Aktar riżorsi dwar il-Verġni
Marija ...
L-aktar għeżież, inġbarna hawn
bħala l-Poplu Nisrani li
jgħammar fil-Parroċċa tagħna.
Dan huwa l-appuntament tagħna
ta’ kull sena mal-Verġni Mqaddsa
Marija Addolorata.
Illejla, għal
darb’oħra, se nerġgħu nagħmlu
dan il-pellegrinaġġ ma’ Ommna
Marija Addolorata. Qegħdin biss
jumejn qabel il-bidu tal-Ġimgħa
Mqaddsa. Bħal-lum ġimgħa,
niċċelebraw it-Tifkira Solenni
tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna
Ġesù Kristu fil-Ġimgħa l-Kbira.
Fil-bidu ta’ din
il-manifestazzjoni pubblika
tal-fidi tagħna, jixraq li nġibu
quddiem għajnejna l-ġrajja
tal-għaġeb li seħħet fuq
l-għolja tal-Kalvarju. Ejjew
nikkontemplaw dak kollu li
għaddiet minnu l-Verġni Marija
hija u tara lil Binha Ġesù jbati
u jmut fuq is-salib biex isalva
lilna l-bnedmin... biex isalva
lilek u lili.
Ejjew, fil-bidu
ta’ din il-laqgħa tagħna llejla,
nisimgħu b’attenzjoni s-silta
qasira, imma qawwija, li tagħti
s-sens proprju u t-tifsira vera
għal din il-miġemgħa tgaħna –
folla sabiħa u ħajja ta’ persuni
li jemmnu – miġemgħa li hija
Knisja: komunità ta’ fidi, tama
u mħabba.
Qari
mill-Evanġelju skont San Ġwann
(19:25-27)
Kien hemm wieqfa
ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu,
oħt ommu, Marija ta’ Kleofa u
Marija ta’ Magdala. Mela kif
Ġesù lemaħ lil ommu u
lid-dixxiplu li kien iħobb
wieqaf ħdejha, qal lil ommu:
“Mara, hawn hu ibnek”. Imbagħad
qal lid-dixxiplu: “Hawn hi
ommok”. U minn dak il-ħin
id-dixxiplu ħadha għandu.
Il-Kelma
tal-Mulej.
Tifħir lilek
Kristu.
Inkantaw flimkien
...
Il-Verġni Marija
li aħna tant inħobbu u ngħożżu
tinsab fostna u magħna
matul dan il-pellegrinaġġ li qed
nagħmlu f’ġieħha. Bħal kull omm
ta’ din l-art, bħal kull omm
hawn preżenti fostna, hija tieħu
ħsiebna, l-ulied għeżież tagħha.
Il-Verġni Marija tieħu
ħsiebna, tieqaf magħna fl-uġigħ
tal-ħajja tagħna u tixxotta
l-ħafna d-dmugħ li jġelben ma’
ħaddejna.
Hija stess
ġarrbet it-tbatija, u għalhekk
hija tifhimna ħafna meta nkunu
għaddejjin mit-tbatija tal-mard,
l-inkwiet, id-dubji,
il-problemi, il-firdiet,
fil-familji tagħna, u meta xi
ħadd għażiż għalina jgħaddi
għall-ħajja ta’ dejjem, forsi
għall-għarrieda wkoll. Bir-raġun
kollu u tassew, aħna nħossu lil
Madonna qrib tagħna. Għalhekk
inġbarna hawnhekk illejla, kif
nagħmlu ta’ kull sena.
Il-parroċċi kollha fil-gżejjer
ta’ Malta u Għawdex bħalissa
jinsabu miġburin madwar Marija,
kif ninsabu aħna wkoll bħalissa.
Għajnejna mkaħħlin fuq Marija li
qegħda tbati fuq l-għolja
tal-Kalvarju. Ftakar f’dan
il-fatt importanti: Marija li
tbati u tibki tifhem lilek
fit-tbatija u fil-biki tiegħek.
Marija, għax tifhmek, tagħmillek
kuraġġ. Marija, għax hija Omm
Ġesù, turik, illum ukoll,
it-triq li twassal għandu li hu
kollu imħabba, mogħdrija u
ħniena għalik.
Il-Verġni Marija
tħares lejk b’imħabba ta’ omm u
tpoġġi jdejha fuq spallejk biex
tagħmillek kuraġġ u tkompli
miexi t-triq tal-ħajja, anke
jekk din hija għat-telgħa, jew
imserrpa, jew mimlija stroffi,
ġebel u żrar, jew forsi tiżloq u
perikoluża. Marija tixxuttalek
id-dmugħ li qed jimla għajnejk u
jaħsillek ħaddejk. Marija tisma’
l-bikja tiegħek, u dlonk
tgħidlek:
“Ejja miegħi,
ħanini tiegħi, ħalli nwasslek
s’għand Ibni Ġesù. Ferra’
l-uġigħ kollu tiegħek,
id-dwejjaq, l-ansjetà,
il-problemi, il-mard kollu
tiegħek quddiem Ġesù. Ġesù biss
jagħtik is-saħħa vera, il-faraġ
li jibqa’, il-fejqan dejjiemi u
l-kuraġġ Nisrani. Ftakar li Ġesù
Ibni qal: ‘Jiena t-Triq,
il-Verità u l-Ħajja’. Dur lejn
Ġesù. Ersaq lejh, u imxi
fit-triq tiegħu. Jekk tinsab
biered jew għadek ’il bogħod
minn Ġesù, ersaq lejh, u permezz
tas-Sagrament tal-Qrar, għidlu
jaħfirlek dnubietek. Illum u
f’dawn il-jiem li ġejjin,
it-teżor tal-ħniena ta’ Alla
huwa miftuħ beraħ”.
Il-Verġni Marija
Addolorata tkompli tgħidlek dan:
“Hija ħaġa sabiħa u tajba li
llejla qed timxi miegħi. Dan
jagħtini ħafna konsolazzjoni.
Però l-aktar ħaġa li tikkunslani
hija li int tfassal ħajtek
fuq dak li jgħallimna Ġesù Ibni.
Importanti li timxi wara Ġesù u
tfassal ħajtek fuq it-tagħlim
tiegħu mhux biss illum, nhar
id-Duluri tiegħi, jew nhar Ħamis
ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira,
Sibt il-Għid u fl-Għid il-Kbir,
imma s-sena kollha.
Il-konverżjoni u
l-qrar u t-tqarbina mhumiex
okkażjoni tal-lum biss, imma
għal matul is-sena kollha. Dan
huwa li tassew iferraħni: li
tkunu dixxipli ta’ Ġesù s-sena
kollha. L-għażliet tagħkom
mhumiex dejjem għażliet Insara.
Ftakru dan: jekk tridu tkunu
tassew uliedi – mhux illum biss,
imma s-sena kollha – l-
għażliet tagħkom iridu jkunu
mfasslin fuq it-tagħlim ta’ Ġesù
u tal-Knisja tiegħu. Matul din
il-mixja ta’ fidi li qegħdin
tagħmlu miegħi, aħsbu u
irriflettu bis-serjetà dwar jekk
intomx tassew dixxipli ta’ Ibni
Ġesù. Illum ħudu deċiżjoni li
tgħixu b’aktar impenn ir-rabta
tagħkom ma’ Ġesù. Huwa dejjem
lest li jilqagħkom lura għandu”.
Dan hu li qed
tgħidlek l-Verġni Marija
Addolorata llejla. Hija qegħda
tkellem lil qalbek. Ħallina
nissuġġerulek kelma ta’ ġid.
Ipprova evita d-distrazzjonijiet
matul dan il-pellegrinaġġ. Mhux
il-ħin li noqogħdu nsellmu jew
inxejru lil xulxin. Mhux il-ħin
biex naraw x’sar minn dak jew
mill-oħra. Lanqas mhu l-ħin biex
noqogħdu nosservaw id-djar u
l-ħwienet, il-galleriji,
il-bibien u t-twieqi, jew
l-ismijiet tad-djar, jew jekk
telax xi bini ġdid. Issa huwa
l-ħin li nitolbu bis-serjetà.
Issa huwa l-ħin li nisimgħu
l-Kelma ta’ Alla u
riflessjonijiet oħra. Issa huwa
l-ħin li nwieġbu għat-talb, u li
nkantaw flimkien.
Inkantaw flimkien
...
Matul din
il-mixja ta’ fidi ma’ Ommna
Marija tad-Duluri se nkunu
qegħdin nirriflettu, kif inhu
xieraq, dwar is-Seba’ Duluri li
hija għaddiet minnhom. Din
is-sena dan se nagħmluh permezz
ta’ siltiet mill-Kelma ta’ Alla,
mill-Evanġelju fejn insibu
stampa tas-seba’ duluri ta’
Marija, u mill-Ittri ta’ San
Pietru u ta’ San Pawl. Għaliex
se nagħmlu hekk?
Illejla se
nisimgħu seba’ siltiet
mill-Ittri ta’ dawn l-Appostli
l-kbar peress li din is-sena
hija l-1950 sena mill-Martirju
tagħhom. Tradizzjoni antika
ħafna tgħid li Pietru,
il-Prinċep tal-Appostli u Pawlu,
l-Appostlu tal-Ġnus, xerrdu
demmhom għal Kristu fis-sena 67,
jiġifieri elf, disa’ mija u
ħamsin sena ilu. Se nitolbu
wkoll permezz ta’ xi litaniji
qosra lil Marija, permezz
tat-talbiet tal-Missierna u
tal-Ave Marija, u permezz
tal-kant. Ejjew nieħu sehem sħiħ
billi nkunu attenti għal dak li
se nisimgħu, u bil-qalb u
l-ħeġġa nitolbu u nkantaw
flimkien.
I. L-EWWEL
DULUR TA’ MARIJA:
IL-PROFEZIJA TA’
XMUN FIL-PREŻENTAZZJONI TA’ ĠESÙ
FIT-TEMPJU

Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa
(2:22-35)
Wara li
għalqilhom iż-żmien
għall-purifikazzjoni tagħhom
skond il-Liġi ta’
Mosè, ħadu lil Gesù Ġerusalemm
biex jippreżentawh lill-Mulej,
kif hemm miktub fil-Liġi
tal-Mulej, li
‘kull
tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi
kkonsagrat lill-Mulej,’
u biex joffru b’sagrifiċċju
‘par
gamiem jew żewġ bċieċen,’
kif jingħad ukoll
fil-Liġi
tal-Mulej. F’Ġerusalemm
kien hemm wieħed, jismu Xmun,
raġel ġust u tajjeb, li kien
jistenna l-faraġ ta’
Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu
fuqu. L-Ispirtu s-Santu
kien nebbħu li ma kienx se jara
l-mewt qabel ma jara l-Messija
tal-Mulej. Mar mela fit-tempju,
mqanqal mill-Ispirtu, u xħin
il-ġenituri daħlu bit-tarbija
Ġesù biex jagħmlulu dak li
kienet trid il-Liġi, huwa
laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil
Alla u qal:
“Issa,
o Sid, tista’
tħalli l-qaddej tiegħek imur
fis-sliem, skond kelmtek,
għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni
tiegħek li int ħejjejt
għall-popli kollha, dawl biex
idawwal il-ġnus, u glorja
tal-poplu tiegħek Iżrael”.
Missieru u ommu
baqgħu mistagħġba b’dak
li kien qiegħed jingħad fuqu.
Xmun berikhom, u qal lil
ommu Marija:
“Ara,
dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien
ta’
ħafna f'Iżrael; se jkun sinjal
li jmeruh,
–
u inti wkoll, sejf jinfidlek
ruħek!
–
biex jinkixfu l-ħsibijiet
moħbija fil-qlub ta’
ħafna”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
Tifħir lilek
Kristu.
Kummentarju:
Fis-silta li se nisimgħu issa,
San Pietru jikteb lill-ewwel
komunitajiet Insara, u
jfakkarhom f’realtà kbira li
tmiss lil kulħadd, kemm fis-sena
67 kif ukoll lilna, illum. Hija
r-realtà tat-tbatija u l-prova.
Però, fl-istess ħin, huwa
iqawwilna qalbna li Ġesù jieħu
ħsiebna għax jinsab qrib tagħna.
“Lilu,
għalkemm ma rajtuhx, intom
tħobbuh; fih, għad li issa
m'intomx tarawh, intom temmnu;
fih intom tifirħu b'ferħ glorjuż,
li ma jistax jitfisser, waqt
li tiksbu l-għan tal-fidi
tagħkom, li hu s-salvazzjoni
tagħkom”.
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pietru
(1 Pt 1:3-9)
Ikun imbierek Alla u Missier
Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena
kbira tiegħu raġa' wilidna għal
tama ħajja bil-qawmien ta' Ġesù
Kristu mill-imwiet u għal
wirt li la jitħassar, la
jittabba', u lanqas jinxef. Dan
il-wirt hu merfugħ għalikom
fis-sema għax intom tinsabu taħt
il-ħarsien tal-qawwa ta' Alla
fil-fidi tagħkom li twassal
għas-salvazzjoni li lesta biex
tidher fl-aħħar taż-żminijiet.
Għalhekk għandkom għax tifirħu
mqar jekk issa, għal ftit żmien
ieħor, jeħtiġilkom titnikktu
taħt ħafna provi. Bħalma
d-deheb, li jintemm, jgħaddi
mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi
mill-prova l-fidi tagħkom, li
tiswa aktar mid-deheb, biex ikun
jistħoqqilha tasal għat-tifħir,
għall-glorja, u għall-ġieħ, meta
jidher Ġesù Kristu. Lilu,
għalkemm ma rajtuhx, intom
tħobbuh; fih, għad li issa
m'intomx tarawh, intom temmnu;
fih intom tifirħu b'ferħ glorjuż,
li ma jistax jitfisser, waqt
li tiksbu l-għan tal-fidi
tagħkom, li hu s-salvazzjoni
tagħkom.
Il-Kelma
tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil
Alla.
Litanija
Verġni Marija,
li ppreżentajt lil Ibnek Ġesù
fit-Tempju... itlob għalina.
Verġni Marija,
li smajt il-profezija ta’
Xmun... itlob għalina.
Verġni Marija,
li bqajt taħseb fuq dawn
il-ġrajjiet u tikkontemplahom
bejnek u bejn ruħek... itlob
għalina.
Verġni Marija, li qdejt lil
Ġesù
fit-trobbija li tajtu...
itlob għalina.
Verġni Marija,
li lqajt is-sejħat kollha li
għamillek Alla... itlob
għalina.
Verġni Marija,
li ridt tkun maġenb Ibnek meta
kien qiegħed ibati, kun qrib
tagħna fit-tbatijiet u fil-mard
tagħna... itlob għalina.
Missierna...
Sliem għalik
Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw
flimkien...
II.
IT-TIENI DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA, ĠUŻEPPI U T-TARBIJA ĠESÙ
JAĦARBU
LEJN L-EĠITTU

Qari mill-Evanġelju
skont San Mattew
(2:13-18)
Meta telqu
l-Magi, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma
lil Ġużeppi u qallu:
“Qum,
ħu miegħek lit-tifel u
’l
ommu, u aħrab lejn l-Eġittu.
Ibqa’
hemm sa ma ngħidlek jien, għax
Erodi se jfittex lit-tifel biex
joqtlu.”
Ġużeppi qam, ħa
miegħu lit-tifel u
’l
ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu,
u baqa’
hemmhekk sal-mewt ta’
Erodi, biex hekk iseħħ dak li
kien qal il-Mulej permezz
tal-profeta, meta qal,
‘Mill-Eġittu
sejjaħt lil ibni.’
Erodi mbagħad,
meta ra li l-maġi kienu daħku
bih, inkorla bis-sħiħ, u bagħat
joqtol f’Betlehem u fl-inħawi
kollha tagħha lit-tfal subien
kollha ta’ minn sentejn ’l
isfel, skont iż-żmien li sar jaf
mingħand il-maġi. Imbagħad seħħ
dak li kien ingħad permezz
tal-profeta Ġeremija, meta qal,
‘F’Rama nstama’
leħen,
biki u lfiq
kbir:
Rakel tibki lil
uliedha
u ma tridx minn
ifarraġha,
għax ma għadhomx
iżjed’”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
Tifħir lilek
Kristu.
Kummentarju:
Flimkien ma’
Binha
Ġesù
Tarbija, Marija u
żewġha
San
Ġużepp
kellhom,
ħin bla waqt,
jaħarbu
bħala refuġjati
lejn l-Eġittu
minħabba
l-qilla
vjolenti
u l-ħruxija
ningħajr limiti
tas-Sultan Erodi.
Il-Familja Mqaddsa għaddiet
mill-esperjenza diffiċli li
jgħaddu minnha r-refuġjati. Min
jaf x’irid jgħidilna Alla
permezz ta’ dik il-ġrajja? Matul
is-sekli, sal-ġurnata tal-lum,
mijiet ta’ eluf kbar ta’ rġiel,
nisa u tfal għaddew, u għadhom
jgħaddu, minn din l-esperjenza
iebsa: mingħajr
saqaf ta’ kenn fuq rashom,
l-insigurtà u l-perikli
tal-vjaġġi fuq l-art jew
il-baħar, it-theddid għal
ħajjithom minn nies bla skrupli,
in-nuqqas tal-meħtieġ
għall-ħajja, it-tbatija minħabba
l-ġuħ u l-għatx, is-sħana u
l-kesħa.
Waqt li
nikkontemplaw dan it-Tieni Dulur
ta’ Marija, issa se nisimgħu
silta mill-Ittra ta’ San Pawl
lill-komunità Nisranija fil-belt
antika ta’ Kolosse li kienet
f’dik li hi t-Turkija tal-lum.
Din is-silta tkompli tkellimna
kif għandha tkun l-imġieba
tagħna bħala Nsara, u għalhekk
bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu.
L-Appostlu jsemmi numru ta’
atteġġjamenti prattiċi li
nistgħu aħna wkoll ngħixuhom
illum fil-familja tagħna, fost
il-ġirien u l-qraba tagħna, jew
ma’ dawk li naħdmu magħhom:
ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa,
sabar, mogħdrija, imħabba,
rispett fil-familja.
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu Missierna
lill-Kolossin
(Kol 3:12-19)
Intom il-magħżulin
ta' Alla, il-qaddisin u l-maħbubin
tiegħu. Ilbsu mela sentimenti
ta' ħniena, tjieba, umiltà,
ħlewwa u sabar. Stabru
b'xulxin, u, jekk xi ħadd
minnkom ikollu xi jgħid ma'
ħaddieħor, aħfru lil xulxin;
bħalma l-Mulej ħafer lilkom,
hekk agħmlu intom ukoll. U
fuq kollox ilbsu l-imħabba, li
hi l-qofol tal-perfezzjoni.
Ħalli s-sliem ta' Kristu
jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem
li għalih kontu msejjħa biex
issiru ġisem wieħed. U ta' dan
roddu ħajr lil Alla. Ħalli
l-kelma ta' Kristu tgħammar
sħiħa fikom; għallmu bl-għerf
kollu u widdbu lil xulxin
b'salmi u innijiet u b'għana
spiritwali, u b'radd il-ħajr
kantaw f'qalbkom innijiet lil
Alla. Kull ma tagħmlu jew
tgħidu, agħmlu kollox f'isem il-Mulej
Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier
permezz tiegħu.
Intom, nisa
miżżewwġa, obdu lil żwieġkom,
kif għandu jkun fil-Mulej. Intom
imbagħad, irġiel miżżewwġa,
ħobbu n-nisa tagħkom, u tkunux
iebsa magħhom.
Il-Kelma
tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil
Alla.
Litanija
Verġni Marija,
li għaddejt mill-esperjenza
iebsa tal-ħarba lejn l-Eġittu...
itlob għalina.
Verġni
Marija, li batejt it-tbatija tal-eżilju,
’il
bogħod
minn art twelidek...
itlob għalina.
Verġni
Marija, li adattajt ruħek
għall-kultura
tal-pajjiż
li ta kenn lilek, lil
Ġesù
u lil San
Ġużepp...
itlob għalina.
Verġni
Marija, kun kenn għar-rifuġjati
tad-dinja kollha...
itlob għalina.
Verġni
Marija, miss il-qalb tagħna
biex nuru ospitalità lil dawk
kollha li jfittxu kenn fostna...
itlob għalina.
Missierna...
Sliem għalik
Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw
flimkien...
III. IT-TIELET
DULUR TA’ MARIJA:
META MARIJA
TITLEF LIL BINHA
ĠESÙ,
U WARA TLETT
IJIEM TA’ DULUR, ISSIBU FIT-TEMPJU

Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa
(2:41-52)
Ta’ kull sena l-ġenituri ta’
Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm
għall-festa tal-Għid.
Meta kellu tnax-il sena telgħu
wkoll, skond id-drawwa ta' dik
il-festa. Wara li għaddew
dawk il-ġranet qabdu t-triq lura,
imma t-tfajjel Ġesù baqa’
Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri
tiegħu. Huma ħasbuh
qiegħed ma’ xi wħud li kienu
fit-triq magħhom; iżda meta wara
jum mixi fittxewh fost qrabathom
u n-nies li kienu jafuhom,
ma sabuhx, u għalhekk reġgħu
lura Ġerusalemm ifittxuh.
Wara tlett ijiem sabuh fit-tempju,
bilqiegħda f’nofs l-għalliema,
jismagħhom u jistaqsihom;
u kull min semgħu baqa’
mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet
tiegħu. Kif rawh,
instamtu, u ommu qaltlu:
“Ibni,
dan għaliex għamiltilna hekk?
Ara, missierek u jiena konna
qegħdin infittxuk b’qalbna
maqsuma?”
U
hu qalilhom:
“U
għaliex kontu qegħdin tfittxuni?
Ma tafux li jiena għandi nkun
f’dak li hu ta’ Missieri?”
Iżda kliemu ma fehmuhx.
Mbagħad niżel magħhom u raġa’
mar Nazaret; u kien jobdihom. U
ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn
il-ħwejjeġ kollha. U hekk
Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin
u fil-grazzja, quddiem Alla u
quddiem il-bnedmin.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek
Kristu.
Kummentarju:
Issa, se nisimgħu
silta mill-Ittra ta’ San Pawl
lill-komunità Nisranija fil-port
kbir u importanti ta’ Efesu,
fit-Turkija tal-lum. F’din il-belt,
tinsab id-Dar tal-Madonna.
It-Tradizzjoni
tgħid kif il-Madonna marret
għand San Ġwann li mar Efesu, u
allura hemm rabta speċjali
tal-Madonna ma’ San Ġwann ġewwa
Efesu.
Min jaf fost
l-ewwel Insara, x’venerazzjoni
kellhom lejn Omm Sidna? U, għax
Marija kien jinteressaha li
Binha jkun magħruf, min jaf
x’ferħ kien ikollha meta kienet
tiltaqa’ ma’ dawn l-Insara ta’
Efesu!
Aħna u
nirriflettu fuq it-Tielet Dulur
ta’ Marija, il-kliem ta’ San
Pawl iqawwilna qalbna u
jiftħilna għajnejna kif għandna
nġibu ruħna meta aħna wkoll
ngħaddu minn esperjenzi iebsa
ta’ inkwiet u uġigħ ta’ ras.
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu Missierna
lill-Efesin
(Ef 5:6-17.19-20)
Tħallu lil ħadd iqarraq bikom bi
kliem fieragħ, għaliex minħabba
f'hekk tinżel il-korla ta' Alla
fuq dawk li ma jisimgħux. Mela
tissieħbu qatt magħhom!
Intom kontu darba dlam, imma
issa intom dawl fil-Mulej; għixu
ta' wlied id-dawl li intom; frott
id-dawl jinsab f'kull ma hu
tjieba, f'kull ma hu ġustizzja,
f'kull ma hu verità. Fittxu li
tagħrfu dak li jogħġob lill-Mulej, u
tisseħbux fl-għemejjel tad-dlam
bla frott, imma ikxfuhom fil-beraħ. Għax
dak li qegħdin jagħmlu huma fil-moħbi,
tistħi mqar jekk issemmih; imma
meta wieħed joħroġhom fil-beraħ,
id-dawl juri kollox, għax
kull ma jidher hu dawl; għalhekk
jingħad:
"Stenbaħ int, li int
rieqed,
u qum mill-imwiet,
ħa
jiddi fuqek Kristu."
Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom,
mhux bħal nies bla dehen, iżda
bħal nies għorrief, li
jgħożżu ż-żmien, għaliex ħżiena
huma l-jiem. Għalhekk
tkunux bla għaqal, imma fittxu
x'inhi r-rieda tal-Mulej. Kantaw
flimkien salmi, innijiet u għana
spiritwali; kantaw u għannu minn
qalbkom lill-Mulej. Roddu
dejjem ħajr għal kollox lil Alla
u l-Missier, f'isem Sidna Ġesù
Kristu.
Il-Kelma
tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil
Alla.
Litanija
Verġni
Marija, qawwi qalb dawk
l-ommijiet li qed ibatu minħabba
wliedhom...
itlob għalina.
Verġni Marija,
itlob għal dawk il-ġenituri
inkwetati minħabba l-imġieba
tat-tfal tagħhom... itlob
għalina.
Verġni Marija,
kun l-għajnuna u t-tama
tal-familji li għaddejjin minn
problemi u firda... itlob
għalina.
Verġni Marija,
wassal għand Ibnek Ġesù lil dawk
li tilfu t-triq u jinsabu jgħixu
fid-dnub... itlob għalina.
Verġni Marija,
nitolbuk għal dawk l-Insara li
qegħdin ibatu f’dawk il-pajjiżi
fejn jinsabu f’minoranza
assoluta, u fejn qed jiġu
ppersegwitati... itlob
għalina.
Missierna...
Sliem għalik
Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw
flimkien...
IV. IR-RABA’
DULUR TA’ MARIJA:
META MARIJA
TILTAQA’ MA’ BINHA ĠESÙ JĠORR
IS-SALIB FIT-TRIQ LEJN
IL-KALVARJU

Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa
(23:26-31)
Huma u sejrin
b’Gesù lejn il-Kalvarju, qabdu
wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni,
li kien ġej lura mir-raba’,
u għabbewh bis-salib biex iġorru
wara Ġesù. Kotra kbira ta’
nies kienet miexja warajh;
fosthom kien hemm xi nisa li
bdew iħabbtu fuq sidirhom u
jibkuh. Imma Ġesù dar
lejhom u qalilhom:
“Nisa
ta’
Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda
ibku lilkom infuskom u lil
uliedkom. Għax, araw,
għad jiġi żmien meta jgħidu,
‘Hienja
dik li ma għandhiex tfal, hieni
l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider
li qatt ma redda’!
Mbagħad jibdew jgħidu
lill-muntanji,
‘Aqgħu
fuqna!’,
u lill-għoljiet,
‘Ordmuna!’
Għax jekk dan
kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk
meta għadu aħdar, mela xi jsir
minnu meta jinxef?”
Il-Kelma
tal-Mulej.
Tifħir lilek
Kristu.
Kummentarju:
Nimmaġinaw ftit
dan ir-raba’ dulur kbir li
għaddiet minnu l-Verġni Marija.
Immaġinaw ftit kif infexxet
tibki, qalbha maqsuma, meta
ltaqgħet ma’ Ġesù li kien qed
iġorr is-salib. Ġismu kien diġà
ġerħa waħda, minħabba li kien
ġie fflaġġelat bl-ikrah u
mlibbes kuruna tax-xewk. Id-demm
iċarċar ta’ Ġesù issa jiċċarċar
fuq il-wiċċ ħlejju, l-idejn
ġentili u l-libsa ta’ Marija.
Ejjew, issa,
nikkontemplaw dan ir-raba’ dulur
tal-Verġni Marija fid-dawl
tal-Ewwel Ittra ta’ San Pietru
li jikteb lill-ewwel
komunitajiet Insara. Bla dubju
ta’ xejn, kull ma jistqarr
Pietru, nistgħu faċilment
napplikawh għal Marija għax hi
ssieħbet fit-tbatijiet ta’
Kristu.
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pietru Appostlu
(1 Pt 4:12-14.17-19)
Ħuti għeżież, tistagħġbux għax
tinsabu fil-forġa qalila tan-nar,
li ġiet fuqkom biex iġġarrabkom,
bħallikieku ġratilkom xi ħaġa
mhux tas-soltu. Imma ifirħu,
għax b'hekk intom qegħdin
tissieħbu fit-tbatijiet ta'
Kristu, biex aktar tifirħu u
tithennew fid-dehra tal-glorja
tiegħu. Jekk tkunu mkasbrin
minħabba l-isem ta' Kristu,
henjin intom! Fuqkom għandkom l-Ispirtu
tal-glorja, li hu l-Ispirtu ta'
Alla.
Għax issa wasal iż-żmien tal-ġudizzju,
li jibda mid-dar ta' Alla. U
jekk l-ewwel jibda minna, kif sa
jeħilsuha dawk li ma jridux
joqogħdu għall-Evanġelju ta'
Alla? U jekk
“il-ġust bilkemm isalva,
x’se jsir mill-ħażin u
mill-midneb?”
Mela, dawk li jbatu skond
ir-rieda ta' Alla, għandhom
iħallu ruħhom f'idejn il-Ħallieq
tagħhom, li hu ta' kelmtu, u
jibqgħu jagħmlu t-tajjeb.
Il-Kelma
tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil
Alla.
Litanija
Verġni
Marija, għin
lil dawk l-ommijiet li qed iduru
b’uliedhom morda...
itlob għalihom.
Verġni Marija,
ieqaf ma’ dawk l-ommijiet li
b’ħafna ġenerożità u
dedikazzjoni jieħdu ħsieb ta’
wliedhom li qed ibatu minn xi
diżabilità... itlob għalihom.
Verġni
Marija, qawwi qalb dawk l-ommijiet
li ta’ kuljum jżuru
’l
uliedhom fl-isparijiet jew
f’postijiet oħra
ta’ kura...
itlob għalihom.
Verġni
Marija, sabbar dawk l-ommijiet
li jakkumpanjaw lil uliedhom
fit-triq tal-Kalvarju llum,
għax qegħdin il-ħabs, jew
minħabba
l-vizzji tax-xorb, tad-droga u
dnubiet oħra
li jmorru kontra d-dinjità
tal-bniedem...
itlob għalihom.
Missierna...
Sliem għalik
Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw
flimkien...
V. IL-ĦAMES
DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA TARA LIL BINHA
ĠESÙ
JIĠI MSALLAB
MAS-SALIB U WARA TLIET SIGĦAT
TA’ AGUNIJA JMUT

Qari
mill-Evanġelju skont San Ġwann
(19:25-27)
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib
ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija
ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala.
Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu
u lid-dixxiplu li kien iħobb
wieqaf ħdejha, qal lil ommu:
“Mara,
hawn hu ibnek.”
Imbagħad qal lid-dixxiplu:
“Hawn
hi ommok.”
U minn dak il-ħin id-dixxiplu
ħadha għandu.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek
Kristu.
Kummentarju:
Din hija xena
straordinarja. Din hija ġrajja
li timpressjona lilna, kif
impressjonat ukoll lil
missirijietna li raw li
fil-parroċċi u l-knejjes tagħna
jkun hemm statwa tad-Duluri jew
pitturi li juru lil Ġesù fuq
is-salib, u maġenbu, Ommu
Marija. Marija tbati ma’ Binha.
Marija tinsab qalbha maqsuma.
Marija tara lil Bin ġufha fi
tbatija terribli. U mill-ġdid
iġedded dak li darba qalet lil
Alla permezz tal-Anġlu: “Hawn
jien il-qaddejja tal-Mulej. Ħa
jsir minni skont kelmtek”.
Fis-silta li dalwaqt nisimgħu,
l-Appostlu San Pietru li jkellem
lill-imgħammdin li kienu qed
iġarrbu tbatijiet kbar.
Il-Verġni Marija, taħt is-Salib
u fil-mewt ta’ Binha, batiet
bħal kull omm li tassisti l-mewt
ta’ xi ħadd minn uliedha. Kemm
jgħodd għal Marija l-kliem li se
nisimgħu: “Jekk
tagħmlu t-tajjeb u ssofru t-tbatija bis-sabar,
din tkun grazzja quddiem Alla. Għal
dan intom kontu msejjħa għax
Kristu wkoll bata għalikom u
ħallielkom eżempju biex timxu
fuq il-passi tiegħu”.
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pietru Appostlu
(1 Pt 2:18-25)
Intom, qaddejja,
oqogħdu bir-rispett kollu
għas-sidien tagħkom; mhux biss
għal dawk li huma twajbin u
dħulin, imma wkoll għal dawk li
huma ħorox.
Għax din hi grazzja li wieħed
ibati bla ħtija għal Alla, u
jieħu bis-sabar it-tbatija. X'mertu
jkollkom li tieħdu bis-sabar
is-swat meta tkunu għamiltu l-ħażen?
Imma jekk tagħmlu t-tajjeb u
ssofru t-tbatija bis-sabar, din
tkun grazzja quddiem Alla. Għal
dan intom kontu msejjħa għax
Kristu wkoll bata għalikom u
ħallielkom eżempju biex timxu
fuq il-passi tiegħu. Hu
li ma kien għamel ebda dnub,
meta għajjruh ma weġibx bit-tagħjir;
meta bata ma heddidx imma ħalla
f'idejn l-Imħallef ġust. Hu
tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib,
biex aħna mmutu għad-dnubiet u
ngħixu għall-ġustizzja.
Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu.
Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa,
imma issa rġajtu lura għand
ir-Ragħaj u l-Għassies ta'
ruħkom.
Il-Kelma
tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil
Alla.
Litanija
Verġni Marija,
itlob għalina meta fit-tbatija
naqtgħu qalbna... itlob
għalina.
Verġni Marija,
sabbarna meta t-tbatija nsibuha
wisq tqila u nogħtru taħtha...
itlob għalina.
Verġni Marija,
agħmel li aħna – bħalek – inkuni
preżenza li tagħmel kuraġġ lil
ħaddieħor... itlob għalina.
Verġni Marija,
ieqaf magħna fil-Kalvarju tagħna
llum li jista’ jkun ta’ ħafna
xorta... itlob għalina.
Verġni Marija, meta maħkuma
mit-toqol tal-mard u l-problemi
personali u familjari tagħna...
itlob għalina.
Missierna...
Sliem għalik
Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw
flimkien...
VI. IS-SITT
DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA TIRĊIEVI L-ĠISEM MEJJET
TA’ BINHA
ĠESÙ

Qari
mill-Evanġelju skont San Mattew
(27:50-58)
Ġesù reġa’ għajjat għajta kbira
u radd ruħu. U ara, il-purtiera
tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn
minn fuq s’isfel; l-art theżhżet,
il-blat inqasam, u l-oqbra
nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta’
qaddisin li kienu mietu, li
ħarġu mill-oqbra u wara l-qawmien
tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa u
dehru lil bosta nies. Iċ-ċenturjun
u dawk li kienu miegħu għassa
ta’ Ġesù, kif raw l-art
titheżheż u jiġri dak kollu,
mtlew b’biża’ li ma bħalu u qalu:
“Dan
kien tassew Bin Alla!”
Hemmhekk kien hemm ħafna nisa
jħarsu mill-bogħod, dawk stess
li kienu mxew wara Ġesù biex
jaqduh sa minn meta kien għadu
fil-Galilija: fosthom kien hemm
Marija ta' Magdala, Marija omm
Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied
Żebedew. Xħin sar fil-għaxija,
ġie raġel għani, minn Arimatija,
jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien
sar dixxiplu ta’ Ġesù; mar għand
Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù.
Imbagħad Pilatu ordna li
jingħatalu.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek
Kristu.
Kummentarju:
Ieqaf ftit u
aħseb minn liema tbatija enormi
għaddiet Marija. F’dan is-sitt
dulur ta’ Marija, narawha tilqa’
fi ħdanha l-katavru ta’ Binha.
Min jaf x’ħasset meta Nikodemu u
Ġużeppi minn Arimatea niżżlu
b’devozzjoni l-ġisem mejjet ta’
Ġesù minn fuq is-salib! Min jaf
kemm bkiet, kemm dmugħ jaħraq
ġelben ma’ ħaddejha! Qalbha
maqsuma, hija tara lil Binha
mejjet. Dan huwa d-dulur ta’
kull omm li tara lil bin jew
bint ġufha mejjet minħabba
l-mard jew kaġun ta’ vjolenza
jew xi inċident traġiku jew
diżgrazzja fuq il-post
tax-xogħol.
Aħna u nfakkru
matul din is-sena l-1950
anniversarju mill-Martirju ta’
San Pietru u San Pawl, irridu
wkoll nistqarru li minħabba
t-tbatija kbira li Marija
għaddiet minnha fuq il-Kalvarju,
bir-raġun kollu nsejħulha
Sultana tal-Martri. Ma hemm
l-ebda dubju li l-ħsieb ta’
Marija kien jaqbel mija fil-mija
mal-ħsieb ta’ Binha Ġesù. U San
Pawl, huwa u jikteb lill-Insara
tal-belt ta’ Filippi, fin-naħa
tal-Grigal tal-Greċja, jistqarr
b’konvinzjoni kbira: “Aħsbu
bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù”
li ċċekken daqshekk, li bata
daqshekk, imma li l-Missier
igglorifikah. Din hija t-triq li
aħna wkoll mistednin ngħaddu
minnha.
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu Missierna
lill-Filippin
(Fil 2:1-11)
Jekk hemm fikom xi faraġ fi
Kristu; jekk hemm xi kelma ta'
ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi
xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi
ħniena u mogħdrija; kunu fehma
waħda u imlewni bil-ferħ!
Ħa jkollkom l-istess imħabba, u
ruħ waħda u ħsieb wieħed. Tagħmlu
xejn b'pika ta' partit, anqas
għall-ftaħir fieragħ; imma kunu
umli u kull wieħed minnkom iqis
lill-ieħor aħjar minnu.
Ħadd minnkom ma għandu jfittex
li jaqbillu, imma li jaqbel lil
ħaddieħor. Aħsbu bħalma kien
jaħseb Kristu Ġesù:
Hu li għad li
kellu n-natura ta' Alla, ma
qagħadx
ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu
billi ħa n-natura ta' lsir; sar
jixbah lill-bnedmin, u deher
minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu
nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla
għollieh sas-smewwiet u żejjnu
bl-Isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta'
Ġesù
fis-sema, fl-art
u f'qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu
għarrkubbtejhom,
u kull ilsien
jistqarr:
"Ġesù Kristu hu l-Mulej,
għall-glorja ta' Alla
l-Missier."
Il-Kelma
tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil
Alla.
Litanija
Verġni Marija, ixxotta d-dmugħ
tal-ommijiet li tilfu ’l
uliedhom bil-mard. B’xi atti ta’
vjolenza jew b’disgrazzja
għall-għarrieda...
itlob għalina.
Verġni Marija,
għinna meta ngħaddu
mill-esperjenza ferm iebsa u
mudlama tal-mewt ta’ xi ħadd
għażiż... itlob għalina.
Verġni Marija,
kun magħna fis-siegħa tal-mewt
tagħna biex ma nintilfux...
itlob għalina.
Verġni Marija,
wassalna għand Ibnek Ġesù, u
itlob għalina biex huwa jkun
imħallef ħanin tagħna...
itlob għalina.
Verġni Marija,
inti li għaddejt minn tant
tbatija minħabba l-mewt ta’
Ibnek, sabbarna fid-dwejjaq u
l-ansjetà tagħna... itlob
għalina.
Missierna...
Sliem għalik
Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw
flimkien...
VII. IS-SEBA’
DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA TASSISTI GĦAD-DIFNA TA’
BINHA
ĠESÙ

Qari
mill-Evanġelju skont San Ġwann
(19:38-42)
Wara l-mewt ta’
Gesù, Ġużeppi minn Arimatija, li
kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi
għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u
talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem
ta' Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu
ġie u ħa l-ġisem tiegħu.
Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel
kien mar għand Ġesù bil-lejl, u
ġieb miegħu taħlita ta’ morr u
sabbara, tiżen xi mitt libbra.
Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem
ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex ta'
l-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu
jagħmlu l-Lhud qabel id-difna.
Fejn kienu sallbu lil Ġesù
kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien
kien hemm qabar ġdid li fih
kienu għadhom ma difnu lil ħadd.
Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax
kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud,
u għax il-qabar kien fil-qrib.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek
Kristu.
Kummentarju:
Umanament, Marija
setgħet qalet bejnha u bejn
ruħha, issa spiċċa kollox. Rat
il-katavru ta’ Binha jitniżżel
mis-salib, ġisem imbiċċer u
torturat, rathom b’imħabba kbira
jkeffnuh f’liżar skont l-użanzi
tal-Lhud, rathom iġorruh lejn
il-qabar u jidfnuh. Bil-qabar
magħluq u ssiġillat, donnu
kollox kien intemm. Il-kliem li
nisimgħu issa mill-Ewwel Ittra
ta’ San Pietru jirrifletti
tajjeb dak li għaddiet minnu
Marija:
“Ixħtu
fuqu (jiġifieri fuq Alla)
l-ħsibijiet kollha tagħkom għax
hu jaħseb fikom ...
Mbagħad, wara li tkunu batejtu
għal ftit żmien, Alla li jagħti
kull grazzja, li sejjħilkom
għall-glorja tiegħu ta' dejjem
fi Kristu, hu nnifsu jerġa'
jġeddidkom, iwettaqkom,
isaħħaħkom u jqegħedkom fis-sod”.
Tgħid Marija ma kellhiex tama li
l-wegħda ta’ Binha kienet
minnha? Tgħid ma kellhiex
fiduċja li hu kien se jqum
mill-imwiet?
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pietru Appostlu
(1 Pt 5:6-11)
Kunu mela umli taħt l-id
setgħana ta' Alla, biex hu
jerfagħkom meta jkun il-waqt. Ixħtu
fuqu l-ħsibijiet kollha tagħkom
għax hu jaħseb fikom. Kunu
meqjusa u għassu. L-għadu
tagħkom ix-Xitan qisu ljun
jgħajjat, idur u jfittex 'il min
se jibla'. Iqfulu,
sħaħ fil-fidi. Intom tafu li
ħutkom, mxerrdin fid-dinja,
qegħdin jaqsmu magħkom l-istess
tbatijiet tagħkom. Mbagħad,
wara li tkunu batejtu għal ftit
żmien, Alla li jagħti kull
grazzja, li sejjħilkom għall-glorja
tiegħu ta' dejjem fi Kristu, hu
nnifsu jerġa' jġeddidkom,
iwettaqkom, isaħħaħkom u
jqegħedkom fis-sod. Tiegħu
hi s-setgħa għal dejjem! Amen.
Il-Kelma
tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil
Alla.
Litanija
Verġni Marija, kun magħna
fit-toroq tal-ħajja...
itlob għalina.
Verġni
Marija, tħalliniex
waħedna
meta t-tbatija taħkimna...
itlob għalina.
Verġni Marija,
sabbarna f’dan il-wied ta’ dmugħ
... itlob għalina.
Verġni Marija,
urina lil Ibnek Ġesù, il-frott
tal-ġuf tiegħek... itlob
għalina.
Missierna...
Sliem għalik
Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw
flimkien is-Salve Regina...
Issa li temmejna
din il-mixja ta’ fidi li
għamilna ma’ Ommna Marija
Addolorata, nieqfu għal ftit
waqtiet biex napprezzaw
l-imħabba u l-għożża ta’ omm li
hija turina, mhux illum biss,
imma s-sena kollha. Il-preżenza
ta’ Marija tagħmlilna kuraġġ.
Il-preżenza ta’ Marija
tgħallimna l-vera fidi, il-vera
tama, u l-vera mħabba. Marija
tgħallimna u tagħtina eżempju
kif inkunu dixxipli ta’ Binha
Ġesù. Illejla komplejna nisimgħu
kif nistgħu nkunu dixxipli
dejjem aħjar ta’ Ġesù: u dan
billi tħabbru lilna seba’
siltiet differenti mill-Ittri
ta’ San Pietru u ta’ San Pawl.
Huma wkoll għarfu tajjeb kif
kellhom jimxu wara Ġesù sa
xerrdu demmhom għalih 1950 sena
ilu, fis-sena 67, jiġifieri
seba’ snin wara l-miġja ta’ San
Pawl ġewwa Malta.
Issa li temmejna
din il-mixja ma’ Marija
Addolorata għal din is-sena
tal-Mulej 2017, l-istedina li
Marija żgur qed tagħmlilna hija
din: ħudu sehem fil-liturġija
sabiħa ta’ matul il-ġimgħa li
ġejja, il-Ġimgħa Mqaddsa:
pitgħada, Ħadd il-Palm;
imbagħad, Ħamis ix-Xirka,
il-Ġimgħa l-Kbira, il-Velja
tal-Għid, u l-Ħadd, il-Għid
il-Kbir tal-Mulej. Marija tieħu
pjaċir tarana niċċelebraw dawn
il-misteri kbar tal-ħajja ta’
Binha Ġesù. Jekk illum ferraħt
il-qalb minfuda tagħha, tonqosx
li tferraħha matul il-Ġimgħa
Mqaddsa. Marija se tkun qed
tistenniek. Marija se tkun qed
tistenniek biex twasslek għand
Binha Ġesù fil-misteru
tal-Passjoni, il-Mewt u
l-Qawmien tiegħu. Ferraħha
bil-preżenza u s-sehem tiegħek!
dun hector
scerri, 25.3.2017
|