Stampa t-test tal-Katekeżi tal-Papa ...

ĠWANNI PAWLU I

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 13 ta’ Settembru 1978

 

2. Ngħixu l-fidi

L-ewwel tislima tiegħi tmur għall-ħuti l-Isqfijiet, li qiegħed nara hawn numerużi.

Il-Papa Ġwanni, f’nota tiegħu. Li ġiet ukoll stampata, qal: « Din id-darba għamilt l-irtir fuq is-7 lampi tal-qdusija». Is-7 virtujiet. Ried jgħid u jiġifieri il-fidi, it-tama, il-karità, il-prudenza, il-ġustizzja, il-qawwa, it-temperanza. Min jaf jekk l-Ispirtu Santu jgħinx lill-imsejken Papa illum biex juri talinqas waħda minn dawn il-lampi, l-ewwel waħda: il-fidi. Hawn, f’Ruma, kien hawn poeta, Trilussa. Li fittex ukoll hu li jitkellem dwar il-fidi. F’ċerta poeżija tiegħu, qal: «Dik ix-xwejħa, li ltqajt magħha / fil-lejla li fiha ntlift f’nofs il-bosk, / qaltli:  - jekk it-triq int ma tafx / nakkumpanjak jien, li nafha. / Jekk għandek saħħa tersaq ħdejja / minn waqt għal ieħor insemmgħek leħni. / s’hemmhekk fit-tarf. Fejn hemm ċipressa, / sal-quċcata, fejn hemm salib. / Jiena weġibtha: Hekk ikun.. imma naraha ħaġa stramba / li tistà tmexxini min ma jarax… / L-għamja, allura, aqbditli idi / u ħadet nifs qawwi: - Imxi – Kienet il-fidi». Bħala poeżija, grazzjuża; bħala tejoloġija, difettuża. Difettuża għaliex fejn tidħol il-fidi, id-direttur il-kbir huwa Alla, għaliex Ġesù qal: ħadd ma jiġi għandi kemm-il darba Missieri ma jattirahx. San Pawl ma kellux il-fidi, anzi kien jippersegwita lill-fidili. Alla jistennieh fit-triq ta Damasku: « Pawlu - jgħidlu – la toħlomx linqas li togħla, li tfajjar bis-sieq, bħal żiemel sfrattat. Jiena Ġesù li int qed tippersegwita. Għandi pjanijiet dwarek. Hemm bżonn li tinbidel! ». Ċeda, Pawlu; tbiddel, qaleb ta’ taħt fuq ħajtu. Wara ftit snin huwa jikteb lill-Filippin:  : « Dik id-darba, fuq it-triq ta’ Damasku, Alla ppruvani; minn dak il-waqt jien ma nagħmel xejn iktar milli niġri warajh, biex nara jekk jien ukoll iniex kapaċi nippruvah, billi nimitah, inħobbu dejjem iktar ». Hekk hu dak li hija l-fidi: iċċedi għal Alla, imma billi tbiddel ħajtek. Ħaġa li mhix dejjem faċli. Wistin rrakkonta l-vjaġġ tal-fidi tiegħu; speċjalment fl-aħħar ġimgħat kienet ħaġa terribbli; waqt li taqraha tħoss ruħek kważi tirtogħod u tiċcarrat f’konflitti nterni. Minn hawn, Alla li jsejjaħlu u jinsisti, u minn hemm, id-drawwiet qodma,  « "ħbieb antiki" – hu jikteb -; u kienu jiġbduni bil-ħlewwa minn ilbiesi tal-laħam u jgħiduli: "Wistin, kif?! Se titlaqna? Ara, li int ma tistax tagħmel dan, ma tistax tagħmel dak l-ieħor u għal dejjem!" ». Diffiċli! « Sibt ruħi - jgħid – fl-istat ta’ wieħed li jinsab fis-sodda, filgħodu. Jgħidulu: "Barra, Wistin, Qum!". Jien iżda kont ngħid: "Iva, imma aktar tard, ftit ieħor!". Finalment il-Mulej tani ġibda, sibt ruħi barra. Hekk hu, m’għandekx bżonn tgħid: Iva, imma; iva, imma iktar tard. Hemm bżonn tgħid: Mulej, Iva! Minnufih! Din hija l-fidi. Twieġeb b’ġenerożità lill-Mulej. Imma min hu li jgħid din l-iva? Min hu umli u jafda f’Alla b’mod sħiħ! ».

Ommi kienet tgħidli meta bdejt nikber: meta kont żgħir kont marradi ħafna: kelli niġri bik mingħand tabib għal ieħor u ngħasses miegħek iljieli sħaħ; temminni?  Kif stajt ngħid: ommi ma nemmnikx? Da zġur li nemmnek, nemmen dak li tgħidli, imma b’mod speċjali nemmen lilek. U hekk ukoll fil-fidi. Mhux biżżejjed li temmen il-ħwejjeġ li Alla rrivela imma temmen lilu, li jimmerita l-fidi tagħna, li tant ħabbna u għamel tant għal imħabbitna. Diffiċli wkoll li taċċetta xi veritajiet, għaliex il-veritajiet tal-fidi huma ta’ żewġ speċi: biċċa aċċettati, oħrajn ostili għall-ispirtu tagħna. Per eżempju, huwa aċċettat tismà li Alla hekk ħanin magħna, ferm iktar ħanin minn dik li omm għandha lejn uliedha, kif jgħid Iżaija. Kemm hija aċcettabli u konġenjali. Kien hemm Isqof kbir Franċiż, Dupanloup, li lir-retturi tas-seminarji kien soltu jgħidilhom: mal-qassissin futuri, kunu missirijiet u ommijiet. Ħaġa sabiħa. F’veritajiet oħra, iżda, wieħed isibha diffiċli. Alla jrid jikkastiga; kemm-il darba jien nirreżisti. Huwa jiġri warajja, iħeġgiġni biex nikkonverti u jien ngħidlu: Le! Huwa kważi jien li nikkostrinġih jikkastigani. Dan ma jinżlilniex. Imma hija verità tal-fidi. U hemm diffikultà tal-aħħar, il-Knisja. San Pawl staqsa: Min int Mulej?- Jien dak Ġesù li int qed tippersegwita.

Dawl, berqa qasmet moħħu. Jien miniex nippersegwita lil Ġesù, linqas biss nafu: iżda nippersegwita lill-insara. Wieħed jistà jara li Ġesù u l-insara, Ġesù u l-Knisja huma l-istess ħaġa, li ma jinfirdux, inseparabbli.

Aqraw lil San Pawl: « Corpus Christi quod est Ecclesia ».Kristu u l-Knisja huma ħaġa waħda. Kristu huwa r-Ras, aħna, Knisja, aħna l-membri tiegħu. Mhux possibbli jkollok il-fidi, u tgħid jien nemmen f’Ġesù, naċċetta lil Ġesù imma ma naċċettax il-Knisja. Hemm bżonn li naċċettaw il-Knisja, dik li hi, u kif inhi din il-Knisja? Il-Papa Ġwanni sejħilha  « Mater et Magistra ». Ukoll għalliema. San Pawl qal: « Kulħadd jaċċettana bħala ajjutanti ta’ Kristu u ekonomisti u ferriexa tal-misteri tiegħu ».

Meta l-imsejken Papa. Meta l-iaqfijiet, is-saċerdoti jipproponu d-duttrina, ma jkunux jagħmlu għajr dak li jgħinu lil Kristu. Mhix duttrina tagħna, hija dik ta’ Kristu; irridu biss ngħassuha, u nippreżentawha. Jien kont preżenti meta l-Papa Ġwanni fetaħ il-Konċilju fl- 1 ta’ Ottubru 1962. F’ċertu punt huwa qal: Nittamaw  li bil-Konċilju l-Knisja tagħmel qabża ‘l quddiem. Ilkoll ittamajna; imma qabża ‘l quddiem f’liema triq? Dan huwa dlonk qalu: fil-veritaliet ċerti u li ma jitbiddlux. Lanqas biss ħolom il-Papa Ġwanni li kienu l-veritajiet biex jimxi, biex imur ‘il quddiem, u mbagħad, ftit ftit, biex jinbidel. Il-veritajiet huma dawk; aħna hemm bżonn li nimxu fit-triq ta’ dawn il-veritajiet, waqt li nifhmu dejjem iktar, billi naġġornaw ruħna, waqt li nipproponuhom f’forma addattata għaż-żmenijiet il-ġodda. Ukoll il-Papa Pawlu kellu l-istess ħsieb. L-ewwel ħaġa li għamilt, hekk kif sirt Papa, kien li nidħol fil-Kappella privata tad-Dar Pontifiċja; hemm isfel il-Papa Pawlu kien ġiegħel li jsiru żewġ możajċi: San Pietru u San Pawl: San Pietru qed imut, San Pawl qed imut; imma taħt San Pietru hemm il-kliem ta’ Ġesù: Se nitlob għalik, Pietru, sabiex ma tiġix nieqes mill-fidi. Taħt San Pawl, li qiegħed jirċievi d-daqqa tax-xabla: temmejt il-ġirja tiegħi, żammejt il-fidi. Intom tafu li fl-aħħar diskors tad-29 ta’ Ġunju, Pawlu VI qal: wara ħmistax-il sena ta’ pontifikat, nistà niżzi ħajr lill-Mulej; li ddifendejt, żammejt l-fidi.

Hija omm ukoll il-Knisja. Jekk inhija kontinwatriċi ta’ Kristu u Kristu huwa twajjeb: il-Knisja wkoll hija twajba; twajba ma kulħadd; imma jekk kumbinazzjoni, kultant ikun hemm fil-Knisja xi ħżiena? Aħna għandna, l-omm. Jekk l-omm tkun marida, jekk ommi kumbinazzjoni ssir zoppa, jien nixteqilha iktar ġid minn qabel. L-istess, fil-Knisja: jekk ikun hemm, u hemm, xi difetti u xi nuqqasijiet, qatt m’għandha tonqosna l-ġibda lejn il-Knisja. Il-bieraħ – u nieqaf – bagħtuli l-edizzjoni ta’ « Città Nuova »: sibt li ġabu, billi rreġistrawh, diskors qasir tiegħi, b’episodju. Ċertu predikatur Mac Nabb, ingliż, waqt li kien qed jitkellem f’Hyde Paek, kien tkellem dwar il-Knisja. Meta spiċċa, wieħed talab li jitkellem u qal: kliem sabiħ dan tiegħek. Biss jien naf diversi saċerdoti kattoliċi, li ma kinux mal-fqar u li saru għonja. Naf ukoll żewġ miżżewġin kattoliċi li ttradew lil marthom; din il-Knisja magħmula mill-midimbin ma togħġobnix. Is-Saċerdot qal: għandu ftit raġun, imma nistà nagħmel oġġezzjoni? – Nisimgħu – Jgħid: skużi, imma niżbalja jew l-għonq tal-qmis tiegħek huwa kemmxejn mtebbà? – Jgħid: Iva, dan nafu. -  Imma huwa mtebbà, għaliex m’użajtx is-sapun, jew għaliex użajt is-sapun u ma sewa għalxejn? Le, jgħid, m’użajtx is-sapun. Hekk hu. Ukoll il-Knisja Kattolika għandha sapun straordinarju; il-vanġelu, is-sagramenti, it-talb. Il-vanġelu moqri u migħux, is-sagramenti ċċeleabrati bil-mod li jmiss; it-talb użat tajjeb ikunu sapun meraviljużi li kapaċi jagħmilna qaddisin. M’aħniex ilkoll qaddisn, għaliex ma ħaddimniex biżżejjed dan is-sapun. Le, jgħid, dan is-sapun ma ħaddimtux. Naraw li nikkorrispondu mat-tamiet tal-Papiet, li sejħu u applikaw il-Konċilju, il-Papa Ġwanni, il-Papa Pawlu. Infittxu li ntejbu l-Knisja, waqt li aħna nsiru iktar twajba. Kull wieħed u waħda minna u l-Knisja kollha tistà tirreċita t-talba li jien soltu nirreċita. Mulej, ħudni kif jien, bid-difetti kollha tiegħi, bin-nuqqasijiet tiegħi, imma li jiena nsir kif tixtieqni int.

Jinħtieġli li ngħid kelma wkoll li għażież morda tagħna, li qiegħed nara hemm. Tafu li, Ġesù qal: jien ninħeba warajhom; dak li jsir lilhom isir lili. Mela  fil-persuni tagħhom aħna nqimu lill-Mulej innifsu u nawguraw li l-Mulej ikun qribhom, jgħinhom u jsostnihom.

Fuq il-lemin iżda hemm l-għarajjes ġodda. Dawn irċivew sagrament kbir; nagħmlu voti li dan is-sagrament ikun tassew kontributur mhux biss ta’ ġid ta’ din id-dinja, imma iktar ta’ grazzji spiritwali. Fis-seklu li għadda kien hemm fi Franza Federiku Ozanam, Professur kbir; kien jgħallem fis-Sorbonne, imma elokwenti, imma bravissmu! Ħabibu kien Lacordaire, li kien jgħid: « Dan huwa hekk bravu, dan huwa hekk twajjeb, għad isir qassis, għad isir isqof, dan! ». Le! Iltaqà ma tfajla tajba, iżżewġu. Lacordaire ħadha bi kbira, u qal: « Miskin Ozanam! Waqà hu wkoll fin-nassa! ». Imma sentejn wara, Lacordaire sab ruħu Ruma, u kien milqugħ mill-Papa Piju IX. « Ejja, Patri, - jgħidlu - ejja. Jiena dejjem smajt li Ġesù waqqaf sebà sagramenti: issa tiġi int, u tibdilli l-karti ta’ fuq il-mejda; tgħidli li hu waqqaf sitt sagramenti u nassa! Le, Patri, iż-żwieġ mhuwiex nassa imma sagrament kbir! ». Għalhekk mill-ġdid nawguraw lil dawn l-għeżież Għarajjes: Jalla l-Mulej iberikkom!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb