
Jum il-Komunikazzjoni Soċjali
imfakkar Ħadd qabel Għid
il-Ħamsin.
Din s-Sena jkun
l-24 ta' Mejju 2020
IL-ĦAJJA SSIR STORJA
"Għandna bżonn in-nifs
tal-verità tal-istejjer tajbin:
stejjer li jibnuna, u mhux li
jeqirdu; stejjer li jgħinuna
nerġgħu nsibu l-għeruq tagħna u
l-qawwa biex nimxu flimkien ’il
quddiem."
|

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
L-PAPA FRANĠISKU
GĦALL-54 JUM DINJI TAL-KOMUNIKAZZJONI
SOĊJALI
“Biex ixxandar u ssamma’
f’widnejn ibnek u wlied ibnek” (Eż
10:2).
Il-ħajja ssir storja
Nixtieq niddedika l-Messaġġ
ta’ din is-sena lit-tema tan-narrazzjoni,
ir-rakkont, għax nemmen li biex
ma nintilfux għandna bżonn in-nifs
tal-verità tal-istejjer tajbin:
stejjer li jibnuna, u mhux li
jeqirdu; stejjer li jgħinuna
nerġgħu nsibu l-għeruq tagħna u
l-qawwa biex nimxu flimkien ’il
quddiem. Fil-konfużjoni
tal-ilħna u tal-messaġġi li
għandna madwarna, għandna bżonn
ta’ narrazzjoni umana, li
tkellimna dwarna nfusna u dwar
is-sabiħ li hemm ġo fina.
Narrazzjoni li taf tħares lejn
id-dinja u l-ġrajjiet tagħha bi
ħlewwa; li tirrakkonta li aħna
parti minn nisġa ħajja; li
tikxef in-nisġa tal-ħjut li
bihom aħna marbuta ma’ xulxin.
1. Ninsġu stejjer
Il-bniedem hu ħlejqa li tħobb
tirrakkonta. Sa minn ċkunitna
aħna mġewħa għall-istejjer l-istess
kif aħna mġewħa għall-ikel.
Ikunu f’liema għamla jkunu,
ħrejjef, rumanzi, films,
kanzunetti, aħbarijiet…, l-istejjer
jinfluwenzaw il-ħajja tagħna,
imqar jekk ma nintebħux b’dan.
Spiss niddeċiedu x’inhu tajjeb
jew żbaljat skont il-persunaġġi
u l-istejjer li nkunu smajna.
Ir-rakkonti jħallu marka fina,
jagħġnu l-konvinzjonijiet tagħna
u kif inġibu ruħna, jistgħu
jgħinuna nifhmu u ngħidu min
aħna.
Il-bniedem mhuwiex biss l-unika
ħlejqa li għandha bżonn
tal-ħwejjeġ biex tgħatti l-vulnerabbiltà
tagħha (ara Ġen 3:21), imma huwa
wkoll l-uniku wieħed li għandu
bżonn jirrakkonta, “jitgħatta”
bi stejjer biex jista’ jħares
il-ħajja tiegħu. Ma ninsġux biss
ħwejjeġ, imma anki rakkonti;
fil-fatt, il-ħila umana li
“ninsġu” twassal kemm għal
tessuti, u kemm għal
testi. L-istejjer ta’ kull
żmien għandhom “tili” komuni: l-istruttura
tipprevedi “eroj”, anki
fil-ħajja ta’ kuljum, li biex
jiġru wara ħolma jkollhom
iħabbtu wiċċhom ma’
sitwazzjonijiet diffiċli,
jitqabdu kontra l-ħażen b’qawwa
li tagħmilhom kuraġġjużi, dik
tal-imħabba. Meta nsiru parti
minn dawn l-istejjer, nistgħu
nsibu mill-ġdid motivazzjonijiet
erojċi biex naffrontaw l-isfidi
tal-ħajja.
Il-bniedem hu ħlejqa li
tirrakkonta għax hi ħlejqa
fil-proċess li ssir xi ħaġa
iktar, li tiskopri lilha nfisha
u tistagħna fin-nisġa ta’ jiemha.
Imma, sa mill-bidu, ir-rakkont
tagħna kien taħt theddida: fl-istorja
hemm iserrep il-ħażen.
2. Mhux l-istejjer kollha huma
tajbin
“Jekk tiekol, issir bħal Alla” (ara
Ġen 3:4): it-tentazzjoni
tas-serp iddaħħal fin-nisġa
tal-istorja għoqda iebsa li
diffiċli tinħall. “Jekk ikollok
il-ġid, issir, tilħaq…”, għadu
jpespes illum ukoll min jinqeda
bl-hekk imsejjaħ storytelling
għal skopijiet strumentali. Kemm
stejjer jilluppjawna, għax
jippruvaw jikkonvinċuna li biex
inkunu kuntenti għandna bżonn
il-ħin kollu li jkollna, li
nippossedu, li nikkunsmaw. Kważi
ma nintebħux kemm insiru rgħiba
fit-tqassis u t-tpaċpiċ vojt,
kemm vjolenza u qerq nikkunsmaw.
Spiss fuq it-tili
tal-komunikazzjoni, flok
rakkonti kostruttivi, li fuqhom
jixxierku r-rabtiet soċjali u t-tessut
kulturali, jinħolqu stejjer
qerrieda u provokatorji, li
jherru u jqattgħu l-ħjut dgħajfa
tal-konvivenza. Meta niġbru
flimkien informazzjoni li ma
tkunx ġiet ivverifikata,
nirrepetu diskorsi banali u
persważivi b’mod qarrieq, u
nippruvaw nolqtu
b’dikjarazzjonijiet ta’ mibegħda,
ma nkunux ninsġu l-istorja umana,
imma nneżżgħu lill-bniedem mid-dinjità
tiegħu.
Imma waqt li l-istejjer użati
għal fini strumentali u ta’
poter għandhom ħajja qasira,
storja tajba kapaċi taqbeż
il-ħitan tal-ispazju u ż-żmien.
Sekli wara, tibqa’ attwali, għax
tagħti l-ħajja.
Fi żmien meta l-falsifikazzjoni
dejjem qed issir iktar
sofistikata, u tilħaq livelli
esponenzjali (id-deepfake),
għandna bżonn tal-għerf biex
nilqgħu u noħolqu rakkonti
sbieħ, veri u tajbin. Għandna
bżonn tal-kuraġġ biex inwarrbu
dawk qarrieqa u ħżiena. Għandna
bżonn tas-sabar u d-dixxerniment
biex niskopru mill-ġdid stejjer
li jgħinuna ma nitilfux dik
il-ħajta li tgħaqqad flimkien
it-tant ġerħat tal-lum; stejjer
li jixħtu dawl fuq il-verità ta’
dak li aħna, imqar fl-erojċità
injorata tal-ħajja ta’ kuljum.
3. L-Istorja tal-istejjer
kollha
L-Iskrittura Mqaddsa hija
Storja ta’ stejjer. Kemm
ġrajjiet, ġnus, persuni
tippreżentalna! Hi sa mill-bidu
turina Alla li hu ħallieq u
fl-istess ħin narratur. Fil-fatt
hu jlissen il-Kelma tiegħu u
l-ħwejjeġ jibdew jeżistu (ara
Ġen 1). Permezz tan-narrazzjoni
tiegħu Alla jsejjaħ kollox
għall-ħajja u, fil-quċċata,
joħloq lir-raġel u lill-mara
bħala persuni ħielsa li magħhom
jista’ jikkomunika, li joħolqu
l-istorja flimkien miegħu. Hemm
Salm li fih il-ħlejqa
tirrakkonta lill-Ħallieq: “Għax
int sawwart il-ġewwieni tiegħi,
u f’ġuf ommi inti nsiġtni.
Irroddlok ħajr, għax b’mod
tal-għaġeb għamiltni […]. Ma
kienx moħbi għadmi minnek, meta
kont qiegħed insir fis-satra u
nintiseġ fil-qigħan
tal-art” (139:13-15). Ma
twelidniex lesti minn kollox,
imma għandna bżonn li niġu
dejjem “minsuġa”. Il-ħajja
ngħatatilna bħala stedina biex
inkomplu ninsġu dak il-“mod
tal-għaġeb” li bih ġejna
maħluqa.
F’dan is-sens il-Bibbja hija
l-istorja kbira tal-imħabba bejn
Alla u l-bniedem. Fiċ-ċentru
hemm Ġesù: l-istorja tiegħu
twassal għall-milja tagħha
l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem
u fl-istess waqt ukoll l-istorja
ta’ mħabba tal-bniedem għal
Alla. U hekk il-bniedem jiġi
msejjaħ, minn nisel għal nisel,
jirrakkonta u jżomm ġo moħħu
l-episodji l-aktar sinifikattivi
ta’ din l-Istorja ta’ stejjer,
dawk li jistgħu jgħaddu lil dawk
li għad jiġu warajh it-tifsira
vera ta’ dak li seħħ.
It-titlu ta’ dan il-Messaġġ
hu meħud mill-ktieb tal-Eżodu,
rakkont bibliku fundamentali li
jurina kif Alla jidħol
fl-istorja tal-poplu tiegħu.
Fil-fatt, meta wlied Iżrael
jgħajtulu mill-jasar tagħhom,
Alla jisma’ u jiftakar: “U Alla
sama’ l-krib tagħhom u ftakar
fil-patt tiegħu ma’ Abraham, ma’
Iżakk u ma’ Ġakobb. Alla xeħet
ħarstu fuq ulied Iżrael u ra
f’liema stat kienu” (Eż
2:24-25). Mill-memorja ta’ Alla
joħroġ il-ħelsien mit-tiġrib, li
jseħħ permezz ta’ sinjali u
għeġubijiet. U hawn il-Mulej
jgħaddi lil Mosè t-tifsira ta’
dawn is-sinjali kollha: “biex
ixxandar u ssamma’ f’widnejn
ibnek u wlied ibnek […]
is-sinjali li
jien għamilt ġo nofshom, sabiex
tkun tafu li jien il-Mulej”
(Eż 10:2). L-esperjenza
tal-Eżodu tgħallimna li
l-għarfien ta’ Alla jgħaddi fuq
kollox billi nirrakkontaw, minn
nisel għal nisel, kif hu
jissokta bil-preżenza tiegħu
f’nofsna. Alla tal-ħajja
ngħadduh lil xulxin billi
nirrakkontaw il-ħajja.
Ġesù stess tkellem fuq Alla mhux
b’diskorsi astratti, imma
bil-parabboli, rakkonti qosra,
meħudin mill-ħajja ta’ kuljum.
Hawn il-ħajja ssir storja u
mbagħad, għas-semmiegħ,
l-istorja ssir ħajja: dik
in-narrazzjoni tidħol fil-ħajja
ta’ min jismagħha u tibdilha.
Anki l-Vanġeli, mhux
b’kumbinazzjoni, huma rakkonti.
Waqt li jinfurmawna fuq Ġesù,
f’att “performattiv”[1]
iwaħħduna ma’ Ġesù: il-Vanġelu
jitlob mill-qarrej li jieħu
sehem fl-istess fidi biex jaqsam
fl-istess ħajja. Il-Vanġelu ta’
Ġwanni jgħidilna li n-Narratur
per eċċellenza – il-Verb,
il-Kelma – sar narrazzjoni: “Għarrafhulna
l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li
hu fi ħdan il-Missier” (Ġw
1:18). Uża t-terminu “għarraf”,
irrakkonta, għax l-oriġinal
exeghésato jista’ jiġi
tradott kemm “irrivelat” u kemm
“irrakkontat”. Alla ntiseġ hu
stess fl-umanità tagħna, u hekk
tana mod ġid kif ninsġu
l-istejjer tagħna.
4. Storja li tiġġedded
L-istorja ta’ Kristu mhijiex
wirt tal-imgħoddi, hija
l-istorja tagħna, dejjem
attwali. Hi turina li Alla
għandu għal qalbu lill-bniedem,
il-laħam ta’ ġisimna, l-istorja
tagħna, tant li sar bniedem,
laħam u storja. Tgħidilna wkoll
li ma jeżistux stejjer umani
insinifikanti jew żgħar. Wara li
Alla sar storja, kull storja
umana hi, f’ċertu sens, storja
divina. Fl-istorja ta’ kull
bniedem il-Missier jerġa’ jilmaħ
l-istorja ta’ Ibnu li niżel fuq
din l-art. Kull storja umana
għandha dinjità li ħadd ma
jista’ jxejjen. Għalhekk
l-umanità jixirqilha rakkonti li
jkunu tal-livell tagħha, dak
il-livell tal-għaġeb u
affaxxinanti li Ġesù refagħha
għalih.
“Intom”, jikteb San Pawl,
“tidhru li intom l-ittra ta’
Kristu fdata f’idejna, miktuba
mhux bil-linka, imma bl-Ispirtu
ta’ Alla l-ħaj; mhux fuq
it-twavel tal-ġebel, iżda fuq
it-twavel tal-laħam ta’ qalbkom”
(2 Kor 3:3). L-Ispirtu s-Santu,
l-imħabba ta’ Alla, qed jikteb
fina. U b’dak li jikteb fina hu
qed iqiegħed f’qalbna t-tajjeb,
ifakkarhulna. Tfakkar
fil-fatt ifisser twassal
fil-qalb (re-cordare),
“tikteb” fuq il-qalb. Bil-ħidma
tal-Ispirtu s-Santu, kull
storja, imqar dik l-iżjed
minsija, imqar dik li tidher
miktuba fuq il-linji l-aktar
mgħawġa, tista’ ssir imnebbħa,
biex titwieled mill-ġdid bħala
kapulavur, issir appendiċi
tal-Vanġelu. Bħall-Istqarrijiet
ta’ Santu Wistin. Bħar-Rakkont
tal-Pellegrin ta’ Injazju.
Bħall-Istorja ta’ Ruħ ta’
Tereżina ta’ Ġesù Bambin. Bħall-Promessi
Sposi, bħal L-Aħwa
Karamazov. Bħal għadd bla
qies ta’ stejjer oħra, li b’mod
tal-għaġeb urewna l-laqgħa bejn
il-libertà ta’ Alla u dik
tal-bniedem. Kull wieħed u waħda
minna jaf bosta stejjer li
għandhom fwieħa ta’ Vanġelu, li
taw xhieda tal-Imħabba li tibdel
il-ħajja. Dawn l-istejjer
jixirqilhom li naqsmuhom,
nirrakkontawhom, ngħixuhom
f’kull żmien, b’kull lingwaġġ,
b’kull mezz possibbli.
5. Storja li ġġeddidna
F’kull rakkont kbir jidħol
fin-nofs ir-rakkont tagħna. Aħna
u naqraw l-Iskrittura,
l-istejjer tal-qaddisin, u anki
dawk it-testi li għarfu jaqraw
ir-ruħ tal-bniedem u joħorġu
għad-dawl il-ġmiel tagħha,
l-Ispirtu s-Santu għandu
l-libertà li jikteb fil-qalb
tagħna, iġedded fina l-memorja
ta’ dak li aħna f’għajnejn Alla.
Meta niftakru fl-imħabba li
ħalqitna u salvatna, meta
nqiegħdu l-imħabba fl-istejjer
tagħna ta’ kuljum, meta ninsġu
bil-ħniena l-ħjut ta’ jiemna,
allura nkunu ndawru paġna ġdida.
Ma nibqgħux iżjed imwaħħla
fid-dispjaċir u fin-niket,
marbuta ma’ memorja marida li
żżomm lil qalbna lsira, imma
ninfetħu għall-oħrajn, u hekk
ninfetħu għall-istess viżjoni
tan-Narratur. Qatt mhu għalxejn
li nirrakkuntaw l-istorja tagħna
lil Alla: imqar jekk il-kronaka
tal-ġrajjiet tibqa’ l-istess,
jinbidlu s-sens u l-perspettiva.
Meta nirrakkuntaw lill-Mulej
inkunu nidħlu fil-ħarsa tiegħu
ta’ mħabba ħanina lejna u lejn
l-oħrajn. Lilu nistgħu
nirrakkontawlu l-istejjer li
ngħixu, irressqulu l-persuni,
nafdawlu s-sitwazzjonijiet.
Miegħu nistgħu nħitu mill-ġdid
in-nisġa tal-ħajja, inħitu
mill-ġdid fejn tqatta’ u
ċċarrat. Kemm għandna bżonn ta’
dan, kollha kemm aħna!
Bil-ħarsa tan-Narratur – l-uniku
wieħed li għandu l-perspettiva
finali – imbagħad nersqu lejn
il-protagonisti, lejn ħutna,
atturi flimkien magħna
tal-istorja tal-lum. Iva, għax
ħadd mhu attur sekondarju fix-xenarju
tad-dinja u l-istorja ta’ kull
persuna hi miftuħa
għall-possibbiltà ta’ bidla.
Imqar meta nirrakkuntaw il-ħażen,
nistgħu nitgħallmu nħallu wisa’
għall-fidwa, imqar qalb il-ħażen
nistgħu nagħrfu d-dinamiżmu tat-tajjeb
u nagħmlulu wisa’.
Għalhekk m’aħniex nitkellmu fuq
li nimxu bil-loġika tal-istorytelling,
lanqas fuq kif nagħmlu jew
insiru pubbliċità, imma fuq kif
nagħmlu memorja ta’ dak li aħna
f’għajnejn Alla, kif nagħtu
xhieda ta’ dak li l-Ispirtu
jikteb fil-qlub, kif nuru lil
kulħad li l-istorja tiegħu fiha
ħwejjeġ tal-għaġeb. Biex nistgħu
nagħmlu dan, ejjew nafdaw ruħna
f’idejn mara li nisġet l-umanità
ta’ Alla fil-ġuf tagħha u,
jgħidilna l-Vanġelu, nisġet
flimkien dak kollu li seħħ
f’ħajjitha. Fil-fatt il-Verġni
Marija kollox għożżot, billi
qagħdet taħseb fuqu bejnha u
bejn ruħha (ara Lq 2:19).
Nitolbuha tgħinna, hi li għarfet
tħoll l-għoqiedi tal-ħajja
bil-qawwa umli tal-imħabba:
O Marija, mara u omm, int insiġt
f’ġufek il-Kelma divina, int
b’ħajtek irrakkuntajt l-għeġubijiet
ta’ Alla. Agħti widen
għall-istejjer tagħna, ħarishom
fil-qalb tiegħek u agħmel
tiegħek ukoll dawk l-istejjer li
ħadd ma jrid jisma’. Għallimna
nagħrfu dik il-ħajta tajba li
tmexxi l-istorja. Ara kemm kotru
l-għoqiedi li fihom tħabblet
ħajjitna, hekk li l-memorja
tagħna spiċċat ipparalizzata.
Kull għoqda tista’ tinħall mill-idejn
delikati tiegħek. Mara
tal-Ispirtu, Omm tal-fiduċja,
nebbaħ lilna wkoll. Għinna
nsawru stejjer ta’ paċi, stejjer
ta’ futur. U urina t-triq biex
nimxuhom flimkien.
Mogħtija Ruma, f’San Ġwann
Lateran,
24 ta’ Jannar 2020, Tifkira ta’
San Franġisk de Sales
Franciscus
miġjuba mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
[1]
Ara
Benedittu XVI, Enċiklika
Spe salvi, 2:
“Il-messaġġ Nisrani
mhuwiex biss ‘informattiv’,
iżda ‘performattiv’. Dan
ifisser: il-Vanġelu
mhuwiex biss
komunikazzjoni ta’
ħwejjeġ li wieħed jista’
jsir jafhom, iżda huwa
komunikazzjoni li
tipproduċi l-fatti u
tbiddel il-ħajja”.
|