VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FL-IRLANDA GĦAD-IX LAQGĦA DINJIJA TAL-FAMILJI

(25-26 TA’ AWWISSU 2018)

 

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIT-TITJIRA LURA MILL-IRLANDA

 

Titjira Papali

Il-Ħadd 26 ta’ Awwissu 2018

 

Greg Burke

Il-lejla t-tajba, Santità!

 

Il-Papa Franġisku

Il-lejla t-tajba!

 

Greg Burke

Grazzi ta’ dan il-ħin li qed tagħtina, wara jumejn hekk intensi. Żgur li kien hemm mumenti diffiċli fl-Irlanda – dejjem hemm il-kwistjoni tal-abbużi – imma anki mumenti sbieħ: il-festa tal-familji, ix-xhieda tal-familji, il-laqgħa maż-żgħażagħ koppji u anki ż-żjara lill-Kapuċċini, li tant jgħinu lill-foqra.

 

Ngħaddu l-kelma lill-ġurnalisti, ibda mill-Irlandiżi… Imma forsi qabel int tixtieq tgħid xi ħaġa…

 

Il-Papa Franġisku

Nirringrazzja, għax jekk jien għejejt, aħseb u ara intom, li għandkom tant xogħol, xogħol, xogħol… Nirringrazzjakom ħafna tal-isforz tagħkom, tal-ħidma tagħkom. Grazzi ħafna.

 

Greg Burke

L-ewwel mistoqsija, bħas-soltu, ġejja minn ġurnalista tal-pajjiż, li hu Tony Connelly, minn RTÉ – Radju u Televiżjoni Irlandiża.

 

Tony Connelly, RTÉ (Rado Tv Ireland)

Santità, is-Sibt tkellimt fuq il-laqgħa li kellek mal-Ministru għall-Infanzja; għidt kemm messlek qalbek dak li s-Sinjura qaltlek dwar id-djar għall-ommijiet u t-tfal. X’qaltlek eżattament? U int ħassejtha tmisslek daqshekk qalbek għax għalik kienet l-ewwel darba li smajt min jitkellem fuq dawn id-djar?

 

Il-Papa Franġisku

Il-Ministru l-ewwel qaltli ħaġa li ma tmissx tant l-ommijiet u wliedhom; qaltli – imma fil-qosor – “Santità, aħna sibna fosos komuni tat-tfal, tfal midfuna taħt l-art. Qed nagħmlu l-indaġni tagħna. Il-Knisja għandha x’tara f’dan kollu?”, imma qalthieli b’ħafna edukazzjoni, tassew, u b’ħafna rispett. Jien irringrazzjajtha, dan messli qalbi, tant li ridt nirrepetih fid-diskors. Ma kienx l-ajruport – ħadt żball – kien fil-laqgħa mal-President. L-ajruport kien hemm Sinjura oħra – Ministru, naħseb – u naħseb gerfixthom. Imma din qaltli: “Imbagħad nibagħtulek memo”. Bagħtitli memo, ma kellix ċans naqrah. Imma rajt li bagħtitli memo. Kienet ibbilanċjata ħafna f’li qaltli: hemm problema, l-indaġni għadha ma għalqitx, imma wrietni wkoll li l-Knisja kellha x’taqsam, f’dik il-ħaġa. Fil-fehma tiegħi, dan kien eżempju ta’ kollaborazzjoni kostruttiva, qabel ma… ma rridx ngħid il-kelma “protesta”, imma ta’ lment, ta’ lment għal dak li forsi ffavoriet il-Knisja f’xi żmien fl-imgħoddi. Din is-Sinjura tkellmet b’dinjità li messitli qalbi. U issa għandi dak il-memo, li se nistudja meta’ nerġa’ lura d-dar. Grazzi.

 

Greg Burke

Issa, Irlandiż ieħor li hu Paddy Agnew, mis-“Sunday Independent”, residenti Ruma imma ġurnalista Irlandiż.

 

Il-Papa Franġisku

Mhuwiex l-uniku Irlandiż li għandna Ruma!

 

Paddy Agnew, mis-“Sunday Independent”

Santità, grazzi u l-lejla t-tajba. Ilbieraħ, Marie Collins, il-vittma Marie Collins li int tafha tajjeb, qalet li int ma taqbilx mat-twaqqif tat-tribunali ġodda ta’ inkjesta Vatikana fuq il-problema tal-abbużi sesswali, u b’mod partikulari tal-hekk imsejħa tribunali ta’ inkjesta fuq l-isqfijiet, fuq ir-responsabbiltà li għandhom jerfgħu l-isqfijiet (bishop accountability). Għaliex taħseb li dawn m’hemmx bżonnhom?

 

Il-Papa Franġisku

Le, le, mhuwiex hekk. Mhuwiex hekk. Marie Collins hi xi ftit iffissata fuq l-idea… – jien għandi stima kbira ta’ Marie Collins, kemm-il darba nsejħulha l-Vatikan biex tagħti konferenzi –, hi baqgħet imwaħħla mal-idea ta’ dak li hemm miktub f’“Bħal omm kollha mħabba”, fejn intqal li biex isir ġudizzju mill-isqfijiet tajjeb jitwaqqaf tribunal speċjali. Imbagħad rajna li din ma kinitx ħaġa prattika u lanqas konvenjenti għad-diversi kulturi tal-isqfijiet li jridu jiġu ġġudikati. Ħadna r-rakkomandazzjoni ta’ “Omm kollha mħabba” u qed issir ġurija għal kull isqof, imma mhux l-istess waħda. Dan l-isqof jiġi ġġudikat u l-Papa jagħmel ġurija li tkun kapaċi iktar tieħu dak il-każ. Hi ħaġa li tiffunzjona aħjar, anki għax, għal grupp ta’ isqfijiet, li minħabba f’dan iħallu d-djoċesi mhuwiex possibbli. Hekk it-tribunali, il-ġuriji jinbidlu. U hekk għamilna sa issa. Ġew iġġudikati bosta isqfijiet: l-aħħar wieħed hu ta’ Guam, l-Arċisqof ta’ Guam, li appella u jien iddeċidejt – għax kien każ kumpless ħafna ħafna – li nuża d-dritt li għandi jien, li nieħu l-appell fuqi u ma nibagħtux it-tribunal tal-appell li jagħmel il-ħidma tiegħu mal-qassisin kollha, imma ħadtu fuqi. Waqqaft kummissjoni ta’ kanonisti li tgħinni u qaltli li, fil-qosor, f’xahar l-iktar, issir ir-“rakkomandazzjoni” biex jien nista’ naqta’ s-sentenza. Hu każ ikkumplikat, minn naħa, imma mhuwiex diffiċli, għax l-evidenzi huma ċarissmi; min-naħa tal-evidenzi, huma ċari. Imma ma nistax nippreġudika. Nistenna r-rapport u mbagħad niġġudika. Qed ngħid li l-evidenzi huma ċari għax huma dawk li wasslu lill-ewwel tribunal għall-kundanna. Dan kien l-aħħar każ. Issa hemm ieħor għaddej, naraw kif ħa jispiċċa. Imma hu ċar, jien għidtilha lil Marie: l-ispirtu u anki r-rakkomandazzjoni ta’ “Bħal omm kollha mħabba” qed jitwettqu: isqof jiġi ġġudikat minn tribunal, imma ma jkunx dejjem l-istess tribunal, għax mhux possibbli. Hi [Marie Collins] dan ma fehimtux sewwa, imma meta naraha – għax hi tiġi kultant il-Vatikan, insejħulha – nispjegalha iżjed ċar. Jien għandi rispett lejha.

 

Greg Burke

Issa l-grupp Taljan, Santità: għandna lil Stefania Falasca, minn “Avvenire”.

 

Stefania Falasca, “Avvenire”

Il-lejla t-tajba, Santità. Int għidt, anki llum, li dejjem hi sfida dik li nilqgħu lill-immigrant u l-barrani. Proprju lbieraħ issolviet biċċa ta’ swied il-qalb, dik tal-bastiment “Diciotti”. Hemm “sieqek” imdeffsa f’din is-soluzzjoni? Kont imdaħħal fil-biċċa?

 

Il-Papa Franġisku

Is-sieq hi tax-xitan, mhux tiegħi! [jidħku] Is-sieq hi tax-xitan…

 

Stefania Falasca

U mbagħad, ħafna huma dawk li fuq il-ġilda ta’ dawn in-nies jaraw theddida kontra l-Ewropa. Int x’taħseb?

 

Il-Papa Franġisku

Li nilqgħu lill-immigranti hi ħaġa antika daqs il-Bibbja. Fid-Dewteronomju, fil-kmandamenti Alla hekk jikkmanda: ilqa’ lill-immigrant, “il-barrani”. Hi ħaġa antika, li hi fl-ispirtu tar-Rivelazzjoni divina u anki fl-ispirtu tal-Kristjaneżmu. Hu prinċipju morali. Dwar dan tkellimt, u mbagħad rajt li kelli nespliċita xi ftit iżjed, għax da ma jfissirx li nilqgħu “alla belle étoile”, le, imma nilqgħu b’mod raġunat. U dan jgħodd għall-Ewropa kollha. Meta ntbaħt kif għandu jkun dan l-atteġġjament raġunat? Meta kien hemm l-attentat f’Zaventem [il-Belġju]: iż-żgħażagħ, il-gwerillieri li għamlu l-attentat f’Zaventem kienu Belġjani, imma wlied l-immigranti mhux integrati, dawk li nżammew f’ghetto. Allura, kienu ġew milqugħa mill-pajjiż imma telquhom hemm, u għamlu ghetto: ma ġewx integrati. Għalhekk jien sħaqt fuq dan, importanti. Imbagħad, fakkart f’meta mort l-Iżvezja – u Franca [Giansoldati] f’artiklu semmiet dan u kif jien espliċitajt dan il-ħsieb –, meta mort l-Iżvezja tkellimt dwar l-integrazzjoni, u dan kont nafu għax tul id-dittatura, fl-Arġentina, mill-1976 sal-1983, ħafna, ħafna Arġentini u anki Urugwajani ħarbu lejn l-Iżvezja. U hemm, dritt il-gvern ħadhom f’idejh, tahom jistudjaw il-lingwa u tahom xogħol, integrahom. Sal-punt li – u dan hu aneddotu ħelu – is-Sinjura Ministru li ġiet issellimli l-ajruport ta’ Lund kienet bint Żvediża u immigrant Afrikan; imma dan l-immigrant Afrikan kien integra ruħu sal-punt li bintu saret Ministru tal-pajjiż. L-Iżvezja kienet mudell. Imma, f’dak iż-żmien, l-Iżvezja bdiet tħabbat wiċċha mad-diffikultajiet: mhux għax ma kellhiex rieda tajba, imma għax ma kellhiex il-possibbiltajiet ta’ integrazzjoni. Dan kien il-motiv għaliex l-Iżvezja waqfet xi ftit, għamlet dan il-pass. Integrazzjoni. U mbagħad, tkellimt hawn, f’konferenza stampa magħkom, fuq il-virtù tal-prudenza hi li l-virtù ta’ min jiggverna, u tkellimt fuq il-prudenza tal-popli fuq in-numru jew fuq il-possibbiltajiet: poplu li jista’ jilqa’ imma m’għandux il-possibbiltà li jintegra, aħjar ma jilqa’ xejn. Hemm tidħol il-kwistjoni tal-prudenza. U nemmen li proprju din hi l-weġgħa fid-djalogu tal-lum fl-Unjoni Ewropea. Hemm bżonn inkomplu nitkellmu: is-soluzzjonijiet jinstabu…

 

X’ġara bid-“Diciotti”? Jien ma deffist sieqi mkien. Dak li għamel ix-xogħol kollu mal-Ministru tal-Intern kien Padre Aldo, il-bravu Padre Aldo, li hu dak li jsegwi l-Opra ta’ Don Benzi, li t-Taljani jafuha tajjeb, li jaħdmu għal-liberazzjoni tal-prostituti, dawk li huma sfruttati u ħafna aktar… U daħlet ukoll il-Konferenza Episkopali Taljana, il-Kardinal Bassetti, li kien hawn, imma segwa bit-telefon il-medjazzjoni kollha, u wieħed mis-sottosegretarji tiegħu, Mons. Maffeis, innegozja mal-Ministru. U naħseb li daħlet ukoll l-Albanija… Ħadu ċertu numru ta’ immigranti l-Albanija, l-Irlanda u l-Montenegro, naħseb, m’iniex ċert. L-oħrajn ħadithom il-Konferenza Episkopali, ma nafx jekk hux taħt “l-umbrella” tal-Vatikan jew le… ma nafx kif ġiet innegozjata din il-ħaġa; imma se jmorru fiċ-Ċentru “Dinja aħjar”, f’Rocca di Papa, se jiġu milqugħa hemm. L-għadd naħseb li hu ta’ iżjed minn mija. U hemm jibdew jitgħallmu l-lingwa u jagħmlu dak ix-xogħol li sar mal-immigranti integrati. Jien kelli esperjenza gratifikanti ħafna. Meta mort l-Università Roma III, kien hemm l-istudenti li riedu jagħmlu xi mistoqsijiet u rajt studenta… “Jien dan il-wiċċ nafu xi mkien”: kienet waħda minn dawk li ġew miegħi fost it-tlettax li kont ġibt minn Lesbos. Dik it-tfajla kienet l-università! Għaliex? Għax il-Komunità ta’ Sant’Eġidju, mill-għada tal-wasla tagħha, ħaditha l-iskola, biex tistudja: mur, mur… U hi integrata fuq livell universitarju. Din hi l-ħidma mal-immigranti. Hemm il-ftuħ tal-qalb għal kulħadd, inbatu magħhom; imbagħad, l-integrazzjoni bħala kundizzjoni biex nilqgħu; u mbagħad il-prudenza ta’ min jiggverna biex jagħmel dan. Jiena rajt, għandi filmat klandestin, x’jiġri lil dawk li jintbagħtu lura u jaħtfuhom taħt idejhom it-traffikanti: orribbli, l-affarijiet li jagħmlu lill-irġiel, lin-nisa u lit-tfal…, ibigħuhom, imma lill-irġiel jagħmlulhom torturi sofistikati. Kien hemm wieħed hemm li kien kapaċi, spija, jieħu dak il-filmat, li bgħatt liż-żewġ sottosegretarji tiegħi għall-migrazzjonijiet. Għalhekk, tajjeb naħsbuha sewwa qabel nibagħtuhom lura…

 

U mbagħad, ħaġa tal-aħħar. Hemm dawn l-immigranti li jiġu; imma hemm oħrajn li jiġu ingannati, fi Fiumicino, jiġu ingannati: “Le, nagħtuk ix-xogħol…”. Jagħmlulhom il-karti, kollha, u jispiċċaw ilsiera fuq il-bankina, taħt it-theddida tat-traffikanti tan-nisa… Dan hu.

 

Greg Burke

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija li ġejja hi mill-grupp Ingliż: Anna Matranga, mit-televiżjoni Amerikana NBC.

 

Anna Matranga, CBS

Il-lejla t-tajba, Santità. Nerġgħu lura għall-argument tal-“abbużi”, li dwaru diġà tkellimt. Dalgħodu kmieni ħafna ħareġ dokument tal-Arċisqof Carlo Maria Viganò, fejn hu jgħid li fl-2013 kellu kollokju personali miegħek il-Vatikan u li f’dan il-kollokju hu tkellem miegħek espliċitament fuq l-imġiba u l-abbużi sesswali tal-eksKardinal McCarrick. Ridt nistaqsik jekk dan hux minnu. U ridt anki nistaqsi ħaġa oħra: l-Arċisqof qal ukoll li l-Papa Benedittu kien issanzjona lil McCarrick, li kien qallu li ma setax jgħix fis-seminarju, ma setax jiċċelebra quddies fil-pubbliku, ma setax jivvjaġġa; kien sanzjonat mill-Knisja. Nista’ nistaqsik jekk dawn iż-żewġ affarijiet humiex minnhom?

 

Il-Papa Franġisku

Ħaġa waħda: nippreferi – anki jekk se nwieġeb għall-mistoqsija tiegħek – nippreferi li l-ewwel nitkellmu fuq il-vjaġġ u mbagħad fuq argumenti oħra… imma ħa nwieġeb. Qrajt, dalgħodu, dak il-komunikat. Qrajtu u sinċerament irrid ngħidilkom dan, lilek u lil dawk kollha fostkom li huma interessati: aqraw intom, b’attenzjoni, il-komunikat u agħmlu intom il-ġudizzju tagħkom. Jien fuq dan mhux ħa ngħid kelma. Nemmen li l-komunikat jitkellem waħdu, u intom għandkom biżżejjed ħila ġurnalistika biex toħorġu l-konklużjonijiet. Hu att ta’ fiduċja: meta jgħaddi ftit taż-żmien u intom tkunu għamiltu l-konklużjonijiet tagħkom, forsi nitkellem. Imma rrid li l-maturità professjonali tagħkom tagħmel dan ix-xogħol: jagħmlilkom tajjeb, tassew. Biżżejjed hekk.

 

Anna Matranga

Marie Collins qalet, wara li ltaqgħet miegħek fil-laqgħa mal-vittmi, li tkellmet miegħek direttament proprju fuq l-eksKardinal McCarrick; qalet li int kont iebes ħafna fil-kundanna tiegħek ta’ McCarrick. Ridt nistaqsik: meta kienet l-ewwel darba li int smajthom jitkellmu dwar l-abbużi li kien għamel l-eksKardinal?

 

Il-Papa Franġisku

Dan jagħmel parti mill-komunikat fuq McCarrick: studjawh u mbagħad nitkellem. Imma billi jien ilbieraħ ma kontx qrajtu, stajt nitkellem ċar ma’ Marie Collins u l-grupp [tal-vittmi], fil-laqgħa li damet tassew siegħa u nofs, ħaġa li ġagħlitni nbati ħafna. Imma naħseb li kien bżonn nisimgħu lil dawn it-tmien persuni; u minn din il-laqgħa ħarġet il-proposta – li għamilt jien, u huma laqgħuha u għenuni nwettaqha – li nitlob maħfra llum fil-Quddiesa, imma fuq ħwejjeġ konkreti. Ngħidu aħna, l-aħħar waħda, li qatt ma kont smajtha qabel: dawk l-ommijiet… – kien jissejjaħ il-“ħasil tan-nisa” – meta mara kienet toħroġ tqila barra ż-żwieġ, kienet tmur fi sptar jew ma nafx x’kienu jgħidulu, istitut…, imma kienu s-sorijiet li jmexxuh, imbagħad kienu jagħtu t-tarbija f’adozzjoni lin-nies. U kien hemm ulied, dak iż-żmien, li ppruvaw ifittxu lil ommijiethom, jekk kinux ħajjin, ma kinux jafu…, u kienu jgħidulhom li dan kien dnub mejjet; u anki lill-ommijiet li jkunu jfittxu lil uliedhom, kienu jgħidulhom li kien dnub mejjet. Għalhekk illum għalaqt billi għidt li dan mhuwiex dnub mejjet, imma hu r-raba’ kmandament. U dak li għidt illum, parti minnu ma kontx nafu, u għalija kien ta’ wġigħ il-qalb, imma anki bil-faraġ li stajt ngħin biex jiġu ċċarati dawn il-ħwejjeġ. U nistenna l-kumment tiegħek fuq dan id-dokument, nieħu pjaċir. Grazzi.

 

Greg Burke

Grazzi, Santità. Issa Cecile Chambraud ta’ “Le Monde”.

 

Cecile Chambraud, “Le Monde”

Il-lejla t-tajba, Santità. Nittama li ma tiddejjaqx jekk nagħmel il-mistoqsija tiegħi bl-Ispanjol, imma nitolbok tweġibha bit-Taljan għall-benefiċċju tal-kollegi kollha. Fid-diskors tiegħek lill-Awtoritajiet Irlandiżi, int irreferejt għall-Ittra riċenti tiegħek lill-Poplu ta’ Alla. F’dik l-Ittra, int issejjaħ lill-Kattoliċi kollha biex jieħdu sehem fil-ġlieda kontra l-abbużi fil-Knisja. Tista’ tispjegalna konkretement il-Kattoliċi x’jistgħu jagħmlu, kull wieeħd u waħda fil-pożizzjoni tiegħu, biex jiġġieldu kontra l-abbużi? U f’dan ir-rigward, fi Franza, saċerdot beda petizzjoni li titlob ir-riżenja tal-Kardinal Barbarin, akkużat minn xi vittmi. Jidhirlek li hi f’postha din l-inizjattiva jew le? [En su discurso a las Autoridades de Irlanda, usted se refirió a su reciente Carta al Pueblo de Dios. En aquella Carta, usted llama a todos los católicos a tomar parte en la lucha contra los abusos en la Iglesia. ¿Puede detallarnos lo que concretamente los católicos pueden hacer cada uno en su sitio para luchar contra los abusos? Y en este tema, en Francia, un sacerdote ha iniciado una petición llamando a que renuncie el Card. Barbarin, acusado por víctimas ¿Le parece adecuada esta iniciativa, o no?]

 

Il-Papa Franġisku

Jekk hemm suspetti u provi jew nofs provi, ma nara xejn ħażin li ssir indaġni, dejjem jekk issir fuq il-prinċipju ġuridiku fundamentali: Nemo malus nisi probetur, ħadd ma jitqies ħażin jekk ma hemmx prova. U ħafna drabi hemm it-tentazzjoni mhux biss li nagħmlu l-indaġni, imma li nippubblikaw li saret l-indaġni u għaliex hu ħati…, u hekk xi midja – mhux tagħkom, ma nafx – tibda toħloq klima ta’ ħtija. U ppermettuli ngħid ħaġa li ġrat dan l-aħħar, li tista’ tgħin f’dan, għaliex għalija importanti kif nimxu u kif il-midja tista’ tgħin. Tliet snin ilu, xi ftit jew wisq, bdiet fi Granada l-problema tal-hekk imsejħa qassisin pedofli, grupp ċkejken ta’ seba’-tmien-għaxar qassisin, li ġew akkużati b’abbuż tal-minuri u anki li għamlu festi, orġji u dawn l-affarijiet. L-akkuża waslet għandi, direttament: ittra minn żagħżugħ ta’ tlieta u għoxrin sena; skont hu, ġie abbużat, tani l-ismijiet u kollox. Żagħżugħ li kien jaħdem f’kulleġġ reliġjuż ta’ Granada, prestiġjuż ħafna; l-ittra, perfetta… U staqsieni x’għandu jagħmel biex jirrapporta. Jien għidtlu: “Mur għand l-Arċisqof, l-Arċisqof jgħidlek x’għandek tagħmel”. L-Arċisqof għamel dak kollu li kellu jagħmel, il-ħaġa waslet anki l-qorti ċivili. Saru ż-żewġ proċessi. Il-midja tal-post bdiet titkellem, titkellem… Tlitt ijiem wara, kollox miktub fil-parroċċa, “qassisin pedofli” u ħwejjeġ bħal dawn, u hekk inħolqot il-kuxjenza li dawn il-qassisin kienu kriminali. Ġew interrogati sebgħa, u ma nstab xejn; fuq tlieta minnhom baqgħet sejra l-indaġni, baqgħu l-ħabs għal ħamest ijiem, tnejn, u wieħed – Padre Roman, li kien il-kappillan – għal sebat ijiem. Għal kważi tliet snin oħra batew mill-mibegħda, id-daqqiet ta’ ħarta tal-poplu kollu: ikkriminalizzati, ma setgħux joħorġu barra, u batew umiljazzjonijiet mill-ġurija biex tipprova l-akkużi taż-żagħżugħ, li jien ma nindenjax nirrepeti hawn. Wara tliet snin u iżjed, il-ġurija ddikjarat lill-qassisin innoċenti, innoċenti kollha, imma fuq kollox dawn it-tlieta: l-oħrajn diġà kienu barra mill-kawża, u lil min akkużahom iġġudikatu ħati. Għax kienu raw li dak iż-żagħżugħ kellu ħafna fantasija, imma kien persuna intelliġenti ħafna u kien jaħdem ukoll f’kulleġġ Kattoliku u kellu dan il-prestiġju, li kien jagħti l-impressjoni li qed jgħid il-verità. Ġie kkundannat, hu, biex iħallas l-ispejjeż u dan kollu, u huma innoċenti. Dawn l-irġiel ġew ikkundannati mill-midja tal-post qabel il-ġustizzja. U għalhekk xogħolkom hu delikat ħafna: intom tridu takkumpanjaw, intom tridu tgħidu l-affarijiet imma dejjem b’din il-preżunzjoni legali ta’ innoċenza, u mhux il-preżunzjoni legali ta’ ħtija! U hemm differenza bejn l-informatur li jinforma dwar każ imma ma jagħmilx kundanna minn qabel, u l-investigatur, li jagħmilha ta’ “Sherlock Holmes”, li jimxi bil-preżunzjoni ta’ ħtija. Meta aħna naqraw it-teknika ta’ Hercule Poirot: għalih, kulħadd kien ħati. Imma dan hu l-mestier tal-investigatur. Huma żewġ pożizzjonijiet differenti. Imma dawk li jinfurmaw għandhom dejjem jitilqu mill-preżunzjoni ta’ innoċenza, jagħtu l-impressjonijiet tagħhom, id-dubji…, imma mingħajr ma jagħmlu kundanni. Dan il-każ ta’ Granada għalija hu eżempju li jagħmlilna tajjeb lilna kollha, fil-mestier [rispettiv] tagħna.

 

Greg Burke

Fl-ewwel parti [tal-mistoqsija preċedenti] kienet staqsiet x’jista’ jagħmel il-poplu ta’ Alla f’din il-kwistjoni…

 

Il-Papa Franġisku

Aħ iva, iva. Meta taraw xi ħaġa, tkellmu dritt. Jien se ngħid xi ħaġa oħra ftit kerha. Xi drabi, huma l-ġenituri li jgħattu abbuż ta’ qassis. Ħafna drabi. Jidher mis-sentenzi. [Jgħidu:] “Imma, le…”. Ma jemmnux, jew jikkonvinċu ruħhom li mhuwiex minnu, u t-tifel jew it-tifla jibqa’ hekk. Jien bi drawwa nilqa’ ta’ kull ġimgħa persuna jew tnejn, imma mhix ħaġa matematika; u lqajt persuna, sinjura, li ilha erbgħin sena tbati minn din il-pjaga tas-silenzju, għax il-ġenituri tagħha ma kinux emmnuha. Ġiet abbużata ta’ tmien snin. Li titkellem, dan hu importanti. Huwa minnu li għal omm, li tara dan…, aħjar li ma kienx veru, u allura taħseb li binha forsi qed jiffantastika… [Imma hemm bżonn] nitkellmu. U nitkellmu mal-persuni ġusti, nitkellmu ma’ dawk li jistgħu jibdew ġudizzju, tal-inqas l-investigazzjoni ta’ qabel. Nitkellmu mal-imħallef jew mal-isqof, jew jekk il-kappillan bniedem tal-affari tiegħu, nitkellmu mal-kappillan. Din hi l-ewwel ħaġa li jista’ jagħmel il-poplu ta’ Alla. Dawn l-affarijiet m’għandniex ngħattuhom, ma ngħattuhomx. Kien qed jgħidli wieħed psikjatra xi żmien ilu – imma din ma rridhiex tkun offiża għan-nisa – li minħabba s-sens ta’ maternità tagħhom, in-nisa huma iżjed inklinati mill-irġiel li jgħattu l-affarijiet tal-ulied. Imma ma nafx dan hux minnu jew le… Imma din hi: tkellmu. Grazzi.

 

Greg Burke

Mill-grupp Spanjol hawn Javier Romero, minn “Rome Reports TV”.

 

Javier Romero

Santità, skużani, nixtieq nagħmillek żewġ mistoqsijiet. L-ewwel waħda hi li l-Prim Ministru tal-Irlanda, li kien dirett ħafna fid-diskors tiegħu, hu kburi b’mudell ġdid ta’ familja differenti minn dik li tradizzjonalment tipproponi l-Knisja sal-lum: qed nitkellem fuq iż-żwieġ tal-omosesswali. U dan forsi hu wieħed mill-mudelli li jikkawżaw l-iżjed tilwim, speċjalment fil-każ ta’ familja Kattolika, meta jkun hemm persuna minn din il-familja li tiddikjara li hi omosesswali. Santità, l-ewwel mistoqsija li nixtieq nagħmillek hi: kif taħsibha int, x’tgħidlu lil missier li ibnu jkun qallu li hu omosesswali u jrid imur jgħix mal-ħabib tiegħu. Din hi l-ewwel mistoqsija. U t-tieni, li appuntu, anki int fid-diskors tiegħek mal-Prim Ministru tkellimt ukoll fuq l-abort; rajna kif l-Irlanda nbidlet ħafna fl-aħħar snin u donnu l-Ministru kien sodisfatt b’dawn il-bidliet: waħda minn dawn il-bidliet kienet proprju din tal-abort. Aħna rajna kif fl-aħħar xhur, fl-aħħar snin il-kwistjoni tal-abort ħarġet f’ħafna pajjiżi, fost l-oħrajn l-Arġentina, pajjiżek. Kif tħossok meta tara li, appuntu, dan hu argument li int titkellem spiss dwaru u hemm tant pajjiżi fejn daħal?

 

Il-Papa Franġisku

Tajjeb. Ħa nibda mit-tieni waħda, imma huma żewġ punti – grazzi ta’ dan – għax huma marbuta mal-kwistjonijiet li dwarhom qed nitkellmu. Fuq l-abort, intom tafu kif taħsibha l-Knisja. Il-problema tal-abort mhix problema reliġjuża: aħna m’aħniex kontra l-abort minħabba r-reliġjon. Le. Hi problema umana, u għandha tiġi studjata mill-antropoloġija. Jekk nistudjaw l-abort billi nibdew mill-fatt reliġjuż, inkunu qed naqbżu l-ħsieb. Il-problema tal-abort tiġi studjata mill-antropoloġija. U dejjem hemm il-kwistjoni antropoloġika dwar l-etika li toqtol ħajja biex issolvi problema. Imma diġà hi din id-diskussjoni. Nixtieq biss nagħfas fuq ħaġa: jien ma jien se nippermetti qatt li nibdew niddiskutu l-problema tal-abort mill-fatt reliġjuż. Le. Hi problema antropoloġika, hi problema umana. Dan hu l-ħsieb tiegħi.

 

It-tieni. Dejjem kien hemm l-omosesswali u l-persuni b’tendenzi omossesswali. Dejjem. Jgħidu s-soċjologi, imma ma nafx hux minnu, li fiż-żminijiet ta’ bidliet ta’ epoka jikbru ċerti fenomeni soċjali u etiċi, u dan hu wieħed minnhom. Din hi l-opinjoni ta’ xi soċjologi. Il-mistoqsija tiegħek hi ċara: x’ngħidlu jien lil missier li qed jara li ibnu jew bintu għandhom dik it-tendenza. Ngħidlu qabelxejn biex jitlob: itlob. Mhux jikkundanna, imma jiddjaloga, jifhem, jagħmel wisa’ għal ibnu jew bintu. Jagħtih spazju fejn jesprimi ruħu. Imbagħad, f’liema età ħareġ dan it-tħassib ta’ ibnu? Importanti. Mod jekk jidher meta għadu tifel, meta hemm tant affarijiet li jistgħu jsiru, biex wieħed jara sew kif inhuma l-affarijiet; mod ieħor jekk jidher wara l-għoxrin sena jew hekk. Imma jien qatt ma ngħid li s-skiet hu rimedju: li tinjora lil ibnek jew bintek b’tendenza omosesswali hu nuqqas ta’ paternità u maternità. Int ibni, int binti, hekk kif int; jien missierek u ommok, ejja nitkellmu. U jekk intom, missier u omm, ma tifilħux għaliha, itolbu l-għajnuna, imma dejjem fi djalogu, dejjem fi djalogu. Għax dak l-iben u dik il-bint għandhom dritt għal familja, u l-familja hi dik li hi: tkeċċihx mill-familja. Din hi sfida serja għall-paternità u għall-maternità. Grazzi tal-mistoqsija tiegħek, grazzi.

 

Greg Burke

Grazzi lilek, Santità.

 

Il-Papa Franġisku

Imbagħad, nixtieq ngħid ħaġa għall-Irlandiżi li hawn preżenti: jien sibt tant fidi, fl-Irlanda. Tant fidi. Hu minnu, il-poplu Irlandiż bata ħafna minħabba fl-iskandli. Imma hawn il-fidi, l-Irlanda, u qawwija. Barra minn hekk, il-poplu Irlandiż jaf jagħraf, u nikkwota dak li llum smajt wieħed prelat jgħid: “Il-poplu Irlandiż jaf jagħraf tajjeb bejn il-veritajiet u n-nofs veritajiet: hi ħaġa li għandu ġo fih”. Hu minnu li jinsab fi proċess ta’ elaborazzjoni, ta’ fejqan minn dan l-iskandlu; hu minnu li xi wħud qed jinfetħu għal pożizzjonijiet li jidhru qed jitbiegħdu mill-fidi. Imma l-poplu Irlandiż għandu fidi b’għeruq sodi. Dan ridt ngħidu għax hu dak li rajt b’għajnejja, smajt b’widnejja u fuqu infurmajt ruħi f’dawn il-jumejn.

 

Grazzi tal-ħidma tagħkom, grazzi ħafna! U itolbu għalija, jekk jogħġobkom.

 

Greg Burke

Grazzi lilek. L-ikla t-tajba u l-mistrieħ it-tajjeb.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

New Page 4