L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Statut tad-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja.

 

 

Ara t-test oriġinali bit-Taljan ...

PAPA FRANĠiISKU

Motu Proprio

 

STATUT TAD-DIKASTERU GĦAL LAJĊI, FAMILJA U ĦAJJA

 

Art 1

Id-Dikasteru għal Lajċi, Familja u Ħajja għandu jkun kompetenti f’materja tas-Sede Appostolika li tirrigwarda l-promozzjoni tal-ħajja u tal-appostolat tal-fidili lajċi, il-kura pastorali tal-familja u l-missjoni tagħha skont il-pjan t’Alla u l-ħarsien u s-sostenn tal-ħajja umana.

Art 2

§ 1. Id-Dikasteru għandu jkun ippresedut minn Prefett, megħjun minn Segretarju, li jista’ jkun lajk u tlett Sotto-segretarji lajċi. Jagħtu sehemhom fih numru xieraq ta’ Uffiċjali, saċerdoti u lajċi, magħżula kemm jista’ jkun minn partijiet differenti tad-dinja, skont in-normi attwali tal-Kurja Rumana. 

 § 2. Id-Dikasteru għandu jkun maqsum fi tlett Sezzjonijiet: il-fidili lajċi, il-familja u l-ħajja. Kull sezzjoni għandha tkun ippreseduta minn Sotto-segretarju.

Art 3

1. Id-Dikasteru għandu jkollu l-membri tiegħu; fost dawn għandu jkun hemm fidili lajċi, rġiel u nisa, ċelibi u miżżewġin, impenjati f’diversi oqsma ta’ attività u ġejjien minn partijiet differenti tad-dinja biex b’hekk jidher il-karattru universali tal-Knisja.

§ 2. Id-Dikasteru jaħseb biex ikollu l-Konsulturi tiegħu.

§ 3. Fil-ħidma kollha tiegħu, id-Dikasteru jsegwi n-normi stabbiliti għall-Kurja Rumana.

Art 4

Id-Dikasteru jippromwovi u jorganizza laqgħat internazzjonali u inizjattivi oħra; kemm dawk li fil-qasam ekkleżjali huma marbuta mal-appostolat tal-lajċi, mal-istituzzjoni taż-żwieġ u r-realtà tal-familja u mal-ħajjai, kif ukoll dawk fil-qasam tas-soċjetà għandhom x’jaqsmu mal-kundizzjonijiet umani u soċjali tal-lajkat, mal-istituzzjoni tal-familja u tal-ħajja umana.

 

Sezzjoni għall-fidili lajċi

Art. 5

Din is-sezzjoni tad-Dikasteru trid tanima u tinkuraġġa l-promozzjoni  għas-sejħa u l-missjoni tal-fidili lajċi fil-Knisja u fid-dinja, kemm bħala individwi, miżżewġin jew mhumiex,  kif ukoll bħala membri ta’ assoċjazzjonijiet, movimenti u komunitajiet.Barra minn hekk, għandha tippromwovi studji biex isir approfondiment duttrinali dwar temi u argumenti li għandhom x’jaqsmu mal-fidili lajċi.

Art. 6

§ 1. Din is-sezzjoni trid tgħin lill-fidili lajċi jagħrfu dejjem aktar li l-Magħmudija tagħmilhom korresponsabbli fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja, skont id-diversi kariżmi li rċevew  biex tinbena il-Knisja, b’attenzjoni partikulari għall-missjoni li għandhom il-fidili lajċi biex janimaw u jipperfezzjonaw  l-ordni tar-realtà temporali (ara LG, 31).

§ 2. Fl-ispirtu tal-kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, li tistieden lill-Knisja biex tagħmel tagħha “l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum”, din is-Sezzjoni tippromwovi l-inizjattivi kollha li għandhom x’jaqsmu mal-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li l-fidili lajċi jwettqu f’setturi differenti tar-realtajiet temporali. Filwaqt li tagħmel dan, trid tirrispetta   l-kompetenzi li organiżmi oħra tal-Kurja Rumana għandhom f’dawn l-istess materji.

§ 3. Trid tara li l-fidili lajċi jagħtu sehemhom fit-tagħlim kateketiku, fil-ħajja liturġika u sagramentali, fil-ħidma missjunarja, fl-opri tal-ħniena, tal-karità u tal-promozzjoni umana u soċjali. Trid issaħħaħ u tinkuraġġa dan kollu anki billi jkun hemm preżenza attiva u responsabbli fl-organi konsultattivi ta’ tmexxija fil-Knisja, fuq livell universali u partikulari.

§ 4. Din is-Sezzjoni tivvalorizza l-inizjattivi tal-Konferenzi  Episkopali  meta dawn  jitolbu lis-Santa Sede biex jitwaqqfu ministeri u uffiċċji ekkleżjastiċi ġodda, skont il-ħtiġijiet tal-Knejjes partikulari.

Art. 7

§ 1. Din is-Sezzjoni  tieħu ħsieb it-twaqqif  ta’ għaqdiet u  movimenti lajkali li għandhom  karattru internazzjonali u tapprova jew tirrikonoxxi l-istatuti tagħhom, filwaqt li tibqa’ tagħraf il-kompetenza tas-Segreterija tal-Istat; tittratta wkoll rikorsi amministrattivi li jkunu relatati  mal-kompetenza tad-Dikasteru.

 § 2. Fejn jidħlu t-Terz Ordnijiet sekulari u l-assoċjazzjonijiet tal-ħajja ikkonsagrata, is-Sezzjoni  tidħol biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-attività appostolika tagħhom.

 

Sezzjoni għall-Familja

Art. 8

§ 1. Fid-dawl tal-maġisteru pontifiċju, din is-Sezzjoni trid tippromwovi l-kura pastorali tal-familja, tħares id-dinjità u l-ġid tagħha li għandhom l-għeruq tagħhom fis-Sagrament taż-żwieġ, tissapportja d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-familja fil-Knisja u fis-soċjetà ċivili, sabiex l-istituzzjoni tal-familja tkun tista’ twettaq  dejjem b’mod aħjar il-funzjoni tagħha kemm fil-qasam ekkleżjali kif ukoll f’dak soċjali.

 § 2. Trid tiddixxerni s-sinjali taż-żminijiet biex tagħraf il-valur tal-opportunitajiet  li huma ta’ ġid għall-familja, filwaqt li tiffaċċa b’fiduċja u b’għerf evanġeliku l-isfidi li għandhom x’jaqsmu magħha, u biex tapplika l-pjan t’Alla fuq iż-żwieġ u l-familja  f’dan il-mument tal-istorja u fis-soċjetà  tal-lum.

§ 3. Trid issegwi l-istituti, l-assoċjazzjonijiet, il-movimenti u l-organizzazzjonijiet kattoliċi, nazzjonali u internazzjonali, li l-għan tagħhom hu l-qadi għall-ġid tal-familja.

Art. 9

§ 1. Trid tieħu ħsieb l-approfondiment tad-duttrina dwar il-familja u t-tixrid tagħha permezz ta’ katekeżi xierqa; tagħti attenzjoni partikulari lill-istudji fuq l-ispiritwalità taż-żwieġ u l-familja u l-implikazzjonijiet tagħhom fil-formazzjoni.

§ 2. Toffri linji-gwida dwar programmi formattivi għall-għarajjes li jkunu qed iħejju ruħhom għaż-żwieġ u għall-koppji żgħażagħ.

§ 3. Toffri linji-gwida anki għall-programmi pastorali li jgħinu lill-familji  fil-formazzjoni taż-żgħażagħ biex dawn jgħixu l-fidi tagħhom u jkunu mhejjija għall-ħajja ekkleżjali u ċivili, b’attenzjoni speċjali lejn il-fqar u l-imwarrbin.

§ 4. Tgħin lill-familji jkunu miftuħa għall-adozzjoni u fostering  tat-tfal u biex jieħdu ħsieb l-anzjani, filwaqt li bil-preżenza  tagħhom  f’istituzzjonijiet ċivili huma jkunu jistgħu jissapportjaw dawn ix-xorta ta’ inizjattivi.

Art 10

Din is-Sezzjoni għandha rabta diretta mal -“Istitut Pontifiċju Ġwann Pawlu II għall-Istudji fuq iż-Żwieġ u l-Familja”, kemm mas-sede ċentrali kif ukoll mal-istituti affiljati. B’hekk  l-istudji dwar  iż-żwieġ, il-familja u l-ħajja jkunu indirizzati b’mod komuni. 

 

 

Sezzjoni għall-Ħajja

Art 11

§ 1. Din is-Sezzjoni ssostni u tikkordina inizjattivi favur il-prokreazzjoni responsabbli, kif ukoll il-ħarsien tal-ħajja umana mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha, filwaqt li żżomm dejjem quddiem għajnejha  l-ħtiġijiet tal-persuna fid-diversi fażijiet tal-iżvilupp tagħha.

§ 2. Tippromwovi  u tinkuraġġa l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet li jgħinu lill-mara u lill-familja jilqgħu d-don tal-ħajja u jgħożżuh,  l-aktar  fil-każijiet ta’ tqala diffiċli, biex wieħed ma jirrikkorix għall-abort. Trid ukoll tgħin fi programmi u inizjattivi biex tingħata għajnuna lil nisa li jkunu ġa għamlu abort. 

Art 12

Din is-Sezzjoni trid tistudja u tippromwovu formazzjoni, mibnija fuq id-duttrina morali kattolika u l-Maġisteru tal-Knisja, dwar il-problemi prinċipali biomediċi  u legali fil-ħajja umana u dwar l-ideoloġiji li qed  jinbtu u jiżviluppaw dwar il-ħajja stess tal-bniedem u r-realtà tal-ġeneru uman.

Art 13

L-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja hi konnessa ma’ dan id-Dikasteru. Il-kompetenza tagħha tiswa għall-problematika u t-tematika msemmija f’Art.11.

L-Istatut preżenti hu approvat ad experimentum. Nordna li jkun promulgat permezz ta’ pubblikazzjoni fuq L’Osservatore Romano  u  li jkun ippubblikat ukoll fuq Acta Apostolicae Sedis. Jibda jkun attwat mill-1 ta’ Settembru  2016. Minn din d-data, il-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi u l-Kunsill Pontifiċju għall-Familja ser jiefqu jiffunzjonaw għax  ser ikunu ssoprimati bl-abrogazzjoni tal-artikli 131-134 u 139-141 tal-Kostituzjoni Appostolika Pastor Bonus

Mogħti  f’Ruma, 4 ta’ Ġunju 2016.

FRANĠISKU

   

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta