
OMELIJA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II
LIL-LAJĊI KATTOLIĊI TA’ RUMA.
Il-Ħadd, 26 ta’ Novembru 1978
Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu.
Ir-Rwol u l-Appostolat tal-Lajċi
fil-Knisja
1.
L-ewwel nett nixtieq nesprimi l-ferħ kbir tiegħi
għal din il-laqgħa tagħna tal-lum. Nirringrazzja
lill-Kardinal Vigarju ta’ Ruma, li, flimkien
mal-Isqfijiet Awżiljarji, organizza din il-laqgħa,
li fiha qegħdin jieħdu sehem ir-rappreżentanti
tal-lajċi ta’ din id-djoċesi ewlenija tal-Knisja, li
tagħha, ftit żmien ilu, skont ir-rieda ta’ Kristu,
sirt Isqof. L-organizzazzjonijiet kollha
tal-appostolat tal-lajċi fid-djoċesi ta’ Ruma huma
preżenti hawn, fil-persuna tar-rappreżentanti
tagħhom, akkumpanjati mill-Assistenti Spiritwali ta’
kull organizzazzjoni partikulari. Meta ħadt
is-servizz ta’ Isqof ta’ Ruma, wara l-esperjenza ta’
għoxrin sena fl-Arċidjoċesi ta’ Krakovja, jeħtieġ li
niddikjara mill-bidu nett li jien nagħti importanza
kbira lill-appostolat tal-lajċi, u għal dan
l-appostolat dejjem għamilt ħilti biex nagħti
l-aħjar li stajt nagħti, anke fiċ-ċirkustanzi li
kienu differenti ħafna minn dawk li hawn hawnhekk.
Raġuni partikulari għaliex jien ferħan b’din
il-laqgħa tagħna hi li aħna qegħdin niltaqgħu
fil-Festa ta’ Kristu Sultan tal-Univers, ġurnata li
fost il-ġranet kollha tas-Sena Lituġika, hi l-aktar
ġurnata addattata għal laqgħa bħal din, anke
minħabba t-tradizzjonijiet tal-Knisja, anke biex
nassumu d-dover tal-kollaborazzjoni tagħna.
Għeżież Ħuti, ejjew inġeddu din il-kollaborazzjoni
tagħna waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju l-aktar
imqaddes tal-Quddiesa, biex hekk nirritornaw lejn
iċ-ċenaklu li, f’Ħamis ix-Xirka u fil-jum ta’
Pentekoste, sar post speċjali minn fejn “l-appostoli
ġew mibgħuta.”
2.
Il-Kelma t’Alla tal-liturġija tal-lum, li aħna
nisimgħu bl-akbar attenzjoni, tinroduċina
fil-profondità tal-misteru ta’ Kristu Sultan.
Il-qari kollu li qrajna, fil-fatt, jagħmel dan.
B’mod partikolari rrid niġbed l-attenzjoni tagħkom
għall-kliem ta’ San Pawl lill-Korintin, fejn huwa
jagħmel paragun bejn iż-żewġ dimensjonijiet
tal-eżistenza umana: il-ħajja tagħna f’Adam u
l-ħajja li aħna nakkwistaw mingħand Kristu.
Is-sehem tal-bniedem f’Adam ifisser diżubbidjenza,
“non serviam” – miniex se naqdi lil Alla.
U propju din il-“miniex se naqdi lil Alla” fejn
il-bniedem ħaseb li se jsib il-libertà u l-kobor
tiegħu fil-konfront ta’ Alla nnifsu, li saret
l-għajn tad-dnub u tal-mewt. U llum aħna għadna
nixhdu kemm din l-espressjoni u dan il-fatt antik
ta’ “miniex se naqdi lil Alla” qed iġġib bosta tipi
ta’ skjavitù u dipendenzi għall-bniedem. Dan
l-argument nistgħu nanalizzawh b’mod profond, imma
issa u hawn ma nistgħux nagħmlu hekk kompletament.
Ikollna nikkuntentaw ruħna bi spjega qasira.
Kristu, Adam il-ġdid, huwa Dak li daħal u jidħol
fl-istorj tal-bniedem propju “biex jaqdi”. “Bin
il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u
jagħti ħajtu għall-kotra” (Mt 20, 28). Din hi,
f’ċertu sens, it-tifsira tas-Saltna tiegħu (ta’
Kristu). F’dan is-servizz, jekk jimxi fuq il-mudell
ta’ Kristu, il-bniedem isib mill-ġdid id-dinjità
sħiħa tiegħu, il-vokazzjoni meraviljuża tiegħu u
anke s-sehem tiegħu fir-regalità ta’ Kristu.
Hawnhekk, huwa xieraq li nfakkru l-kliem ta’ kapitlu
IV tal-Kostituzzjoni Dommatika tal-Konċilju Vatikan
II Lumen Gentium, meta titkellem fuq ir-rwol
tal-lajċi u tal-appostolat tagħhom fil-Knisja:
“Il-qassis il-kbir u etern Ġesù Kristu jrid li anke
permezz tal-lajċi, ikompli x-xhieda u l-ministeru
tiegħu fid-dinja, u għalhekk jagħtihom il-ħajja
bl-Ispirtu tiegħu u, mingħajr waqfien, iħeġġeġhom
biex jagħmlu kull għemil tajjeb u perfett. Lilhom
(iġifieri lill-lajċi) li Ġesu jgħaqqadhom mal-ħajja
u mal-missjoni tiegħu, anke jagħtihom parti
mill-uffiċċju saċerdotali tiegħu sabiex jeżerċitaw
kult spiritwali u dan għall-glorja ta’ Alla u
għas-salvazzjoni tal-bnedmin ... Għalhekk, anke
l-lajċi, waqt li jaduraw lil Alla u jagħmlu opri
qaddisa, jikkonsagraw id-dinja stess lil Alla”
(Lumen Gentium, 34).
Li taqdi lil Alla jfisser li ssaltan! B’din
il-ħidma, li tesprimi l-atteġġjament ta’ Kristu
stess u tas-segwaċi tiegħu, jiġi mkisser il-kult
tad-dnub. U tibda “s-saltna tal-verità u tal-ħajja,
is-saltna tal-qdusija u tal-grazzja, is-saltna
tal-ġustizzja, tal-imħabba u tal-paċi”
(mill-Prefazju tal-Festa ta’ Kristu Re).
3.
Il-Liturġija tal-lum tgħinna biex naraw żewġ aspetti
tal-fatt li meta aħna naqdu lill-oħrajn, inkunu qed
nieħdu sehem fis-saltna ta’ Kristu. L-ewwel aspett
hu l-ħajja tal-Knisja fid-dinja, it-tieni aspett hu
aspett ta’ ġudizzju. Is-sens veru tal-ewwel aspett
nistgħu nifhmuh meta nifhmu t-tieni aspett. Qabel
ma Bin il-Bniedem jippreżenta ruħu quddiemna lkoll
u quddiem kull wieħed u waħda minna bħala Mħallef li
jifred “in-nagħaġ mill-gidien”, huwa dejjem
ir-Ragħaj li jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu. Huwa jrid
jaqsam magħna, u ma’ kull wieħed u waħda minna, dan
l-univers ġenwin tiegħu fina bħala r-Ragħaj
it-Tajjeb tagħna. Huwa jrid li l-Kelma Tiegħu
tissarraf f’servizz min-naħa tagħna fl-aktar sens
wiesa’ tal-kelma. Meta ngħdi “tagħna”, ma nirreferix
biss għall-isqfijiet, is-saċerdoti u r-reliġjużi,
imma anke għal-lajċi fl-aktar sens wiesa’ ta’ din
il-kelma. Fi kliem ieħor, “tagħna” tfisser “ta’
kulħadd”. Għax Ġesù jrid li kulħadd jieħu sehem
f’dan l-interess ġenwin li jitlob li kulħadd jieħu
sehem f’servizz lejn l-oħrajn “kont bil-ġuħ ... kont
bil-għatx ... kont barrani ... kont għeri ... marid
... fil-ħabs ... ippersegwitat”, kont qed insofri
l-oppressjoni, il-ġuħ, id-dubju, l-abbandun u
t-theddid (forsi anke diġà fil-ġuf ta’ ommi), ma
kontx f’sensija. In-numru ta’ bżonnijiet li jeżistu
u ta’ doveri li rridu naqdu, huwa enormi u jeħtieġ
li nżommuhom quddiem għajnejna, jekk irridu nkunu
“solidali ma’ Kristu”, għax fl-aħħar mill-aħħar hu
dan: “Dak li għamiltu mal-iċken fost dawn ħuti,
għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). Kristu huwa favur
il-bniedem u mal-bniedem: kemm mal-bniedem li għandu
bżonn u jistenna l-interess ġenwin fih, l-għajnuna,
is-servizz u l-imħabba, u anke favur il-bniedem u
mal-bniedem li jagħti s-servizz, li juri l-interess
ġenwin u li jagħti l-imħabba.
Jeżisti, għalhekk, spazju kbir li fih aħna nistgħu
nuru solidarjetà ma’ Kristu nnifsu, iġifieri
għall-appostolat tal-lajċi. F’din l-omelija qasira
huwa impossibbli li niżviluppaw dan l-argument
fid-dettall kollu li jixraqlu. Madanakollu,
il-kliem tal-liturġija tal-lum jixprunana biex
naqraw mill-ġdid, nimmeditaw fuq u nqiegħdu
fil-prattika dak kollu li għallem il-Konċilju fuq
l-appostolat tal-lajċi. Fil-passat, l-idea
tal-appostolat jidher li kienet riservata kważi biss
għal dawk li huma s-suċċessuri tal-Appostli, persuni
li jesprimu u jiggarantixxu l-appostoliċità
tal-Knisja. Però, il-Konċilju Vatikan II uriena
kemm jeżistu kampjijiet wesgħin tal-appostolat
tal-lajċi. Fl-istess ħin, l-istess Konċilju jħeġġeġ
lill-istess lajċi biex jieħdu sehem f’dan
l-appostolat. Huwa biżżejjed li nieħdu sentenza
mid-Digriet tal-istess Konċilju fuq l-appostolat
tal-lajċi Apostolicam Actuositatem, sentenza li
f’ċertu sens tiġbor fiha dak kollu li wieħed jista’
jgħid u għandu jgħid fuq dan l-appostolat. In
fatti, f’dan id-Digriet insibu li “l-vokazzjoni
Nisranija ... hija min-natura tagħha wkoll
vokazzjoni għall-appostolat.” (Apostolicam
Actuositatem, 2).
4.
Għeżież Ħuti!
Irrid nesprimi l-ferħ partikulari tiegħi għal din
il-laqgħa tiegħi magħkom tal-lum, intom li minn din
il-verità tal-vokazzjoni Nisranija, vokazzjoni li
tinkludi vokazzjoni għall-appostolat tal-lajċi,
għamiltu l-programm ta’ ħajjitkom, hawnhekk f’Ruma.
Jien ferħan u nittama li żżommuni infurmat fuq
il-problemi tagħkom u li tintroduċuni fid-diveris
oqsma tal-attivitajiet tagħkom. Inħossni ferħan jekk
inkun nista’ nidħol magħkom f’dawn it-toroq li intom
diġà għaddejjin minnhom u li nkun nista’ nimxi
magħkom u anke niggwidakom fihom bħala l-Isqof
tagħkom.
Propju għal din ir-raġuni, xtaqt tant li niltaqgħu
fis-Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Univers. Nixtieq
li Hu stess jilqagħna għandu! Forsi jeħtieġ li
jisma’ mingħandna din il-mistoqsija li tant staqsewh
diversi nies “X’għandi nagħmel?” (Lq 18, 18); aħna
x’għandna nagħmlu?
Nixtieq infakkar dak li Ommu qalet f’Kana
tal-Galilea lil dawk li kienu qed jaqdu mal-mejda,
“Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5). Aħna
ndawru ħarsitna lejn din l-Omm, u hekk titwieled
fina t-tama u nwieġbu: “Aħna lesti!”
Maqluba mit-Taljan minn Kathleen Bonello.