2. Fil-qrara jew
qrariet ta’ qabel, insejt xi
dnubiet gravi jew ħallejthom
barra apposta?
3. Wettaqt
it-tewba li tani l-konfessur?
Pattejt għan-nuqqasijiet
tiegħi? Ippruvajt inqiegħed
fil-prattika dak li pproponejt
li nagħmel biex intejjeb ħajti
skond il-Vanġelu?
Fid-dawl
tal-Kelma ta’ Alla, kulħadd
jeżamina lilu nnifsu.
I. Il-Mulej
jgħid: “Ħobb lill-Mulej Alla
tiegħek b’qalbek kollha”.
1. Qalbi hi
tassew miftuħa għal Alla; nista’
ngħid li nħobbu fuq kull ħaġa
oħra u bi mħabba ta’ iben jew
bint, billi nosserva fedelment
il-kmandamenti tiegħu? Inħalli
wisq il-ħwejjeġ tad-dinja
jiġbduni lejhom? F’għemili
nimxi dejjem b’intenzjoni retta?
2. Hi qawwija
biżżejjed il-fidi tiegħi f’Alla,
li f’Ibnu wriena l-Kelma
tiegħu? Inħaddan b’qalbi kollha
t-tagħlim tal-Knisja? Għandi
għal qalbi l-formazzjoni
Nisranija, billi nisma’ l-Kelma
ta’ Alla, nieħu sehem
fil-katekeżi, u naħrab dak kollu
li jista’ jipperikola l-fidi?
Stqarrejt dejjem b’kuraġġ u bla
biża’ l-fidi tiegħi f’Alla u
fil-Knisja? Fittixt li nuri li
jien Nisrani/ja fil-ħajja
privata u pubblika tiegħi?
3. Nitlob malli
nqum u qabel norqod? U t-talb
tiegħi qed ikun djalogu veru
qalb ma’ qalb ma’ Alla, jew hu
biss prattika esterjuri vojta?
Naf noffri lil Alla t-tħassib
tiegħi, il-ferħ tiegħi u
d-dwejjaq tiegħi? Immur għandu
b’fiduċja anki fit-tiġrib
tiegħi?
4. Għandi qima u
mħabba lejn l-isem qaddis ta’
Alla, jew offendejtu bid-dagħa,
bil-ġurament falz, billi
semmejtu fil-batal? Xi darba bi
kliemi ma wrejtx rispett lejn
il-Madonna u l-Qaddisin?
5. Qed inqaddes
Jum il-Mulej u l-festi
tal-Knisja, billi nieħu sehem
ħaj, attent u devot
fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi,
u speċjalment fil-Quddies?
Evitajt li nagħmel xogħol bla
bżonn fil-jiem ta’ festa?
Osservajt il-preċett tal-Qrar
ta’ l-inqas darba fis-sena u
tat-tqarbin fl-Għid? [ara
nota taħt dwar il-preċett
tal-qrar]
6. Għandi “allat
oħra”, jiġifieri espressjonijiet
jew oġġetti li ninteressa ruħi
fihom u li nqiegħed il-fiduċja
tiegħi iżjed fihom milli f’Alla,
bħal ngħidu aħna: ġid materjali,
superstizzjonijiet, spiritiżmu
jew forom oħra ta’ maġija?
II. Il-Mulej
jgħid: “Ħobbu lil xulxin, kif
ħabbejtkom jien”.
1. Lill-proxxmu
tiegħi nħobbu tassew, jew
napprofitta minn ħuti, ninqeda
bihom għall-interessi tiegħi u
nimxi magħhom b’mod li ma
nixtieqx li ħaddieħor juża
miegħi? Tajt skandlu bi kliemi
jew b’għemili?
2. Fil-familja,
nagħti sehmi bis-sabar u bi
mħabba vera b’riżq il-ġid u
s-serenità ta’ l-oħrajn?
Għal kull wieħed
u waħda fil-familja:
– Għall-ulied.
Obdejt lill-ġenituri tiegħi,
irrispettajthom u weġġaħthom?
Għinthom fil-ħtiġijiet
spiritwali u materjali tagħhom?
Għamilt xogħli sew fl-iskola?
Irrispettajt l-awtoritajiet?
Tajt eżempju tajjeb f’kull
sitwazzjoni?
– Għall-ġenituri.
Ħadt ħsieb neduka lil uliedi
fil-ħajja Nisranija? Tajthom
eżempju tajjeb? Bl-awtorità
tiegħi weżinthom
u mexxejthom?
– Għall-miżżewġin.
Kont dejjem fidil/a fi mħabbti u
f’għemili? Urejt li kapaċi
nifhem u nagħder f’mumenti ta’
nkwiet?
3. Naf nagħti
minn dak li hu tiegħi, bla
egoiżmu, lil min hu ifqar
minni? F’dak li jiddipendi
minni, ngħin lill-maħqurin u
niddifendi lil dawk fil-bżonn?
Jew nittratta b’arroganza u
b’qalb iebsa lill-proxxmu
tiegħi, lid-dgħajfa,
lill-anzjani, lill-emarġinati,
lill-immigranti?
4. Inħossni
konxju/a tal-missjoni li ġiet
fdata f’idejja? Nieħu sehem
fil-ħidmiet ta’ appostolat u ta’
karità fil-Knisja,
fl-inizjattivi u fil-ħajja
tal-parroċċa? Nitlob u noffri
sehmi b’riżq il-ħtiġijiet
tal-Knisja u tad-dinja, ngħidu
aħna għall-għaqda tal-Knisja,
għall-evanġelizzazzjoni
tal-ġnus, u għat-twaqqif
tal-ġustizzja u tal-paċi?
5. Għandi għal
qalbi l-ġid u t-tisdiq
tal-komunità umana fejn
ngħix, jew
naħseb biss fl-interessi
personali tiegħi? Nieħu sehem,
skond ma nista’, fl-inizjattivi
li jippromovu l-ġustizzja,
il-moralità pubblika,
l-għaqda, l-opri ta’ karità?
Inwettaq id-dmirijiet ċivili
tiegħi? It-taxxi nħallashom
b’mod regolari?
6. Qed inkun
ġust/a, impenjat/a, onest/a fuq
ix-xogħol, xewqan/a li nagħti
s-servizz tiegħi b’riżq il-ġid
komuni? Tajt il-ħlas xieraq
lill-ħaddiema jew dawk li jaqgħu
taħti? Imxejt mal-kuntratti u
żammejt il-wegħdiet tiegħi?
7. Imxejt
bl-ubbidjenza u r-rispett dovut
ma’ l-awtoritajiet leġittimi
tiegħi?
8. Jekk għandi
xi inkarigu jew tmexxija
f’idejja, nara biss x’jaqbel
lili jew inħabrek għall-ġid ta’
l-oħrajn, fi spirtu ta’ servizz?
9. Ipprattikajt
il-verità u
l-fedeltà,
jew għamilt ħsara lill-proxxmu
tiegħi permezz ta’ gideb,
kalunnji, malafami, ġudizzji
mhux xierqa, kxif ta’ sigrieti?
10. Ferejt
il-ħajja u l-integrità fiżika
tal-proxxmu, inqastu mir-rispett
u l-ġieħ, għamiltlu ħsara
fil-ġid tiegħu? Għamilt l-abort
jew tajt parir lil xi ħadd biex
jirrikorri għalih? Żammejt
sieket/siekta f’sitwazzjonijiet
fejn minflok stajt inħeġġeġ
għat-tajjeb? Fil-ħajja
taż-żwieġ qed nirrispetta
t-tagħlim tal-Knisja dwar
il-ftuħ għall-ħajja u r-rispett
tagħha? Mort kontra l-integrità fiżika
tiegħi nnifsi (ngħidu aħna,
bl-isterilizzazzjoni)? Kont
dejjem fidil/a lejn marti/żewġi
mqar bil-ħsieb? Bejjitt f’qalbi
spirtu ta’ mibegħda? Iġġelidt
jew tlewwimt? Lissint kliem li
joffendi jew insulti, jew infaħt
spirtu ta’ tilwim u korla?
Inqast b’egoiżmu u ħtija li
nixhed għall-innoċenza
tal-proxxmu? Fis-sewqan jew
fl-użu ta’ mezzi oħra ta’
trasport poġġejt fil-periklu
l-ħajja tiegħi jew dik ta’
l-oħrajn?
11. Sraqt?
Xtaqt inġustament ħwejjeġ ta’
l-oħrajn? Għamilt ħsara
lill-proxxmu fil-ġid u l-propjetà tiegħu?
Tajt lura dak li sraqt u għamilt
tajjeb għall-ħsara li stajt
ikkawżajt?
12. Jekk kien
hemm min naqasni, urejt li jien
lest/a naħfer għall-imħabba ta’
Kristu, jew rawwimt f’qalbi
mibegħda u xewqa għal vendetta?
III. Kristu
l-Mulej jgħid: “Kunu perfetti
bħall-Missier”.
1. Liema hu
l-orjentament fundamentali ta’
ħajti? Nittama fil-ħajja ta’
dejjem? Nipprova ngħix il-ħajja
spiritwali tiegħi bit-talb,
il-qari u l-meditazzjoni
tal-Kelma ta’ Alla, is-sehem
fis-sagramenti? Naf nitrażżan?
Jien pront/a u deċiż/a biex
nirbaħ il-vizzji, inrażżan
il-passjonijiet u l-ġibdiet
ħżiena? Ħallejt l-għira tiġri
bija, kont meqjus/a fil-kilba
żejda għall-ikel? Kont
prużuntuż/a u supperv/a;
affermajt wisq lili nnifsi hekk
li spiċċajt iddisprezzajt
lill-oħrajn, tkabbart fuqhom u
rajtni aħjar minnhom? Imponejt
ir-rieda tiegħi fuq l-oħrajn,
ħnaqt il-libertà tagħhom
u ma tajtx kas tad-drittijiet
tagħhom?
2. Kif użajt
il-ħin, is-saħħa, id-doni li
Alla tani bħat-“talenti
tal-Vanġelu”? Qed ninqeda
b’dawn il-mezzi kollha biex ta’
kuljum nikber iżjed
fil-perfezzjoni tal-ħajja
spiritwali u fis-servizz lejn
il-proxxmu? Intlaqt u
tgħażżint? Kif qed nuża
l-internet u mezzi oħra ta’
komunikazzjoni soċjali?
3. Ġarrabt
bis-sabar, fi spirtu ta’ fidi,
it-tbatija u l-provi tal-ħajja?
Kif fittixt li nipprattika
r-rażan u s-sagrifiċċju, biex
inwettaq dak li jonqos
mill-Passjoni ta’ Kristu?
Osservajt il-preċett tas-sawm u
l-astinenza?
4. Żammejt ġismi
safi u kast, skond l-istat ta’
ħajti, waqt li rajt fih tempju
ta’ l-Ispirtu s-Santu,
iddestinat għall-qawmien u
għall-glorja? Ħadt ħsieb
tas-sensi tiegħi u ħrabt milli
nħammeġ ruħi u ġismi bi
ħsibijiet jew xewqat ħżiena, bi
kliem u b’għemil mhux xieraq?
Esponejt ruħi għal qari,
diskors, spettakli, divertiment
li ma jaqblux ma’ l-onestà umana
u Nisranija? Bi mġibti kont ta’
skandlu għall-oħrajn?
5. Għamilt xi
ħaġa kontra l-kuxjenza tiegħi,
għax bżajt jew urejt wiċċ
b’ieħor?
6. Dejjem u
f’kollox fittixt li nġib ruħi
fil-ħelsien veru ta’ wlied Alla
u skond il-liġi ta’ l-Ispirtu,
jew ħallejt il-passjonijiet
tiegħi jmexxuni huma?