IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 11 ta’ Settembru 2019

 

Katekeżi fuq il-Vjaġġ Appostoliku fil-Mozambique, il-Madagascar u l-Mauritius

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Ilbieraħ filgħaxija dħalt lura mill-Vjaġġ appostoliku fil-Mozambique, il-Madagascar u l-Mauritius. Irrodd ħajr lil Alla li tani li nimxi bħala pellegrin tal-paċi u tat-tama, u nġedded l-espressjoni tal-gratitudni tiegħi lejn l-Awtoritajiet rispettivi ta’ dawn l-Istati, kif ukoll lejn l-Isqfijiet, li stednuni u laqgħuni b’tant imħabba u tant għożża, u lejn in-Nunzji Appostoliċi, li stinkaw tant għal dan il-vjaġġ.

 

It-tama tad-dinja hu Kristu, u l-Vanġelu tiegħu hu l-aqwa ħmira ta’ fraternità, ta’ libertà, ta’ ġustizzja u ta’ paċi għall-popli kollha. Biż-żjara tiegħi, fuq il-passi ta’ qaddisin evanġelizzaturi, fittixt li nġorr din il-ħmira, il-ħmira ta’ Ġesù, lill-popli kollha tal-Mozambique, il-Madagascar u l-Mauritius.

 

Fil-Mozambique mort inxerred żerriegħa ta’ tama, paċi u rikonċiljazzjoni f’art li batiet ħafna fil-passat riċenti minħabba f’kunflitt twil armat, u li fl-aħħar rebbiegħa sfat milquta minn żewġ ċikluni li kkawżaw ħsarat kbar ħafna. Il-Knisja tkompli ssieħeb il-proċess ta’ paċi, li għamel pass ’il quddiem anki fl-1 ta’ Awwissu li għadda bi Ftehim ġdid bejn il-partijiet. U hawn nixtieq nieqaf biex nirringrazzja lill-Komunità ta’ Sant’Eġidju li ħadmet ħafna, ħafna f’dan il-proċess ta’ paċi.

 

F’dan is-sens għamilt il-qalb lill-Awtoritajiet tal-pajjiż, u ħeġġiġthom biex jaħdmu flimkien għall-ġid komuni. U ħeġġiġt liż-żgħażagħ, li nġabru mid-diversi appartenenzi reliġjużi, biex jibnu lill-pajjiż, jegħlbu r-rassenjazzjoni u l-ansjetà, u jxerrdu l-ħbiberija soċjali u jgħożżu t-tradizzjonijiet tal-anzjani. Lill-isqfijiet, is-saċerdoti u l-persuni kkonsagrati, li ltqajt magħhom fil-Katidral ta’ Maputo, imsemmi għall-Verġni Immakulata, ipproponejtilhom it-triq ta’ Nazaret, it-triq tal-“iva” ġeneruża lil Alla, fil-memorja grata tas-sejħa tiegħu u tal-oriġni tagħhom. Sinjal qawwi ta’ din il-preżenza evanġelika hu l-Isptar ta’ Zimpeto, fil-periferija tal-kapitali, mibni bl-impenn tal-Komunità ta’ Sant’Eġidju. F’dan l-isptar rajt li l-aktar ħaġa importanti huma l-morda, u kulħadd jaħdem għall-ġid tal-morda. Barra minn hekk, mhux kulħadd għandu l-istess appartenenza reliġjuża. Id-direttur ta’ dak l-isptar hi mara, riċerkatriċi, mara brava, riċerkatriċi fuq l-Aids. Hi Musulmana, imma hi d-direttur u dan l-isptar hu sptar imwaqqaf mill-Komunità ta’ Sant’Eġidju. Imma kulħadd, kulħadd flimkien għall-ġid tal-poplu, magħqudin, bħal aħwa. Iż-żjara tiegħi fil-Mozambique laħqet il-qofol tagħha fil-Quddiesa, iċċelebrata fl-Istadju taħt ix-xita, imma lkoll konna ferħana. Il-kant, iż-żfin reliġjuż… tant ferħ. Xejn ma kien jimporta li kienet ix-xita. U hemm dwiet is-sejħa tal-Mulej Ġesù: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom” (Lq 6:27), iż-żerriegħa tar-rivoluzzjoni vera, dik tal-imħabba, li xxejjen il-vjolenza u toħloq il-fraternità.

 

Minn Maputo ttrasferejt ruħi lejn Antananarivo, il-kapitali tal-Madagascar. Pajjiż għani bi sbuħija u riżorsi naturali, imma mmarkat minn tant faqar. Awgurajt li, immexxi mill-ispirtu tradizzjonali tiegħu ta’ solidarjetà, il-poplu Madagascarjan jista’ jegħleb il-kuntrarji kollha u jibni futur ta’ żvilupp imsejjes fuq ir-rispett tal-ambjent u l-ġustizzja soċjali. Bħala sinjal profetiku f’din id-direzzjoni, żort il-“Belt tal-ħbiberija” – Akamasoa, imwaqqfa minn missjunarju Lazzarista, Patri Pedro Opeka: hemm jippruvaw jgħaqqdu flimkien ix-xogħol, id-dinjità, l-għożża tal-iktar foqra, it-tagħlim tat-tfal. Kollox imdawwal mill-Vanġelu. F’Akamasoa, qrib il-mini tal-granit, għollejt quddiem Alla t-Talba għall-ħaddiema.

 

Imbagħad, fil-monastru tal-Karmelitani kelli laqgħa mal-monaċi nisa kontemplattivi ta’ diversi kongregazzjonijiet: fil-fatt, mingħajr il-fidi u t-talb ma nistgħux nibnu belt li tixraq lill-bniedem. Mal-Isqfijiet tal-pajjiż ġeddidna l-impenn li “niżirgħu l-paċi u t-tama”, billi nieħdu ħsieb tal-poplu ta’ Alla, speċjalment tal-foqra, u tal-presbiteri tagħna. Flimkien qimna lill-Beata Victoire Rasoamanarivo, l-ewwel bint tal-Madagascar mgħollija għall-ġieħ tal-altari. Maż-żgħażagħ, f’għadd kbir qatigħ – tant żgħażagħ għal dik il-velja, imma ħafna, ħafna –, għext velja għanja bix-xhieda, bil-kant u biż-żfin.

 

F’Antananarivo ċċelebrajna l-Ewkaristija tal-Ħadd fil-“Kamp djoċesan” kbir: folol kbar inġabru madwar il-Mulej Ġesù. U fl-aħħar nett, fl-Istitut Saint-Michel, iltqajt mas-saċerdoti, l-ikkonsagrati u s-seminaristi tal-Madagascar. Laqgħa ta’ tifħir lil Alla.

 

Il-ġurnata tat-Tnejn kienet iddedikata liż-żjara lir-Repubblika tal-Mauritius, destinazzjoni turistika magħrufa, imma li għażilt bħala post ta’ integrazzjoni bejn id-diversi etniċitajiet u kulturi. Fil-fatt, matul l-aħħar żewġ sekli, f’dak l-arċipelagu waslu diversi popli, speċjalment mill-Indja; u wara l-indipendenza rat żvilupp ekonomiku u soċjali qawwi. Hemm hu b’saħħtu ħafna d-djalogu interreliġjuż, u anki l-ħbiberija bejn il-mexxejja tad-diversi konfessjonijiet reliġjużi. Ħaġa li lilna tidhrilna stramba, imma huma jgħixu l-ħbiberija b’tali mod li tidher naturali. Meta dħalt fid-dar tal-Isqof, sibt mazz sabiħ ta’ fjuri, sabiħ ħafna: bagħathuli l-Imam il-Kbir b’sinjal ta’ fratellanza.

 

Il-Quddiesa fil-Mauritius iċċelebrajtha ħdejn il-Monument ta’ Marija Reġina tal-Paċi, b’tifkira tal-Beatu Jacques-Désiré Laval, magħruf bħala “appostlu tal-għaqda Mauritjana”. Il-Vanġelu tal-Beatitudnijiet, karta tal-identità tad-dixxipli ta’ Kristu, f’dak il-kuntest hu antidotu kontra t-tentazzjoni ta’ benessri egoistiku u diskriminatorju. Il-Vanġelu u l-Beatitudnijiet huma l-antidotu għal dan il-benessri egoistiku u diskriminatorju, u anki huma l-ħmira tal-veru ferħ, mimlija bil-ħniena, il-ġustizzja u l-paċi. Laqatni x-xogħol li qed jagħmlu l-Isqfijiet għall-evanġelizzazzjoni tal-foqra. Wara, fil-laqgħa mal-Awtoritajiet tal-Mauritius, urejt l-apprezzament tiegħi għall-impenn biex tinħoloq armonija bejn id-differenzi fi proġett komuni, u ħeġġiġthom jibqgħu mexjin ’il quddiem anki llum fil-ħiliet tagħhom ta’ akkoljenza, kif ukoll fl-isforz biex iżommu ħajja u jiżviluppaw il-ħajja demokratika.

 

Hekk, ilbieraħ filgħaxija wasalt il-Vatikan. Qabel nitlaq fuq vjaġġ u malli nasal lura, immur dejjem għand il-Madonna, għand is-Salus Populi Romani, biex tkun hi li sseħħibni fil-vjaġġ, bħala Omm, u tgħidli x’għandi nagħmel, u tħares il-kliem tiegħi, il-ġesti tiegħi. Mal-Madonna, immur fiż-żgur.

 

Għeżież ħuti, irroddu ħajr lil Alla u nitolbuh biex iż-żerriegħa li xħitna f’dan il-vjaġġ appostoliku tagħmel frott kotran għall-popli tal-Mozambique, tal-Madagascar u tal-Mauritius. Grazzi!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard