lilu nnifsu taħt is-salib flimkien ma’ Marija, biex flimkien magħha jidħol fil-fond ta’ l-imħabba bla tarf li Alla għandu għall-bniedem, u jħoss il-qawwa li  mill-ġdid tagħtih ħajja.

 

Il-misteri tal-glorja

23.«Il-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu ma tistax tieqaf fuq ix-xbieha tal-Imsallab għax Kristu qam mill-mewt! ».(29)  Ir-Rużarju dejjem esprima din il-fidi, u jistieden lil dawk li jemmnu biex ma jiefqux fuq id-dlam tal-Passjoni, imma biex iħarsu lejn Kristu fil-glorja tal-Qawmien u tat-Tlugħ tiegħu fis-Sema. Meta n-nisrani jikkontempla lil Kristu Rxoxt hu jiskopri r-raġuni tal-fidi tiegħu (ara 1 Kor 15, 14), u jgħix mhux biss il-ferħ li ġarrbu l-Appostli, il-Maddalena u d-dixxipli ta’ Emmaus, imma wkoll il-ferħ ta’ Marija, li żgur għamlet l-istess esperjenza ta’ Binha glorifikat.   Bit-tlugħ fis-Sema,   Kristu    ġie gglorifikat u jinsab fuq il-lemin tal-Missier, fil-waqt li Marija tgħolliet għal din il-glorja meta ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. U hekk, bi privileġġ uniku, hi gawdiet minn qabel dak li huma ddestinati li jgawdu l-ġusti fil-qawmien mill-imwiet. Inkurunata Reġina - kif narawha fl-aħħar misteru tal-glorja - Marija tiddi bħala Sultana ta’ l-Anġli u l-Qaddisin, antiċipazzjoni u milja eskatoloġika tal-Knisja.

 Fiċ-ċentru ta’dawn il-misteri tal-glorja tal-Iben u tal-Omm, ir-Rużarju jpoġġilna l-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin. Fit-tielet misteru tal-glorja naraw il-Knisja bħala familja miġbura madwar Marija, mogħtija ħajja ġdida bil-qawwa ta’ l-Ispirtu, lesta biex tibda twettaq il-missjoni tagħha ta’ l-evanġelizazzjoni. Il-kontemplazzjoni ta’ dan il-misteru, bħall-misteri glorjużi l-oħra, għandha twassal lil dawk li jemmnu biex jagħrfu dejjem aktar il-ħajja ġdida tagħhom fi Kristu, bħala parti mir-realta’ tal-Knisja, eżistenza li tagħha x-xena tal-Għid il-Ħamsin hi ikona kbira. B’hekk il-misteri glorjużi jsaħħu f’dawk li jemmnu t-tama ta’ ħajja eskatoloġika li lejha huma mixjin bħala membri tal-Poplu ta’ Alla fil-pellegrinaġġ tiegħu fl-istorja. Dan ma jistax ma jqanqalhomx biex b’kuraġġ jagħtu xhieda ta’ «dik l-aħbar ta’ ferħ» li tagħti sens lil ħajjithom kollha kemm hi.

 

Mill-‘misteri’ għall-‘Misteru’: it-triq ta’ Marija

24. Fil-meditazzjonijiet li jipproponilna r-Rużarju Mqaddes żgur li ma hemmx kollox, imma fihom hemm l-essenzjal u jwasslu lir-ruħ tagħna  biex tiggosta dejjem aktar lil Kristu permezz ta’ dak li nsibu fl-għajn safja tat-testi evanġeliċi. F’kull parti tal-ħajja ta’ Kristu,  kif jirrakkontawhielna l-Evanġelisti,   jiddi l-Misteru li jibsoq kull għerf (ara Ef 3, 19).  Dan hu l-Misteru tal-Kelma li ħadet il-ġisem  li fiha « hemm tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità» (Kol 2, 9).  Hu għalhekk li l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jinsisti ħafna fuq il-misteri ta’ Kristu u jfakkarna li « kollox fil-ħajja ta’ Ġesù hu sinjal tal-Misteru tiegħu ».(30) Id- « duc in altum » tal-Knisja fit-tielet millennju jitkejjel fuq kemm l-insara huma kapaċi « jaslu għall-għana tal-fehma sħiħa u l-għarfien tal-misteru  ta’ Alla li hu Kristu u li fih hemm moħbija t-teżori kollha tal-għerf u tax-xjenza » (Kol 2, 2-3).  Lill-imgħammdin kollha jaslilhom l-awgurju sabiħ  li nsibu fl-Ittra lill-Efesin:  «li Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-fidi, biex tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom. B’hekk tkunu tistgħu tifhmu (...) l-imħabba ta’ Kristu u tagħrfu kemm din l-imħabba tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla » (Ef 3, 17-19). 

Ir-Rużarju jservi għal dan l-ideal, fil-waqt li joffrilna‘s-sigriet’ biex ninfetħu b’aktar faċilità u b’mod aktar profond għal Kristu. Nistgħu ngħidu li din hi t-triq ta’ Marija.  Hi t-triq fuq l-eżempju ta’ Marija, il-mara tal-fidi, il-mara tas-skiet, dik li taf tisma’.  Hi t-triq ta’ devozzjoni marjana mogħtija l-ħajja minn dik r-rabta li ma tistax ma tkunx hemm u li tgħaqqad lil Kristu ma’ l-Omm Qaddisa tiegħu: il-misteri ta’ Kristu huma f’ċertu sens il-misteri ta’ l-Omm tiegħu, wkoll meta din ma tkunx fihom direttament, għax Hi tgħix biH u għaliH.   Meta fl-Ave Maria nagħmlu tagħna l-kliem ta’ l-anġlu Gabriel u ta’ Santa Eliżabetta, aħna dejjem inħossuna mqanqlin mill-ġdid biex infittxu “il-frott imbierek tal-ġuf» (ara Lq 1, 42) f’Marija, f’dirgħajja u f’qalbha.

 

Misteru ta’ Kristu, 'misteru' tal-bniedem

25.   Fix-xhieda tiegħi tal-1978 li ġa semmejt qabel, fejn tkellimt dwar ir-Rużarju bħala t-talba preferita tiegħi, kont semmejt kunċett li rrid nerġa’ nieqaf fuqu.

Kont għidt li «t-talba sempliċi tar-Rużarju  timmarka r-ritmu tal-ħajja tal-bniedem ».(31)

 Fid-dawl tar-riflessjonijiet li għamilna s’issa fuq il-misteri ta’ Kristu, mhuwiex diffiċli nidħlu fil-fond dwar din l-implikazzjoni antropoloġika tar-Rużarju, li hi aktar profonda minn dak li jidher ma’ l-ewwel daqqa t’għajn.   Min jikkontempla lil Kristu billi jħares lejn il-grajjiet tal-ħajja tiegħu, ma jistax ma jarax fiH anki l-verità dwar il-bniedem.  Din hi stqarrija importanti tal-Konċilju Vatikan II, li  ħafna drabi  tkellimt dwarha fit-tagħlim tiegħi, ibda mill-Ittra enċiklika Redemptor hominis : « Huwa biss fil-Misteru tal-Kelma li sar bniedem li l-misteru tal-bniedem jintwera fid-dawl veru tiegħu ».(32) Ir-Rużarju jgħinna ninfetħu għal dan id-dawl.  Meta jimxi fuq il-passi ta’ Kristu, li fih   hemm «miġbura»,(33)  murija u mifdija l-passi kollha tal-mixja tal-bniedem, in-nisrani jiġi wiċċ’imb wiċċ max-xbieha tal-bniedem veru.  Meta jikkontempla t-twelid tiegħu, jitgħallem il-qdusija tal-ħajja; meta jħares lejn id-dar ta’ Nazaret jitgħallem l-verità ewlenija dwar il-ħsieb ta’ Alla fuq il-familja, meta jisma’ l-Imgħallem fil-misteru tal-ħajja pubblika tiegħu, huwa jikseb id-dawl biex jidħol fis-Saltna ta’ Alla, u meta jimxi warajh fit-triq tal-Kalvarju hu jitgħallem it-tifsira tat-tbatija li tifdi.  Fl-aħħar, meta jikkontempla lil Kristu u l-Omm tiegħu fil-glorja, hu jara l-għan li għalih kull wieħed minna hu msejjaħ, jekk nħallu l-Ispirtu s-Santu jfejjaqna u jibdilna.  Hekk nistgħu ngħidu li kull misteru tar-Rużarju, meditat tajjeb, jitfa’ dawl fuq il-misteru tal-bniedem.

 Fl-istess ħin, issir ħaġa naturali li ngħaqqdu l-ħafna problemi tagħna, il-qtigħ il-qalb, il-ħidma u pjanijiet tal-ħajja tagħna ma’ l-umanita’ qaddisa tal-Feddej.  “Ħalli xortik f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek » (Sal 55, 23).  Li nimmeditaw bir-Rużarju jfisser li nitfgħu t-toqol tal-ħajja tagħna fil-qalb ħanina ta’ Kristu u dik ta’ Ommu  Marija.  Wara ħamsa u għoxrin sena, fejn ma naqsux id-diffikultajiet lanqas waqt il-qadi tal-ministeru petrin tiegħi, inħoss li  mill-ġdid  għandi nistieden lil kulħadd b’ħafna mħabba biex  jagħmel esperjenza personali ta’ dan. Iva! Ir-Rużarju tassew li “jimmarka r-ritmu tal-ħajja tal-bniedem”, jarmonizzah mar-ritmu ta’ l-istess ħajja ta’ Alla, fil-komunjoni tat-Trinita’ Qaddisa, li aħna maħluqa għaliha u li ruħna tixxennaq għaliha.

 

 

KAP III

“GĦALIJA, LI  NGĦIX HUWA KRISTU”

 

Ir-Rużarju, triq li tagħmilna ħaġa waħda mal-misteru

26. Il-meditazzjoni tal-misteri ta’ Kristu fir-Rużarju hi mogħtija b’metodu li min-natura tiegħu stess jgħinna biex insiru ħaġa waħda magħhom. Huwa metodu ta’ ripetizzjoni. Dan jgħodd l-ewwelnett għall-Ave Maria, li ngħiduha għaxar darbiet f’kull misteru. Jekk inħarsu b’mod superfiċjali lejn din ir-ripetizzjoni, nistgħu naqgħu fit-tentazzjoni  li nħarsu lejn ir-Rużarju bħala xi ħaġa monotona,  li ddejqek.  Imma l-affarijiet jistgħu jkunu ferm differenti jekk inħarsu lejn il-Kuruna bħala espressjoni ta’ dik l-imħabba li ma ngħejjew qatt nagħtuha lura lill-persuna maħbuba bi kliem imqanqal, li għalkemm dejjem l-istess, imma dejjem ġodda bis-sentiment li jkun hemm fihom.

Fi Kristu, Alla ħa tassew « qalb tal-laħam ». Hu m’għandux biss qalb divina,  mogħnija bil-ħniena u l-maħfra, imma għandu wkoll qalb umana, li kapaċi tħabbat bl-imħabba. Jekk irridu xhieda ta’ dan,   faċli   nsibuha fl-Evanġelju fid-djalogu sabiħ bejn Kristu u Pietru, wara l-Qawmien ta’ Ġesu: « Xmun, bin Ġona, tħobbni int? ».  Din il-mistoqsija saritlu tliet darbiet u għal tliet darbiet Pietru wieġeb: « Mulej, inti taf li jien inħobbok » (ara Ġw 21, 15-17).  Barra mit-tifsira speċifika ta’ din is-silta, hekk importanti għall-missjoni ta’ Pietru,   ma nistgħux ma nintlaqtux  mir-ripettizzjoni għal tliet darbiet,  fejn il-mistoqsija insistenti u t-tweġiba għaliha jesprimu  ruħhom bi kliem magħrufa sew fl-esperjenza ta’ l-imħabba umana. Biex nifhmu r-Rużarju, jeħtieġ nidħlu fid-dinamika psikoloġika ta’ l-imħabba.

Ħaġa waħda hi ċara:  għalkemm ir-ripetizzjoni ta’ l-Ave Maria ssir direttament lil Marija, imma magħha u permezz tagħha, l-att ta’ mħabba li nagħmlu, nagħmluh definittivament lil Ġesù. Ir-ripetizzjoni hi msaħħa mix-xewqa li nsiru dejjem aktar nixbhu lil Kristu, il-veru programm tal-ħajja nisranija. San Pawl tkellem dwar dan il-‘programm’ bi kliem imħeġġa: « Għalija l-ħajja hi Kristu u l-mewt hi rebħ» (Fil 1, 21).  U jgħid ukoll: «Ngħix, imma mhux iżjed jien, imma jgħix fija Kristu » (Gal 2, 20).  Ir-rużarju jgħinna nsiru dejjem aktar nixbħu  lil Kristu  sakemm naslu għall-qdusija.

 

Metodu  validu...

27. M’għandniex għalfejn nistagħġbu li fir-rabta tagħna ma’ Kristu nużaw ukoll dan il-metodu.  Alla jikkomunika mal-bniedem  billi jirrispetta n-natura tagħna ta’ bnedmin u r-ritmu tal-ħajja tagħna. Għalhekk, għalkemm l-ispirtwalità  nisranija  hi midħla sew   tas-silenzju mistiku  fejn, biex ngħid hekk, ir-rabta qawwija tal-bniedem ma’ Alla tegħleb ix-xbihat, il-kliem u l-ġesti, imma din  normalment tikkonvolġi l-persuna sħiħa   fir-realtà psikika, fiżika u relazzjonali kollha tagħha.

 Dan jidher b’mod ċar fil-Liturġija. Is-saġramenti u s-sagramentali huma strutturati b’riti, li fihom  jidħlu d-diversi aspetti tal-persuna. It-talb li mhux liturġiku wkoll jesprimi din l-istess esiġenza.  Dan jikkonfermah il-fatt li, fil-Lvant, it- talba l-aktar karatteristika tal-meditazzjoni kristoloġika li tiċċentra fuq il-kliem: « Ġesù Kristu, Bin Alla, Mulej, ikollok ħniena minni, midneb »,(34)  hi tradizzjonalment marbuta mar-ritmu tan-nifs. Fil-waqt li din it-talba  tgħin biex wieħed jippersevera fit-talb,  kważi tiżgura li  anki fiżikament wieħed jħoss fih  ix-xewqa li Kristu jsir in-nifs, ir-ruħ u l-‘kollox’ ta’ ħajtu.

 

... imma li jista’ jitjieb

28.  Fl-Ittra appostolika Novo millennio ineunte, għidt  li  llum  anki fil-Punent qed tinħass mill-ġdid  il-ħtieġa  tal-meditazzjoni, ħtieġa li xi drabi qed issib tweġiba f’reliġjonijiet oħra  bil-mod li jiġbduk lejhom.(35)  Xi nsara li jafu ftit dwar it-tradizzjoni kontemplattiva nisranija, jitkaxkru minn dak li jipproponu dawn ir-reliġjonijet.  Minkejja l-aspetti pożittivi tagħhom, li xi drabi jkunu jaqblu mal-esperjenza nisranija, dawn spiss jaħbu bażi ideoloġika li wieħed ma jistax jaċċettaha.  F’dawk l-esperjenzi  tintuża metodoloġija li hi popolari ħafna għax waqt li timmira għal livell għoli ta’ konċentrazzjoni, tagħmel użu minn teknika ta’ natura psiko-fiżika, ripettitiva u simbolika. Ir-Rużarju jidħol f’dan il-kwadru universali ta’ dan il-fenomenu reliġjuż, imma għandu l-karatteristiċi tiegħu, li jwieġbu   għall-ħtiġijiet speċifikament insara. 

Fil-fatt mhuwiex ħlief metodu biex tikkontempla.   U dan il-metodu rridu nużawh   bħala mezz għal skop u mhux bħala skop fih innifsu.   Imma la dan il-metodu hu frott  ta’ sekli ta’ esperjenza, ma nistgħux innaqqsu l-valur tiegħu.  Hemm favur tiegħu l-esperjenza ta’ ħafna qaddisin.  Iżda dan ma jfissirx li ma jistax ikun aħjar. U dan hu l-iskop li  maċ-ċiklu kollu tal-misteri qed inżidu l-mysteria lucis  li  qed nipproponi f’din l-Ittra, flimkien ma’ xi   suġġerimenti dwar il-mod kif jingħad. Fil-waqt li nirrispettaw l-istruttura stabbilita ta’ din it-talba, nixtiequ   ngħinu lill-insara  jifhmuha fir-rikkezza tas-simboliżmu tagħha, fi qbil ma’ dak li titlob il-ħajja ta’ kuljum.  Mingħajr dan, hemm ir-riskju li r-Rużarju mhux biss ma ħallix l-effett spiritwali mixtieq, imma jispiċċa biex saħansitra l-kuruna li ngħiduh biha ssir  ornament  jew   oġġett maġiku,  u  b’hekk ngħawġu s-sens u l-funzjoni tagħha.

 

 

It-tħabbira tal-misteru

29.  Meta nkunu qed nħabbru l-misteru, u forsi nħarsu wkoll lejn xi ikona xbieha tiegħu, inkunu qisna qed niftħu xenarju li fuqu nitfgħu l-attenzjoni kollha tagħna. Il-kliem jiggwidaw l-immaġinazzjoni u r-ruħ lejn dak l-episodju jew mument fil-ħajja ta’ Kristu.  Fl-ispiritwalità  li żviluppat fil-Knisja,  kemm il-qima tal-ikoni u l-ħafna devozzjonijiet li jappellaw għas-sensi, kif ukoll il-metodu li San Injazju ta’ Loyola jipproponi fl-Eżerċizzi Spiritwali, jagħmlu użu mill-element viżiv u immaġinattiv (compositio loci),  għax jingħad li dan jgħin ħafna biex wieħed jikkonċentra fuq il-misteru.  Barra minn hekk, din hi metodoloġija li taqbel mal-loġika stess ta’ l-Inkarnazzjoni: f’Ġesu’, Alla ried li jieħu l-fattizzi tal-bniedem. Huwa permezz tar-realtà tal-ġisem tiegħu  li aħna  naslu f’kuntatt mal-misteru divin tiegħu.

It-tħabbira tal-misteri  differenti tar-Rużarju twieġeb ukoll għal din il-ħtieġa  konkreta.    Imma  dawn  ma jieħdux il-post ta’ l-Evanġelju u lanqas ma jġibu quddiemna dak kollu li hemm fih.    Għalhekk, ir-Rużarju ma jissostitwix il-lectio divina,  imma għall-kuntrarju jissupponiha u jippromoviha.   Għalkemm il-misteri li nimmeditaw fir-Rużarju, inklużi dawk tal-mysteria lucis,  jillimitaw ruħhom għal-linji  fundamentali  tal-ħajja ta’ Kristu, imma faċli li permezz tagħhom ir-ruħ timraħ fuq il-bqija ta’ l-Evanġelju, l-aktar meta r-Rużarju jingħad f’waqtiet partikulari  ta’ ġabra fit-tul.

 

Is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla

30. Biex il-meditazzjoni jkollha bażi biblika u ssir b’mod aktar profond, ikun tajjeb  li wara li jitħabbar il-misteru tar-Rużarju tinqara  silta biblika dwaru,  qasira jew twila, skont kif jitolbu ċ-ċirkustanzi. Il-kliem l-ieħor qatt ma jasal biex iħalli l-istess effett li tħalli l-kelma ispirata.  Irridu nisimgħuha, ċerti li  din hi Kelma ta’ Alla, li qed titħabbar għal-lum u  « għalija ».

Jekk nilqgħuha b’dan il-mod, hi tidħol fil-metodu ta’ ripetizzjoni tar-Rużarju mingħajr ma  wieħed  jiddejjaq għax jaħseb li jkun qed  jerġa’ jisma’  l-istess affarijiet.  Hawnhekk mhux il-każ li niftakru affarijiet li ġa nafuhom, imma li nħallu lil Alla jkellimna. F’xi ċelebrazzjoni solenni komunitarja,  il-Kelma tista’ tkun imfissra b’xi kumment qasir.

 

Is-silenzju

31. Is-silenżju jgħajjex is-smigħ u l-meditazzjoni.     Wara li jitħabbar il-misteru u tkun imxandra l-Kelma, tkun ħaġa f’waqtha li  qabel ma tibda t-talba vokali ssir waqfa qasira biex wieħed jiffissa ħarstu fuq il-misteru li ser ikun immeditat. Li niskopru mill-ġdid il-valur  tas-silenzju hu wieħed mis-sigrieti biex nipprattikaw il-kontemplazzjoni u l-meditazzjoni.  F’soċjetà maħkuma mit-teknoloġija u mill-mezzi ta’ komunikazzjoni, insibu  li s-silenzju qed isir dejjem aktar diffiċli. Kif fil-Liturġija huma mitluba mumenti ta’ skiet, l-istess fir-Rużarju. Tkun ħaġa f’waqtha li wara s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla ssir waqfa qasira biex niffissaw l-għajnejn ta’ ruħna fuq dak li hemm fil- misteru li  nimmeditaw.

 

Il- «Missierna »

32. Wara li nisimgħu l-Kelma u nikkonċentraw fuq il-misteru, hi ħaġa naturali li ruħna tintrefa’ lejn il-Missier.  F’kull wieħed mill-misteri, Ġesù joħodna għand il-Missier, li jdur lejh il-ħin kollu waqt li jistrieħ fi ‘ħdanu’ (ara Ġw 1, 18).  Hu  jrid idaħħalna fl-intimità tal-Missier biex  flimkien miegħu ngħidu: « Abbà,  Missier » (Rm 8, 15; Gal 4, 6).  F’din ir-rabta mal-Missier   Ġesù jagħmilna  aħwa miegħu u bejnietna   fil-waqt li  jagħtina l-Ispirtu li hu tiegħu  kif ukoll tal-Missier. Il-Missierna, li  hi   bħala l-bażi tal-meditazzjoni kristoloġika-marjana, li  sseħħ  meta nirripetu tal-Ave Maria, twassal  biex il-meditazzjoni tal-misteru tkun esperjenza ekkleżjali, anki meta din issir minn persuna waħidha.

 

L-Għaxar « Ave Maria »

33. Il-parti l-kbira tar-Rużarju tikkonsisti f’dan l-element, li jagħmlu l-aqwa talba marjana.  Iżda meta nifhmu sew  l-Ave Maria  nindunaw  li l-karattru marjan mhux biss ma jmurx kontra dak kristoloġiku, imma  jisħaq fuqu u jgħollih. Fil-fatt, l-ewwel parti ta’ l-Ave Maria, li hi magħmula mill-kliem ta’ l-anġlu Ġabriel  u ta’ Santa Eliżabetta,   hi kontemplazzjoni  li   tqim  il-misteru li seħħ fil-Verġni ta’ Nażaret.  Nistgħu ngħidu li din  tesprimi l-ammirazzjoni tas-sema u ta’ l-art, u  f’ċertu sens,   nilmħu fiha l-għaxqa ta’ Alla li jikkontempla l-kapolavur tiegħu - l-inkarnazzjoni ta’ Ibnu fil-ġuf verġinali ta’ Marija.    Jekk niftakru kif fir-rakkont tal-Ġenesi  “ Alla ħares lejn dak kollu li kien għamel” (Ġn1,31), hawnhekk insibu jidwi  «dak it-tqanqil il-qalb (pathos) li bih Alla ħares lejn l-opra ta’ idejh fil-bidu tal-ħoħqien».(36))  Ir-ripetizzjoni ta’ l-Ave Maria fir-Rużarju twassal biex aħna wkoll ikollna sehem mill-għaxqa ta’ Alla: nithennew, nistagħġbu u nistqarru l-akbar miraklu ta’ l-istorja. Isseħħ l-profezija ta’ Marija: « Minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja » (Lq 1, 48). 

  Iċ-ċentru ta’ l-Ave Maria, kważi bħal ħolqa li tgħaqqad l-ewwel u t-tieni parti tagħha  huwa  l-isem ta’ Ġesù.  Xi drabi, meta ngħidu din it-talba bil-għaġġla, dan iċ-ċentru jaħirbilna u miegħu taħrab ukoll ir-rabta mal-misteru ta’ Kristu li nkunu qed nikkontemplaw.  Talba tar-Rużarju li ssir bis-sens u tħalli l-frott tingħaraf mill- importanza li wieħed jagħti lill-isem ta’ Ġesù u l-misteru tiegħu.  Fl-Eżortazzjoni Marialis cultus, Pawlu VI ġa kien ġibed l-attenzjoni fuq drawwa li hemm f’ċerti postijiet, li biex  jagħtu importanza lill-isem ta’ Kristu żiedu  frażi li għandha x’taqsam mal-misteru meditat.(37)  Hi drawwa ta’ min ifaħħarha, speċjalment meta r-Rużarju jingħad fil-pubbliku.   Issaħħaħ il-mod kif nesprimu l-fidi tagħna fi Kristu fil-mumenti differenti tal-ħajja tiegħu.  Hi stqarrija ta’ fidi u fl-istess ħin tgħin biex il-meditazzjoni tagħna tkun ħajja għax ngħixu dak li nirrepetu fl-Ave Maria dwar il-misteru ta’ Kristu.  Meta nirrepetu l-isem ta’  Ġesù – l-isem waħdieni li fih  irċevejna  t-tama tal-salvazzjoni (ara At 4, 12)–  u flimkien  miegħu dak ta’ l-Omm Mqaddsa, billi nħallu lilha stess tissuġġerihulna, aħna nkunu qed nimxu fit-triq  ta’ xebh, li timmira  lejn daħla dejjem aktar  profonda fil-ħajja ta’ Kristu.

 Imbagħad, mir-rabta speċjali ta’ Marija ma’ Kristu,   mir-rabta li tagħmilha Omm Alla, Theotòkos, toħroġ il-qawwa tat-talba li nagħmlulha fit-tieni parti meta nafdaw ħajjitna u siegħa tal-mewt tagħna fl-interċessjoni tagħha ta’ omm.

 

Il -«Glorja »

34. Id-dossoloġija trinitarja hija l-mira tal-kontemplazzjoni nisranija.  Fil-fatt, Kristu huwa t-triq li jwassalna għand il-Missier fl-Ispirtu. Jekk nimxu sa l-aħħar f’din it-triq, insibu ruħna kontinwament quddiem il-misteru tat-Tliet Persuni divini li lilhom jistħoqq tifħir, qima u radd il-ħajr.  Jeħtieġ li l-Glorja, quċċata tal-kontemplazzjoni, tkun mogħtija importanza fir-Rużarju. Meta jsir pubblikament, din tista’ titkanta biex   nagħtu importanza xierqa lil  din l-istruttura essenzjalment trinitarja  u  li  minnha tingħaraf  kull talba nisranija.  

  Jekk waqt li ngħidu l-Ave Maria, waħda wara l-oħra, il-meditazzjoni dwar il-misteru tkun waħda attenta, profonda u animata mill-imħabba lejn Kristu u lejn Maria, il-glorja lit-Trinita’ fl-aħħar ta’ kull posta ma tkunx tmiem imgħaġġel, imma tikseb it-ton kontemplattiv xieraq, li jgħolli r-ruħ lejn is-Sema u jwassalna b’xi mod biex ngħixu l-esperjenza tat-Tabor;  induqu xi ftit mill-kontemplazzjoni tal-ġejjieni: «Kemm hu sew li aħna hawn » (Lk 9, 33).

 

Il-ġakulatorja ta’ l-aħħar

35.   Hemm id-drawwa li fir-Rużarju wara d-dossoloġija trinitarja tingħad ġakolatorja   li tvarja skont il-post. Mingħajr ma nnaqsu l-valur ta’ dawn l-invokazzjonijiet, naħseb  tajjeb ngħidu li l-kontemplazzjoni tal-misteri tista’ tħalli  aktar frott jekk  kull misteru jintemm b’talba biex niksbu l-frott speċifiku mill-meditazzjoni  dwar dak il-misteru. B’dan il-mod, tidher aktar ir-rabta tar-Rużarju mal-ħajja nisranija. Dan tissuġġerih talba sabiħa liturġika li tistedinna  biex  waqt li nimmeditaw il-misteri tar-Rużarju nitolbu li naslu   « biex nimitaw dak li fihom u  biex naqilgħu dak li jwiegħdu ».(38)

  Din it-talba ta’ l-aħħar jista’ jkollha għamliet leġittimi differenti, kif ġa qed jiġri. B’hekk ir-Rużarju jista’ jkun   aktar adattat għat-tradizzjonijiet spiritwali u għall-komunitajiet insara differenti.  F’dan id-dawl, nittamaw li l-proposti l-aktar sinifikattivi, li jkun sar dixxerniment pastorali dwarhom u li forsi tkun saret esperjenza tagħhom fiċ-ċentri u fis-santwarji marjani fejn hemm attenzjoni speċjali għar-Rużarju,     jixterdu kemm jista’ jkun, ħalli l-Poplu ta’ Alla jkun jista’ jibbenefika minn kull ġid spiritwali awtentiku li jsostnih fil-kontemplazzjoni personali.

 

Il-'kuruna'

36. Il-kuruna hi l-għodda tradizzjonali biex ngħidu r-Rużarju.  Meta nużawha b’mod superfiċjali, din ta’ spiss tispiċċa l-mezz biex ngħoddu l-Ave Maria, waħda wara l-oħra. Imma f’din nistgħu naraw ukoll simboliżmu, li jgħinna aktar fil-kontemplazzjoni.

 L-ewwel ħaġa li għandna ninnottaw hi li ż-żibeġ tal-kuruna jwasslu għall-Kurċifiss, li     hu  l-bidu u t-tmiem tat-talba nnifisha. Il-ħajja u t-talb ta’ min jemmen għandhom iċ-ċentru tagħhom fi Kristu. Kollox jibda minnu, kollox iwassal għaliH, kollox jasal għand il-Missier permezz tiegħU, fl-Ispirtu s-Santu. 

Bħala għodda biex ngħoddu u li turina fejn wasalna fit-talba tagħna, il-kuruna tfakkarna fil-mixja bla waqfien tal-kontemplazzjoni u tal-perfezzjoni nisranija. Il-Beatu Bartolo Longo kien iħares lejha bħala ‘katina’ li torbotna ma’ Alla. Katina iva, imma katina ħelwa; bħalma dejjem tirrivela ruħha r-rabta ma’ Alla li hu Missier. Katina “ta’ wlied”, li tpoġġina f’sintonija ma’ Marija «l-qaddejja tal-Mulej » (Lq 1, 38), u  ma’ Kristu stess, li  għad li kien Alla, għamel lilu nnifsu  « qaddej » għall-imħabba tagħna (Fil 2, 7).

Ħaġa sabiħa wkoll li fit-tifsira simbolika tal-kuruna naraw ir-rabta ta’ bejnietna u  niftakru  fir-rabta ta’ komunjoni u ta’ mħabba ta’ aħwa li tgħaqqadna lkoll fi Kristu.

 

Il-bidu u l-għeluq

37.  Illum, f’kuntesti ekklezjali differenti, insibu li hemm diversi modi kif wieħed jibda t-talba tar-Rużarju. F’ċerti postijiet ir-Rużarju jibda bl-invokazzjoni ta’ Salm 69: « O  Alla, ejja eħlisni; Mulej fittex għinni ».  Dan qisu biex jgħin lil min jitlob jagħraf b’umiltà l-faqar tiegħu. F’postijiet oħra, fil-bidu jingħad il-Kredu;  min jitlob jagħmel stqarrija tal-fidi  qisu bħala s-sisien li fuqha ser jibni l-mixja kontemplattiva tiegħu.  Dawn u għamliet oħra bħalhom li  jhejju  lir-ruħ għall-kontemplazzjoni,  kollha jistgħu jintużaw.  Imbagħad, ir-Rużarju nispiċċawh bit-talba skont  l-intenzjoni tal-Papa, biex il-ħarsa ta’ min qed jitlob titwessa’ fuq il-ħtiġijiet kollha tal-Knisja.  Huwa propju biex tħeġġeġ din id-dimensjoni ekkleżjali tar-Rużarju li l-Knisja għanitu  bl-indulġenzi għal min jgħidu kif jixraq.

Jekk ngħixuh  b’dan il-mod, ir-Rużarju jsir tassew mixja spiritwali, li fiha Marija tkun omm, għalliema, gwida u  ssaħħaħ lill-fidili bl-interċessjoni setgħana tagħha.  Għalfejn niskantaw li fl-aħħar ta’ din it-talba,  wara esperjenza intima tal-maternita’ ta’ Marija, ir-ruħ tħoss il-bżonn li tfaħħar lill-Verġni Qaddisa bit-talba sabiħa  tas-Salve Reġina u dik tal-Litanja?  Dan hu l-inkurunament ta’ mixja interjuri, li twassal biex ikollna kuntatt ħaj mal-misteru ta’ Krsitu u ta’ l-Omm  Qaddisa tiegħu.

 

It-tqassim tal-ġranet

38. Ir-Rużarju nistgħu ngħiduh kollu kuljum, u ma jonqsux dawk li jagħmlu din il-ħaġa     tassew ta’ min ifaħħarha.  B’hekk  ir-Rużarju jimla bit-talb il-ġurnata ta’  ħafna kontemplattivi  jew inkella jżomm kumpannija lill-morda u lill-anzjani li  jkollhom ħafna ħin biex jitolbu. Imma  hi ħaġa ovvja  li ħafna jgħidu biss parti minnu, skont xi jkun imiss f’dik il-ġurnata  - u dan jgħodd aktar issa li ser jiżdiedu l-misteri tad-dawl. Dan it-tqassim tal-partijiet tar-Rużarju  għal matul il-ġimgħa jagħti ċertu ‘kulur spiritwali’ lil kull  ġurnata, l-istess kif  tagħmel il-liturġija liż-żminijiet  differenti tas-sena liturġika.

 Sa issa, it-Tnejn u l-Ħamis  huma ddedikati għall-«misteri tal-ferħ», it-Tlieta u l-Ġimgħa għall-«misteri tat-tbatija», l-Erbgħa, is-Sibt u l-Ħadd għall-misteri tal-«glorja».  Fejn ser jidħlu l-«misteri tad-dawl»?    Jekk niefqu naħsbu ftit naraw li l-misteri tal-glorja ngħiduhom jumejn wara xulxin, is-Sibt u l-Ħadd, u nafu wkoll  li  tradizzjonalment il-ġurnata tas-Sibt għandha timbru marjan.  Għalhekk, ta’  min jagħti parir li l-misteri tal-ferħ  nibdew ngħiduhom fil-ġurnata tas-Sibt, fejn il-preżenza ta’ Marija tinħass aktar.  B’hekk il-ġurnta tal-Ħamis tkun battala u fiha nkunu nistgħu nimmeditaw il-misteri tad-dawl.

B’danakollu, dan li  għadni kemm għidt m’għandux jillimita l-liberta’ fil-meditazzjoni personali  u komunitarja, skont kif jitolbu l-ħtiġijiet spiritwali u pastorali, u  fuq kollox skont dak  li ż-żmien liturġiku jista’ jissuġġerixxi.   Imma importanti ħafna li r-Rużarju jkun dejjem meqjus u sperimentat bħala itinerarju kontemplattiv.  Bir-Rużarju, flimkien ma’ dak li  ngħixu fil-Liturġija,   il-ġimgħa tan-nisrani,  li ċ-ċentru tagħha huwa l-jum tal-Ħadd, Jum il-Qawmien, issir mixja permezz tal-misteri ta’ Kristu. U b’hekk  hu  juri ruħu bħala  s-Sid taż-żmien u ta’ l-istorja fil-ħajja tad-dixxipli tiegħu.

 

 

KONKLUŻJONI

« Rużarju mbierek minn Marija,  katina ħelwa li tgħaqqadna ma’ Alla »

 

39. Dak li għidna s’issa, juri bis-sħiħ ir-rikkezza ta’ din it-talba tradizzjonali, li għandha s-sempliċità ta’ talba popolari, u fl-istess ħin il-profondità teoloġika ta’ talba għal minn iħoss il-bżonn ta’ kontemplazzjoni aktar matura.

Il-Knisja dejjem  għarfet kemm tiswa din it-talba,  u afdat il-problemi l-aktar diffiċli lil din it-talba korali, li tingħad b’mod kostanti. F’waqtiet meta l-kristjanità kienet mhedda, il-ħelsien mill-periklu kien attribwit lill-qawwa ta’ din it-talba u  l-insara sellmu lill-Verġni tar-Rużarju bħala dik li  daħlet għalihom biex jiksbu l-fidwa.

Ilum  inħoss li għandi nafda fil-qawwa ta’ din it-talba  dak li ġa semmejt fil-bidu: il-paċi fid-dinja u l-familja.

 

Il-paċi

40. Id-diffikultajiet li fil-bidu ta’ dan il-millennju jidhru fuq ix-xefaq tad-dinja  jwassluk biex tgħid li   intervent mill-Għoli biss -   kapaċi  jorjenta l-qlub ta’ min qiegħed  f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt u ta’  min   imexxi d-destin tal-ġnus -  jista’ jwassalna biex nittamaw f’ġejjieni  aħjar.

 Min-natura tiegħu stess, ir-Rużarju  huwa talba għall-paċi għax jikkonsisti fil-kontemplazzjoni ta’ Kristu, il-Prinċep tal-paċi u  «l-paċi tagħna » (Ef 2,14).   Kull min jixxiebah mal-misteru ta’ Kristu – u r-Rużarju jimmira propju lejn dan – jitgħallem is-sigriet tal-paċi u jagħmel dan il-pjan ta’ ħajtu.  Barra minn hekk,  bil-karattru meditattiv tiegħu waqt li wieħed jirrepeti bil-kalma tal-Ave Maria , ir-Rużarju jnissel f’min jitlob ċerta paċi, li twasslu biex jirċievi, jisperimenta b’mod profond u jxerred madwaru dik il-paċi vera li hi rigal speċjali ta’ Kristu li qam mill-mewt (ara Ġw 14, 27; 20, 21).

Huwa wkoll talba għall-paċi minħabba l-frott ta’ mħabba li jġib miegħu. Jekk jingħad  sew bħala talba ta’ meditazzjoni, fil-waqt li jlaqqagħna ma’ Kristu fil-misteri tiegħu, ir-Rużarju ma jistax ma jwassalniex biex naraw ukoll il-wiċċ ta’ Kristu f’ħutna l-bnedmin, l-aktar f’dawk li qed ibatu. Kif nistgħu niffissaw ħarsitna fuq il-misteru tat-Tarbija li twieldet f’Betlem fil-misteri tal-ferħ, mingħajr ma nħossu li għandna nilqgħu, niddefendu u nippromwovu l-ħajja u nħossu l-piż tat-tbatija li qed iġarrbu tfal fid-dinja  kollha? Kif nistgħu nimxu wara l-passi ta’ Kristu  fil-misteri tad-dawl, mingħajr ma  niddeċidu li nkunu xhieda tal-beatitudnijiet tiegħu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum?  U kif nistgħu nikkontemplaw lil Kristu mgħobbi bis-salib u msallab, mingħajr ma nħossu l-ħtieġa li nkunu ċ-“Ċirinew”  għal kull wieħed minn ħutna mtaqqal bit-tbatija u mifluġ bid-disperazzjoni?   U fl-aħħar, kif nistgħu niffissaw ħarsitna fuq il-glorja ta’ Kristu Rxoxt u fuq Marija  nkurunata  Reġina, mingħajr ma nħossu x-xewqa li nagħtu sehemna għal dinja  aktar sabiħa, aktar ġusta, aktar qrib il-pjan ta’ Alla?

Fil-waqt li jwassalna biex niffissaw ħarsitna fuq Kristu, ir-Rużarju jagħmilna bennejja tal-paċi.   Bix-xejra tiegħu ta’ talba insistenti u korali, kif jistedinna biex  nagħmlu Kristu  meta jgħidilna  biex nitolbu «dejjem, bla ma naqtgħu» (Lq 18,1), ir-Rużarju   jwassalna biex nittamaw li l-battalja diffiċli għall-paċi tista’  tintrebaħ.   Ir-Rużarju mhuwiex ħarba mill-problemi tad-dinja, imma jqanqalna biex inħarsu lejhom b’responsabbilta u b’ġenerożita. Jagħtina l-forza biex  naffaċċawhom  żguri mill-għajnuna ta’ Alla u sodi fil-fehma li f’kull ċirkustanza nkunu xhieda tal-«imħabba, li hi qofol tal-perfezzjoni » (Kol 3, 14).

 

Il-familja: il-ġenituri...

41. Ir-Rużarju, talba għall-paċi,  huwa wkoll,  kif kien minn dejjem, talba tal-familja u għall-familja.  Kien hemm żmien meta din it-talba kienet tassew għażiża għall-familji nsara u żgur li kienet tgħinhom  fil-komunjoni. Jeħtieġ li dan il-wirt ma jintilifx. Jeħtieġ li l-familja terġa’ tibda titlob flimkien u titlob għall-familji, billi tagħmel użu minn din it-talba.

 Jekk fl-Ittra appostolika Novo millennio ineunte ħeġġiġt biex  il-Liturġija tas-Sigħat issir parti mill-ħajja tal-lajċi fil-komunitajiet parrokkjali u fid-diversi gruppi nsara(39), l-istess ħaġa nixtieq nagħmel għar-Rużarju.  Dawn huma żewġ triqat  fil-kontemplazzjoni nisranija li waħda ma tissostitwix lill-oħra, imma huma komplimentari. Għalhekk nitlob lil dawk li jiddedikaw ruħhom għall-pastorali tal-familja biex jirrikmandaw b’konvinzjoni t-talba tar-Rużarju.

Il-familja li titlob flimkien tibqa’ flimkien.     Bi  tradizzjoni antika,  naraw li r-Rużarju Mqaddes   huwa talba  li tiġbor flimkien il-familja.  Waqt li jitfgħu ħarsithom fuq Kristu, il-membri tagħha  jiksbu mill-ġdid il-ħila li jħarsu f’għajnejn xulxin, li jikkomunikaw bejniethom, li jissaħħu, li jaħfru lil xulxin u li jerġgħu jibdew mill-ġdid b’patt ta’ mħabba mġedded mill-Ispirtu ta’ Alla.

 Illum, ħafna mill-problemi tal-familji, l-aktar fejn is-soċjeta hi ekonomikament żviluppata, ġejjin mill-fatt li l-komunikazzjoni qed issir dejjem aktar diffiċli.  Mhux qed jinstab ħin biex il-familja tkun flimkien, u forsi l-ftit ħin  ta’ flimkien jittieħed  mill-istampa tat-televiżjoni. Li ngħidu flimkien it-talba tar-Rużarju fil-familja, ifisser li fil-ħajja tagħna qed ikun hemm stampa oħra, dik tal-misteru li jsalva: ix-xbieha tar-Redentur u tal-Omm Qaddisa tiegħu. Il-familja li tgħid ir-Rużarju flimkien toħloq xi ftit minn dik il-klima li kien hemm fid-dar ta’ Nażaret: tpoġġi lil Ġesu fiċ-ċentru, taqsam miegħu l-ferħ u t-tbatijiet, tpoġġi f’idejh il-ħtiġijiet u l-pjanijiet tagħha, u tieħu minnu t-tama u l-qawwa biex tibqa’ miexja. 

 

... u l-uliedi

42.   Ħaġa sabiħa u  ta’ ġid  hi li nafdaw f’din it-talba anki l-mixja tal-ħajja ta’ wliedna u  l-iżvilupp tagħhom. Ir-Rużarju mhuwiex il-mixja tal-ħajja ta’ Kristu, mit-tnissil sal-mewt tiegħu, sal-qawmien u l-glorja tiegħu? Illum, il-ġenituri qed isibuha  dejjem  aktar iebsa biex isegwu lil uliedhom matul il-fażijiet  differenti ta’ ħajjithom. F’soċjetà  tat-teknoloġija avanzata, tal-mass media u tal-globalizazzjoni, kollox sar mgħaġġel ħafna, u d-distanza kulturali bejn il-ġenerazzjonijiet kull ma tmur  dejjem qed tikber.  Messaġġi l-aktar differenti u esperjenzi li ma tobsorhomx malajr  qed isibu post fil-ħajja tat-tfal u tal-adolexxenti, u   l-ġenituri jinkwetaw quddiem tant perikli li wliedhom ikollhom jaffaċċaw.  Xi drabi jħossuhom delużi għall-aħħar meta jaraw il-fallimenti ta’ wliedhom quddiem il-qerq tad-droga, il-ġibda  għall-edoniżmu sfrenat, it-tentazzjonijiet għall-vjolenza, u għal tant espressjonijiet bla sens u ta’ disperazzjoni.

 Li  nitolbu r-Rużarju għal uliedna, jew aħjar li ngħidu din it-talba ma’ wliedna, billi  nedukawhom sa minn meta jkun żgħar   li  kuljum ikun hemm dan il-ftit ħin fejn il-familja tieqaf biex titlob flimkien, dan żgur li mhux is-soluzzjoni għal kull problema, imma hu għajnuna spiritwali li m’għandniex innaqsu mill-valur tagħha. Wieħed jista’  joġġezzjona li din it-talba ma tantx tgħodd għall-gosti tat-tfal u ż-żgħażagħ ta’ llum. Imma jista’ jkun li din l-oġġezzjoni tkun ġejja minħabba l-mod xejn tajjeb li  spiss bih jingħad ir-Rużarju.   Barra minn hekk,  sakemm tinżamm l-istuttura fundamentali tiegħu, xejn ma  għandu jwaqqafna  milli ngħinu lit-tfal u liż-żgħażagħ   jgħidu r-Rużarju - kemm  fil-familji kif ukoll fi gruppi – permezz ta’għajnuniet simboliċi u prattiċi adattati għalihom ħalli jifhmuh u japprezzawh aktar.  Għaliex ma nippruvawx?  Pastorali taż-żgħażagħ, pożittiva, imħeġġa u kreattiva, bil-għajnuna ta’ Alla tista’ tagħti ħafna frott -  kif rajna fl-okkażjonijiet  tal-Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ. Jekk ir-Rużarju jkun ippreżentat tajjeb, jiena ċert li għal dar’oħra ż-żgħażagħ stess ikunu  kapaċi jgħaġġbuna bil-mod kif din it-talba jagħmluha tagħhom u jgħiduha bl-entużjażmu  tipiku ta’ l-età tagħhom.

 

Ir-Rużarju, teżor li  rridu niskopruh mill-ġdid

43. Għeżież ħuti!  Talba hekk faċli u fl-istess ħin hekk rikka jistħoqqilha tassew li l-komunità  nisranija terġa tiskopriha mill-ġdid.  Ejjew nagħmluh dan, l-aktar matul din is-sena biex insaħħu d-direzzjoni  li hemm fl-Ittra appostolika Novo millennio ineunte,  li minnha ħadu l-ispirazzjoni tagħhom ħafna Knejjes huma hu jhejju l-programm tagħhom ta’ impenn għall- ġejjieni.

 Għeżież ħuti fl-Episkopat, saċedoti u djakni, u intom operaturi pastorali fid-diversi ministeri, indur lejkom b’mod partikulari, biex waqt li tagħmlu esperjenza personali tal-ġmiel tar-Rużarju, issiru ħabbara  ħerqana tiegħu.

Inqiegħed ukoll it-tama tiegħi  fikom teoloġi, biex b’riflessjoni soda u għarfa, b’għeruqha fil-Kelma ta’ Alla u b’sensittivita għal dak li jgħix il-poplu nisrani, twassluh biex jiskopri is-sisien bibliċi,  l-għana spiritwali u s-siwi pastorali ta’ din it-talba tradizzjonali.

Inserraħ fuqkom, rġiel u nisa konsagrati, imsejħa b’mod partikulari biex tikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu fl-iskola ta’ Marija.

Inħares lejkom ilkoll,  għeżież ħuti  minn kull stat tal-ħajja, lejkom familji insara, lejkom morda u anzjani, lejkom żgħażagħ: erġgħu ħudu  f’idejkom b’fiduċja l-kuruna tar-Rużarju fil-waqt li tiskopruh  mill-ġdid fid-dawl ta’ l-Iskrittura, f’armonija mal-Liturġija, fil-kuntest tal-ħajja ta’ kuljum.

 Jalla dan l-appell tiegħi ma jaqax fuq widnejn torox!  Fil-bidu tal-ħamsa u għoxrin sena tal-Pontifikat tiegħi, nħalli din l-Ittra appostolika f’idejn il-Verġni, Omm tal-Għerf fil-waqt li ninxeħet spiritwalment quddiem ix-xbieha tagħha fis-santwarju sabiħ li bnielha l-Beatu Bartolo Longo, appostlu tar-Rużarju.   Nuża  kliemu stess li jmissu l-qalb u li bihom jagħlaq it-talba magħrufa tas-Supplika lis-Sultana tar-Rużarju Mqaddes: « O Rużarju mbierek ta’ Marija, katina ħelwa li tgħaqqadna ma’ Alla, rabta ta’ mħabba li sseħibna ma’ l-anġli, qawwa għall-ħelsien meta jaħbat għalina l-infern, port żgur mit-tempesti tal-ħajja, aħna ma nħalluk qatt. Int tkun l-hena tagħna fis-siegħa tal-agunija u lilek nagħtu l-aħħar bewsa tal-ħajja li tintemm. U l-aħħar kelma li toħroġ minn fommna, ikun l-isem tiegħek, o Sultana tar-Rużarju, o Madonna ta’ Pompej, o Omm għażiża tagħna, o Kenn tal-midinbin, o Faraġ tal-imnikktin. Tkun imbierka, illum u għal dejjem fl-art u fis-sema ».

Mill-Vatikan, 16 ta’ Ottubru tas-sena 2002, fil-bidu tal-ħamsa u għoxrin sena tal-Pontifikat.
 

ĠWANNI PAWLU  II

 

 

(1)  Konċilju. Vat. II Gaudium et spes, 45.

(2) Ara Paolo VI, Esort. ap. Marialis cultus (2 Frar 1974), 42: AAS 66 (1974), 153.

(3) Ara Acta Leonis XIII, 3 (1884), 280-289.

(4) Ta’ min jinnota b’mod partikulari l-Ittra Appostolika tiegħu fuq ir-Rużarju Il religioso convegno (29  ta’ Settembru 1961): AAS 53 (1961), 641-647.

(5) Angelus: Insegnamenti I (1978), 75-76.

(6) AAS 93 (2001), 285.

(7) Fis-snin ta’ tħejjija għall-Konċilju, Ġwanni XXIII  ma naqasx li jistieden il-komunita nisranija biex tgħid ir-Rużarju biex din il-ġrajja tal-Knisja tirnexxi: ara Lettera al Cardinale Vicario tat-28 ta’ Settembru 1960: AAS 52 (1960), 814-817.

(8) Kon. Vatikan II; Lumen gentium, 66.

(9) N. 32: AAS 93 (2001), 288.

(10) Ibid., 33, l.c., 289.

(11) Nafu u nisħqu li r-rivelazzjonijiet privati m’għandhoms l-istess natura tar-rivelazzjoni publika. Huwa x-xogħol tal-Maġisteru li jiddixxerni u jagħraf l-awtentiċità  u l-valur tar-rivelazzjonijiet privati.

(12) Il segreto meraviglioso del Santo Rosario per convertirsi e salvarsi: Opere, 1, Scritti Spirituali, Ruma 1990, pp. 729-843.

(13) B. Bartolo Longo, Storia del Santuario di Pompei, Pompei 1990, p.59.

(14) Eżort. ap. Marialis cultus (2 ta’ Frar 1974), 47: AAS 66 (1974), 156.

(15) Kon. Vatikan II; Sacrosanctum Concilium, 10.

(16) Ibid., 12.

(17) Kon. Vatikan II; Lumen gentium, 58.

(18) I Quindici Sabati del Santissimo Rosario, 27ª ed., Pompej 1916, p. 27.

(19) Kon. Vatikan II; Lumen gentium, 53.

(20) Ibid., 60.

(21) Ara l-ewwel messaġġ bir-radju Urbi et orbi (17 ta’ Ottubru 1978): AAS 70 (1978), 927.

(22) Trattato della vera devozione a Maria, 120: Opere, 1, Scritti spirituali, Ruma 1990, p. 430.

(23) Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2679.

(24) Ibid.,  n.2675.

(25 Is-supplika lis-Sultana tar-Rużarju Mqaddes li tingħad b’mod solenni darbtejn fis-sena, f’Mejju u f’Ottubru, inkitbet fl-1883 mill-beatu Bartolo Longo bħala tweġiba għall-istedina li l-Papa Ljun XIII għamel lill-kattoliċi fl-ewwel enċiklika tiegħu dwar ir-Rużarju, bħala impenn spiritwali biex wieħed  jaffronta l-mard tas-soċjetà.

(26) Divina Commedia, Par. XXXIII, 13-15.

(27) Ġwann Pawlu II, ittra ap. Novo millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 20: AAS 93 (2001), 279.

(28) Eżort. ap. Marialis cultus (2  ta’ Frar 1974), 46: AAS 66 (1974), 155.

(29) Ġwanni Pawlu II, ittra ap. Novo millennio ineunte ( 6  ta’ Jannar 2001), 28: AAS 93 (2001), 284.

(30) N. 515.

(31) Angelus  tad- 29 ta’ Ottubru 1978: Insegnamenti I (1978), 76.

(32)  Konċilju Vatikan II; Gaudium et spes, n.22.

(33) S. Irinew ta’ Lione, Contro le eresie, III, 18, 1: PG 7, 932.

(34) Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n.2616.

(35) Ara n. 33: AAS 93 (2001), 289.

(36) Ġwanni Pawlu II, Ittra lill-artisti (4 ta’April 1999), 1: AAS 91 (1999), 1155.

(37) Ara n. 46: AAS 66 (1974), 155. Anki dan l-aħħar, dan l-użu ġie mfaħħar mill-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina dwar is-Sagramenti fid-Direttorio su pietà popolare e liturgia. Principi e orientamenti (17 dicembre 2001), 201, Città del Vaticano, 2002, p. 165.

(38) « ... concede, quaesumus, ut haec mysteria sacratissimo beatae Mariae Virginis Rosario recolentes, et imitemur quod continent, et quod promittunt assequamur »: Missale Romanum 1960, In festo B.M. Virginis a Rosario.

(39) Ara n. 34: AAS 93 (2001), 290.

 

Miġjuba għall-Malti minn Vivienne Attard