Ara wkoll ...
L-Eżortazzjoni Appostilika
Postsinodali tal-Papa Franġisku,
Querida Amazonia ...
It-Talba tal-Papa Franġisku
lill-Madonna fi tmiem
l-Eżortazzjoni Appostolika ... |
Dokument
Finali
tas-Sinodu dwar l-Amażonja
SINODU SPEĊJALI GĦAR-REĠJUN
AMAŻONIKU
L-AMAŻONJA:
TOROQ ĠODDA GĦALL-KNISJA U GĦAL
EKOLOĠIJA INTEGRALI
26 ta’ Ottubru 2019
miġjub
għall-Malti mit-Taljan minn Joe
Huber
INDIĊI
INTRODUZZJONI
KAPITLU 1
L-AMAŻONJA:
MIS-SMIGĦ LEJN KONVERŻJONI
INTEGRALI
Il-leħen u l-għanja tal-Amażonja
bħala messaġġ ta’ ħajja
L-għajta tal-art u l-għajta
tal-foqra
Il-Knisja fir-reġjun Amażoniku
Imsejħin għal konverżjoni
integrali
KAPITLU 2
TOROQ ĠODDA
GĦAL
KONVERŻJONI PASTORALI
Il-Knisja fil-ħruġ missjunarju
a. Knisja Samaritana, ħanina,
solidali
b. Knisja fi djalogu ekumeniku,
interreliġjuż u kulturali
Knisja missjunarja li taqdi u
takkumpanja l-popli Amażoniċi
a. Knisja bil-wiċċ indiġenu,
tal-bdiewa u tal-afrodixxendenti
b. Knisja bil-wiċċ tal-migranti
ċ.
Knisja b’wiċċ żgħażugħ
d. Knisja li tterraq toroq ġodda
ta’ pastorali fl-ibliet
e. Spiritwalità tas-smigħ u
tat-tħabbir
Toroq ġodda għal konverżjoni
pastorali
KAPITLU 3
TOROQ ĠODDA GĦAL KONVERŻJONI
KULTURALI
Il-wiċċ tal-Knisja fil-popli
tal-Amażonja
a. Il-valuri kulturali tal-popli
Amażoniċi
b. Knisja preżenti u alleata
mal-popli fit-territorji tagħhom
Toroq għal Knisja inkulturata
a. Il-ħajja tal-fidi mistqarra
mill-pjetà popolari u
mill-katekeżi inkulturata
b. Il-misteru tal-fidi fid-dawl
ta’ teoloġija inkulturata
Toroq għal Knisja interkulturali
a. Ir-rispett tal-kulturi u
tad-drittijiet tal-popli
b. Il-promozzjoni tad-djalogu
interkulturali f’dinja globalizzata
ċ.
L-isfidi għas-saħħa,
l-edukazzjoni u l-komunikazzjoni
Toroq ġodda għal konverżjoni
kulturali
KAPITLU 4
TOROQ ĠODDA
GĦAL
KONVERŻJONI EKOLOĠIKA
Lejn ekoloġija integrali ibda
mill-Enċiklika Laudato si’
a. Theddid għall-bijoma
Amażonika
u għall-popli
tagħha
b. L-isfida ta’ mudelli ġodda
ta’ żvilupp ekwu, solidali u
sostenibbli
Knisja li tieħu ħsieb “id-dar
komuni” fl-Amażonja
a. Id-dimensjoni soċjoambjentali
tal-evanġelizzazzjoni
b. Knisja fqira, ma’ u
għall-foqra, ibda
mill-periferiji vulnerabbli
Toroq ġodda għall-promozzjoni
ta’ ekoloġija integrali
a. Talba profetika u messaġġ ta’
tama lill-Knisja kollha u
lid-dinja kollha
b. Osservatorju Soċjo-Pastorali
Amażoniku
KAPITLU 5
TOROQ ĠODDA
GĦAL
KONVERŻJONI SINODALI
Is-sinodalità missjunarja
fil-Knisja tal-Amażonja
a. Is-sinodalità missjunarja
tal-Poplu kollu ta’
Alla bit-tmexxija tal-Ispirtu
b. Spiritwalità tal-komunjoni
sinodali bit-tmexxija
tal-Ispirtu
ċ.
Lejn stil sinodali ta’ ħajja u
ħidma fir-reġjun Amażoniku
Toroq ġodda għall-ministerjalità
ekkleżjali
a. Knisja ministerjali u
ministeri ġodda
b. Il-ħajja konsagrata
ċ.
Il-preżenza u s-siegħa tal-mara
d. Djakonat permanenti
e. Toroq ta’ formazzjoni
inkulturata
f. L-Ewkaristija, għajn u
quċċata tal-komunjoni sinodali
Toroq ġodda għas-sinodalità
ekkleżjali
a. Strutturi sinodali reġjonali
fil-Knisja Amażonika
b. L-Università u strutturi
sinodali ġodda Amażoniċi
ċ.
Organiżmu Ekkleżjali Reġjonali
Postsinodali għar-reġjun
Amażoniku
d. Rit għall-popli indiġeni
(oriġinarji)
KONKLUŻJONI
AKRONIMI
AG Konċilju Vatikan
II, Digriet Ad Gentes (7
ta’ Diċembru, 1965)
KKK Katekiżmu
tal-Knisja Kattolka
CELAM Kunsill Episkopali
tal-Amerika Latina
KIDU Kummissjoni Inter-Amerikana
tad-Drittijiet Umani
KLAR Konfederazzjoni
tar-Reliġjużi
Rġiel
u
Nisa
tal-Amerika Latina u l-Karribew
KTI Kummissjoni Teoloġika
Internazzjonali
DAp. Il-V
Konferenza
Ġenerali
tal-Episkopat
Latino-Amerikan
u l-Karribew,
Dokument ta’ Aparecida
(13-31 ta’ Mejju 2007)
DP It-III
Konferenza
Ġenerali
tal-Episkopat
Latino-Amerikan
u tal-Karribew,
Dokument ta’ Puebla (28
ta’ Jannar – 13 ta’ Frar 1979)
EG Il-Papa
Franġisku, Eżortazzjoni
appostolika
Il-Ferħ
tal-Vanġelu
(24 ta’ Novembru 2013)
EN San Pawlu VI,
Eżortazzjoni
appostolika
postsinodali
Evangelii
nuntiandi
(8 ta’ Diċembru 1975)
Fr.PM Il-Papa Franġisku,
Diskors waqt il-laqgħa mal-popli
tal-Amażonja,
Porto Maldonado, 19 ta’ Jannar
2018
GS Konċilju Vatikan
II, Kostituzzjoni
pastorali
Gaudium et
spes
(7 ta’ Diċembru 1965)
LG Konċilju Vatikan
II, Kostituzzjoni
dommatika
Lumen
gentium
(21 ta’ Novembru 1964)
LS Il-Papa
Franġsiku, Ittra
enċiklika
Laudato si’ (25 ta’ Marzu
2015)
PDV San Ġwanni Pawlu
II, Eżortazzjoni
appostolika
postsinodali
Pastores
dabo
vobis
(25 ta’ Marzu 1992)
OE Konċilju Vatikan
II, Digriet Orientalium
Ecclesiarium (21 ta’
Novembru 1964)
PIACI Pueblos Indígenas
en Aislamiento y Contacto
Inicial (Popli Indiġeni
f’iżolament u kuntatt tal-bidu)
PIAV Pueblos Indígenas
en Aislamiento Voluntario (Popli
Indiġeni f’iżolament volontarju)
PO Konċilju Vatikan
II, Digriet Presbyterorum
ordinis
(7 ta’ Novembru 1965)
REPAM Rete Ecclesiale
PanAmazzonica
SC Konċilju Vatikan
II, Kostituzzjoni
Sacrosanctum Concilium (4
ta’ Diċembru 1963)
INTRODUZZJONI
1.
Imbagħad
dak li hu bilqiegħda fuq it-tron
qal: “Ara, se nġedded kollox”.
Qalli: “Ikteb, għax dawn
il-kelmiet huma minnhom u ta’
min joqgħod fuqhom” (Apok
21:5).
Wara mixja sinodali twila ta’
smigħ tal-Poplu ta’
Alla fil-Knisja
Amażonika,
li kien inawgurat mill-Papa
Franġisku fiż-żjara li għamel
fl-Amażonja nhar id-19 ta’
Jannar 2018, sar is-Sinodu
f’Ruma b’laqgħa fraterna ta’ 21
ġurnata, f’Ottubru 2019. Kien
hemm klima ta’ skambju miftuħ,
ħieles u mimli rispett bejn
l-Isqfijiet ragħajja
tal-Amażonja. Konna xhieda li
ħadna sehem fi ġrajja ekkleżjali
maħkuma mill-ħtieġa urġenti li
jinfetħu mogħdijiet ġodda
għall-Knisja tat-territorju.
Qsamna bejnietna ħidma serja
f’atmosfera mmarkata
mill-konvinzjoni li nisimgħu
leħen l-Ispirtu li kien fostna.
Is-Sinodu seħħ fi klima fraterna
u ta’ talb. Bosta drabi
l-interventi kienu akkumpanjati
minn ċapċip u kant, u kollha
kienu
kkontemplati
b’waqtiet ta’ silenzju profond.
’Il
barra mill-awla sinodali kien
hemm preżenza qawwija ħafna ta’
persuni li ġew mid-dinja
Amażonika
li organizzaw attivitajiet ta’
sostenn permezz ta’ attivitajiet
diversi u purċissjonijiet, bħal
dik tal-ftuħ b’kant u żfin li
akkumpanjaw lill-Qdusija Tiegħu
minn fejn il-qabar ta’ San
Pietru sas-sala sinodali. Il-Via
Crucis tal-martri tal-Amażonja
ħalliet impatt kbir. Kien hemm
ukoll preżenza qawwija ħafna
tal-midja
internazzjonali.
2. Il-parteċipanti kollha wrew
li jifhmu mill-qiegħ nett
is-sitwazzjoni drammatika ta’
qerda li qed tolqot
lill-Amażonja. Dan ifisser
għajbien ta’ territorju u
tal-abitanti tiegħu,
partikolarment tal-popli
indiġeni. Il-foresta Amażonika
hija “qalb bijoloġika”
għall-Art, mhedda dejjem iżjed,
aktar ma jgħaddi żmien. Fil-fatt
tinsab f’qagħda
fejn hemm ġirja bla rażan lejn
il-mewt. Teħtieġ tibdil radikali
b’urġenza kbira, direzzjoni
ġdida li ssalvaha. Hemm provi
xjentifiċi li juru li jekk il-bijoma
[komunità naturali kbira ta’
flora u fawna li tkun addattat
ruħha għall-kundizzjonijiet
partikolari fejn tinsab)
Amażonika
tgħib, ikollha impatt
katastrofiku fuq il-pjaneta
kollha kemm hi!
3. Il-mixja sinodali tal-Poplu
ta’ Alla fiż-żmien ta’ tħejjija
ħadet sehem fiha l-Knisja kollha
tat-territorju, l-Isqfijiet,
il-missjunarji rġiel u nisa,
il-membri tal-Knejjes ta’
konfessjonijiet Insara oħra,
il-lajċi rġiel u nisa u bosta
rappreżentanti tal-popli
indiġeni, biex issawwar
id-dokument ta’ tħejjija li
nebbaħ L-istrument tal-ħidma
(Instrumentum
laboris).
Ta’ min jisħaq dwar l-importanza
tas-smigħ tal-vuċi tal-Amażonja,
imqanqla mill-Ispirtu s-Santu
fl-għajta tal-art miġruħa u
tal-abitanti tagħha. Kien hemm
parteċipazzjoni attiva ta’ aktar
minn 87,000 persuna ġejjin minn
bliet u kulturi differenti, kif
ukoll ta’ għadd kbir ta’ gruppi
minn setturi ekkleżjali oħrajn
flimkien mal-kontribut ta’
akkademiċi u organizzazzjonijiet
tas-soċjetà ċivili dwar it-temi
speċifiċi ewlenin.
4. Iċ-ċelebrazzjoni tas-Sinodu
wriet biċ-ċar kemm il-leħen
tal-Amażonja u s-sentimenti
tar-ragħajja
li ħadu sehem kienu
kumplimentari għal xulxin.
Kienet esperjenza ġdida ta’
smigħ biex isir dixxerniment ta’
leħen l-Ispirtu s-Santu li
jmexxi l-Knisja lejn triqat
ġodda ta’ preżenza, evanġelizzazzjoni
u djalogu interkulturali
fl-Amażonja. Dak li ntalab, u li
ħareġ mill-proċess ta’ tħejjija,
li l-Knisja tkun alleata
tad-dinja Amażonika, kien
affermat b’mod qawwi.
Iċ-ċelebrazzjoni qed tintemm
b’ferħ kbir u bit-tama li
tħaddan u tqiegħed fis-seħħ
il-mudell il-ġdid tal-ekoloġija
integrali, il-ħarsien “tad-dar
komuni” u d-difiża tal-Amażonja.
KAPITLU 1
L-AMAŻONJA:
MIS-SMIGĦ LEJN IL-KONVERŻJONI
INTEGRALI
“U
wrieni x-xmara tal-ilma
tal-Ħajja, ċara daqs
il-kristall,
tgelgel mit-tron ta’ Alla u
tal-Ħaruf” (Apok
22:1).
5. Kristu jorjentana lejn
l-Amażonja (ara
Pawlu VI, Messaġġ
lill-Pellegrini f’Belém do Parà,
10 ta’ Ottubru 1971). Hu jeħles
lil kulħadd mid-dnub u jrodd
id-dinjità lil ulied Alla. Meta
nagħtu widen għal-leħen
tal-Amażonja, bl-ispirtu
partikolari tad-dixxiplu u
fid-dawl tal-Kelma ta’
Alla u tat-Tradizzjoni,
inħossuna mbuttati lejn
konverżjoni profonda mill-iskemi
u mill-istrutturi tagħna biex
nersqu lejn Kristu u l-Evanġelju
tiegħu.
Il-leħen u l-għanja tal-Amażonja
bħala messaġġ tal-ħajja
6. Fl-Amażonja l-ħajja hi
mwaħħda u integrata
mat-territorju li, f’dak li
għandu x’jaqsam mal-ispazju
fiżiku vitali u li jmantni, huwa
possibbiltà, ikel u limitu
tal-ħajja. L-Amażonja, imsejħa
wkoll Panamażonja,
hi
territorju enormi b’popolazzjoni
stmata ta’ 33,600,000
abitant li minnhom bejn 2 u 2.5
miljun huma indiġeni. Din
il-firxa magħmula mix-xmara Rio
tal-Amażoni u t-tributarji
tagħha kollha,
hi
mifruxa fuq disa’ pajjiżi:
il-Bolivja, il-Perù, l-Ekwador,
il-Kolombja, il-Veneżwela,
il-Brażil, il-Guyana,
is-Suriname u l-Guyana Franċiża.
Ir-reġjun Amażoniku hu
essenzjali għal kif u fejn
tagħmel ix-xita fir-reġjuni
tal-Amerika ta’
Isfel u jagħti sehmu wkoll
fil-movimenti l-kbar tal-arja
madwar il-pjaneta kollha;
bħalissa,
fid-dawl tat-tibdil tal-klima
bl-azzjoni diretta tal-bniedem,
hija t-tieni żona l-aktar
vulnerabbli fid-dinja.
7. L-ilma u l-art ta’ dan
ir-reġjun
imantnu u jsostnu n-natura,
il-ħajja u l-kulturi ta’ mijiet
ta’ komunitajiet indiġeni, ta’
bdiewa, dixxendenti ta’ nisel
Afrikan,
metiċċi, kolonisti,
popolazzjonijiet li jgħixu
max-xtut tax-xmajjar u abitanti
tal-ibliet. L-ilma, għajn
tal-ħajja, għandu tifsira
simbolika għanja. Fir-reġjun
Amażoniku, iċ-ċiklu tal-ilma hu
l-ħolqa li tgħaqqad kollox
flimkien. Tgħaqqad flimkien
l-ekosistemi, il-kulturi u
l-iżvilupp tat-territorju.
8. Fir-reġjun Amażoniku hemm
realtà multietnika u
multikulturali. Id-diversi popli
għarfu jadattaw ruħhom
għat-territorju. Fil-qafas ta’
kull kutura huma bnew u reġgħu
bnew il-viżjoni kożmika tagħhom,
is-sinjali tagħhom bit-tifsir
tagħhom u l-viżjoni dwar
il-ġejjieni tagħhom. Fil-kulturi
u fil-popli indiġeni, drawwiet
antiki u tifsir mitiku jgħammru
flimkien mat-teknoloġiji u l-isfidi
moderni. Il-bixra tal-uċuħ li
jgħammru fl-Amażonja hi varjata
ħafna. Minbarra l-popli
oriġinarji hemm taħlit kbir ta’
razez li nibet mil-laqgħa u
min-nuqqas ta’ laqgħa bejn
id-diversi popli.
9. Ix-xenqa tal-popli indiġeni
Amażoniċi għal ħajja abbundanti
tikkonkretizza
ruħha
f’dak li huma jsejħulu “l-ħajja
tajba”, li sseħħ fil-milja
tagħha fil-Beatitudnijiet. Huwa
l-għajxien
f’armonija magħhom infushom,
man-natura, mal-essri umani u
mal-Essri
suprem, għaliex teżisti
interkomunikazzjoni bejn
il-kożmu kollu, fejn la hemm min
ibarri u lanqas min hu mwarrab,
u fejn huma jistgħu jsawru
proġett ta’ ħajja sħiħa għal
kulħadd. Il-mod kif huma jfasslu
l-ħajja huwa
kkaratterizzat
mir-rabta u l-armonija
tar-relazzjonijiet bejn l-ilma,
it-territorju u n-natura,
il-ħajja komunitarja u
l-kultura, Alla u d-diversi
qawwiet spiritwali. Għalihom
“ħajja tajba” tfisser li jifhmu
ċ-ċentralità tal-karattru
relazzjonali traxxendenti
tal-essri umani u tal-maħluq, u
timplika “l-aġir sewwa”. Dan
il-mod
integrali jsib it-tifsira tiegħu
fil-mod partikolari kif huma
jorganizzaw ruħhom,
ibda mill-familja u l-komunità,
u li jħaddan fih l-użu
responsabbli tal-ġid kollu
tal-maħluq. Il-popli indiġeni
huma
mxennqin biex jiksbu
kundizzjonijiet ta’ ħajja aħjar,
l-aktar fil-qasam tas-saħħa u
tal-edukazzjoni, biex igawdu
mill-iżvilupp sostenibbli li
huma stess ikunu l-protagonisti
tiegħu u li jistgħu jiddixxernu,
żvilupp li jħares l-armonija
tal-mod kif jgħixu l-ħajja
tradizzjonali, fi djalogu bejn
id-dehen u t-teknoloġija
tal-antenati tagħhom ma’ dawk
miksubin fi
żmien
aktar qrib.
L-għajta tal-art u l-għajta
tal-foqra
10. Madankollu, illum l-Amażonja
hi ġmiel miġruħ u
ddeformat,
imkien ta’ swied il-qalb u
vjolenza. L-attakki fuq
in-natura qed iħallu konsegwenzi
fuq il-ħajja tal-popli. Din
il-kriżi soċjoambjentali
waħdanija ħarġet ċar fis-smigħ
presinodali, li ħareġ għad-dawl
dan it-theddid għall-ħajja:
it-teħid bla dritt u l-privatizzazzjoni
tal-ġid naturali bħalma hu
l-ilma; konċessjonijiet legali
għall-industriji tal-injam
flimkien ma’
industriji tal-injam illegali;
kaċċa u sajd illegali u bla
kontroll; megaproġetti mhux
sostenibbli (proġetti
idroelettriċi, konċessjonijiet
fil-foresti, diżboskament
bla rażan, sfruttament tal-kultivazzjoni,
infrastrutturi varji,
infrastrutturi li jużaw l-ilma,
ferroviji, proġetti minerarji u
taż-żejt); taħsir tal-arja
minħabba l-industriji li jfittxu
ż-żejt u miżbliet tal-bliet; u,
fuq kollox, it-tibdil tal-klima.
Dan hu theddid reali li jħalli
konsegwenzi soċjali gravi: mard
minħabba t-tinġis, traffikar
tad-droga, gruppi armati
illegali, alkoliżmu, vjolenza
fuq in-nisa, sfruttament
sesswali, traffikar u negozjar
tal-persuni, bejgħ tal-organi,
turiżmu sesswali, telfien
tal-kultura oriġinarja u
tal-identità (lingwa, użanzi
spiritwali u drawwiet), mexxejja
u difensuri tat-territorju
mixlija u maqtulin. Wara dan
kollu hemm interessi ekonomiċi u
politiċi tas-setturi dominanti
bil-kompliċità ta’ xi membri
tal-gvernijiet u awtoritajiet
indiġeni oħra. Il-vittmi huma
dejjem dawk l-aktar dgħajfa,
it-tfal, iż-żgħażagħ, in-nisa u
oħtna, ommna l-art.
11. Min-naħa tagħha, il-komunità
xjentifika qed twissi dwar
ir-riskji li ġġib
id-deforestazzjoni, li llum qed
toqrob is-17% tal-foresta
Amażonika kollha, u hi theddida
għall-ekosistema kollu kemm hu,
għax qed tqiegħed fil-periklu
l-bijodiversità
u qed tibdel iċ-ċiklu vitali
tal-ilma li jgħajjex il-foresta
tropikali. Minbarra hekk,
l-Amażonja għandha r-rwol
fundamentali biex tmewwet
it-tibdil tal-klima u tipprovdi
sistemi ta’ sapport vitali ta’
valur bla qies u fundamentali
marbut mal-ilma, il-ħamrija,
il-foresti u l-massa bijoloġika.
Fl-istess ħin, l-esperti jfakkru
li bit-tħaddim tax-xjenza u
t-teknoloġiji avvanzati
bit-tħaddim tal-bijoekonomija
innovattiva fil-foresti verġni u
x-xmajjar, hu possibbli li jkun
kontribut biex isalva l-foresta
tropikali, iħares l-ekosistemi
tal-Amażonja u lill-popli
indiġeni u tradizzjonali, u
fl-istess ħin ikunu ta’
kontribut għall-attivitajiet
ekonomiċi sostenibbli.
12. Fenomenu li jeħtieġ
attenzjoni hu l-migrazzjoni.
Fir-reġjun Amażoniku jeżistu
tliet proċessi migratorji
f’daqqa. L-ewwel nett, il-każi
ta’ ċaqliq ta’
gruppi indiġeni f’territorji ta’
ċirkolazzjoni tradizzjonali,
mifrudin minn fruntieri
nazzjonali u internazzjonali.
It-tieni,
iċ-ċaqliq ta’ bilfors ta’ popli
indiġeni li jgħixu max-xtut
tax-xmajjar, imkeċċijin
mit-territorji tagħhom, li
tendenzjalment jispiċċaw
jgħixu fiż-żoni l-aktar foqra u
l-aktar imħarbta tal-ibliet;
it-tielet każ hija l-migrazzjoni
interreġjonali ta’ bilfors u
l-fenomenu tar-rifuġjati
mġagħlin jitilqu minn pajjiżhom
(fosthom il-Veneżwela,
il-Haiti
u
l-Kuba)
li jkollhom jużaw l-Amażonja
bħala kuritur
migratorju.
13. Iċ-ċaqliq ta’ gruppi
indiġeni mkeċċijin
mit-territorji tagħhom jew
illixkati mit-tlellix falz
tal-kultura urbana, huwa fattur
ta’ speċifiċità unika
tal-movimenti migratorji
tal-Amażonja. Il-każi li
minħabba fihom iċ-ċaqliq ta’
dawn il-gruppi jsir
fit-territorji taċ-ċirkolazzjoni
tradizzjonali indiġena, mifrudin
minn fruntieri nazzjonali u
internazzjonali, jeħtieġu
attenzjoni pastorali li
tittraxxendi l-fruntieri u li
għandha tinkludi d-dritt
taċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’
dawn il-popli. Iċ-ċaqliq
tal-persuni umani fl-Amażonja
juri l-wiċċ ta’ Ġesù Kristu
fqajjar u mġewwaħ (ara
Mt 25:35),
imkeċċi u bla saqaf (ara
Mt 2:13-14),
imma jidher ukoll fil-fatt li
l-migrazzjoni qed tkun aktar
femminili għax lil eluf ta’ nisa
tirrendihom vulnerabbli
għat-traffikar tal-essri umani,
waħda mill-agħar għamliet ta’
vjolenza kontra n-nisa u waħda
mill-aktar vjolazzjonijiet
perversi tad-drittijiet umani.
It-traffikar tal-persuni marbut
mal-migrazzjoni jeħtieġ ħidma
pastorali permanenti f’din
ix-xibka.
14. Il-ħajja tal-komunità
Amażonika li għad mhix mimsusa
mill-influwenzi taċ-ċiviltà tal-Punent
tidher fit-twemmin u r-riti
għall-azzjoni tal-ispirti
tad-divinità, li għandhom bosta
ismijiet ma’ u fit-territorju,
ma’ u b’relazzjoni man-natura
(LS 16, 91, 117, 138, 240). Aħna
nagħrfu li għal eluf ta’ snin
dawk il-komunitajiet ħadu ħsieb
l-art tagħhom, l-ilma u
l-foresti tagħhom, u rnexxilhom
jippreservawhom sal-lum sabiex
l-umanità tkun tista’ tgawdi
r-rigali gratwiti tal-ħolqien ta’
Alla. It-toroq ġodda
tal-evanġelizzazzjoni għandhom
jinbnew bi djalogu ma’ dan
l-għarfien fundamentali, u li
fihom jimmanifestaw ruħhom bħala
żerriegħa tal-Kelma.
Il-Knisja fir-reġjun Amażoniku
15. Fil-proċess tas-smigħ
tal-għajta tat-territorju u
tal-għajta tal-popli, il-Knisja
trid iżżomm ħajja l-memorja
tal-passi tagħha.
L-evanġelizzazzjoni fl-Amerika
Latina kienet
don tal-Providenza li ssejjaħ
lil kulħadd għas-salvazzjoni fi
Kristu. Minkejja l-kolonizzazzjoni
militari, politika u kulturali,
u
’l
hinn mir-regħba u l-ambizzjoni
tal-kolonizzaturi,
kien hemm bosta missjunarji li
taw ħajjithom biex iwasslu
l-Evanġelju. Is-sentiment
missjunarju kien ta’
ispirazzjoni mhux biss
għall-formazzjoni
tal-komunitajiet
Insara,
iżda wkoll għal-leġislazzjoni
bħalma huma l-Liġijiet
tal-Indji, li kienu jħarsu
d-dinjità tal-indiġeni kontra
l-aggressjonijiet magħmulin bi
ħsara għall-popli u t-territorji
tagħhom. Dawn l-abbużi kienu
ġerrħu lill-komunitajiet
u dallmu l-messaġġ tal-Bxara
t-Tajba. It-tħabbir ta’ Kristu
spiss sar b’konfoffa mas-setgħat
li kienu jisfruttaw ir-riżorsi u
jjassru lill-popolazzjonijiet.
Bħalissa l-Knisja għandha
l-opportunità storika li
tinqata’ minn ma’ dawn
il-potenzi kolonizzaturi billi
tisma’ lill-popli Amażoniċi
ħalli, b’mod trasparenti twettaq
il-ħidma profetika tagħha.
Minbarra dan, il-kriżi
soċjo-ambjentali tiftaħ
opportunitajiet ġodda biex
Kristu jkun ippreżentat
bil-potenzjal kollu tiegħu li
jeħles u jumanizza.
16. Waħda mill-paġni l-aktar
glorjużi tal-Amażonja hi miktuba
mill-martri. Is-sehem
tas-segwaċi ta’ Kristu
fil-passjoni, il-mewt u
l-qawmien glorjuż
tiegħu baqa;
mal-Knisja sal-ġurnata tal-lum,
speċjalment fil-waqtiet u
fil-postijiet li fihom, minħabba
l-Evanġelju ta’ Ġesù, hi tgħix
f’ambjent ta’ kuntradizzjoni
sħiħa kif isir illum ma’ dawk li
b’kuraġġ jitqabdu favur
ekoloġija integrali fl-Amażonja.
Dan is-Sinodu b’ammirazzjoni
jagħti għarfien li dawk li
jitqabdu, b’riskju kbir għal
ħajjithom, biex jiddefendu
l-eżistenza ta’ dan
it-territorju.
Imsejħin għal konverżjoni
integrali
17.
Is-smigħ tal-għajta tal-art u
l-għajta tal-foqra u tal-popli
tal-Amażonja li aħna mexjin
magħhom, hu sejħa biex nagħmlu
konverżjoni vera u integrali,
b’ħajja sempliċi u sobrja,
kollox mantnut bi spiritwalità
mistika fuq l-istil ta’ San
Franġisk ta’ Assisi, eżempju ta’
konverżjoni integrali
li hu għex
bl-hena u l-ferħ
Nisrani
(ara LS 20-12). Il-qari
tal-Kelma ta’ Alla fi spirtu ta’
talb jgħinna nidħlu aktar
fil-fond u niskopru t-tnehid
tal-Ispirtu u jkun ta’ kuraġġ
għall-impenn tagħna biex nieħdu
ħsieb “id-dar komuni” tagħna.
18. Bħala Knisja ta’ dixxipli
missjunarji, nitolbu bil-ħerqa
l-grazzja ta’ din
il-konverżjoni
li titlob “li tara li
l-konsegwenzi kollha tal-laqgħa
ma’ Ġesù fir-relazzjonijiet
mad-dinja ta’ madwarhom ikunu
jidhru kif imiss” (LS 217);
konverżjoni personali u
komunitarja li timpenjana biex
aħna nirrelataw b’armonija
mal-opra ħallieqa ta’ Alla, li
hi “d-dar komuni”; konverżjoni
li tmexxi
’l
quddiem il-ħolqien ta’ strutturi
f’armonija mal-ħarsien
tal-maħluq; konverżjoni
pastorali msejsa fuq
is-sinodalità, li tagħti
għarfien lill-interazzjoni ta’
dak kollu li hu maħluq.
Konverżjoni li twasslana biex
inkunu Knisja li toħroġ, u
tidħol fil-qlub tal-popli
Amażoniċi kollha.
19. B’hekk, l-unika konverżjoni
lejn l-Evanġelju ħaj, li hu Ġesù
Kristu, tkun tista’ tinfirex
f’dimensjonijiet
marbutin
ma’ xulxin sabiex tqanqal
il-ħruġ lejn il-periferiji
eżistenzjali, soċjali u ġeografiċi
tal-Amażonja. Dawn id-dimensjonijiet
huma: dik pastorali, dik
kulturali, dik ekoloġika u dik
sinodali, li se jkunu żviluppati
aktar fl-erba’ kapitli li jmiss.
KAPITLU 2
TOROQ ĠODDA
GĦAL
KONVERŻJONI PASTORALI
“Jekk
wieħed ma jitwelidx mill-ilma u
l-Ispirtu, ma jistax jidħol
fis-Saltna ta’ Alla” (Ġw 3:5).
20. Knisja missjunarja li
toħroġ, titlob minna konverżjoni
pastorali. Fl-Amażonja dan il-‘mixi’
jfisser ukoll ‘tbaħħir’ fuq
ix-xmajjar tagħna, l-għadajjar
tagħna, qalb niesna. Fl-Amażonja
l-ilma jgħaqqadna, mhux
jifridna. Il-konverżjoni
pastorali tagħna għandha tkun ‘Samaritana’,
fi djalogu, nakkumpanjaw
lill-persuni b’uċuħ konkreti ta’
indiġeni, bdiewa,
afrodixxendenti u migranti,
żgħażagħ, abitanti tal-ibliet.
Dan kollu jitlob spiritwalità
ta’ smigħ u tħabbir. Dan hu
l-mod kif aħna rridu nimxu u
‘nbaħħru’ f’dan
il-kapitlu.
Il-Knisja fil-ħruġ missjunarju
21.
Il-Knisja hi missjunarja
min-natura tagħha u taf li
l-bidu tagħha ġej mill-“fawwara
tal-imħabba ta’
Alla” (ara AG 2). Id-dinamiżmu
missjunarju li jinbet
mill-imħabba ta’
Alla, jilma, jitkattar, ifur u
jinfirex mal-univers kollu.
Bil-Magħmudija aħna mdaħħlin
fid-dinamika tal-imħabba
bis-saħħa tal-laqgħa tagħna ma’
Ġesù li jagħti xefaq ġdid
lill-ħajja (ara DAp 12). Dan
it-tfawwir jimbotta lill-Knisja
lejn konverżjoni pastorali u
jibdilna
f’komunitajiet ħajjin li jaħdmu
ras
imb
ras u f’nisġa sħiħa għas-servizz
tal-evanġelizzazzjoni. Mifhuma
f’dan id-dawl, il-missjoni mhix
xi ħaġa fakultattiva, attività
oħra fost oħrajn tal-Knisja,
imma hi l-istess natura tagħha.
Il-Knisja hi missjoni!
“L-azzjoni missjunarja hija
l-mudell ta’ kull opra li
tagħmel il-Knisja” (EG 15). Li
tkun dixxiplu missjunarju
jfisser li tagħmel aktar milli
twettaq xi dmir jew tagħmel xi
ħaġa. Post id-dixxiplu
missjunarju huwa l-ħajja
nfisha. “Lilna dixxipli tiegħu,
Ġesù wriena li l-missjoni tagħna
fid-dinja ma tistax tibqa’
statika, imma trid itterraq. In-Nisrani
hu bniedem itineranti, li jimxi”
(il-Papa Franġisku, Angelus,
30 ta’ Ġunju 2019).
a. Knisja Samaritana, ħanina,
solidali
22. Irridu nkunu Knisja
Amażonika Samaritana, inkarnata
bl-istess mod li bih kien
inkarnat Kristu: “Hu rafa’ fuqu
d-dgħufija tagħna, u tgħabba
bil-mard tagħna”
(Mt 8:17b).
Dak li ftaqar minħabba fina,
sabiex aħna nistagħnu permezz
tal-faqar tiegħu (ara
2 Kor 8:9),
permezz tal-Ispirtu, iħeġġeġ
lid-dixxipli missjunarji tal-lum
biex joħorġu jiltaqgħu ma’
kulħadd, speċjalment mal-popli
oriġinarji (indiġeni), il-foqra,
l-imwarrbin mis-soċjetà u
oħrajn. Aħna nixtiequ wkoll
Knisja tixbah
lill-Maddalena,
li tħossha
maħbuba u
rrikonċiljata,
li bil-ferħ u l-konvinzjoni
tħabbar lil Kristu msallab u
mqajjem mill-imwiet. Knisja
Marjana
li tnissel ulied fil-fidi u
tedukahom bl-imħabba u
l-paċenzja, billi titgħallem
ukoll
mill-għana
tal-popli. Irridu nkunu Knisja
qaddejja, kerigmatika,
edukatriċi u inkulturata qalb
il-popli li nservu.
b. Knisja fi djalogu ekumeniku,
interreliġjuż u kulturali
23.
Ir-realtà multietnika u
multireliġjuża tal-Amażonja
titlob atteġġjament ta’ djalogu
miftuħ, billi tagħraf ukoll
il-varjetà ta’ dawk li
tiddiskuti magħhom: il-popli
indiġeni, l-abitanti
tax-xmajjar, il-bdiewa u
l-afrodixxendenti, il-Knejjes
l-oħra u d-denominazzjonijiet
reliġjużi, l-organizzazzjonijiet
tas-soċjetà ċivili, il-movimenti
soċjali popolari, l-Istat,
f’kelma waħda, il-persuni
kollha ta’ rieda tajba li jridu
jiddefendu l-ħajja, l-integrità
tal-ħolqien,
il-paċi u l-ġid komuni.
24. Fl-Amżonja,
“ir-relazzjonijiet bejn il-Kattoliċi
u l-Pentekostali,
il-Kariżmatiċi
u l-Evanġeliċi
mhumiex tajbin wisq.
Il-komunitajiet ġodda li nibtu,
imsejsin
fuq il-personalità ta’ xi
predikaturi,
huma
ta’ kuntrast qawwi mal-prinċipji
u l-esperjenza ekkleżjoloġika
tal-Knejjes storiċi u
din
tista’ tkun qoxra li taħbi
l-periklu li
ġġorr
lil dak li jkun fuq mewġ
emozzjonali tal-mument jew li
l-esperjenza tal-fidi tagħlaqha
f’ambjenti protetti u żguri.
Il-fatt li mhux ftit
Kattoliċi
qed jinġibdu lejn dawn
il-komunitajiet qed joħloq
kunflitt, imma, min-naħa tagħna,
jista’ jkun raġuni biex
neżaminaw lilna nfusna u
niġġeddu pastoralment” (il-Papa
Franġisku, Udjenza
lill-parteċipanti tal-Kunsill
Pontifiċju Plenarju
għall-Promozzjoni tal-Għaqda
bejn l-Insara, 28 ta’
Settmebru 2018). Id-djalogu
ekumeniku, interreliġjuż u
interkulturali għandu jitqies
bħala t-triq waħdanija
tal-evanġelizzazzjoni
fl-Amażonja (ara DAp 227).
L-Amażonja hi taħlita ta’
twemmin, l-aktar
Nisrani.
Quddiem din
ir-realtà,
quddiemna jinfetħu mogħdijiet
ta’ komunjoni: “Mhux biżżejjed
li jintwerew sentimenti tajbin.
Hemm bżonn ta’ ġesti konkreti li
jirfdu l-qlub u jċaqalqu
l-kuxjenzi biex iqanqlu lil
kulħadd għal dik il-konverżjoni
interjuri li hi l-kundizzjoni
meħtieġa għal kull progress
fit-triq tal-ekumeniżmu”
(Benedittu XVI, “Missa pro
Ecclesia”, Messaġġ fi tmiem
l-ewwel Konċelebrazzjoni
Ewkaristika mal-Kardinali
eletturi, fil-Cappella
Sistina, 20 ta’ April 2005).
Iċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla
fil-ħajja tal-komunitajiet
tagħna hija fattur ta’ għaqda u
djalogu. Madwar il-Kelma jistgħu
jitwettqu tant azzjonijiet
komuni: traduzzjonijiet
tal-Bibbja fil-lingwi lokali,
edizzjonijiet maqbula, tixrid u
tqassim tal-Bibbja, laqgħat bejn
teologi
u ta’ teologi
rġiel u nisa
Kattoliċi
u ta’ konfessjonijiet
differenti.
25.
Fl-Amażonja, id-djalogu
interreliġjuż isir l-aktar
mar-reliġjonijiet indiġeni u
l-kulti tal-afrodixxendenti.
Dawn it-tradizzjonijiet
jisħoqqilhom ikunu magħrufa,
mifhumin fl-espressjoni tagħhom
u fir-relazzjoni tagħhom
mal-foresta u ommna l-art.
Flimkien magħhom, l-Insara
jidħlu fi djalogu msaħħin
mill-fidi tagħhom fil-Kelma ta’
Alla u jaqsmu magħhom ħajjithom,
l-inkwiet tagħhom, it-taqbid
tagħhom, l-esperjenzi li
għandhom ta’ Alla, biex indaħħlu
lil xulxin aktar fil-fond
fil-fidi u naħdmu flimkien biex
niddefendu “d-dar komuni”. Biex
naslu għal dan jeħtieġ li
l-Knejjes Amażoniċi jiżviluppaw
inizjattivi ta’ laqgħa, studju u
djalogu mas-segwaċi ta’ dawn
ir-reliġjonijiet. Djalogu
sinċier u rispettuż
hu l-pont meħtieġ biex ikun hemm
“għajxien
tajjeb”. Bl-iskambju tad-doni,
l-Ispirtu jmexxina dejjem aktar
lejn il-verità u t-tajjeb (ara
EG 250).
Knisja missjunarja li taqdi
u takkumpanja lill-popli
Amażoniċi
26.
Dan is-Sinodu jrid ikun sejħa
qawwija lil kull mgħammed
fl-Amażonja biex ikun dixxiplu
missjunarju. Il-ħruġ f’missjoni
hu aspett intrinsiku
tal-Magħmudija mogħti lill-imgħammdin
kollha. Permezz tiegħu lkoll
kemm aħna rċevejna l-istess
dinjità ta’
wlied
Alla, u ħadd ma jista’ jibqa’
barra mill-missjoni li Ġesù ta
lid-dixxipli tiegħu. “Morru
fid-dinja kollha u xandru
l-Evanġelju lill-ħolqien kollu”
(Mk 16:15).
Għaldaqstant insostnu li hemm
bżonn niġġeneraw impuls
missjunarju akbar bejn
il-vokazzjonijiet
indiġeni;
l-Amażonja jeħtieġ tkun evanġelizzata
mill-Amażoniċi wkoll.
a. Knisja bil-wiċċ indiġenu,
tal-bdiewa
u tal-afrodixxendenti
27. Hemm urġenza biex
il-pastorali indiġena tingħata
post speċifiku fil-Knisja.
Nibdew mill-bosta realtajiet u
kulturi differenti biex
niddefinixxu, nelaboraw u
nadottaw azzjonijiet pastorali
li jippermettulna niżviluppaw
proposta evanġelizzatriċi
fost il-komunitajiet indiġeni,
fil-qafas ta’ pastorali indiġena
u tal-art. Il-pastorali
tal-popli indiġeni għandha
l-ispeċifiċità tagħha.
Il-kolonizzazzjonijiet li seħħew
minħabba t-tħaffir għaż-żejt,
matul l-istorja, bil-kurrenti
migratorji diversi li ġabu
magħhom, ġabuha f’sitwazzjoni
ta’ vulnerabbiltà kbira. F’dan
il-kuntest,
bħala Knisja, għad hemm
il-ħtieġa li noħolqu u nżommu
ħajja għażla preferenzjali
għall-popli indiġeni,
bil-kulturi tagħhom, l-identità
u l-istorja tagħhom. Dan jitlob
minna li naspiraw għal Knisja
indiġena bis-saċerdoti tagħha u
l-ministri dejjem f’għaqda sħiħa
bejniethom, f’komunjoni sħiħa
mal-Knisja
Kattolika.
28. Aħna u nagħrfu kemm hu
importanti li nkunu attenti għal
dan, il-Knisja hi msejħa biex
fl-Amażonja tagħmel tajjeb
għall-femomenu tal-urbanizzazzjoni,
il-problemi u l-perspettivi
marbutin miegħu. B’mod
partikolari jeħtieġ inħarsu lejn
id-dinja rurali fit-totalità
tagħha u lejn il-pastorali
rurali. Mill-aspett pastorali
l-Knisja għandha twieġeb
għall-fenomenu tan-nies li qed
jitbiegħdu mill-kampanja
bil-konsegwenzi li
dan iġib
miegħu (telf ta’ identità,
lajċiżmu renjanti, sfruttament
tax-xogħol fil-kampanja,
diżintegrazzjoni tal-familji,
u l-bqija).
b. Knisja bil-wiċċ tal-migranti
29. Il-fenomenu migratorju u
d-daqs tiegħu issa nbidel fi
sfida politika, soċjali u
ekkleżjali li qatt ma kien hawn
bħalha
(ara DAp, 517,a). Quddiem dan
kollu bosta komunitajiet
ekkleżjali laqgħu l-migranti
b’ġenerożità kbira bil-fakra li
“kont barrani u lqajtuni” (Mt
25:35).
Iċ-ċaqliq bilfors tal-familji
indiġeni, tal-bdiewa u
afrodixxendenti u membri
tal-popolazzjonijiet li jgħixu
fix-xtut tax-xmajjar, imkeċċijin
mit-territorji tagħhom minħabba
l-pressjoni li saret fuqhom
inkella minħabba
l-eżasperazzjoni kawża
tan-nuqqas ta’ opportunitajiet,
titlob pastorali globali
fil-periferiji taċ-ċentri
urbani. Għal dan l-iskop ikun
meħtieġ jinħolqu ġgajtiet
missjunarji li jakkumpanjaw lil
dawn il-familji, billi
jikkordinaw mal-parroċċi u
l-istituzzjonijiet ekkleżjali u
extraekkleżjali l-oħra
kundizzjonijiet ta’ akkoljenza
bl-offerta ta’ liturġiji
inkulturati fil-lingwi
tal-migranti, jiftħu spazji ta’
skambji kulturali biex
jiffavorixxu l-integrazzjoni
fil-komunità u fl-ibliet u
jimmotivawhom biex huma stess
ikunu protagonisti ta’ din
il-ħidma.
ċ.
Knisja b’wiċċ żagħżugħ
30. Fost id-diversi aspetti
tar-realtà
Panamażonika
jispikka l-wiċċ taż-żgħażagħ
preżenti fit-territorju kollu.
Huma żgħażagħ b’uċuħ u
identitajiet indiġeni,
afrodixxendenti, abitanti
tax-xmajjar, ħaddiema tat-tfittxija
għaż-żejt, migranti, refuġjati u
diversi oħrajn. Żgħażagħ
residenti fl-oqsma rurali u
urbani li joħolmu u kuljum
ifittxu kundizzjonijiet ta’
ħajja aħjar, b’xewqa profonda li
jkollhom ħajja sħiħa. Studenti
żgħażagħ, ħaddiema bi preżenza
qawwija u sehem f’diversi spazji
soċjali u ekkleżjali. Fost
iż-żgħażagħ Amażoniċi hemm
realtajiet ta’ swied il-qalb
bħalma huma l-faqar,
il-vjolenza, il-mard,
il-prostituzzjoni tat-tfal,
l-isfruttament sesswali,
it-teħid u t-traffikar
tad-droga, tqala bikrija, nuqqas
ta’ xogħol, dipressjoni,
in-negozjar tal-essri umani,
għamliet ġodda ta’ jasar,
it-traffikar tal-organi umani,
diffikultajiet biex ikollhom
it-tagħlim, l-għajnuna
għas-saħħa u assistenza soċjali.
B’xorti ħażina,
tul dawn l-aħħar snin kien hemm
żieda qawwija ta’ suwiċidji fost
iż-żgħażagħ, kif ukoll żieda
fil-popolazzjoni tal-ħabsijiet
tal-minuri u żieda
fil-kriminalità bejn u fuq
iż-żgħażagħ, l-aktar fost
l-afrodixxendenti u fost
l-abitanti tal-periferiji. Huma
jgħixu fit-territorju vast
tal-Amażonja imma għandhom
l-istess ħolm u xewqat ta’
żgħażagħ oħra ta’ din id-dinja:
li jingħataw attenzjoni,
ikunu
rrispettati,
ikollhom opportunitajiet ta’
studju, tax-xogħol u ġejjieni
ta’ tama. Madankollu għaddejjin
minn kriżi kbira ta’ valuri, jew
resqin lejn mod ieħor kif jaraw
ir-realtà, li fih qed jinbidlu
l-elementi etiċi għaż-żgħażagħ
indiġeni wkoll. Id-dmir
tal-Knisja hu li takkumpanjahom
biex jaffrontaw kull sitwazzjoni
li toqtlilhom l-identità tagħhom
jew li tħassrilhom l-istima
tagħhom infushom.
31. Fil-kuntesti migratorji
tat-territroju wkoll hemm
preżenza qawwija taż-żgħażagħ.
Ir-realtà taż-żgħażagħ
fiċ-ċentri urbani jeħtieġ
tingħata attenzjoni partikolari.
L-ibliet qed isiru dejjem aktar
kenn għall-gruppi etniċi kollha,
popli u problemi tal-Amażonja.
L-Amażonja rurali qed titbattal
min-nies; l-ibliet qed iħabbtu
wiċċhom ma’ problemi enormi ta’
delinkwenza fost iż-żgħażagħ,
nuqqas ta’ xogħol, ġlied etniku
u inġustizzji soċjali. F’dan
il-qasam,
b’mod partikolari, il-Knisja
msejħa tkun preżenza profetika
fost iż-żgħażagħ billi
toffrilhom akkumpanjament xieraq
u edukazzjoni addattata.
32. F’komunjoni mar-realtà żagħżugħa
Amażonika,
il-Knisja
tħabbar il-Bxara t-Tajba ta’
Ġesù liż-żgħażagħ,
id-dixxerniment u
l-akkumpanjament vokazzjonali,
l-imkien fejn ikunu mogħtija
l-valur tagħhom il-kultura u
l-identità lokali, il-‘leadership’
ġovanili, il-promozzjoni
tad-drittijiet taż-żgħożija,
it-tisħiħ tal-ispazji kreattivi,
innovattivi u differenzjati
tal-evanġelizzazzjoni permezz
ta’ ministeru taż-żgħażagħ
imġedded u kuraġġjuż.
Pastorali tħares dejjem
’il
quddiem iċċentrata fuq Ġesù
Kristu u l-proġett tiegħu,
bid-djalogu, b’impenn
fir-realtajiet kollha
taż-żgħażagħ li jeżistu
fit-territorju. Iż-żgħażagħ
indiġeni għandhom potenzjal
enormi u jieħdu sehem attiv
fil-komunitajiet tagħhom u
fl-organizzazzjonijiet
b’kontribut ta’ tmexxija u
animaturi, biex jiddefendu
d-drittijiet, fuq kollox, f’dak
li għandu x’jaqsam
mat-territorju, is-saħħa u
t-tagħlim. Min-naħa l-oħra huma
l-vittmi ewlenin tal-insikurezza
fl-artijiet inidiġeni u
tan-nuqqas ta’ politika pubblika
speċifika u ta’ kwalità.
It-tixrid tad-droga u tal-alkoħol
spiss jasal ukoll fost
il-komunitajiet indiġeni u
jagħmel ħsara serja liż-żgħażagħ
għax ma jippermittilhomx jgħixu
ħielsa biex jibnu l-ħolm tagħhom
u jieħdu sehem attiv
fil-komunità.
33. Il-protagoniżmu taż-żgħażagħ
jidher ċar fid-dokument finali
tal-XV-il Assemblea Ġenerali
Ordinarja tas-Sinodu
tal-Isqfijiet iddedikat
liż-żgħażagħ (ara nn. 160 u 46),
fl-Eżortazzjoni
appostolika
postsinodali
Christus vivit (ara n.
170) u fl-Enċiklika Laudato
si’ (ara n. 209).
Iż-żgħażagħ iridu jkunu
protagonisti u l-Knisja
Amażonika trid tagħraf
tagħtihom
l-ispazju tagħhom. Trid tkun
kumpann fis-smigħ billi tħares
lejn iż-żgħażagħ bħala mkien
teoloġiku, bħala ‘profeti
tat-tama’, impenjati
fid-djalogu, sensibbli
ekoloġikament u attenti għad-“dar
komuni”. Knisja li tilqa’
liż-żgħażagħ u timxi magħhom,
l-aktar fil-periferiji. Quddiem
dan kollu jqumu tliet punti
urġenti: il-promozzjoni ta’
għamliet ġodda ta’
evanġelizzazzjoni permezz tal-midja
soċjali (ara l-Papa Franġisku,
Christus vivit, 86);
għajnuna liż-żgħażagħ indiġeni
biex jiksbu interkultura sana;
għajnuna biex huma jagħrfu
jaffrontaw il-kriżi tal-valuri
li qed teqirdilhom l-istima
tagħhom infushom u qed
tkissrilhom l-identità proprja
tagħhom.
d. Knisja li tterraq toroq ġodda
ta’ pastorali urbana
34. It-tendenza qawwija
tal-umanità li tinġabar kollha
fl-ibliet, li temigra,
mill-iżgħar sal-akbar, qed
tolqot l-Amażonja wkoll.
It-tkabbir mgħaġġel
tal-metropoli Amażoniċi qed iġib
miegħu firxa kbira ta’
periferiji urbani. Fl-istess ħin
qed jintirtu stili ta’ ħajja,
għamliet ta’ konvivenza,
lingwaġġi u valuri mfasslin
mill-metropoli, li qed jitħawlu
dejjem aktar kemm
fil-komunitajiet indiġeni
u kemm
fil-bqija tad-dinja rurali.
Fil-belt, il-familja hi sintesi
bejn il-kultura tradizzjonali u
moderna. Minkejja dan,
il-familji spiss qed ibatu
mill-faqar, akkomodazzjonijiet
abbużivi, nuqqas ta’ xogħol,
żieda fil-konsum tad-drogi u
tal-alkoħol,
diskriminazzjoni u suwiċidji
infantili. Minbarra dan,
fil-ħajja tal-familja qed
jitfaċċa nuqqas ta’ djalogu bejn
il-ġenerazzjonijiet u qed
jintilfu t-tradizzjonijiet u
l-lingwi. Aktar minn hekk,
il-familji qed iħabbtu wiċċhom
ma’ problemi tas-saħħa li
jitolbu edukazzjoni xierqa fejn
tidħol il-maternità. It-tibdil
mgħaġġel tal-lum qed jolqot
lill-familja Amażonika. B’hekk
qed naraw jinbtu tip ta’ familji
oħra: familji ta’ ġenitur wieħed
bir-responsabbiltà taqa’ fuq
in-nisa, żieda fl-għadd ta’
familji separati, konvivenzi u
familji b’ħafna problemi,
tnaqqis fiż-żwiġijiet
istituzzjonali. Il-belt hi
splużjoni ta’ ħajja għax “Alla
jgħix fil-belt” (DAp 514). Fiha
jeżistu ansjetà u tiftix
tas-sens tal-ħajja, kunflitti,
imma wkoll solidarjetà,
fraternità, xenqa għat-tjubija,
verità u ġustizzja (ara EG
71-75). L-evanġelizzazzjoni
tal-belt jew tal-kultura urbana
tfisser
“li tilħaq u kważi tħarbat
għalkollox il-kriterji
tal-ġudizzju, il-valuri
determinanti, l-interessi,
il-ħsieb, l-għejun ta’
ispirazzjoni u l-mudelli
tal-ħajja tal-umanità li huma
f’kuntrast mal-Kelma ta’ Alla u
l-pjan tas-salvazzjoni, permezz
tal-qawwa tal-Evanġelju” (EN
19).
35. Hemm bżonn li niddefendu
d-dritt ta’ kull persuna
tal-belt. Id-dritt rivendikat
mill-belt hu determinat
mit-tgawdija ndaqs tal-ibliet fi
ħdan il-prinċipji
tas-sostenibbiltà,
tad-demokrazija u tal-ġustizzja
soċjali. Madankollu hemm bżonn
ukoll ninfluwenzaw il-politika
pubblika u mmexxu
’l
quddiem inizjattivi li jtejbu
l-kwalità tal-ħajja fid-dinja
rurali, biex nevitaw iċ-ċaqliq
bla kontroll tan-nies.
36. Il-komunitajiet ekkleżjali
bażiċi kienu u huma don ta’ Alla
lill-Knejjes
lokali tal-Amażonja. Minkejja
dan hemm bżonn nifhmu li
mal-medda taż-żmien xi
komunitajiet ekkleżjali naqsu,
iddgħajfu jew saħansitra għebu.
Iżda l-biċċa l-kbira baqgħet
perseveranti u saret is-sies
pastorali ta’ bosta parroċċi.
Illum, il-perikli l-kbar
tal-komunitajiet ekkleżjali jiġu
qabel kollox mis-sekulariżmu,
l-individwaliżmu, min-nuqqas ta’
dimensjoni soċjali u min-nuqqas
ta’ attività missjunarja.
Għaldaqstant hemm bżonn li r-ragħajja
jimlew bil-kuraġġ lil kulħadd u
lil kull wieħed u waħda
mill-fidili għad-dixxipulat
missjunarju. Il-komunità
ekkleżjali għandha tkun preżenti
fl-ispazji fejn tista’ tieħu
sehem fil-politika pubblika,
fejn jissawru azzjonijiet li
jagħtu ħajja ġdida lill-kultura,
il-konvivenza ċivili, il-ħin
liberu u ċ-ċelebrazzjoni. Irridu
nitqabdu sabiex il-‘favelas’
u l-‘villas
miseria’
jkollhom
il-garanzija tad-drittijiet
fundamentali bażiċi: ilma,
enerġija, akkomodazzjoni,
minbarra li nikkultivaw
l-ekoloġija integrali. Hemm
bżonn li fil-komunitajiet urbani
tal-Amażonja jitwaqqaf
il-ministeru tal-akkoljenza
għas-solidarjetà fraterna
mal-migranti, mar-rifuġjati
u l-persuni li jkunu telqu
miż-żoni rurali.
37. Ir-realtà tal-indiġeni
fiċ-ċentri urbani għandha
tingħata attenzjoni partikolari,
għax huma l-aktar nies esposti
għall-problemi tad-delinkwenza
fost iż-żgħażagħ, tan-nuqqas ta’
xogħol, ġlied etniku u
inġustizzji soċjali. Hija waħda
mill-akbar sfidi tal-lum:
l-ibliet qed isiru dejjem aktar
ċentri li jersqu lejhom
il-gruppi etniċi kollha
tal-popli tal-Amażonja. Hemm
ħtieġa li tkun imfassla
pastorali indiġena tal-ibliet li
tagħti kas ta’ din
ir-realtà
speċifika.
e. Spiritwalità tas-smigħ u
tat-tħabbir
38. L-azzjoni pastorali
titmantna bi spiritwalità msejsa
fuq is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla
u tal-għajta tal-poplu tiegħu,
biex tkun tista’ tħabbar
il-Bxara t-Tajba bi spirtu
profetiku. Nifhmu li Knisja li
tisma’ t-tnehida tal-Ispirtu
fil-karba tal-Amażonja tista’
tagħmel tagħha l-ferħat u
t-tamiet, in-niket u d-dwejjaq
ta’ kulħadd, imma l-aktar,
tal-aktar foqra (ara
GS 1), għaliex huma l-ulied
ippreferuti
ta’ Alla. Aħna sibna li
l-ilmijiet abbundanti
tal-Ispirtu, li jixbhu
dawk tax-xmara Rio, li minn
żmien għal ieħor ifuru,
iressquna
lejn dik il-ħajja sħiħa li Alla
joffrilna biex naqsmuha ma’
ħaddieħor bit-tħabbir.
Toroq ġodda lejn konverżjoni
pastorali
39. Il-gruppi missjunarji
itineranti fl-Amażonja qed
jinsġu u jibnu komunitajiet tul
triqthom filwaqt li huma wkoll
kontribut biex tissaħħaħ
is-sinodalità ekkleżjali.
Jistgħu jħaddnu fihom kariżmi
varji, istituzzjonijiet u
kongregazzjonijiet, lajċi rġiel
u nisa, reliġjużi rġiel u nisa,
saċerdoti. Jingħaqdu biex
flimkien jilħqu l-imkejjen fejn
ma jistax jasal wieħed waħdu.
Iż-żjajjar tal-missjunarji, li
jitilqu minn fejn ikunu joqogħdu
u jqattgħu żmien iżuru
l-komunitajiet individwali,
jiċċelebraw is-sagramenti, huma
l-ixprun għal dik li qed
tissejjaħ “il-pastorali
taż-żjajjar”. Hi tip ta’ metodu
pastorali li jwieġeb
għall-kundizzjonijiet u l-possibbiltajiet
tal-Knejjes tagħna bħalissa.
Bis-saħħa ta’ dawn il-metodi u
bl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu,
dawn il-komunitajiet żviluppaw
ukoll ministerjalità għanja li
tagħtina raġuni għax inkunu
grati.
40. Nagħmlu proposta biex
titwaqqaf xibka itineranti li
tiġbor fiha l-isforzi diversi
tal-gruppi li jakkumpanjaw u
jagħtu ħajja lill-eżistenza
tal-fidi fost il-komunitajiet
Amażoniċi. It-toroq tas-saħħa
politika biex tkun
ittrasformata
r-realtà għandhom ikunu frott li
jinbet mid-dixxerniment komuni
bejn ragħajja
u lajċi. Bl-għan li miż-żjajjar
pastorali ngħaddu għal preżenza
aktar dejjiema,
il-kongregazzjonijiet u/jew
il-provinċji tar-reliġjużi
tad-dinja, li għadhom
mhumiex involuti fil-missjoni,
huma mistiedna biex tal-anqas
ikollhom preżenza missjunarja
f’xi wieħed mill-pajjiżi
Amażoniċi.
KAPITLU
3
TOROQ ĠODDA GĦAL KONVERŻJONI
KULTURALI
“U l-Verb sar bniedem u għammar
fostna” (Ġw 1:14).
41.
Fl-Amerika Latina hemm bijodiversità
immensa flimkien ma’ diversità
kulturali kbira. L-Amażonja hi
art ta’ foresti u ilma, meded
bla ħajja u żoni umdi, savani u
ktajjen ta’ muntanji, imma fuq
kollox, art ta’ għadd kbir ta’
popli, bosta minnhom millenarji,
abitanti anċestrali
tat-territorju, popli bil-fwieħa
antika li għandhom
jiżgħudu l-Kontinent bl-aroma
tagħhom kontra kull għamla ta’
disperazzjoni. Jeħtieġ li
l-konverżjoni tagħna tkun ukoll
kulturali, tmur tiltaqa’
mal-ieħor biex nitgħallmu minnu.
Inkunu preżenti, nirrispettaw u
nagħtu għarfien tal-valuri
tiegħu, ngħixu u nipprattikaw
l-inkulturizzazzjoni
u l-interkulturalità fit-tħabbir
tal-Bxara t-Tajba. Li tistqarr u
tgħix il-fidi fl-Amażonja hi
sfida dejjem għaddejja. Din ma
titwaħħadx biss mal-ħidma
pastorali imma ssib
postha wkoll fl-azzjonijiet
konkreti ma’ u għall-ieħor,
fl-attenzjoni li tingħata
lis-saħħa, lill-edukazzjoni,
lis-solidarjetà u s-sapport lil
min hu l-aktar vulnerabbli.
Nixtiequ li f’din
it-taqsima
naqsmu dan kollu ma’ kulħadd.
Il-wiċċ tal-Knisja fil-popli
tal-Amażonja
42. Fit-territorji tal-Amażonja
hemm realtà plurikulturali li
tesiġi li kulħadd ikun inkluż
u li titkellem b’mod li
jippermetti li jkunu
identifikati u kkollegati
l-gruppi kollha, u wkoll li tkun
mera tal-identitajiet li
jingħataw għarfien, ikunu
rrispettati
u
inkuraġġiti
kemm fil-Knisja
u kemm
fis-soċjetà, li fil-popli
Amażoniċi għandhom isibu tweġiba
valida għad-djalogu u l-laqgħa.
Puebla jitkellem dwar l-uċuħ li
jgħixu fl-Amerika Latina u
jinnota li fil-popli oriġinarji
hemm taħlit li kiber u għadu
jikber permezz tal-laqgħa u anki
tan-nuqqas tagħha bejn
id-diversi kulturi li jagħmlu
parti mill-Kontinent. Dan
il-wiċċ tal-Knisja fl-Amażonja
wkoll hu wiċċ li jinkarna
fit-territorju tagħha, jevanġelizza
u jwitti t-triq biex il-popli
jħossuhom akkumpanjati
fid-diversi proċessi tal-ħajja
evanġelika. Hemm preżenti wkoll
sens missjunarju mġedded
min-naħa ta’ dawn l-istess
popoli, li baqgħu jittrasmettu
l-missjoni profetika u
Samaritana tal-Knisja, li
għandha tissaħħaħ bil-ftuħ lejn
id-djalogu ma’ kulturi oħra.
Hija biss Knisja missjunarja
mwaħħda u inkulturata li tista’
twassal sabiex jitwieldu Knejjes
partikolari indiġeni, b’wiċċ u
b’qalb Amażoniċi, imħawlin
fil-kulturi u t-tradizzjonijiet
karatteristiċi tal-popli,
magħqudin bl-istess fidi fi
Kristu u fl-istess ħin
differenti fil-mod kif jgħixuha,
jesprimuha u jiċċelebrawha.
a. Il-valuri kulturali tal-popli
Amażoniċi
43. Fin-nies tal-Amażonja nsibu
t-tagħlim għall-ħajja. Il-popli
oriġinarji u dawk li ġew aktar
tard u sawru l-identità tagħhom
minħabba l-konvivenza, għandhom
valuri kulturali li fihom
niskopru ż-żerriegħa tal-Verb.
Fil-bosk, il-veġetazzjoni mhux
biss hi minsuġa, minħabba li
l-ispeċi jsostnu waħda lil oħra,
imma l-popli wkoll jirrelataw
bejniethom f’xibka ta’ alleanzi
li huma ta’ fejda għal kulħadd.
Il-bosk jgħix bl-interrelazzjoni
u l-interdipendenza u dan jiġri
f’kull ambitu tal-ħajja.
Bis-saħħa ta’ dan, l-ekwilibriju
fraġli tal-Amażonja baqa’ sħiħ
għal sekli sħaħ.
44. Il-ħsieb tal-popli indiġeni
joffri viżjoni li tintegra
r-realtà, bil-ħila li tifhem
ir-rabtiet varji li hemm bejn
kulma hu maħluq. Dan hu kuntrast
mal-kurrent dominanti tal-ħsieb
tal-Punent
li għandu xeħta li jofroq biex
jifhem ir-realtà, imbagħad ma
jirnexxilux jerġa’
jorganizza r-relazzjoni sħiħa
bejn l-oqsma differenti
tal-għerf. L-immaniġġjar
tradizzjonali ta’ dak li toffri
n-natura sar b’mod li llum
insejħulu “immaniġġjar
sostenibbli”. Fil-popli
oriġinarji nsibu wkoll valuri
oħrajn bħalma huma
r-reċiproċità, is-solidarjetà,
is-sens ta’ komunità,
l-ugwaljanza, il-familja,
l-organizzazzjoni soċjali
tagħhom u s-sens ta’ servizz.
b. Knisja preżenti u allejata
mal-popli fit-territorji tagħhom
45.
Il-kilba għall-art hi l-għerq
tal-kunflitti li jwasslu
għall-etnoċidju kif ukoll
għall-assassinju u l-kriminalizzazzjoni
tal-movimenti soċjali u
tal-mexxejja tagħhom.
Id-demarkazzjoni u l-protezzjoni
tat-territorji indiġeni hu dmir
tal-istati nazzjonali u
l-gvernijiet rispettivi tagħhom.
Madankollu, parti sewwa
mit-territorji indiġeni mhumiex
imħarsa u dawk li l-limiti
tagħhom huma mmarkati qed jaraw
isseħħ invażjoni minħabba
t-tfittxija tal-minerali u
t-tqaċċit tal-foresti,
il-proġetti infrastrutturali
kbar, il-kultivazzjoni illeċita
u meded kbar ta’ art li jkabbru
dejjem l-istess uċuħ u wkoll
it-trobbija estensiva
tal-annimali.
46. B’hekk, il-Knisja timpenja
ruħha biex tkun alleata
tal-popli Amażoniċi biex
tiddenunzja l-attentati fuq
il-ħajja tal-komunitajiet
indiġeni, il-proġetti li
jgħarrqu l-ambjent, in-nuqqas
ta’ demarkazzjoni tat-territorji
tagħhom, u xejn anqas il-mudell
ekonomiku ta’ żvilupp ħattaf li
joqtol l-ekoloġija. Il-preżenza
tal-Knisja fost il-komunitajiet
indiġeni u tradizzjonali
jeħtieġ
tkun konxja illi d-difiża
tal-art m’għandha ebda għan
ieħor ħlief li tkun difiża
tal-ħajja.
47. Il-ħajja tal-popli indiġeni,
metiċċi, ta’ dawk li jgħixu
max-xtut tax-xmajjar, tal-bdiewa
‘quilombolas’ u/jew
afrodixxendenti u
tal-komunitajiet tradizzjonali
hi mhedda mid-distruzzjoni,
mill-isfruttament ambjentali u
mill-vjolazzjoni sistematika
tad-drittijiet territorjali
tagħhom. Jeħtieġ niddefendu
d-dritt li huma jmexxu lilhom
infushom, li jkollhom il-limiti
tat-territorji tagħhom immarkati
ċar u jkunu
kkonsultati
b’mod liberu u informat, minn
qabel. Dawn il-popli għandhom
“kundizzjonijiet soċjali,
kulturali u ekonomiċi li
jiddistingwuhom minn setturi
oħra tal-komunità nazzjonali u
li huma ggvernati mill-użanzi
proprji
jew minn tradizzjonijiet jew
leġislazzjoni
speċjali” (Organizzazzjoni
Internazzjonali tax-Xogħol,
Konvenzjoni dwar id-drittijiet
tal-popli indiġeni u tribali,
1989 (169), art. 1, 1a).
Għall-Knisja, id-difiża
tal-ħajja, tal-komunità, tal-art
u tad-drittijiet tal-popli
indiġeni huwa prinċipju
evanġeliku li jiddefendi
d-dinjità umana: “Jiena ġejt
biex intom ikollkom il-ħajja u
l-ħajja bl-abbundanza” (Ġw 10:10b).
48. Il-Knisja taħdem
għas-salvazzjoni integrali
tal-persuna umana billi tagħraf
il-valur tal-kultura tal-popli
indiġeni, titkellem dwar
il-ħtiġijiet vitali tagħhom,
takkumpanjahom fit-taqbid
għad-drittijiet tagħhom.
Is-servizz pastorali tagħna huwa
servizz għall-ħajja
sħiħa tal-popli indiġeni, li
jimbuttana biex inħabbru l-Bxara
t-Tajba tas-Saltna ta’
Alla u jiddenunzja
s-sitwazzjonijiet tad-dnub,
l-istrutturi tal-mewt,
il-vjolenza u l-inġustizzja
billi jmexxi
’l
quddiem id-djalogu
interkulturali, interreliġjuż u
ekumeniku (ara DAp 95).
49. Il-popli indiġeni li jgħixu
f’iżolament volontarju (PIAV)
jew il-popli indiġeni li jgħixu
f’iżolament u f’kuntatt inizjali
(PIACI) jistħoqqihom kapitlu
għalihom. Fl-Amażonja hemm
madwar 130 poplu jew parti minn
poplu li ma jkunux f’kuntatt
regolarment jew dejjiemi
mas-soċjetajiet ġirien. L-abbużi
u l-vjolazzjonijiet tal-imgħoddi
ġagħluhom jibdew jemigraw lejn
imkejjen anqas aċċessibbli biex
ifittxu protezzjoni u jippruvaw
jindukraw l-awtonomija tagħhom,
filwaqt li għażlu li jillimitaw
jew jevitaw relazzjonijiet ma’
terzi. Illum għadhom qed iħossu
li ħajjithom hi mhedda minħabba
l-invażjoni tat-territorji
tagħhom minn direzzjonijiet
differenti u minħabba li l-għadd
tagħhom qed jonqos, għalhekk qed
iħabbtu wiċċhom mat-tindif
etniku jew l-għajbien.
Fil-laqgħa li kellu mal-popli
indiġeni f’Puerto Maldonado
f’Jannar 2018, il-Papa Franġisku
fakkarna: “Huma
l-aktar vulnerabbli fost
il-vulnerabbli (…).
Komplu ddefendu lil
dawn ħutna l-aktar vulnerabbli.
Il-preżenza tagħhom tfakkarna li
ma nistgħux nużaw il-ġid komuni
bir-ritmu ta’ kilba u
tal-konsum” (Fr. PM). Għażla
favur id-difiża tal-PIAV/PIACI
xorta waħda ma tneħħix minn fuq
spallejn il-Knisja r-responsabbiltà
pastorali fil-konfront tagħhom.
50. Dir-responsabbiltà trid
tidher f’azzjonijiet speċifiċi
li jiddefendu d-drittijiet
tagħhom, u ssir konkreta
b’azzjonijiet inċiżivi
sabiex l-Istati jitgħabbew
bir-responsabbiltà
li jiddefendu d-drittijiet ta’
dawn il-popli permezz ta’
garanzija legali u invjolabbli
tat-territorji li huma jokkupaw
tradizzjonalment, anki bit-teħid
ta’ miżuri prekawzjonali f’dawk
ir-reġjuni fejn hemm sinjal
tal-preżenza tagħhom imma li
mhix ikkonfermata uffiċjalment,
u billi jkunu stabbiliti
mekkaniżmi ta’ koperazzjoni
bilaterali bejn l-Istati, meta
dawn il-gruppi jkunu jokkupaw
fruntieri li jaqsmu l-konfini
bejn l-Istati. Ir-rispett lejn
l-awtodeterminazzjoni u lejn
l-għażla ħielsa tagħhom dwar
it-tip ta’ relazzjonijiet li
jkunu jixtiequ jkollhom ma’
gruppi oħrajn għandu jkun
garantit kull mument. Dan jitlob
li l-poplu ta’
Alla kollu, u speċjalment
il-popli qrib it-territorji
tal-PIAV/PIACI, ikunu sensibilizzati
biex juru rispett lejn dawn
il-popolazzjonijiet u lejn
l-importanza li t-territorji
sagrosanti tagħhom jibqgħu
verġni. Kif qal San Ġwanni Pawlu
II f’Cuiabá fl-1991,
“il-Knisja,
għeżież ħutna
Indios,
kienet u se tkompli tkun qribkom
biex tiddefendi d-dinjità
tagħkom bħala essri umani, biex
tiddefendi d-dritt tagħkom li
jkollkom ħajja xierqa u kwieta,
bir-rispett lejn il-valuri
pożittivi tat-tradizzjonijiet,
tal-użanzi u l-kuturi tagħkom”
(San Ġwanni Pawlu II, Diskors
waqt il-laqgħa
mar-rappreżentanti
tal-popolazzjonijiet indiġeni
tal-Brażil, fl-Osservatore
Romano tal-Ġimgħa 18 ta’
Ottubru 1991, p. 5)
Toroq għal Knisja inkulturata
51. Bl-inkarnazzjoni tiegħu
Kristu ma qiesx li għandu xi
privileġġ għax kien Alla u sar
bniedem f’kultura konkreta biex
jidentifika ruħu mal-umanità
kollha. L-inkulturizzazzjoni
u l-inkarnazzjoni tal-Evanġelju
fil-kulturi indiġeni (“M’hemmx
redenzjoni għal dak li mhux
aċċettat”, San Irenew, ara DP
400), fl-istess ħin
hija
d-dħul ta’ dawn il-kulturi
f’għaqda mal-ħajja tal-Knisja.
F’dan
il-proċess
il-popli huma l-protagonisti u
huma akkumpanjati mill-aġenti
pastorali u mir-ragħajja
tagħhom.
a. Il-ħajja tal-fidi mistqarra
mill-pjetà popolari u
mill-katekeżi inkulturata
52.
Il-pjetà popolari hi mezz
importanti li jgħaqqad bosta
popli tal-Amażonja mal-mod kif
jgħixu l-ispiritwalità tagħhom,
mal-għeruq kulturali tagħhom u
mal-integrazzjoni komunitarja
ta’ bejniethom. Huma
manifestazzjonijiet li bihom
il-poplu jesprimi l-fidi tiegħu,
permezz ta’ xbihat, simboli,
tradizzjonijiet, riti u
sagramentali oħra.
Il-pellegrinaġġi,
il-purċissjonijiet u l-festi
tal-qaddisin patruni għandhom
ikunu apprezzati, akkumpanjati,
imħeġġin u xi drabi msoffija,
għaliex huma waqtiet
ipprivileġġjati
ta’ evanġelizzazzjoni li
għandhom iwasslu għal-laqgħa ma’
Kristu. Id-devozzjonijiet
Marjani huma mħawlin fil-fond
fl-Amażonja u fl-Amerika Latina
kollha.
53. Il-fratellanzi,
il-konfraternitajiet u l-gruppi
marbutin mal-pjetà popolari
għandhom il-karatteristika li
mhumiex
ikklerikalizzati.
Il-lajċi għandhom protagoniżmu
li diffiċli jinkiseb f’ambjenti
ekkleżjali oħra, bis-sehem ta’
“fratelli u sorelle” li jmexxu
s-servizzi u jorganizzaw
it-talb, benedizzjonijiet, kant
sagru tradizzjonali, janimaw
in-noveni, jorganizzaw
purċissjonijiet, festi
patronali,
u l-bqija.
Hemm bżonn “nipproponu katekeżi
xierqa li takkumpanja
lill-fidili u li diġà tinsab
fil-pjetà popolari. Mod konkret
biex isir dan jista’ jkun li
noffru proċess ta’ inizjazzjoni
Nisranija”
(DAp 300), li jressaqna biex
insiru dejjem aktar nixbhu
lil Ġesù Kristu, billi ftit ftit
nibdew nagħmlu tagħna
l-atteġġjamenti tiegħu (ara
idem).
b. Il-misteru tal-fidi fid-dawl
ta’ teoloġija inkulturata
54.
It-teoloġija
‘indios’, it-teoloġija bil-wiċċ
Amażoniku flimkien mal-pjetà
popolari,
huma minnhom infushom
l-għana
tad-dinja indiġena, tal-kultura
tagħha u tal-ispiritwalità
tagħha. Meta l-missjunarju u
l-aġent pastorali jwassal
il-kelma tal-Evanġelju ta’ Ġesù,
dak li jkun, jidentifika ruħu
mal-kultura u b’hekk isseħħ
il-laqgħa li minnha tinbet
ix-xhieda, is-servizz,
it-tħabbir u l-assimilazzjoni
tal-lingwi. Bil-miti tagħha,
bin-narrattiva tagħha, bir-riti
tagħha, bil-kant tagħha,
biż-żfin tagħha u
l-espressjonijiet spiritwali
tagħha, id-dinja indiġena hija
l-għaġna tal-laqgħa
interkulturali. Diġà fi Puebla
kien hemm għarfien illi
“l-kulturi mhumiex art għerja,
neqsin minn valuri awtentiċi.
L-evanġelizzazzjoni tal-Knisja
mhix preċess ta’ distruzzjoni
imma tisħiħ u tisdiq ta’ dawn
il-valuri; kontribut lejn
it-tkabbir ‘taż-żerriegħa
tal-Verb’ preżenti fil-kulturi”
(DP 401, ara GS 57).
Toroq għal Knisja interkulturali
a. Ir-rispett tal-kulturi u
tad-drittijiet tal-popli
55. Aħna lkoll mistednin nersqu
lejn il-popli Amażoniċi fuq
livell indaqs, nirrispettaw
l-istorja tagħhom, il-kulturi
tagħhom, l-istil tal-‘ħajja
hienja’ tagħhom (Franġisku,
Diskors tal-ftuħ tal-ħidma
tal-Assemblea Speċjali
tas-Sinodu tal-Isqfijiet
għar-Reġjun Panamażoniku,
7 ta’ Ottubru 2019).
Il-kolonjaliżmu jfisser
l-impożizzjoni ta’ ċerti stili
ta’ ħajja ta’ xi popli fuq
oħrajn, kemm jekk hu fuq livell
ekonomiku, kulturali jew
reliġjuż. Aħna nirrifjutaw
evanġelizzazzjoni bi stil
kolonjalista. It-tħabbir
tal-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù
jimplika li nagħtu għarfien
liż-żerriegħa tal-Verb li diġà
tinsab fil-kulturi.
L-evanġelizzazzjoni li qed
nipproponu llum hija t-tħabbir
inkulturat li jiġġenera proċessi
ta’ interkulturalità, proċessi
li jseddqu l-ħajja tal-Knisja
b’identità u wiċċ Amażoniku.
b. Il-promozzjoni tad-djalogu
interkulturali f’dinja globalizzata
56. Il-Knisja hi fid-dmir li
tevanġelizza,
ħaġa li m’għandhiex x’taqsam
mal-proselitiżmu,
jeħtieġ tinkludi proċessi ċari
ta’ inkulturizzazzjoni
tal-metodi u tal-iskemi
missjunarji tagħna. F’dan
il-każ
partikolari nipproponu li
ċ-ċentri tar-riċerka u dawk
pastorali tal-Knisja,
b’kollaborazzjoni
mal-popolazzjonijiet indiġeni,
jistudjaw, jiġbru u jorganizzaw
it-tradizzjonijiet tal-gruppi
etniċi Amażoniċi biex ikunu ta’
fejda għal ħidma edukattiva li
tibda mill-istess identità u
l-kultura tagħhom, u jkun
kontribut li jiddefendi u
jseddaq id-drittijiet tagħhom,
iħares u jxerred il-valur
tagħhom madwar il-panorama
kulturali
Latino-Amerikana.
57.
Il-ħidmiet edukattivi llum huma
sfidati mill-ħtieġa
tal-interkulturizzazzjoni.
Għandhom sfida biex ifittxu
metodoloġiji u kontenuti
addattati għall-popli li fihom
ikun qed jitħaddem il-ministeru
tat-tagħlim. Għalhekk huwa
importanti li wieħed ikun jaf
il-lingwi tagħhom, x’jemmnu u
għal xiex jixxennqu,
x’jeħtieġu u x’jittamaw,
minbarra li kollettivament hemm
bżonn jinbnew proċessi
edukattivi li, kemm fil-kontenut
u kemm
fil-forma,
iħaddnu
l-identità kulturali
tal-komunitajiet Amażoniċi,
b’insistenza fuq l-ekoloġija
integrali bħala l-fus li jdur
kollox fuqu.
ċ.
L-isfidi għas-saħħa,
l-edukazzjoni u l-komunikazzjoni
58. Il-Knisja tqis bħala dmir
importanti tagħha li tmexxi
’l
quddiem l-edukazzjoni preventiva
tas-saħħa u toffri għajnuna
sanitarja fejn ma jasalx
l-intervent tal-Istat.
Dan jitlob li tiffaċilita
inizjattivi ta’ integrazzjoni li
jkunu ta’ fejda għas-saħħa
tal-Amażoniċi. Importanti wkoll
li sseddaq il-kondiviżjoni
soċjali tad-dehen anċestrali
fil-qasam tal-mediċina
tradizzjonali karatteristika ta’
kull kultura.
59. Fost il-kumplessitajiet
tat-territorju Amażoniku niġbdu
l-attenzjoni dwar il-fraġilità
tal-edukazzjoni, fuq kollox fost
il-popli indiġeni. Minkejja li
l-edukazzjoni hija dritt uman,
il-kwalità tal-edukazzjoni hi
nieqsa u spiss ħafna hemm min
jabbanduna l-iskola, l-aktar
il-bniet. L-edukazzjoni
tevanġelizza,
isseddaq it-trasformazzjoni
soċjali u ssaħħaħ il-persuni
permezz ta’ sens kritiku san.
“Edukazzjoni skolastika tajba
fit-tfulija u fl-adolexxenza
tiżra’ żerriegħa li tista’
tħalli effetti tul il-ħajja
kollha” (LS 213). Hu dmir tagħna
li mmexxu
’l
quddiem l-edukazzjoni
tas-solidarjetà li tinbet
mill-għarfien tal-oriġni komuni
u ta’ ġejjieni bis-sehem ta’
kulħadd (ara LS 202). Jeħtieġ li
mill-gvernijiet nesiġu
l-implimentazzjoni ta’
edukazzjoni pubblika,
interkulturali u b’żewġ lingwi.
60. Id-dinja dejjem aktar
globalizzata
u kumplessa żviluppat xibka ta’
informazzjoni bħal qatt qabel.
Madankollu, din
ix-xmara
ta’ informazzjoni li tasal
f’ħakka t’għajn ma ġabitx magħha
titjib fil-komunikazzjoni jew
fil-kollegament bejn il-popli.
Fl-Amażonja rridu mmexxu
’l
quddiem kultura komunikattiva li
tiffavorixxi d-djalogu,
il-kultura tal-laqgħa u
l-ħarsien “tad-dar komuni”.
Xprunati mill-ekoloġija
integrali, nixtiequ nsaħħu
l-ispazji tal-komunikazzjoni li
diġà jeżistu fir-reġjun bl-għan
li b’urġenza ninkuraġġixxu
konverżjoni ekoloġika integrali.
Biex dan isir,
jeħtieġ li nikkollaboraw biex
niffurmaw aġenti
tal-komunikazzjoni mill-post,
speċjalment indiġeni. Dawn
mhumiex biss interlokuturi
pprivileġġjati
għall-evanġelizzazzjoni u
l-promozzjoni umana
fit-territorju, imma jgħinuna
wkoll biex inxerrdu l-kultura
‘tal-buon vivere’ u tal-kura
tal-ħolqien.
61. Biex il-konnessjonijiet
varji madwar l-Amażonja kollha
jtejbu l-komunikazzjoni,
il-Knisja trid toħloq xibka ta’
komunikazzjoni ekkleżjali
Panamażonika,
li tiġbor fiha l-mezzi
differenti li jużaw il-Knejjes
partikolari u organiżmi
ekkleżjali oħra. Il-kontribut
tagħha jista’ jkollu eku, u
jgħin biex isseħħ il-konverżjoni
ekoloġika tal-Knisja u
tal-pjaneta. Ir-REPAM tista’
tikkollabora bil-pariri u
bis-sapport li tagħti
lill-proċessi ta’ formazzjoni,
billi tissorvelja u ssaħħaħ
il-komunikazzjoni fir-reġjun
Panamażoniku.
Toroq ġodda għal konverżjoni
kulturali
62. F’dan
is-sens
nipproponu l-ħolqien ta’ xibka
skolastika ta’ edukazzjoni
b’żewġ lingwi għall-Amażonja
(fuq il-mudell ta’ Fey Algeria),
li tofformula b’mod ċar proposti
edukattivi li jwieġbu
għall-ħtiġijiet tal-komunità,
jirrispettaw, jivvalorizzaw
u jintegraw fihom l-identità
kulturali u dik lingwistika.
63. Irridu nissapportjaw,
nappoġġjaw u niffavorixxu
l-esperjenzi edukattivi ta’
edukazzjoni multikulturali
b’żewġ lingwi li diġà jeżistu
fil-ġurisdizzjonijiet ekkleżjali
tal-Amażonja u ndaħħlu bi sħab
lill-universitajiet
Kattoliċi
ħalli jaħdmu b’impenn f’dan
il-qasam.
64. Infittxu forom ġodda ta’
edukazzjoni,
konvenzjonali u mhux
konvenzjonali,
bħalma hu
d-distant learning, skont
l-esiġenzi tal-postijiet,
taż-żmien u tal-persuni.
KAPITLU
4
TOROQ ĠODDA
GĦAL
KONVERŻJONI EKOLOĠIKA
“Jiena ġejt biex ikollkom
il-ħajja u ħajja bil-kotra” (Ġw
10:10).
65. Il-pjaneta tagħna hi rigal
ta’ Alla, imma nafu wkoll li qed
ngħixu fi żmien meta huwa
urġenti li naħdmu sfiq quddiem
kriżi soċjoambjentali bla
preċedent. Neħtieġu konverżjoni
ekoloġika li tkun tweġiba
xierqa. Għalhekk, bħala Knisja
Amażonika, quddiem l-aggressjoni
dejjem tiżdied fuq il-bijoma
tagħna, bit-theddida li tgħib u
bil-konsegwenzi tremendi
għall-pjaneta tagħna, nibdew
it-triq ispirati mill-proposta
tal-ekoloġija integrali tagħna.
Nagħrfu l-ġrieħi li qed iġib
il-bniedem fit-territorju
tagħna, irridu nitgħallmu minn
ħutna tal-popli oriġinarji, bi
djalogu ta’ għarfien, l-isfida
li nagħtu tweġibiet ġodda
bit-tfittxija ta’ mudelli ta’
żvilupp ġust u solidali. Irridu
nieħdu ħsieb “id-dar komuni”
tagħna fl-Amażonja u nipproponu
toroq ġodda biex naslu għal dan.
Lejn ekoloġija integrali ibda
mill-Enċiklika Laudato si’
a. Theddid għall-bijoma
Amażonika
u għall-popli tiegħu
66. Alla tana l-art bħala rigal
u bħala dmir, biex nieħdu
ħsiebha u nwieġbu għal dak li
titlob minna; aħna m’aħniex
sidien tagħha. Is-sies
tal-ekoloġija integrali jinsab
fil-fatt li “kollox (…)
hu marbut ma’ kollox,
intimament” (LS 16). Għal din
ir-raġuni
l-ekoloġija u l-ġustizzja
soċjali huma magħqudin flimkien
intrinsikament (ara LS 137).
Permezz tal-ekoloġija integrali
jitwaqqaf mudell ġdid ta’
ġustizzja, għaliex “attitudni
tassew integralment ekoloġika
dejjem issir iżjed attitudni
soċjali” (LS 49).
L-ekoloġija
integrali b’hekk tgħaqqad
il-prattika tal-ħarsien
tan-natura ma’ dik tal-ġustizzja
mal-aktar foqra u svantaġġjati
tad-dinja, li huma l-għażla
preferuta minn Alla fl-istorja
rivelata.
67. Hemm ħtieġa urġenti li
naffrontaw l-isfruttament bla
rażan “tad-dar komuni” u
tal-abitanti tagħha. Waħda
mir-raġunijiet ewlenin tal-qerda
tal-Amażonja
hi
l-ħtif tal-art biex jittella’
ż-żejt, maħkum mir-regħba,
tipiku tal-mudell teknokratiku
dominanti (ara LS 101). Quddiem
din
is-sitwazzjoni
li qed tagħfas
fuq il-pjaneta u fuq l-Amażonja,
l-ekoloġija integrali mhix triq
miżjuda li l-Knisja tista’
tagħmel bħala għażla
għall-ġejjieni ta’ dan
it-territorju, hija pjuttost it-triq
waħdanija possibbli, għax m’hemm
ebda triq oħra li nistgħu
nterrqu biex insalvaw ir-reġjun.
Il-ħtif tat-territorju jġib
miegħu
wkoll
tixrid tad-demm innoċenti u
kriminalizzazzjoni
ta’ min jiddefendi l-Amażonja.
68. Il-Knisja hi parti minn
solidarjetà internazzjonali
obbligata li tiffavorixxi u
tagħti għarfien lir-rwol
ċentrali tal-bijoma
Amażoniku għall-ekwilibriju
tal-klima tal-pjaneta; tħeġġeġ
lill-komunità internazzjonali
biex tikkontribwixxi b’riżorsi
ekonomiċi ġodda għall-ħarsien
tal-bijoma
u tinkoraġġixxi l-promozzjoni
ta’ mudell ta’ żvilupp ġust u
solidali, bis-sehem dirett
tal-komunitajiet lokali u
tal-popli oriġinarji sabiex
ikunu protagonisti f’kull fażi,
ibda mit-tfassil tal-proġetti u
tqegħid fis-seħħ tagħhom, u
ssaħħaħ l-istrumenti li kienu
diġà ġew żviluppati
mill-Konvenzjoni tal-Ġnus
Magħquda dwar it-tibdil
fil-Klima f’Rio de Janeiro,
fl-1992.
69. Hu skandlu li l-mexxejja u
saħansitra l-komunitajiet jisfaw
kriminalizzati
sempliċiment għax bir-raġun
kollu riedu d-drittijiet
tagħhom. Fil-pajjiżi Amażoniċi
kollha hemm liġijiet li jagħtu
għarfien lid-drittijiet umani,
speċjalment dawk tal-popli
indiġeni. Dawn l-aħħar snin
ir-reġjun Amażoniku għadda minn
trasformazzjonijiet kumplessi li
bihom id-drittijiet umani
tal-komunitajiet intlaqat minn
normi, politika pubblika u
prattiċi msejsin prinċipalment
fuq it-tkabbir tal-fruntieri
fejn isir it-tħaffir u minn
żvilupp ta’ proġetti
infrastrutturali enormi, li qed
jagħmlu pressjoni bla qies fuq
it-territorji anċestrali
indiġeni. Skont dan l-istess
rapport, dan kollu huwa
akkumpanjat minn sitwazzjoni
gravi ta’ impunità fir-reġjun,
f’dak li għandu x’jaqsam
mal-ksur tad-drittijiet umani
kif ukoll minn ostakli biex
tinkiseb il-ġustizzja (ara
Rapport tal-Kummissjoni Inter-Amerikana
għad-Drittijiet Umani
(CIDH-OSA), Sitwazzjoni
tad-Drittijiet Umani tal-popli
indiġeni u tribali
tal-Panamżonja, 29 ta’
Settembru 2019, nn.
5 u 188).
70.
Għall-Insara,
l-interess u t-tħassib dwar
il-promozzjoni u r-rispett
tad-drittijiet umani, kemm
individwali
u kemm
kollettivi, mhix għażla.
Il-bniedem hu maħluq xbieha ta’
Alla l-Ħallieq u d-dinjità
tiegħu hija invjolabbli. Hekkhu
għaliex id-difiża u
l-promozzjoni tad-drittijiet
umani mhumiex biss dmir politiku
jew ħidma soċjali, imma wkoll, u
fuq kollox, esiġenza tal-fidi.
Forsi ma nistgħux nibdlu
l-mudell tal-iżvilupp qerriedi
tat-tħaffir li qed jibla’
kollox, imma għandna bżonn
inkunu nafu u niċċaraw dan li
ġej:
Fejn
hu postna? Fuq liema naħa
qegħdin? Liema
perspettiva
se nagħmlu tagħna? Kif se
nwasslu d-dimensjoni politika u
etika tal-kelma tagħna tal-fidi
u tal-ħajja? Għal din
ir-raġuni:
a) nikkundannaw il-vjolazzjoni
tad-drittijiet umani u l-qerda
li jġib miegħu t-tħaffir; b)
nagħmlu tagħna u nissapportjaw
il-kampanji tal-irtirar
tal-investiment lill-kumpaniji
tat-tħaffir marbutin mal-ħsarat
soċjoekoloġiċi tal-Amażonja,
ibda mill-istituzzjonijiet
ekkleżjali nfushom u anki
f’alleanza ma’ Knejjes oħra;
ċ)
nesiġu tranżizzjoni enerġetika u
radikali biex jinstabu
alternattivi: “Iċ-ċivilità
teħtieġ l-enerġija,
imma l-użu tal-enerġija
m’għandux jeqred
iċ-ċiviltà!” (il-Papa
Franġsiku, Diskors
lill-parteċipanti tal-Konvenju:
“Tranżizzjoni enerġetika u kura
tad-dar komuni”, 9 ta’ Ġunju
2018). Nipproponu li jkunu
żviluppati programmi li bihom
ikun possibbli nieħdu ħsieb
“id-dar komuni”, u li għandhom
ikunu mfasslin minn operaturi
pastorali, miftuħin
għall-komunità kollha, “fi sforz
biex ikunu ffurmati l-kuxjenzi”
(LS 214).
b. L-isfida tal-mudelli ġodda
ta’ żvilupp ekwu, solidali u
sostenibbli
71.
Aħna ċerti li l-intervent uman
tilef il-karattru “amikevoli”
tiegħu, favur atteġġjament ta’
kilba u ħattaf medhi
jagħsar
ir-realtà sa ma jintemmu
għalkollox ir-riżorsi naturali
disponibbli. “Il-mudell
teknokratiku għandu tendenza li
jiddomina wkoll l-ekonomija u
l-politika” (LS 109). Biex dan
il-fenomenu
li qed jagħmel ħsara gravi
lill-ħajja niġġildulu, hemm
bżonn infittxu mudelli ekonomiċi
alternattivi, aktar sostenibbli,
aktar amikevoli lejn in-natura,
dan kollu sostnut min
spiritwalità solida. Għal din
ir-raġuni,
flimkien mal-popli Amażoniċi,
nitolbu sabiex l-istati
jieqfu
jqisu l-Amażonja bħala ħażna li
ma tispiċċa qatt (ara Fr.PM).
Irridu li (l-istati) jiżviluppaw
politika ta’ investiment li
bħala kundizzjoni għal kull
intervent, tkun tirrispetta
livell soċjali u ambjentali
għoli kif ukoll tkun tħaddan
il-prinċipju fundamentali
tal-preservazzjoni tal-Amażonja.
Biex dan isir, hemm ħtieġa li
jdaħħlu wkoll lill-Popli
Indiġeni organizzati bħala
parteċipanti, kif ukoll
komunitajiet Amażoniċi oħra u
d-diversi istutuzzjonijiet
xjentifiċi li diġà qed
jipproponu mudelli ta’
sfruttament tal-foresta li
għadha verġni. Il-mudell il-ġdid
ta’ żvilupp sostenibbli għandu
jkun
inklużiv
soċjalment, u jgħaqqad flimkien
l-għarfien xjentifiku u
tradizzjonali biex isaħħaħ
il-komunitajiet tradizzjonali u
indiġeni, fil-biċċa l-kbira
tagħhom nisa, u jaraw li dawn
it-teknoloġiji jkunu ta’ servizz
għall-benessri u l-ħarsien
tal-foresti.
72. Ifisser li
hemm
ħtieġa ta’ diskussjoni dwar
il-valur reali ta’ kull attività
ekonomika jew ta’ tħaffir,
jiġifieri l-valur li tagħti u
trodd lura lill-art u
lis-soċjetà, fid-dawl tal-għana
li
jittella’
u l-konsegwenzi soċjoekoloġiċi
tiegħu.
Ħafna attivitajiet ta’ tħaffir,
bħalma huma l-minjieri kbar,
partikolarment dawk illegali,
inaqqsu
bla qies il-valur tal-ħajja
Amażonika. Fil-fatt,
iqaċċtu
mill-għeruq il-ħajja tal-popli u
l-ġid komuni tal-art għax
jikkonċentraw is-setgħa
ekonomika u politika f’idejn
il-ftit. Agħar minn hekk, ħafna
minn dawn il-proġetti qerrieda
jsiru f’isem il-progress u
għandhom l-appoġġ – jew
jitħallew isiru – tal-gvernijiet
lokali, nazzjonali u barranin.
73. Flimkien mal-popli Amażoniċi
(ara
LS 183) u l-għan tagħhom li
jkollhom ħajja deċenti, nitolbu
li ssir konverżjoni ekoloġika
individwali u komunitarja li
tindokra l-ekoloġija integrali u
mudell ta’ żvilupp li l-kriterji
kummerċjali tiegħu ma jisbqux
dawk ambjentali u tad-drittijiet
umani. Irridu li jkun hemm
kultura ta’ paċi u rispett –
mhux vjolenza u vjolazzjoni –
flimkien ma’ ekonomija li ddur
madwar il-persuna u tieħu ħsieb
ukoll in-natura. Għaldaqstant
nipproponu li jissawru
alternattivi ta’ żvilupp
ekoloġiku integrali li jibdew
mill-viżjoni kożmika
mibnija flimkien
mal-komunitajiet, bil-ħarsien
tad-dehen anċestrali.
Nissapportjaw proġetti li
jipproponu ekonomija solidali u
sostenibbli, ċirkulari u
ekoloġika, kemm fuq livell
lokali
u kemm
internazzjonali, fuq livell ta’
riċerka u fil-kamp tal-azzjoni,
fis-setturi formali u informali.
F’dan
is-sens
ikun utli nissapportjaw u
nippromovu esperjenzi ta’
koperattivi ta’ bijoproduzzjoni,
riservi forestali u konsum
sostenibbli. Il-ġejjieni
tal-Amażonja jinsab f’idejna
lkoll,
imma fuq kollox jiddependi minn
jekk nabbandunawx bla telf ta’
żmien il-mudell attwali li qed
jeqred il-foresta, mhux iseddaq
il-kwalità tal-ħajja u qed
ipoġġi f’periklu dan it-teżor
naturali enormi u lil dawk li
jħarsuh.
Knisja li tieħu ħsieb “id-dar
komuni” fl-Amażonja
a. Id-dimensjoni soċjoambjentali
tal-evanġelizzazzjoni
74. Hu dmir tagħna lkoll li
nieħdu ħsieb l-opra ta’
Alla. Il-protagonisti tal-kura,
il-protezzjoni u d-difiża
tad-drittijiet tal-popli u
tad-drittijiet tan-natura f’dan
ir-reġjun
huma l-komunitajiet Amażoniċi
nfushom. Huma stess huma
l-atturi tad-destin tagħhom,
tal-missjoni tagħhom. F’dan
ix-xenarju
l-irwol tal-Knisja hu dak ta’
alleata. Huma stqarru bla
tlaqliq li jridu lill-Knisja
takkumpanjahom, timxi magħhom u
ma timponix fuqhom xejriet
partikolari dwar kif jgħixu, xi
mod speċifiku ta’ żvilupp li
m’għandu x’jaqsam xejn
mal-kulturi tagħhom,
mat-tradizzjonijiet u
l-ispiritwalità tagħhom. Huma
jafu kif jieħdu ħsieb
l-Amażonja, kif iħobbuha u
jipproteġuha; kulma
għandhom bżonn hu li l-Knisja tagħtihom
sapport.
75. Il-funzjoni tal-Knisja hi li
ssaħħaħ dawn il-ħiliet ta’
sapport u parteċipazzjoni.
B’hekk inkunu qed nippromovu
formazzjoni li tieħu kont
tal-kwalità etika u spiritwali
tal-ħajja tal-persuni ibda minn
viżjoni integrali. Qabel kollox,
il-Knisja għandha tagħti
attenzjoni kbira
lill-komunitajiet milqutin
mid-danni soċjoambjentali.
Il-kontinwità mat-tradizzjoni
ekkleżjali
Latino-Amerikana,
fejn figuri bħal San
Ġużepp
ta’ Anicheta, Bartolomé
de las Casas, il-martri
tal-Paragwaj li mietu f’Rio
Grande ta’ Isfel (il-Brażil),
San Rokku Gonzales, San Alfons
Rodriguez u San Juan del
Castillo, fost oħrajn, għallmuna
li d-difiża tal-popli oriġinarji
ta’ dan il-kontinent hi marbuta
sfiq mal-fidi f’Ġesù Kristu u
mal-Bxara t-Tajba tiegħu. Illum
jeħtieġ niffurmaw aġenti
pastorali u ministri ordnati
b’sensibbiltà soċjoambjentali.
Irridu Knisja li toħroġ u tmidd
il-passi tagħha
favur l-Amażonja, billi
tinkuraġġixxi stil ta’ ħajja
f’armonija mat-territorju, u
fl-istess ħin mal-‘ħajja
deċenti’ ta’ min jgħix fih.
76. Il-Knisja tagħraf l-għaqal
tal-popli Amażoniċi dwar il-bijodiversità,
għaqal tradizzjonali li hu
proċess ħaj u jaħdem bla
waqfien. Is-serq ta’ dan
l-għarfien hu piraterija bijoloġika,
għamla ta’ vjolenza kontra dawn
il-popolazzjonijiet. Il-Knisja
għandha tagħti sehemha biex
tippreserva dan l-għarfien kif
ukoll in-novitajiet u l-użanzi
tal-popolazzjonijiet bir-rispett
lejn is-sovranità tal-pajjiżi, u
l-liġijiet tagħhom li jirregolaw
l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u
l-għerf tradizzjonali marbut
miegħu. Kemm hu possibbli, hi
għandha tgħin lil dawn
il-popolazzjonijiet biex
tiggarantixxi li l-benefiċċji li
jiġu mill-użu ta’ dan l-għarfien,
tal-innovazzjonijiet u l-użanzi,
ikunu
maqbulin permezz ta’ mudell ta’
żvilupp sostenibbli u inklużiv.
77. Hemm ħtieġa urġenti li tkun
żviluppata politika tal-enerġija
li tnaqqas drastikament
id-dħaħen tas-CO2 u
tal-gassijiet l-oħra marbutin
mat-tibdil fil-klima. L-enerġiji
nodfa l-ġodda jkunu ta’ għajnuna
u jaħju s-saħħa. Il-kumpaniji
kollha għandu jkollhom sistemi
ta’ kontroll tal-katina
tar-riforniment biex ikunu żguri
li l-prodotti li jixtru, joħolqu
u jbigħu,
isiru
b’mod sostenibbli soċjalment u
ambjentalment. Minbarra hekk,
“l-aċċess għall-ilma tax-xorb u
nadif hu dritt uman essenzjali,
fundamentali u universali, għax
minnu jiddependi l-għajxien
tan-nies u għalhekk hu
kundizzjoni għat-tħaddim ta’
drittijiet umani oħra” (LS 30).
Dan hu dritt mogħti għarfien
mill-Ġnus Magħquda (2010).
Għandna naħdmu flimkien sabiex
dan id-dritt fundamentali
għall-aċċess tal-ilma nadif ikun
irrispettat
fit-territorju.
78. L-għażla tal-Knisja hi favur
il-ħajja, l-art u l-kulturi
oriġinarji Amażoniċi. Dan
jinvolvi l-akkumpanjament
tal-popli Amażoniċi
bir-reġistrazzjoni,
l-organizzazzjoni u t-tixrid ta’
‘data’ u informazzjoni dwar
it-territorji tagħhom u dwar
il-qagħda ġuridika tagħhom.
Irridu nagħtu prijorità
lill-effetti u l-akkumpanjament
bl-għan li naslu biex jitfasslu
l-limiti tat-territorji,
partikolarment dawk tal-PIACI
jew PIAV. Inħeġġu lill-istati
biex jirrispettaw l-obbligi
kostituzzjonali dwar dawn
il-kwistjonijiet, inkluż
id-dritt għall-aċċess tal-ilma.
79.
Id-duttrina
soċjali tal-Knisja ilha żmien
tinteressa ruħha fil-kwistjoni
tal-ekoloġija, u llum stagħniet
b’viżjoni aħjar dwar il-kollox
li jiġbor fih ir-relazzjoni bejn
il-popli Amażoniċi u
t-territorji tagħhom, dejjem fi
djalogu mal-kuxjenzi tagħhom u
l-għerf anċestrali tagħhom.
Ngħidu aħna,
billi bħala punt ta’ riferiment
indispensabbli għall-konverżjoni
tagħna lejn ekoloġoija
integrali, nagħtu għarfien
lill-mod li bih il-popli
indiġeni jirrelataw
mat-territorji tagħhom u kif
jindukrawhom. F’dan id-dawl
irridu noħoqlu ministeri
għall-kura “tad-dar komuni”
fl-Amażonja, li dmirhom ikun li
jieħdu ħsieb it-territorju u
l-ilma flimkien mal-komunitajiet
indiġeni, u ministeru
għall-akkoljenza ta’ min spiċċa
mkeċċi mit-territorji tiegħu
lejn l-ibliet.
b. Knisja fqira, ma’ u
għall-foqra,
ibda mill-periferiji vulnerabbli
80. Naffermaw mill-ġdid l-impenn
tagħna li niddefendu l-ħajja
b’mod sħiħ
mit-tnissil
sal-għabex tagħha u d-dinjità
tal-persuni kollha. Il-Knisja
kienet u għadha spalla ma’
spalla mal-komunitajiet indiġeni
biex tħarsilhom id-dritt ta’
ħajja tipika u kalma,
bir-rispett lejn il-valuri
tradizzjonali, l-użanzi u
l-kulturi tagħhom,
il-preservazzjoni tax-xmajjar u
tal-foresti, li huma spazji
sagri, għejun ta’ ħajja u ta’
dehen. Aħna nissapportjaw
l-isforzi tal-bosta li
bil-kuraġġ jiddefendu l-ħajja
fil-forom u l-fażijiet kollha
tagħha. Is-servizz pastorali
tagħna huwa servizz għall-ħajja
sħiħa tal-popli indiġeni li
jobbligana nħabbru lil Ġesù
Kristu u l-Bxara t-Tajba
tal-Evanġelju, biex nillimitaw
is-sitwazzjonijiet tad-dnub,
l-istrutturi tal-mewt,
il-vjolenza u l-inġustizzji
interni u esterni u biex immexxu
’l
quddiem id-djalogu
interkulturali, interreliġjuż u
ekumeniku.
Toroq ġodda għall-promozzjoni
ekoloġika integrali
a. Talba profetika u messaġġ ta’
tama lill-Knisja kollha u
lid-dinja kollha
81.
Id-difiża tal-ħajja tal-Amażonja
u tal-popli tagħha teħtieġ
konverżjoni personali, soċjali u
strutturali profonda. Il-Knisja
wkoll għandha din
is-sejħa
li twarrab, titgħallem, u
titgħallem mill-ġdid, biex
tegħleb kull tendenza li timxi
fuq mudelli kolonizzaturi li
fil-passat għamlu l-ħsara. F’dan
is-sens
importanti li nkunu konxji
mill-qawwa tan-neokolonjaliżmu,
li hu preżenti fid-deċiżjonijiet
li nagħmlu ta’ kuljum, u
tal-mudell ta’ żvilupp
predominanti mrieġi mill-mudell
li dejjem qed jaqbad l-art,
tal-monokultura tal-uċuħ, tal-mezzi
tat-trasport li għandna u
tal-ħajja komda mistħajla li
tiġi mill-konsumiżmu li qed
ngħixu fis-soċjetà u li jħalli
effetti
diretti u indiretti fl-Amażonja.
Quddiem dan kollu, ibda minn
xefaq globali u bis-smigħ ukoll
tal-leħen tal-Knejjes ħutna,
irridu nħaddnu spiritwalità ta’
ekoloġija integrali, biex
insaħħu l-kura tal-maħluq. Biex
naslu għal dan l-għan għandna
nkunu komunità ta’ dixxipli
missjunarji ferm aktar
parteċipattiva u inklużiva.
82. Nipproponu li d-dnub
ekoloġiku nqisuh baħla azzjoni
jew nuqqas kontra Alla, kontra
l-proxxmu, kontra l-komunità u
l-ambjent. Huwa dnub kontra
l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni
u jsir permezz ta’ atti u
drawwiet ta’ tniġġis jew qerda
tal-armonija tal-ambjent,
bil-ksur tal-prinċipji
tal-interdipendenza u
bit-tkissir tal-ktajjen ta’
solidarjetà bejn il-kreaturi (ara
KKK, 340-344) u b’azzjonijiet
kontra l-virtù tal-ġustizzja.
Minbarra hekk, nipproponu wkoll
li noħolqu ministeri speċjali
għall-kura “tad-dar komuni” u
l-promozzjoni tal-ekoloġija
integrali fuq livell parrokkjali
u f’kull ġurisdizzjoni ekkleżjatika,
bid-dmir li jħarsu t-territorju
u l-ilma, kif ukoll biex ixerrdu
aktar l-Enċiklika Laudato si’.
Jagħmlu tagħhom il-programm
pastorali, edukattiv u inċiżiv
tal-Enċiklika Laudato si’
kif hemm fil-kapitli V u VI,
fil-livelli u l-istrutturi
kollha tal-Knisja.
83. Biex inpattu għad-dejn
ekoloġiku li għandhom il-pajjiżi
mal-Amażonja, nipproponu li
jinħoloq fond dinji biex ikopri
l-bilanċi tal-komunitajiet
preżenti fl-Amażonja li jaħdmu
għall-iżvilupp integrali u
awtosostenibbli tagħhom, u wkoll
biex nipproteġuhom mill-kilba
ħattafa tal-kumpaniji nazzjonali
u internazzjonali li jisirqulhom
ir-riżorsi naturali tagħhom.
84. Ikollna drawwiet
responsabbli li jirrispettaw u
jivvalorizzaw
il-popli tal-Amażonja,
it-tradizzjonijiet tagħhom u
l-għaqal tagħhom, inħarsu l-art
u nibdlu l-kultura ta’ konsum
bla rażan, li nipproduċu ħafna
skart solidu, u nistimulaw l-użu
mill-ġdid u r-riċiklaġġ. Għandna
nnaqqsu d-dipendenza tagħna
mill-enerġija
fossili u mill-użu tal-plastik u
nibdlu d-drawwiet ta’ kif nieklu
(konsum żejjed ta’ laħam u
ħut/frott tal-baħar) bi stili
ta’ ħajja aktar sobrji.
Nimpenjaw ruħna attivament biex
niżirgħu s-siġar, u nfittxu
alternattivi sostenibbli
fl-agrikultura,
fl-enerġija u t-trasport
bir-rispett lejn id-drittijiet
tan-natura u tal-persuni.
Immexxu
’l
quddiem edukazzjoni għal
ekoloġija integrali fil-livelli
kollha, nippromovu mudelli
ekonomiċi u inizjattivi li
jiffavorixxu kwalità ta’ ħajja
aktar sostenibbli.
b. Osservatorju Soċjo-Pastorali
Amażoniku
85. Jinħoloq osservatorju
soċjoambjentali biex tissaħħaħ
il-ġlieda għad-difiża tal-ħajja.
Issir djanjosi
tat-territorju u l-kunflitti
soċjoambjentali f’kull
Knisja
lokali u reġjonali, biex inkunu
nistgħu nieħdu pożizzjoni,
nieħdu deċiżjonijiet u
niddefendu d-drittijiet
tal-aktar vulnerabbli.
L-Osservatorju jkun jaħdem
b’kollaborazzjoni maċ-ĊELAM,
CLAR, Caritas, REPAM, Episkopati
nazzjonali, Knejjes lokali,
universitajiet
Kattoliċi,
CIDU, atturi oħra mhux
tal-Knisja mill-kontinent,
u rappreżentanti tal-popli
indiġeni. Nitolbu wkoll li
fid-Dikasteru għas-Servizz
tal-Iżvilupp Uman Integrali
jinħoloq
Uffiċċju
Amażoniku li jkun jaħdem id f’id
ma’ dan l-Osservatorju u
mal-istituzzjonijiet lokali
Amażoniċi.
KAPITLU 5
TOROQ ĠODDA
GĦAL
KONVERŻJONI SINODALI
“Jiena fihom u
int
fija, biex isiru ħaġa waħda
għalkollox” (Ġw 17:23).
86. Biex nimxu id f’id,
il-Knisja fl-Amażonja teħtieġ
konverżjoni sinodali, sinodalità
tal-Poplu ta’
Alla bit-tmexxija tal-Ispirtu.
B’din
il-firxa
ta’ komunjoni u parteċipazzjoni
nfittxu toroq ekkleżjali ġodda,
fuq kollox fil-ministerjalità u
s-sagramentalità tal-Knisja
b’wiċċ Amażoniku. Il-ħajja
konsagrata, il-lajċi u magħhom
in-nisa, huma l-protagonisti
antiki, imma dejjem ġodda, li
qed jagħmlulna s-sejħa għal din
il-konverżjoni.
Is-sinodalità
missjunarja fil-Knisja
tal-Amażonja
a. Is-sinodalità missjunarja
tal-Poplu kollu ta’
Alla bit-tmexxija tal-Ispirtu
87. Il-kelma ‘sinodu’ hi kelma
antika, meqjuma mit-Tradizzjoni;
turi t-triq li qed interrqu
flimkien bħala membri tal-poplu
ta’
Alla, teħodna
lura lejn il-Mulej Ġesù li juri
lilu nnifsu bħala “t-Triq,
il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6),
u lejn il-fatt li l-Insara
kienu ssejħu ‘d-dixxipli
tat-Triq’ (Atti 9:2);
li nkunu sinodali jfisser li
flimkien nimxu “fit-triq
tal-Mulej” (Atti 18:25).
Is-sinodalità hi l-mod kif
kienet magħmula l-Knisja
primittiva (ara Atti 15) u li
għandna nagħmluh tagħna wkoll.
“Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih
ħafna membri, u l-membri kollha
tal-ġisem, għad li huma ħafna,
jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll
Kristu” (1 Kor 12:12).
Anki l-Knisja tal-Konċilju
Vatikan II għandha
l-karatteristika tas-sinodalità,
mifhuma bħala Poplu ta’
Alla, fl-ugwaljanza u d-dinjità
komuni parallelment
mad-diversità tal-ministeri,
tal-kariżmi u tas-servizzi.
“Turi l-mod ta’ għajxien
speċifiku u ‘l-modus operandi’
(kif tmexxi l-ħidma), il-Knisja
Poplu ta’
Alla li timmanifesta u
tikkonkretizza
lilha nfisha bħala komunjoni
fil-mixja flimkien, meta
tinġabar bħala assemblea u meta
l-membri kollha tagħha jieħdu
sehem attiv fil-missjoni
evanġelizzatriċi
tagħha”, jiġifieri “meta l-Poplu
ta’
Alla kollu jinvolvi ruħu u
jipparteċipa fil-ħajja u
l-missjoni tal-Knisja” (CTI,
Is-sinodalità fil-ħajja u
l-missjoni tal-Knisja, 2 ta’
Marzu 2018, nn. 6-7).
88.
Biex timxi magħquda l-Knisja
llum teħtieġ konverżjoni lejn
esperjenza sinodali. Importanti
li jissaħħu l-kultura
tad-djalogu, tas-smigħ
reċiproku, tad-dixxerniment
spiritwali, tal-kunsens u
tal-komunjoni biex jinstabu
spazji u modi ħalli naslu għal
deċiżjonijiet maqbula u nwieġbu
għall-isfidi pastorali. B’dan
il-mod,
fi spirtu ta’ servizz, inkunu
qed nidħlu responsabbli lkoll
flimkien biex insaħħu l-ħajja
tal-Knisja. Huwa urġenti nimxu,
nipproponu u nkunu responsabbli
biex negħlbu
l-klerikaliżmu u l-ordnijiet
arbitrarji. Is-sinodalità hi
dimensjoni integrali tal-Knisja.
Ma tistax tkun Knisja jekk ma
tagħtix għarfien lit-tħaddim
effettiv ‘tas-sensus fidei’
tal-Poplu ta’
Alla kollu kemm hu.
b. Spiritwalità tal-komunjoni
sinodali bit-tmexxija
tal-Ispirtu
89. Il-Knisja tgħix f’komunjoni
mal-Ġisem ta’ Kristu bis-saħħa
tad-don tal-Ispirtu s-Santu. Dak
li jissejjaħ il-Konċilju
Appostoliku ta’ Ġerusalemm (ara
Atti 15; Gal 2:1-10)
huwa ġrajja sinodali li fiha
l-Knisja Appostolika, f’waqt
deċiżiv
tal-mixja tagħha, tgħix
il-vokazzjoni tagħha għad-dawl
tal-preżenza tal-Mulej irxoxt
b’għajnejha fuq il-missjoni. Din
il-ġrajja
saret mudell, paradigma,
għas-Sinodi tal-Knisja u
tal-vokazzjoni sinodali tagħha.
Id-deċiżjoni meħuda
mill-Appostli, bi ftehim
mal-komunità kollha ta’
Ġerusalemm, kienet opra
tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li
jmexxi
t-triq
tal-Knisja u jħarsilha l-fedeltà
tagħha lejn l-Evanġelju ta’
Ġesù: “Għax lill-Ispirtu s-Santu
u lilna” (Atti 15:28).
Il-ġemgħa kollha aċċettat
id-deċiżjoni u għamlitha tagħha
(ara Atti 15:22);
imbagħad, il-komunità ta’
Antjokja għamlet l-istess (ara
Atti 15:30-31).
Li tkun verament ‘sinodali’
jfisser li timxi
’l
quddiem f’armonija misjuq
mill-Ispirtu li jagħti l-ħajja.
90. Il-Knisja fl-Amażonja msejħa
biex timxi bit-tħaddim
tad-dixxerniment li hu ċ-ċentru
tal-proċessi u tal-ġrajjiet
sinodali. Ifisser li tiddeċiedi
u tterraq bħala Knisja permezz
tal-interpretazzjoni teoloġika
tas-sinjali taż-żminijiet,
bit-tmexxija tal-Ispirtu
s-Santu, it-triq li għandha
timxi fiha bħala servizz
għall-pjan ta’
Alla. Id-dixxerniment komunitarju
jippermettilna niskopru s-sejħa
li Alla jagħmlilna f’kull
sitwazzjoni storika partikolari.
Din l-Assemblea hija mument ta’
grazzja biex tħaddem is-smigħ
reċiproku, id-djalogu sinċier u
d-dixxerniment komunitarju
għall-ġid komuni tal-Poplu ta’
Alla fir-reġjun tal-Amażonja, u
mbagħad, fil-fażi tat-tqegħid
fis-seħħ tad-deċiżjonijiet, biex
tkompli miexja bl-imbuttattura
tal-Ispirtu s-Santu fil-komunitajiet
żgħar, fil-parroċċi,
fid-djoċesijiet, fil-vigarjati,
fil-‘prelaturi’
u fir-reġjun kollu.
ċ.
Lejn stil sinodali ta’ ħajja u
ħidma fir-reġjun Amażoniku
91. Bi qlubija evanġelika rridu
nqiegħdu fis-seħħ toroq ġodda
għall-ħajja tal-Knisja u
s-servizz li hi tagħti
lill-ekoloġija integrali
fl-Amażonja. Is-sinodalità hi
timbru ta’ stil ta’ kif jingħaxu
l-komunjoni u l-parteċipazzjoni
fil-Knejjes lokali li
l-karatteristika tagħhom tkun
ir-rispett lejn id-dinjità u
l-ugwaljanza ta’ kull min hu
mgħammed, il-kumplimentarjetà
tal-kariżmi u tal-ministeri,
il-gost li niltaqgħu
f’assemblea biex flimkien
niddixxernu l-leħen tal-Ispirtu.
Dan is-Sinodu qed joffrilna
okkażjoni għar-riflessjoni dwar
kif se nistrutturaw il-Knejjes
lokali f’kull reġjun tal-pajjiż
u biex nimxu lejn konverżjoni
sinodali li turina triqat komuni
ta’ evanġelizzazzjoni. Il-loġika
tal-inkarnazjoni tgħallimna li
Alla, fi Kristu, jitwaħħad
mal-bnedmin li jgħixu
“fil-kulturi tipiċi tal-popli”
(AG 9) u li l-Knisja, Poplu ta’
Alla integrat mal-popli, għandu
l-ġmiel ta’ wiċċ pluriformi għax
jitħawwel f’bosta kulturi
differenti (ara EG 116). Dan
iseħħ fil-ħajja u l-missjoni
tal-Knejjes lokali li għandhom
għeruqhom “fit-territorju kbir
soċjokulturali” (AG 22).
92. Knisja b’wiċċ Amażoniku
teħtieġ li l-komunitajiet tagħha
jkunu mimlijin bi spirtu
sinodali, mirfudin minn
strutturi organizzattivi bi qbil
ma’ din id-dinamika, biex ikunu
organiżmi awtentiċi ta’
“komunjoni”. L-għamliet
tat-tħaddim tas-sinodalità huma
varji, jeħtieġ li jkunu
deċentralizzati
fid-diversi livelli tagħhom
(djoċesan, reġjonali,
nazzjonali, universali),
rispettużi u attenti
għall-proċessi lokali, bla ma
jdgħajfu r-rabtiet mal-Knejjes
ħuthom l-oħra u mal-Knisja
universali. L-għamliet
organizzattivi għat-tħaddim
tas-sinodalità jistgħu jkunu
varji. Jistabbilixxu sintonija
bejn il-komunjoni u l-parteċipazzjoni,
bejn il-korresponsabbiltà u
l-ministerjalità ta’ kulħadd,
billi jagħtu attenzjoni
partikolari lill-parteċipazzjoni
effettiva tal-lajċi
fid-dixxerniment u
d-deċiżjonijiet meħuda, u billi
jsaħħu wkoll is-sehem tan-nisa.
Toroq ġodda għall-ministerjalità
ekkleżjali
a. Knisja ministerjali u
ministri ġodda
93. It-tiġdid li ġab il-Konċilju
Vatikan II
iqiegħed
lil-lajċi sħab fil-Poplu ta’
Alla, fi Knisja kollha kemm hi
ministerjali, li fis-sagrament
tal-Magħmudija għandha s-sies
tal-identità u tal-missjoni ta’
kull
Nisrani.
Il-lajċi huma fidili, illi
bil-Magħmudija huma mwaħħdin ma’
Kristu u b’hekk isiru poplu ta’
Alla u għalhekk fihom infushom
għandhom sehem mill-uffiċċju
saċerdotali, profetiku u regali
ta’ Kristu. Minħabba f’hekk huma
jeżerċitaw ir-rwol tagħhom
fil-missjoni tal-poplu
Nisrani
kollu kemm hu, fil-Knisja u
fid-dinja (ara LG 31). Bis-saħħa
ta’ din
ir-relazzjoni
tripla ma’ Kristu, mal-Knisja u
mad-dinja, titwieled
il-vokazzjoni u l-missjoni
tal-lajkat. Il-Knisja
fl-Amażonja, b’għajnejha fuq
soċjetà ġusta u solidali
fil-ħarsien “tad-dar komuni”,
lil-lajċi trid tagħmilhom atturi
pprivileġġjati.
Il-mod kif jaġixxu kien u għadu
vitali kemm fil-kordinament
tal-komunitajiet ekkleżjali,
bil-ħidma f’ċerti ministeri,
u kemm
fl-impenn profetiku tagħhom
f’dinja
inklużiva
għal kulħadd, Knisja li
fil-martri tagħha għandha xhieda
li tisfidaha.
94. Bħala espressjoni
tal-korresponsabbiltà
tal-imgħammdin kollha tal-Knisja
u tat-tħaddim tas-‘sensus
fidei’
tal-Poplu ta’
Alla kollu, nibtu assemblej u
kunsilli pastorali fl-oqsma
ekkleżjali kollha, kif ukoll
skwadri tal-kordinament
tad-diversi servizzi pastorali u
l-ministeri fdati f’idejn
il-lajċi. Nagħrfu l-ħtieġa li
nsaħħu u nwessgħu l-ispazji
tal-parteċipazzjoni tal-lajkat,
kemm fil-konsultazzjoni
u kemm
fit-teħid tad-deċiżjonijiet,
fil-ħajja u fil-missjoni
tal-Knisja.
95. Minkejja li l-missjoni
fid-dinja hi dmir ta’ kull
mgħammed, il-Konċilju Vatikan II
saħaq dwar il-missjoni
tal-lajkat: “L-istennija
ta’ art ġdida m’għandhiex
iddgħajjef, anzi pjuttost
tistimola l-ħerqa tal-ħidma li
għandha x’taqsam mal-art ta’
issa” (GS 39). Hi urġenza
għall-Knisja Amażonika li
tippromovi u tagħti ministeri
lill-irġiel u lin-nisa b’mod
ekwu. In-nisġa tal-Knisja
lokali, anki fl-Amażonja, hi
garantita mill-komunitajiet
ekkleżjali u missjunarji ż-żgħar
li jikkultivaw il-fidi, jisimgħu
l-Kelma u jiċċelebraw flimkien,
għax huma qrib il-ħajja
tan-nies. Hija l-Knisja
tal-irġiel u n-nisa mgħammdin li
hemm bżonn insaħħu billi mmexxu
’l
quddiem il-ministerjalità u, fuq
kollox, l-għarfien tad-dinjità
tal-Magħmudija.
96. Minbarra dan, l-Isqof
jista’, b’mandat għal żmien
preċiż, u fl-assenza
tas-saċerdoti, jinkariga lil xi
persuna li ma jkollhiex
is-saċerdozju, u tkun membru
tal-istess komunità, biex tieħu
ħsieb lil dik il-komunità
partikolari. Ikun hemm bżonn
jitwarrbu l-personaliżmi u
għalhekk tkun kariga li ddur
minn persuna għal oħra. L-Isqof
jista’ jwaqqaf dan
il-ministeru
bħala rappreżentanza
tal-komunità
Nisranija
b’mandat uffiċjali u b’att
ritwali, ħalli din
il-persuna
responsabbli mill-komunità
jkollha għarfien anki fuq livell
ċivili u lokali. Dejjem se jkun
is-saċerdot, bis-setgħa u
l-fakultajiet ta’ kappillan, li
jibqa’ responsabbli
mill-komunità.
b. Il-ħajja konsagrata
97. It-test evanġeliku –
“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi; għax
hu kkonsagrani, bagħatni nwassal
il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin”
(Lq 4:18)
– jesprimi konvinzjoni li tanima
l-missjoni tal-ħajja
kkonsagrata
fl-Amażonja, mibgħuta biex
tħabbar il-Bxara t-Tajba
bl-akkumpanjament qrib il-popli
indiġeni, il-vulnerabbli u
l-aktar imbiegħda, ibda minn
djalogu u tħabbir li jwassal
għal għarfien profond
tal-ispiritwalità. Ħajja
kkonsagrata
b’esperjenzi
interkongregazzjonali u
interistituzzjonali tista’
tibqa’ f’dawk il-komunitajiet
fejn ħadd ma jrid jibqa’ u li
ħadd ma jrid ikun magħhom,
titgħallem minnhom u tirrispetta
l-kultura u l-lingwi indiġeni
biex tidħol fil-qalb tal-popli.
98. Filwaqt li hi kontribut biex
tibni u ssaħħaħ il-Knisja,
il-missjoni ssaħħaħ u ġġedded
il-ħajja konsagrata u tagħmlilha
sejħa aktar qawwija biex terġa’
tmur lura lejn dak li hu l-aktar
safi fl-ispirazzjoni oriġinarja
tagħha. B’hekk ix-xhieda tagħha
tkun profetika u għajn mnejn
jinbtu vokazzjonijiet reliġjużi
ġodda. Nissuġġerixxu li nazzardaw
noħolqu ħajja
kkonsagrata
b’identità Amażonika bit-tisħiħ
tal-vokazzjonijiet
indiġeni.
Naqblu li l-persuni
kkonsagrati
jsiru parti minn u jivvjaġġaw
minn komunità għal oħra fost
l-aktar foqra u mwarrbin.
Il-proċessi tal-formazzjoni
jeħtieġ li jkunu aktar
iffokalizzati,
ibda mill-interkulturalità u
kompli bl-inkulturizzazzjoni
u d-djalogu bejn l-ispiritwalità
u l-viżjoni kożmika
tal-Amażonja.
ċ.
Il-preżenza u s-siegħa tal-mara
99. Il-Knisja fl-Amażonja trid
“twessa’ iżjed l-ispazji għal
preżenza femminli iktar inċiżiva
fil-Knisja” (EG 103).
“M’għandniex innaqqsu l-impenn
tan-nisa fil-Knisja,
anzi għandna nippromovu r-rwol
attiv tagħhom fil-komunità
ekkleżjali. Jekk il-Knisja
titlef in-nisa, fid-dimensjoni
sħiħa u reali tagħha, il-Knisja
tirriskja li ssir ħawlija” (il-Papa
Franġisku, Laqgħa
mal-Episkopat
Brażiljan,
Rio de Janeiro, 27 ta’ Lulju
2013).
100. Il-Maġisteru, ibda
mill-Konċilju Vatikan II, xeħet
id-dawl fuq il-post li tokkupa
l-mara bħala protagonista fi
ħdan il-Knisja: “Imma tasal
is-siegħa, is-siegħa waslet, li
fiha l-vokazzjoni tal-mara ssib
il-milja kollha tagħha,
is-siegħa li fiha l-mara tikseb
influwenza fis-soċjetà, firxa,
setgħa li qatt ma kellha. Huwa
għalhekk, f’dan
il-waqt
li fih l-umanità għaddejja minn
trasformazzjoni tant profonda,
illi n-nisa, mgħaddsin
fl-ispirtu tal-Evanġelju,
jistgħu jgħinu lill-umanità biex
ma tiddeġenerax” (Pawlu VI,
Messaġġ lin-nisa fi tmiem
il-Konċilju
Vatikan II,
8 ta’ Diċembru 1965).
101. L-għaqal tal-popli
anċestrali jafferma li ommna
l-art għandha wiċċ femminili.
Fid-dinja indiġena u f’dik tal-Punent,
in-nisa jaħdmu f’diversi oqsma,
fl-edukazzjoni tal-ulied,
fit-trasmissjoni
tal-fidi u tal-Evanġelju; huma
xhieda preżenti u responsabbli
għall-promozzjoni
umana, għaldaqstant hemm bżonn
li leħen in-nisa jinstama’, li
jkunu
kkonsultati
u jkollhom vuċi
fid-deċiżjonijiet li jittieħdu u
b’hekk, bis-sensibbiltà tagħhom,
ikunu jistgħu jagħtu sehemhom
fis-sinodalità
ekkleżjali. Napprezzaw
il-funzjoni tal-mara u nagħrfu
r-rwol fundamentali tagħha
fil-formazzjoni u l-kontinwità
tal-kulturi, fl-ispiritwalità,
fil-komunitajiet u fil-familji.
Jeħtieġ li l-leadership
tagħha fi ħdan il-Knisja
tassumih b’qawwa
akbar u li l-Knisja tagħraf dan
u tmexxih
’il
quddiem, bit-tisħiħ tas-sehem
tagħha fil-kunsilli pastorali
tal-parroċċi u tad-djoċesijiet,
kif ukoll fl-istanzi
governattivi.
102. Quddiem ir-realtà li
jgħaddu minnha n-nisa vittmi
tal-vjolenza fiżika, morali u
reliġjuża, inkluż
il-femminiċidju, il-Knisja tieħu
pożizzjoni ta’ difiża
tad-drittijiet tagħhom u
tagħtihom għarfien bħala
protagonisti u ħarriesa
tal-maħluq u “tad-dar komuni”.
Nagħrfu l-ministerjalità li Ġesù
ħalla f’idejn in-nisa. Hemm
bżonn immexxu
’l
quddiem il-formazzjoni tan-nisa
permezz ta’ studji tat-teoloġija
biblika,
it-teoloġija
sistematika,
id-dritt
kanoniku, nivvalorizzaw
il-preżenza tagħhom
fl-organizzazzjonijiet u l-leadership
tagħhom fi ħdan u
’l
barra mill-ambjent ekkleżjali.
Irridu nsaħħu r-rabtiet
familjari, speċjalment għan-nisa
migranti. Inkunu garanti
tal-ispazji fit-tmexxija u
tal-kompetenzi speċifiċi
tagħhom. Nitolbu reviżjoni
tal-Motu
Proprju
Ministeria quædam
ta’ San Pawlu VI, sabiex in-nisa
li jkunu
ffurmati
kif jixraq, ikunu jistgħu
jirċievu l-ministeri
tal-Lettorat u l-Akkolitat, fost
ministeri oħra li jistgħu
jagħmlu. Fil-kuntesti ġodda
tal-evanġelizzazzjoni u
tal-pastorali fl-Amażonja,
fejn il-biċċa l-kbira
tal-komunitajiet
Kattoliċi
huma mmexxijin min-nisa, nitolbu
li jinħoloq il-ministeru
istituzzjonali ‘mara mexxejja
tal-komunità’, billi dan
jingħata għarfien bħala servizz
għall-esiġenzi li jinbidlu kemm
tal-evanġelizzazzjoni
u kemm
tal-attenzjoni lejn
il-komunitajiet.
103. Fil-ħafna
konsultazzjonijiet li saru
fl-Amażonja, ingħata għarfien u
saret enfasi fuq ir-rwol
fundamentali tar-reliġjużi nisa
u tan-nisa lajċi fil-Knisja
Amażonika
u fil-komunitajiet tagħha,
fid-dawl tal-għadd kbir ta’
servizzi li joffru. F’ħafna minn
dawn il-konsultazzjonijiet saret
talba għad-djakonat permanenti
tan-nisa. Għal din
ir-raġuni,
dan
is-suġġett
tkellimna ħafna dwaru anki waqt
is-Sinodu. Fl-2016 il-Papa
Franġsiku kien diġà ħatar
kummissjoni ta’ studju dwar
id-djakonat tan-nisa, u din
il-kummissjoni
waslet għal riżultat parzjali
dwar kif kienet ir-realtà
tad-djakonat tan-nisa fl-ewwel
sekli tal-Knisja u
l-implikazzjonijiet attwali.
Għalhekk ikun ta’ pjaċir għalina
naqsmu l-esperjenzi u
r-riflessjonijiet tagħna
mal-Kummissjoni u nistennew
ir-riżultati.
d. Djakonat permanenti
104. Hemm
urġenza ta’ promozzjoni,
formazzjoni u sapport tad-djakni
permanenti fil-Knisja Amażonika
minħabba l-importanza ta’ dan
il-ministeru fil-komunitajiet, u
b’mod partikolari, minħabba
s-servizz ekkleżjali mitlub minn
bosta komunitajiet, speċjalment
mill-popli indiġeni. L-esiġenzi
pastorali speċifiċi
tal-komunitajiet
Insara
tal-Amażonja jfehmuna b’mod
aktar wiesa’
kemm hu importanti d-djakonat,
servizz li ilu jeżisti sa
mill-bidu tal-Knisja u li reġa’
ddaħħal bħala grad awtonomu u
permanenti mill-Konċilju Vatikan
II (ara
LG 29, AG 16, OE 17).
Id-djakonat illum għandu wkoll
imexxi
’l
quddiem l-ekoloġija integrali,
l-iżvilupp uman, il-pastorali
soċjali, is-servizz lil min isib
ruħu f’kundizzjoni ta’
vulnerabbiltà u faqar, imfassal
fuq Kristu Qaddej, biex
il-Knisja tkun ħanina,
Samaritana, solidali u
djakonali.
105. Il-presbiteri għandhom
iżommu f’moħħhom li d-djaknu
qiegħed hemm għas-servizz
tal-komunità b’mandat ġej
mill-awtorità tal-Isqof,
u għandhom id-dmir li
jissapportjaw lid-djakni
permanenti u jaħdmu f’komunjoni
magħhom. Hemm bżonn niftakru
dejjem li hemm bżonn nieħdu
ħsieb id-djakni permanenti. Dan
jinkludi l-proċess vokazzjonali
skont il-kriterji
tal-ammissjoni. Il-motivazzjoni
tal-kandidat għandha tkun dejjem
orjentata lejn is-servizz u
l-missjoni tad-djakonat
permanenti fil-Knisja u
fid-dinja tal-lum. Il-proġett
ta’ formazzjoni jinqasam bejn
studju akkademiku u prattika
pastorali, akkumpanjat minn
grupp ta’ formazzjoni u
mill-komunità parrokkjali,
b’kontenut u itinerarji
addattati għal kull realtà
lokali. Ikun ta’ benefiċċju
kieku anki l-mara u l-ulied
jipparteċipaw fil-proċess ta’
formazzjoni.
106. Il-programm ta’ studju
(il-kurrikulu) għall-formazzjoni
tad-djakonat permanenti,
minbarra s-suġġetti
obbligatorji, għandu jinkludi
wkoll aspetti li jiffavorixxu
d-djalogu ekumeniku,
interreliġjuż u interkulturali,
l-istorja tal-Knisja
fl-Amażonja, l-affettività u
s-sesswalità, il-viżjoni kożmika
indiġena, l-ekoloġija integrali
u suġġetti oħra trasversali
tipiċi tal-ministeru
tad-djakonat. Il-gruppi
tal-formazzjoni jkunu
ffurmati minn ministri ordnati u
lajċi kompetenti skont
il-Direttorju tad-Djakonat
Permanenti
approvat f’kull pajjiż. Għandna
ninkoraġġixxu, insostnu u
nakkumpanjaw personalment
il-proċess vokazzjonali u
l-formazzjoni tad-djakni
permanenti tal-futur fost
il-komunitajiet li jgħixu fuq
ix-xtut tax-xmajjar u dawk
indiġeni, bis-sehem
tal-kappillani, tar-reliġjużi
rġiel u nisa. Fl-aħħar, inżidu
li għandu jkun
hemm
programm ta’ akkumpanjament lejn
il-formazzjoni permanenti
(spiritwalità, formazzjoni
teoloġika, kwistjonijiet
pastorali, it-tqegħid fis-seħħ
tad-dokumenti tal-Knisja,
u l-bqija),
bit-tmexxija tal-Isqof.
e. Toroq ta’ formazzjoni
inkulturata
107. “Intikom ragħajja
skont qalbi” (Ġer 3:15).
Din
il-wegħda,
għax hi divina, tgħodd
għaż-żminijiet kollha u
għas-sitwazzjonijiet kollha,
għalhekk tgħodd ukoll
għall-Amażonja. Peress li
timmira biex tkun xbieha ta’
Kristu saċerdot, il-formazzjoni
tal-ministeru ordnat għandha
tkun skola komunitarja ta’
fraternità, esperjenzjali,
spiritwali, pastorali u duttrinali,
b’kuntatt mar-realtà
tal-persuni, f’armonija
mal-kultura u r-reliġjożità
lokali, qrib il-foqra. Hemm
ħtieġa li nħejju ragħajja
tajbin li jgħixu l-Bxara t-Tajba
tas-Saltna, ikunu jafu sew
il-liġijiet kanoniċi, ikollhom
id-don tal-kompassjoni,
ikunu jixbhu
kemm jista’
jkun lil Ġesù,
u li l-ħidma tagħhom timmira
biss li tagħmel ir-rieda
tal-Missier, imżoqqin
bl-Ewkaristija u l-Iskrittura
Mqaddsa. Għalhekk, formazzjoni
biblika, fis-sens li jassimilaw
lil Ġesù kif narawh
fl-Evanġelji: qrib tal-persuni,
bil-ħila li jisma’, li jfejjaq,
li jfarraġ bil-paċenzja bla ma
jistenna xejn lura,
imma li fih tkun tidher
it-tenerezza tal-qalb ta’
Missieru.
108. Biex lill-presbiteri futuri
tal-Knisja fl-Amażonja
noffrulhom formazzjoni bil-wiċċ
Amażoniku, integrata u addattata
għar-realtà,
ikkunteswalizzata
u kapaċi twieġeb għall-isfidi
pastorali u missjunarji bla
għadd, nipproponu li jkun hemm
pjan ta’ formazzjoni konsistenti
mal-isfidi tal-Knejjes lokali u
mar-realtà Amażonika.
Fil-kontenut akkademiku għandu
jkun hemm materji ta’ studju
tal-ekoloġija integrali,
tal-ekoteoloġija, tat-teoloġja
tal-ħolqien, tat-teoloġija
tal-indji, ta’ spiritwalità
ekoloġika, tal-istorja
tal-Knisja fl-Amażonja,
tal-antropoloġija kulturali
Amażonika,
u l-bqija.
Iċ-ċentri ta’ formazzjoni
għall-ħajja saċerdotali u
kkonsagrata,
preferibbilment għandhom jidħlu
fir-realtà Amażonika bl-għan li
jiffavorixxu l-kuntatt maż-żagħżugħ
Amażoniku li jkun qed jieħu
l-formazzjoni, mar-realtà ta’
madwaru hu u jitħejja
għall-missjoni futura tiegħu,
biex b’hekk ikun żgur li
l-proċess ta’ formazzjoni ma
jkunx maqtugħ mill-kontenut
vitali tal-persuni u l-kultura
tagħhom. Minbarra dan, ta’ min
joffri lil żgħażagħ oħra li
mhumiex Amażoniċi l-opportunità
li jiffurmaw ruħhom fl-Amażonja
biex
dan
ikun ta’ fejda għal aktar
vokazzjonijiet missjunarji.
f. L-Ewkaristija, għajn u
quċċata tal-komunjoni sinodali
109. Skont il-Konċilju Vatikan
II, is-sehem fl-Ewkaristija hu
l-għajn u l-quċċata tal-ħajja
Nisranija
kollha kemm hi; hi s-sinjal
u l-quċċata tal-ħajja
tal-komunità
Nisranija
kollha kemm hi. Fl-Ewkaristija
hemm il-ġid spiritwali kollu
tal-Knisja; hija l-għajn u
l-quċċata ta’ kull
evanġelizzazzjoni. Inkunu eku
ta’ dak li kien qal San Ġwanni
Pawlu II: “Il-Knisja tgħix
bl-Ewkaristija” (Ecclesia de
Eucharistia, 1). L-Istruzzjoni
tal-Kongregazzjoni għall-Kult
Divin Redemptoris sacramentum
(2004) tinsisti li l-fidili
għandhom dritt
għaċ-ċelebrazzjoni
Ewkaristika
kif stabbilit fil-kotba u
fin-normi liturġiċi. Madankollu
hija stramba li titkellem dwar
id-dritt, u dritt fundamentali,
li l-Ewkaristija għandha tkun
aċċessibbli għal kulħadd:
“Fl-Ewkaristija diġà seħħet
il-milja sħiħa u hija l-qalba
ħajja tal-univers, il-qalba
mfawra bl-imħabba u l-ħajja bla
tmiem. Imxierek mal-Iben
inkarnat, preżenti
fl-Ewkaristija, l-univers kollu
jrodd ħajr lil Alla. Fil-fatt
l-Ewkaristija hi minnha nfisha
att ta’ mħabba kożmika”
(LS 236).
110. Jeżisti d-dritt
tal-komunità li jkollha
ċ-ċelebrazzjoni, dritt ġej
mill-essenza tal-Ewkaristija u
mill-post li għandha
fl-ekonomija tas-salvazzjoni.
Il-ħajja sagramentali u
l-integrazzjoni
tad-dimensjonijiet varji
tal-ħajja umana fil-Misteru
tal-Għid, isaħħuna. Għal din
ir-raġuni
l-komunitajiet verament attivi
qed jippretendu li jkollhom
iċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija. Bla dubju din
hi l-għan aħħari (quċċata u
milja)
tal-komunità. Imma, fl-istess
ħin hi wkoll il-punt tat-tluq:
tal-laqgħa, rikonċiljazzjoni,
tagħlim u katekeżi, ta’ tkabbir
tal-komunità.
111. Ħafna mill-komunitajiet
ekkleżjali fit-territorju
Amażoniku għandhom
diffikultajiet kbar biex
ikollhom l-Ewkaristija. Kultant
jgħaddu mhux biss xhur, imma
saħansitra snin qabel ma xi
saċerdot ikun jista’ jżur
lill-komunità biex jiċċelebra
l-Ewkaristija, joffri
s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni
u jiċċelebra d-Dilka lill-morda
tal-komunità. Aħna napprezzaw
iċ-ċelibat bħala rigal ta’ Alla
(ara
Sacerdotalibus
cælibatus,
1) fil-qies li dan ir-rigal
jippermetti lid-dixxiplu
missjunarju, ordnat bħala
presbiteru, li jiddedika ruħu
kompletament għas-servizz
tal-Poplu Mqaddes ta’
Alla. Dan is-servizz hu stimolu
għall-karità pastorali u nitolbu
sabiex ikun hemm ħafna
vokazzjonijiet li jgħixu
s-saċerdozju fiċ-ċelibat. Nafu
li din
is-sitwazzjoni
“mhix mitluba mill-istess natura
tas-saċerdozju” (PO 16),
minkejja li għal ħafna
raġunijiet hemm rabta ta’
konvivenza miegħu. Fl-Enċiklika
dwar iċ-ċelibat saċerdotali, San
Pawlu VI żamm din
il-liġi,
u ta r-raġunijiet teoloġiċi,
spiritwali u pastorali bħala
ġustifikazzjoni. Fl-1992, l-Eżortazzjoni
postsinodali ta’ San Ġwanni
Pawlu II dwar il-formazzjoni
għas-saċerdozju kkonfermat din
it-tradizzjoni tal-Knisja (PDV
29). Meta tqis li d-diversità
leġittima ma tagħmilx ħsara
lill-komunjoni u l-għaqda
tal-Knisja, anzi timmanifestaha
u hi ta’ servizz għaliha (ara LG
13; OE 6), kif inhi xhieda
l-pluralità tar-riti u
tad-dixxiplini eżistenti,
nissuġġerixxu illi, fid-dawl
tal-Lumen
gentium
26, l-awtorità kompetenti
tistabbilixxi kriterji u
dispożizzjonijiet biex tordna
rġiel addattati u magħrufin
mill-komunità, illi, filwaqt li
għandhom familja kostitwita
leġittimament
u stabbli, ikollhom djakonat
permanenti għammiel u jingħataw
formazzjoni xierqa
għall-presbiterat, bl-għan li
jkunu ta’ sostenn għall-ħajja
tal-komunità
Nisranija
bil-predikazzjoni tal-Kelma u
ċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti,
fiż-żoni l-aktar imwarrbin
tar-reġjun Amażoniku. Għal dan
il-għan, uħud qablu li dan
l-argument jingħata attenzjoni
universali.
Toroq ġodda għas-sinodalità
ekkleżjali
a. Strutturi sinodali reġjonali
fil-Knisja Amażonika
112.
Il-parti l-kbira
tad-Djoċesijiet, tal-Prelaturi u
tal-Vigarjati tal-Amażonja huma
territorji mifruxa ħafna,
għandhom ftit ministri ordnati u
riżorsi finanzjarji tagħhom
batuti, għandhom diffikultajiet
kbar biex isostnu l-missjoni.
‘Il-prezz tal-Amażonja’ għandu
riperkussjonijiet gravi fuq
l-evanġelizzazzjoni.
Quddiem din
ir-realtà
hemm bżonn li jinbidel il-mod
kif huma organizzati l-Knejjes
lokali, jerġgħu jitfasslu
l-istrutturi tal-komunjoni fuq
livell provinċjali, reġjonali u
nazzjonali u wkoll mill-aspett
Panamażoniku.
Għaldaqstant jeħtieġ ikunu
ċċarati l-ispazji sinodali u
jinħolqu xbieki ta’ sapport
solidali. Urġenti li mmorru
’l
hinn mill-fruntieri imposti
mill-ġeografija
u nibnu pontijiet li
jgħaqqduhom. Id-Dokument ta’
Aparecida kien diġà insista li
l-Knejjes lokali għandhom
jiġġeneraw assoċjazzjonijiet
interdjoċesani f’kull nazzjon
jew bejn il-pajjiżi tal-istess
reġjun u biex ikunu ffaċilitati
relazzjonijiet akbar bejn
il-Knejjes aħwa (ara DAp 182).
Fid-dawl
ta’ Knisja preżenti, solidali u
Samaritana, nissuġġerixxu: li
jiċċekknu l-firxiet ġeografiċi
enormi tad-djoċesijiet,
tal-vigarjati u tal-prelaturi;
jinħoloq fond Amażoniku biex
isostni l-evanġelizzazzjoni; li
l-aġenziji internazzjonali
tal-koperazzjoni
Kattolika
jkunu sensibilizzati
u
inkuraġġiti
biex isostnu l-attivitajiet
tal-evanġelizzazzjoni lil hinn
mill-proġetti soċjali.
113. Fl-2015, fit-tifkira tal-50
anniversarju mit-twaqqif
tas-Sinodu tal-Isqfijiet minn
San Pawlu VI, il-Papa Franġisku
stedinna nġeddu l-komunjoni
sinodali fid-diversi livelli
tal-ħajja tal-Knisja: lokali,
reġjonali u universali.
Fil-Knisja qed jiżviluppa mod
imġedded ta’ kif tifhem
is-sinodalità fuq skala
reġjonali. Imsaħħa
mit-tradizzjoni, il-Kummissjoni
Teoloġika Internazzjonali
tafferma: “Il-livell reġjonali
fit-tħaddim tas-sinodalità hu
dak li jingħax
bil-formazzjoni ta’ gruppi ta’
Knejjes partikolari preżenti
fl-istess reġjun: Provinċja, kif
kien isir fuq kollox fl-ewwel
sekli tal-Knisja, jew pajjiż,
kontinent jew parti minnu” (CTI,
Is-sinodalità fil-ħajja u
l-missjoni tal-Knisja, 2 ta’
Marzu 2018, n. 85). It-tħaddim
tas-sinodalità fuq dan
il-livell
isaħħaħ ir-rabtiet spiritwali u
istituzzjonali, jiffavorixxi
l-iskambju tad-doni u jgħin biex
jitfasslu kriterji pastorali
komuni. Il-pastorali soċjali
konġunta tad-djoċesijiet
li jinsabu fejn il-fruntieri
tal-pajjiżi għandha tissaħħaħ
biex tkun tista’ taffronta
problemi komuni li jmorru
’l
hinn mill-ambitu
lokali, bħalma hu l-isfruttament
tal-persuni u tat-territorju,
it-traffikar tad-droga,
il-korruzzjoni, in-negozjar
tal-essri umani,
u l-bqija.
Il-Knejjes tal-fruntieri
għandhom jaffrontaw il-fenomenu
migratorju b’kordinazzjoni
bejniethom.
b. L-Università
u strutturi sinodali Amażoniċi
ġodda
114. Nissuġġerixxu li titwaqqaf
Università Kattolika Amażonika
mibnija fuq ir-riċerka
interdixxiplinarja (inkluż
studji prattiċi fil-post),
l-inkulturizzazzjoni
u d-djalogu interkulturali;
it-teoloġija inkulturata għandha
tara li fil-formazzjoni,
il-ministeri lajċi u s-saċerdoti
fil-formazzjoni jkunu flimkien,
u tkun imsejsa prinċipalment fuq
l-Iskrittura Mqaddsa.
L-attivitajiet tar-riċerka,
l-edukazzjoni
u x-xandir għandhom jinkludu
programmi ta’ studju ambjentali
(għarfien teoretiku bbażat fuq
id-dehen tal-popli li jgħixu
fir-reġjun Amażoniku) u studji
etniċi (deskrizzjoni tad-diversi
lingwi,
u l-bqija).
Il-formazzjoni tal-għalliema,
it-tagħlim u l-produzzjoni
tal-materjal didattiku
għandhom jirrispettaw
l-użanzi u t-tradizzjonijiet
tal-popli indiġeni bil-ħolqien
ta’ materjal didattiku
inkulturat u jorganizzaw
attivitajiet biex dan jixtered
fid-diversi pajjiżi u reġjuni.
Nitolbu lill-universitajiet
Kattoliċi
tal-Amerika Latina biex jagħtu
sehemhom ħalli tinħoloq
Università Kattolika Amażonika u
sabiex jakkumpanjaw l-iżvilupp
tagħha.
ċ.
Organiżmu Ekkleżjali Reġjonali
Postsinodali għar-reġjun
Amażoniku
115. Nissuġġerixxu li jinħoloq
organiżmu episkopali li jmexxi
’l
quddiem is-sinodalità bejn
il-Knejjes tar-reġjun, li jgħin
biex jabbozza l-wiċċ Amażoniku
ta’ din
il-Knisja
u jkompli l-ħidma biex jinstabu
toroq ġodda għall-missjoni
evanġelizzattriċi,
li
tinkludi
b’mod speċjali l-proposta
tal-ekoloġija integrali, biex
b’hekk tissaħħaħ il-bixra
tal-Knisja Amażonika. Dan ikun
organiżmu episkopali permanenti
u rappreżentattiv li jmexxi
’l
quddiem is-sinodalità fir-reġjun
Amażoniku, organizzat flimkien
maċ-CELAM, bi struttura proprja,
organizzazzjoni sempliċi li tkun
marbuta wkoll mar-REPAM. B’hekk
dan jista’ jsir kanal effikaċi
biex, ibda mit-territrorju
tal-Knisja
Latino-Amerikana
u
Karajbika,
jilqa’ ħafna mill-proposti li
saru f’dan is-Sinodu. Ikun il-ħolqa
li tista’ tesprimi ruħha f’xibka
u inizjattivi ekkleżjali u
soċjoambjentali fuq livell
kontinentali u internazzjonali.
d. Rit għall-popli oriġinarji
116. Il-Konċilju Vatikan II
fetaħ spazji għall-pluraliżmu
liturġiku għal “diversitajiet
leġittmi u addattamenti leġittmi
fost gruppi etniċi varji,
reġjuni u popli” (SC 38). F’dan
is-sens,
il-liturġija għandha tkun
tweġiba għall-kultura sabiex din
tkun l-għajn u l-quċċata
tal-ħajja
Nisranija
(ara
SC 10) u biex tħossha marbuta
sfiq mat-tbatijiet u l-ferħat
tal-poplu. Jeħtieġ nagħtu
tweġiba awtentikament
Kattolika
għat-talba tal-komunitajiet
Amażoniċi biex naddattaw
il-liturġija ħalli tivvalorizza
l-viżjoni kożmika, it-tradizzjonijiet,
is-simboli u r-riti oriġinali li
jinkludu d-dimensjoni
traxxendenti, komunitarja u
ekoloġika.
117. Fil-Knisja
Kattolika
hemm 23
Rit
differenti, sinjal ċar ta’
tradizzjoni li sa mill-ewwel
sekli fittxet l-inkulturizzazzjoni
tal-kontenuti tal-fidi u ċ-ċelebrazzjoni
tagħha permezz ta’ lingwaġġ
mill-aktar possibbli koerenti
mal-misteru li wieħed ikun irid
jistqarr. Dawn it-tradizzjonijiet
kollha għandhom il-bidu tagħhom
marbut mal-missjoni tal-Knisja:
“Il-Knejjes tal-istess żona ġeografika
u kulturali waslu biex
jiċċelebraw il-Misteru ta’
Kristu b’espressjonijiet
partikolari,
ikkaratterizzati
kulturalment: fit-tradizzjoni
‘tad-depożitu tal-fidi’,
fis-simboliżmu liturġiku, fl-organizzazzjoni
tal-komunjoni fraterna, kif
jifhmu t-teoloġija tal-misteri
fl-għamliet varji tal-qdusija” (KKK
1202;
ara wkoll
KKK 1200-1206).
118. Jeħtieġ li l-Knisja, fl-opra
tal-evanġelizzazzjoni bla heda
tagħha, taħdem biex il-proċess
tal-inkulturizzazzjoni tal-fidi
jkun mistqarr fl-għamliet mill-aktar
koerenti, sabiex ikun iċċelebrat
u
jingħax
ukoll skont il-lingwi proprji
tal-popli Amażoniċi. Hemm
urġenza li jkunu ffurmati
kummissjonijiet għat-traduzzjoni
u l-istampar tat-testi bibliċi u
liturġiċi bil-lingwi proprji
tal-postijiet differenti, bir-riżorsi
meħtieġa, filwaqt li
jippreservaw is-sustanza
tas-sagramenti u jaddattawhom
għall-forma, bla ma jitilfu dak
li hu essenzjali. F’dan
is-sens
hemm bżonn
ninkuraġġixxu
l-mużika u l-kant, kollox
aċċettat u inkoraġġit mil-liturġija.
119. L-organiżmu l-ġdid
tal-Knisja fl-Amażonja għandu
jwaqqaf kummissjoni kompetenti
biex tistudja u tiddjaloga,
skont il-prattiċi u l-użanzi
tal-popli anċestrali, bil-perspettiva
li jkun elaborat
Rit
Amażoniku li jesprimi l-patrimonju
liturġiku, teoloġiku,
dixxiplinarju u spiritwali
tal-Amażonja, b’riferiment
partikolari għal dak li hemm
affermat fil-Lumen
gentium
dwar il-Knejjes
Orjentali
(ara LG 23). Dan jiżdied mar-Riti
li diġà jeżistu fil-Knisja, jagħni
l-opra tal-evanġelizzazzjoni,
il-ħila li wieħed jesprimi l-fidi
skont il-kultura tiegħu, is-sens
ta’ deċentralizzazzjoni
u kolleġġjalità li tista’
tesprimi l-kattoliċità
tal-Knisja. Jista’
jkun studjat ukoll il-mod kif
jistgħu jistagħanu
r-Riti
ekkleżjali li bihom dawn
il-popli jieħdu ħsieb
it-territorju tagħhom u
jirrelataw mal-ilmijiet tiegħu.
KONKLUŻJONI
120. Intemmu taħt il-protezzjoni
ta’ Marija, Omm l-Amażonja,
meqjuma b’titli differenti
fir-reġjun kollu.
Bl-interċessjoni tagħha nitolbu
li dan is-Sinodu jkun
espressjoni konkreta
tas-sinodalità sabiex il-ħajja
sħiħa li Ġesù ġie jwassal
lid-dinja (ara
Ġw 10:10)
tilħaq lil kulħadd, speċjalment
lill-foqra, u tkun kontribut
għall-kura ‘tad-dar komuni’.
Jalla Marija, Omm l-Amażonja,
takkumpanja l-mixi tagħna; lil
San Ġużepp, kustodju fidil ta’
Marija u Ibnu Ġesù,
nikkonsagrawlu l-preżenza
ekkleżjali fl-Amażonja, Knisja
bil-wiċċ Amażoniku u fi ħruġ
missjunarju.
|