L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Perfectae Caritatis

 

 

 

 

 

 

Aktar dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II u ta' Konċilji oħra ...

 

DIGRIET TAL-KONĊILJU VATIKAN II

DWAR

IL-MINISTERU U L-ĦAJJA TAL-PRESBITERI

''PRESBYTERORUM ORDINIS''

7 ta’ Diċembru 1965

  

 

 

 

 

©  Edizzjoni Studia 1982, 2003

Riprodotta fil-Laikos bil-permess tal-Moviment Azzjoni Soċjali

Ħajr lil Ms Carmen Galea għat-typing

 

 


 

WERREJ

 

1 Daħla

Kap I: IL-PRESBITERAT FIL-MISSJONI TAL-KNISJA

2 Natura tal-presbiterat

3 Kondizzjonijiet tal-Presbiteri fid-dinja

 

Kap II: IL-MINISTERU TAL-PRESBITERI

I ID-DMIRIJIET TAL-PRESBITERI

4 Il-Presbiteri, ministri tal-kelma ta' Alla

5 Il-Presbiteri, ministri tas-Sagramenti u tal-Ewkaristija

6 Il-Presbiteri, edukaturi tal-poplu ta' Alla

 

II RELAZZJONIJIET TAL-PRESBITERI MA' OĦRAJN

7 Relazzjonijiet bejn il-Presbiteri u l-Isqof

8 Unjoni u koperazzjoni tal-aħwa tal-Presbiteri bejniethom

9 Relazzjonijiet tal-Presbiteri mal-lajċi

 

III IT-TQASSIM TAL-PRESBITERI U L-VOKAZZJONIJIET SAĊERDOTALI

10-11 Ħerqa tal-Presbiteri għall-Knisja kollha

 

Kap III: IL-ĦAJJA TAL-PRESBITERI

I IS-SEJĦA TAL-PRESBITERI GĦALL-PERFEZZJONI

12 L-obbligu li l-Presbiteri jaspiraw għall-perfezzjoni

13 L-eżerċizzju tad-dmirijiet saċerdotali jesiġi l-qdusija

14 Unità u armonija tal-ħajja tal-Presbiteri

 

II ĦTIĠIET SPIRITWALI PARTIKOLARI FIL-ĦAJJA TAL-PRESBITERI

15 Umiltà u ubbidjenza

16 Iċ-ċelibat huwa grazzja

17 Faqar volontarju u atteġġjament lejn id-dinja u l-ġid tagħha

 

III GĦAJNUNIET GĦALL-ĦAJJA TAL-PRESBITERI

18 Mezzi li jgħinu l-ħajja spiritwali

19 Studju u xjenza pastorali

20 Rimunerazzjoni xierqa

21 Fond komuni u previdenza soċjali

 

Għeluq u Eżortazzjoni

22 Fiduċja f'Alla fil-qadi tal-missjoni għolja

 

 



 

DIGRIET FUQ

IL-MINISTERU U L-ĦAJJA TAL-PRESBITERI

''PRESBYTERORUM ORDINIS''

Daħla

1.       Dan il-Konċilju Mqaddes diġà semma bosta drabi l-Ordni tal-Presbiteri biex ifakkar lil kulħadd x'dinjità għolja għandu fil-Knisja[1]. Iżda billi fit-tiġdid tal-Knisja ta’ Kristu dan l-Ordni qiegħed jingħatalu sehem li hu mill-aktar importanti u li kulma jmur qiegħed isir aktar diffiċli, il-Konċilju deherlu li jkun ta' siwi kbir jekk dwar il-Presbiteri jittratta aktar fit-tul u b'mod iżjed profond. Kulma se jingħad hawnhekk jgħodd għall-Presbiteri kollha, u l-iżjed għal dawk li huma mogħtija biex jieħdu ħsieb l-erwieħ; u f’dak li jolqot lill-Presbiteri reliġjużi, isiru l-addattamenti meħtieġa. Bl-ordinazzjoni mqaddsa u l-missjoni li jirċievu mill-Isqfijiet, il-Presbiteri jittellgħu biex jaqdu lil Kristu Mgħallem, Saċerdot u Sultan, u jieħdu sehem mill-ministeru tiegħu li bih il-Knisja hawn fl-art il-ħin kollu qiegħda tinbena biex issir Poplu ta’ Alla, Ġisem ta’ Kristu u Tempju tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk, biex il-Presbiteri jaqdu l-ministeru tagħhom b’ġid aqwa, u biex il-ħajja tagħhom ikollha għajnuna aħjar fiċ-ċirkustanzi pastorali u umani li sikwit jitbiddlu mill-qiegħ, dan il-Konċilju Mqaddes jiddikjara u jistabilixxi dan li ġej.


 

Kap I

1. IL-PRESBITERAT FIL-MISSJONI TAL-KNISJA

Natura tal-presbiterat

2.       Sidna Ġesù, “li l-Missier ikkonsagrah u bagħtu fid-dinja” (Ġw 10, 36), mill-unzjoni li hu nnifsu ħa mill-Ispirtu[2] ta sehem lill-Ġisem mistiku tiegħu kollu: fih il-fidili kollha jsiru saċerdozju qaddis u rjali, joffru sagrifiċċji spiritwali ‘l Alla permezz ta’ Ġesú Kristu, u jħabbru l-għemejjel kbar ta’ dak li sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb[3]. Għalhekk m'hemm ebda membru li ma għandux sehem mill-missjoni tal-Ġisem kollu; kull wieħed minnhom għandu jqaddes f’qalbu lil Ġesù[4], u bl-ispirtu tal-profezija jagħti x-xhieda ta’ Ġesù[5].

          Iżda biex il-fidili jingħaqdu f’ġisem wieħed, li fih “mhux il-membri kollha għandhom l-istess xogħol” (Rum 12,4), Sidna nnifsu qiegħed lil xi wħud fosthom ministri biex fil-għaqda tal-fidili jkollhom is-setgħa mqaddsa tal-Ordni ħalli joffru s-sagrifiċċju, jaħfru d-dnubiet[6], u f’isem Kristu jaqdu quddiem kulħadd l-uffiċċju ta’ saċerdoti għall-bnedmin. Għalhekk Kristu bagħat l-Appostli, bħalma hu nnifsu ntbagħat mill-Missier[7], u, permezz ta’ l-istess Appostli ta sehem mill-konsagrazzjoni u mill-missjoni tiegħu lill-Isqfijiet, li huma s-suċċessuri tagħhom[8]; l-uffiċċju tal-ministeru ta’ dawn imbagħad ingħadda wkoll, fi grad subordinat, lill-Presbiteri[9], li tqiegħdu fl-ordni tal-presbiterat biex ikunu kooperaturi tal-Ordni ta’ l-Isqfijiet[10], u b’hekk il-missjoni appostolika mogħtija minn Kristu tkun mitmuma kif imiss.

            L-uffiċċju tal-Presbiteri, marbut kif inhu mal-Ordni tal-Isqfijiet għandu sehem mill-awtorità li biha Kristu nnifsu jibni l-Ġisem tiegħu u jqaddsu u jmexxih. Għalhekk, għalkemm s-saċerdozju tal-Presbiteri jissupponi s-Sagramenti tal-bidu tal-ħajja nisranija, hu jingħata permezz ta’ dak is-Sagrament partikolari li bih il-Presbiteri, bis-saħħa tal-konsagrazzjoni tagħhom mill-Ispirtu s-Santu, jirċievu fihom infushom karattru speċjali, u hekk jixxiebħu ma’ Kristu saċerdot, b’mod li jkollhom il-qawwa li jaġixxu fil-persuna ta’ Kristu r-Ras[11].

            Ladarba l-Presbiteri għandhom sehem kemm imiss lilhom mill-uffiċċju ta’ l-Appostli, Alla jagħtihom il-grazzja li jkunu ministri ta’ Ġesú Kristu fost il-ġnus, bil-ministeru mqaddes tal-Evanġelju, biex l-offerta tal-ġnus tingħoġob u titqaddes bl-Ispirtu s-Santu[12]. Għax tħabbir appostoliku tal-Evanġelju l-Poplu ta’ Alla jinġabar u jinġama' hekk li dawk kollha li huma membri ta’ dan il-Poplu, imqaddsin bl-Ispirtu s-Santu, joffru lilhom infushom bħala “sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla” (Rum 12, 1). Dan is-sagrifiċċju spiritwali tal-fidili mbagħad isir perfett għax permezz tal-ministeru tal-Presbiteri jingħaqad ħaġa waħda mas-sagrifiċċju ta’ Kristu, il-Medjatur Waħdani; minn idejn il-Presbiteri, f’isem il-Knisja kollha, ikun offert sagramentalment u bla tixrid ta’ demm fil-misteru tal-Ewkaristija, sa ma jiġi l-Mulej innifsu[13]. Dan huwa l-iskop tal-ministeru tal-Presbiteri, u fih isib il-perfezzjoni tiegħu. Is-servizz tagħhom, li jibda mit-tħabbir tal-Evanġelju, jieħu l-qawwa u l-effikaċja tiegħu mis-sagrifiċċju ta’ Kristu; l-għan tiegħu hu li ''il-belt il-mifdija kollha, jiġifieri l-ġemgħa u x-xirka tal-qaddisin, tkun offerta bħala sagrifiċċju universali ‘l Alla permezz tas-Saċerdot il-Kbir, li fil-Passjoni tiegħu offra wkoll lilu nnifsu għalina, ħalli nsiru l-ġisem li jixraq lil Ras hekk għolja”[14].

            Mela l-iskop li l-Presbiteri jridu jilħqu bil-ministeru u l-ħajja tagħhom hu li tingħata glorja ‘l Alla l-Missier permezz ta’ Kristu. U din il-glorja tingħatalu billi l-bnedmin, b’għajnejhom miftuħa, bil-libertà u b’radd ta’ ħajr, jilqgħu fihom infushom l-opra ta’ Alla mitmuma fi Kristu, u jagħmluha tidher fil-ħajja kollha tagħhom. Għalhekk il-Presbiteri, bit-talb u l-adorazzjoni tagħhom, bix-xandir tal-kelma, bl-offerta tas-sagrifiċċju Ewkaristiku, bl-amministrazzjoni tas-Sagramenti l-oħra, u wkoll bis-servizzi l-oħra li jagħtu lill-bnedmin, jikkontribwixxu kemm biex lil Alla titkattarlu l-glorja u kemm biex il-bnedmin jimxu 'l quddiem fil-ħajja tal-grazzja. Dan il-frott kollu għandu l-għajn tiegħu fil-Għid ta’ Kristu, u għad jintemm fil-miġja glorjuża ta’ l-istess Mulej, meta dan jerħi s-Saltna f'idejn Alla l-Missier[15].

 

Kondizzjonijiet tal-Presbiteri fid-dinja

3.       Il-Presbiteri, meħudin minn fost il-bnedmin u mqegħdin għall-bnedmin f’dak li jmiss lil Alla biex joffru doni u sagrifiċċji għad-dnubiet[16], jgħaddu ħajjithom bħal aħwa mal-bqija tal-bnedmin. Hekk ukoll il-Mulej Ġesù, Bin Alla mibgħut mill-Missier bħala bniedem fost il-bnedmin, għammar fostna, u ried ikun bħall-aħwa f’kollox, barra mid-dnub[17]. L-eżempju tiegħu imitawh l-Appostli; u San Pawl, id-duttur tal-ġnus, “maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla” (Rum 1,1), jixhed li hu sar kollox għal kulħadd biex isalva lil kulħadd[18].  Il-Presbiteri tat-Testment il-Ġdid, bis-sejħa u l-ordinazzjoni tagħhom, b’xi mod jingħażlu għalihom fi ħdan il-Poplu ta’ Alla, mhux biex jinfirdu minnu jew minn xi ħadd mill-bnedmin, iżda biex jingħataw kollhom kemm huma għall-ħidma li għaliha Alla ħatarhom[19]. Għax ma kienux jistgħu jkunu ministri ta’ Kristu jekk ma jkunux xhieda lill-bnedmin ta' ħajja oħra li diversa minn dik ta’ din l-art, u ma jqassmuhilhomx, kif min-naħa l-oħra anqas ma kien ikunu jistgħu jaqdu l-bnedmin kieku kellhom jibqgħu barranin għall-ħajja u l-kondizzjonijiet tal-bnedmin[20].  Tassew li l-ministeru tagħhom minnu nnifsu jitlob b’raġuni speċjali li ma jfasslux ħajjithom fuq ix-xejra ta’ din id-dinja[21], imma fl-istess ħin jitlob ukoll li huma jgħixu f’din id-dinja fost il-bnedmin, jagħrfu bħala rgħajja tajba in-nagħġiet tagħhom u jfittxu li jiġbdu wkoll lil dawk li mhumiex minn din il-merħla ħalli huma wkoll jisimgħu l-leħen ta’ Kristu u jkun hemm merħla waħda u  Ragħaj wieħed[22]. U biex  iseħħilhom jiksbu dan l-iskop, jiswewlhom ta’ ġid kbir dawk il-virtujiet li l-bnedmin għandhom raġun jgħożżuhom ħafna fil-ħajja, virtujiet bħalma huma t-tjieba tal-qalb, is-sinċerità, l-qawwa u l-kostanza tal-karattru, il-ħidma bla waqfien għall-ġustizzja, il-ġentilezza, u l-virtujiet l-oħra li San Pawl jirrikkmanda meta jgħid: “F'kull ma hu veru, f'kull ma hu xieraq, kull ma hu ġust, f'kull ma hu safi, f'kull ma jiġbed l-imħabba, f'kull ma jistħoqqlu l-ġieh, f'kull ma hu virtù, f'kull ma ħaqqu t-tifħir, f’dan kollu aħsbu” (Fil 4, 8)[23].

 

Kap II

IL-MINISTERU TAL-PRESBITERI

 

I          ID-DMIRIJIET TAL-PRESBITERI

 

Il-Presbiteri, ministri tal-Kelma ta' Alla

4.       Il-Poplu ta’ Alla jinġabar l-ewwelnett permezz tal-Kelma ta’ Alla ħaj[24], dik il-kelma li kulħadd jistennieha minn fomm is-saċerdot[25]. Għax ladarba ħadd ma jista’ jsalva jekk l-ewwel ma jkunx emmen[26], il-Presbiteri, bħala kooperaturi tal-Isqfijiet, għandhom qabel kollox l-uffiċċju li jħabbru l-Evanġelju ta' Alla lil kulħadd[27];biex waqt li jkunu jobdu l-ordni tal-Mulej li qal: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16, 15)[28], huma jibnu u jkabbru l-Poplu ta’ Alla. Għax il-kelma tas-salvazzjoni tqajjem il-fidi fil-qalb ta’ min ma jemminx u tgħajjixha fil-qalb ta’ min jemmen, u hekk bil-fidi tibda u toktor il-ġemgħa tal-fidili kif igħid l-Appostlu: “Il-fidi tiġi mis-smigħ, u smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu” (Rum 10, 17). Ma kulħadd, għalhekk, il-Presbiteri huma midjunin, fis-sens li ma kulħadd għandhom jaqsmu l-verità tal-Evanġelju[29] li hi l-hena tagħhom fil-Mulej. Għalhekk kemm meta bl-eżempju ta’ ħajja tajba jiġbru l-ġnus ħa jsebbħu l-Mulej[30], kemm meta bil-predikazzjoni fil-miftuħ tagħhom iħabbru l-Misteru ta’ Kristu lil min ma jemminx, kemm meta jagħtu t-tagħlim nisrani u jfissru d-duttrina tal-Knisja jew iħabirku biex jeżaminaw il-problemi ta' żmienhom fid-dawl ta’ Kristu, f’dan kollu dmirhom ma jkunx li jagħtu mill-għerf tagħhom infushom, iżda li jgħallmu l-Kelma ta’ Alla u jistiednu bil-ħerqa ‘l kulħadd għall-konverżjoni u għall-qdusija[31]. Barra minn dan, biex iseħħilhom aħjar iqanqlu l-qalb tas-semmiegħa bil-predikazzjoni tagħhom, li sikwit hi hekk diffiċli fiċ-ċirkustanzi tal-lum, il-Presbiteri għandhom ifissru l-Kelma ta’ Alla mhux b’mod ġenerali u fl-astratt biss, iżda bl-applikazzjoni tal-verità ta' dejjem tal-Evanġelju għaċ-ċirkustanzi konkreti tal-ħajja.

            B’hekk il-ministeru tal-kelma jsir b’ħafna modi, skont il-ħafna ħtiġijiet tas-semmiegħa u d-doni tal-predikaturi. Fil-postijiet jew ġemgħat mhux insara, permezz tat-tħabbir tal-Evanġelju, il-bnedmin jinġibdu għall-fidi u għas-sagramenti tas-salvazzjoni[32]; iżda fl-istess komunità tal-insara, l-aktar fost dawk li donnhom ftit jifhmu jew jemmnu fil-ħwejjeġ qaddisa li huma jippratikaw il-predikazzjoni tal-Kelma hija meħtieġa għall-istess ministeru tas-Sagramenti, għax dawn huma Sagramenti tal-fidi, u l-fidi tinbet u tissaqqa bil-Kelma[33]. Dan igħodd l-iżjed għal-Liturġija tal-Kelma fiċ-ċelebrazzjoni tal-

Quddiesa, fejn b’rabta waħda li ma tinħallx jingħaqdu flimkien ix- xandir tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej, it-tweġiba tal-poplu li jkun jisma’, u l-offerta nnfisha li biha Kristu wettaq b’Demmu l-Patt il-Ġdid u li fiha jieħdu sehem il-fidili bit-talb tagħhom u billi jifhmu tajjeb is-sagramenti[34].

 

 

 

Il-Presbiteri, ministri tas-Sagramenti u tal-Ewkaristija

5.            Alla, li waħdu hu l-Qaddis u hu biss iqaddes, ried jaħtar għalih bnedmin bħala sħabu u kollaboraturi tiegħu, biex bl-umiltà jaqdufil-ħidma tat-tqaddis. Għalhekk Alla, bil-ministeru ta’ l-Isqof, jikkonsagra l-Presbiteri, u jagħtihom b'mod speċjali sehem fis-Saċerdozju ta’ Kristu, biex fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri mqaddsa jaqdu bħala ministri ta’ Dak li bl-Ispirtu tiegħu l-ħin kollu jħaddem l-uffiċċju tiegħu ta’ Saċerdot għalina bil-Liturġija[35]. U tabilħaqq, il-Presbiteri bil-Magħmudija jdaħħlu l-bnedmin fil-Poplu ta’ Alla; bis-Sagrament tal-Qrar jerġgħu jħabbu l-bnedmin ma’ Alla u mal-Knisja; biż-żejt tal-morda jserrħu ‘l min hu batut bil-mard; u biċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa joffru b’mod sagramentali s-Sagrifiċċju ta’ Kristu. Fis-Sagramenti kollha li jagħmlu, kif sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja xehed San Injazju Martri[36], il-Presbiteri jintrabtu b’ħafna modi f’ġerarkija mal-Isqof, u hekk jagħmluh f'ċertu mod preżenti f’kull ġemgħa ta’ fidili[37].

            Is-Sagramenti l-oħra, u wkoll il-ministeri ekkleżjastiċi kollha u kull ħidma ta’ appostolat, jingħaqdu ħaġa waħda ma’ l-Ewkaristija Mqaddsa u huma indirizzati lejha[38]. Għax fl-Ewkaristija Mqaddsa jinsab il-ġid spiritwali kollu tal-Knisja[39], jiġifieri Kristu nnifsu, li hu l-Għid tagħna, u il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja lill-bnedmin b’Laħmu, li hu ħaj u jaħji bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Hekk il-bnedmin huma mistiedna u jitressqu biex, flimkien ma’ l-offerta ta’ Kristu joffru wkoll lilhom infushom u l-ħidmiet tagħhom u l-ħolqien kollu. Għalhekk l-Ewkaristija tidher bħala l-għajn u l-quċċata tal-evanġelizzazzjoni kollha għax minn naħa waħda l-katekumeni jiddaħħlu bil-mod għal sehem fl-Ewkaristija u min-naħa l-oħra l-fidili, diġà mmarkati mill-Magħmudija mqaddsa u mill-Griżma, jingħaqdu sħiħ fil-Ġisem ta’ Kristu bit-tqarbin imqaddes.

            Il-laqgħa Ewkaristika mela hija ċ-ċentru tal-komunità tal-fidili taħt il-presidenza tal-Presbiteru. Għalhekk il-Presbiteri għandhom jgħallmu lill-fidili joffru l-vittma qaddisa ‘l Alla l-Missier fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa u magħha joffru l-istess ħajja tagħhom; fl-ispirtu ta’ Kristu r-Ragħaj, jgħallmuhom ukoll b’qalb niedma jistqarru dnubiethom lill-Knisja fis-Sagrament tal-Qrar hekk li minn jum għall-ieħor jikkonvertu rwieħhom dejjem iżjed lejn il-Mulej, waqt li jiftakru fil-kelma tiegħu: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet (Mt 4, 17). Hekk ukoll jgħallmuhom kif jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Liturġija Mqaddsa b’mod li fihom isibu wkoll mezz ta’ talb mill-qalb; imexxuhom biex tul ħajjithom kollha jitħarrġu fl-ispirtu ta’ talb dejjem aktar perfett, skond il-grazzji u l-ħtiġijiet ta’ kull ruħ, u jħajru ‘l kulħadd biex kull wieħed jaqdi sewwa d-dmirijiet tal-istat tiegħu, u biex min hu aktar ‘il quddiem fil-ħajja tar-ruħ iħares il-kunsilli evanġeliċi skont kif ikun xieraq u l-aħjar għal kull wieħed. Fl-aħħarnett iħarrġu lill-fidili kollha biex jitgħallmu jkantaw minn qalbhom lill-Mulej innijiet u kantiċi spiritwali u jroddu dejjem ħajr għal kollox lil Alla u l-Missier, f’isem Sidna Ġesú Kristu[40].

            It-tifħir u r-radd ta’ ħajr li jagħmlu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija l-istess Presbiteri jkompluhom matul id-diversi ħinijiet tal-ġurnata meta jgħidu l-Uffiċċju Divin, li biha tabilħaqq f’isem il-Knisja, jitolbu ‘l Alla għall-poplu kollu fdat lilhom, anzi għall-bżonnijiet tal-Knisja kollha.

          Id-dar tat-talb fejn issir u tinżamm l-Ewkaristija Mqaddsa; fejn jinġabru l-fidili; fiha, fejn għall-għajnuna u l-faraġ tal-fidili, jingħata l-ġieħ lill-preżenza ta’ Bin Alla Salvatur tagħna offrut għalina fuq l-artal tas-sagrifiċċju, għandha tinżamm nadifa u tkun post tajjeb għat-talb u għall-funzjonijiet imqaddsa[41]. Fiha r-Rgħajja u l-fidili huma mistiedna biex b’radd il-ħajr iwieġbu minn qalbhom għad-don ta’ Dak li, permezz tan-natura tiegħu ta’ bniedem, ixerred l-ħin kollu il-ħajja ta’ Alla fil-membri tal-Ġisem tiegħu[42]. Il-Presbiteri mela jfittxu li jitħarrġu sewwa fix-xjenza u fl-arti tal-Liturġija, ħalli bis-saħħa tal-ministeru liturġiku tagħhom il-komunitajiet ta’ nsara fdati f’idejhom ifaħħru dejjem aħjar lil Alla, il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

 

Il-Presbiteri, edukaturi tal-poplu ta' Alla

6.       Il-Presbiteri, waqt li jaqdu skont is-sehem ta' awtorità li jmiss lilhom, il- funzjoni ta’ Kristu, r-Ras u r-Ragħaj, jiġbru f’isem l-Isqof il-familja ta’ Alla, bħala għaqda ħajja u waħda ta’ aħwa, u jressquha lejn Alla l-Missier bi Kristu fl-Ispirtu[43]. Biex jaqdu dan il-ministeru, u wkoll għall-uffiċċji l-oħra presbiterali, huma għandhom setgħa spiritwali li tingħatalhom sewwa sew biex biha jkunu jistgħu jibnu[44]. Iżda huma u jibnu l-Knisja l-Presbiteri għandhom iġibu ruħhom mal-bnedmin kollha bi ħlewwa liema bħala, kif kien jagħmel il-Mulej. Għandhom jaħdmu għalihom mhux skont ma jkun jogħġob lill-bnedmin[45], iżda skond il-ħtiġiet tad-duttrina u l-ħajja nisranija u jgħallmuhom u jwissihom ukoll bħala wlied l-aktar għeżież[46], kif jgħid l-Appostlu: “Insisti f'waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim” (2 Tim 4, 2)[47].

          Ghalhekk is-Saċerdoti, bħala edukaturi fil-fidi, imisshom jieħdu ħsieb huma nfushom jew permezz ta’ ħaddieħor, li kull wieħed u waħda mill-fidili jitwassal fl-Ispirtu s-Santu biex jgħix tajjeb is-sejħa tiegħu skond l-Evanġelju għall-imħabba sinċiera u ħabrieka u għal dik il-libertà li bih ħelisna Kristu[48].

Ftit ikunu jiswew iċ-ċerimonji, sbieħ kemm ikunu sbieħ, jew l-għaqdiet, ikunu kemm ikunu f’saħħithom, jekk ma jkollhomx l-iskop li l-bnedmin ikunu edukati ħalli jilħqu l-maturità nisranija[49]. U biex jġibu 'l quddiem din il-maturità l-Presbiteri jridu jkunulhom ta’ għajnuna ħalli sa mill-istess ġrajjiet tal-ħajja, kbar jew żgħar li jkunu, ikollhom ħila jaraw sewwa xi jkun meħtieġ li jsir u x'inhi r-rieda ta' Alla. L-Insara għandhom ikunu wkoll imħarrġa biex ma jgħixux għalihom infushom biss, iżda kif jitlob il-kmandament ta’ l-imħabba tal-liġi l-ġdida iħaddmu lkoll b’risq xulxin il-grazzja li kull wieħed ikun irċieva[50], u hekk kulħadd jaqdi dmirijietu ta’ nisrani fil-komunità tal-bnedmin.

            Għad li l-Presbiteri huma marbutin li jaqdu lil kulħadd, huma fdati b'mod speċjali l-foqra u l-aktar dgħajfin li magħhom il-Mulej wera li ried ikun f'għaqda partikulari[51], u li x-xandir lilhom tal-Bxara t-Tajba jitqies bħala sinjal ta’ ħidma messjanika[52]. Bi ħrara partikulari jieħdu ħsieb iż-żgħażagħ, u wkoll il-miżżewġin u l-ġenituri; hi ħaġa mixtieqa li dawn kollha jingħaqdu fi gruppi ta' ħbieb u hekk isibu għajnuna f'xulxin biex ikunu jistgħu, b'mod eħfef u aħjar, iġibu ruħhom ta' nsara fiċ-ċirkustanzi spiss ħafna diffiċli li fihom ikunu jinsabu. Il-Presbiteri jiftakru illi r-reliġjużi kollha, irġiel u nisa, huma sehem mill-aktar għoli f’dar il-Mulej, u għalhekk ħaqqhom kura speċjali għall-progress spiritwali tagħhom b’riżq il-Knisja kollha kemm hi. Fl-aħħarnett u fuq kollox, il-Presbiteri jkollhom ħerqa kbira għall-morda u l-moribondi, u jżuruhom u jfarrġuhom fil-Mulej[53] .

            Id-dmir ta' Rgħajja mhuwiex limitat biss għall-kura tal-fidili wieħed wieħed, imma wkoll u tassew għandu jilħaq il-formazzjoni ta' komunità f’sens tabilħaqq nisrani. U biex l-ispirtu tal-komunità jitħaddem kif imiss, huwa għandu jħaddan mhux biss il-knisja lokali, iżda wkoll il-Knisja universali. Min-naħa tagħha l-komunità lokali għandha tgħin mhux biss fil-kura tal-fidili tagħha, iżda wkoll timtela b’ħeġġa missjunarja u tħejji t-triq lejn Kristu għall-bnedmin kollha. Madankollu l-komunità għandha tieħu kura speċjali tal-katekumeni u tal-imgħammdin ġodda li, tarġa wara l-oħra jridu jkunu edukati fl-għarfien u t-taħriġ tal-ħajja nisranija. Ebda komunità nisranija ma tista’ tinbena jekk ma jkollhiex il-għerq u l-pern tagħha fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija Mqaddes; minn hawn trid tibda kull edukazzjoni fl-ispirtu tal-komunità[54]. Din iċ-ċelebrazzjoni biex tkun sħiħa u sinċiera għandha tqanqal kemm għall-għemejjel ta’ karità u għall-għajnuna ta’ xulxin, kemm għall-ħidma missjunarja u għall-ħafna suriet ta’ xhieda nisranija.

            Barra minn dan, permezz tal-karità, tat-talb, tal-eżempju u tal-għemejjel ta’ penitenza, il-komunità ekkleżjali tkun qiegħda ġġib ruħha tabilħaqq ta’ omm ma’ dawn l-erwieħ li għandha tiġbed lejn Kristu. Għax il-komunità nisranija hi għodda qawwija biex tintwera jew titwitta t-triq lejn Kristu u lejn il-Knisja tiegħu għal dawk li għadhom ma jemmnux; u għal dawk li jemmnu tkun ta' stimolu, ikel, u għajnuna għat-taqbida spiritwali.

          Iżda fil-bini tal-komunità nisranija, il-Presbiteri ma għandhom qatt isiru qaddejja ta’ xi ideoloġija jew ta' xi grupp jew parti ta' bnedmin iżda bħala ħabbara tal-Evanġelju u Rgħajja tal-Knisja jħabirku għat-tkabbir spiritwali tal-Ġisem ta’ Kristu.

II       RELAZZJONIJIET TAL-PRESBITERI MA' OĦRAJN

Relazzjonijiet tal-Presbiteri mal-Isqof

7.       Il-Presbiteri kollha, flimkien mal-Isqfijiet, għandhom sehem tali mill-istess saċerdozju u ministeru wieħed ta’ Kristu li l-istess unità ta' konsagrazzjoni u ta' missjoni tagħhom flimkien titlob minnha nnifisha li l-Presbiteri jkollhom komunjoni ġerarkika mal-ordni tal-Isqfijiet[55]. Din il-komunjoni xi drabi juruha bl-aħjar mod fil-konċelebrazzjoni liturġika, meta f’għaqda magħhom jistqarru li jkunu qegħdin jiċċelebraw il-laqgħa Ewkaristika[56]. Għalhekk, l-Isqfijiet minħabba fid-don tal-Ispirtu s-Santu mogħti lill-Presbiteri fl-Ordinazzjoni mqaddsa, għandhom iqisuhom bħala kooperaturi meħtieġa u kunsillieri tagħom fil-ministeru u fl-uffiċċju li għandhom biex jgħallmu u jqaddsu u jirgħu l-Poplu ta’ Alla[57]. Sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja, insibu dokumenti liturġiċi li jisħqu fuq dan. F'dawn id-dokumenti hemm talb sollenni lil Alla biex fuq kull min ser ikun ordnat saċerdot isawwab l-ispirtu ''tal-grazzja u tal-kunsill, ħalli b’qalb safja jgħin lill-poplu u jmexxih”[58], hekk kif fid-deżert l-ispirtu ta’ Mosé kien ixxerred fir-ruħ tas-sebgħin raġel prudenti[59], u bil-għajnuna tagħhom fost il-poplu, huwa seta’ jmexxi b'ħeffa akbar ġmiegħi bla għadd ta’ nies”[60]. Għalhekk, bis-saħħa ta' din il-komunjoni fl-istess saċerdozju u ministeru, l-Isqfijiet għandhom iqisu l-Presbiteri bħala aħwa u ħbieb tagħhom[61], u jkollhom mill-iżjed għal qalbhom il-ġid materjali u fuq kollox dak spiritwali tagħhom. Għax il-piż tqil tat-tqaddis tas-saċerdoti jaqa' l-iżjed fuq l-Isqfijiet[62], li għalhekk għandhom ikollhom l-ikbar kura fil-formazzjoni kontinwa tal-presbiterju tagħhom[63]. Huma għandhom jisimgħuhom bil-qalb, anzi jfittxu l-parir tagħhom u jitħaddtu magħhom dwar kull m'għandu x’jaqsam mal-ħtiġiet tal-ħidma pastorali u mal-ġid tad-djoċesi. U biex dan jintlaħaq tassew għandu jkun hemm, b’mod li jaqbel maċ-ċirkustanzi u l-ħtiġiet tal-lum[64], u f’għamla u normi determinati b’liġi, ġemgħa jew senat[65] ta’ saċerdoti, rappreżentanti tal-presbiterju, li bil-pariri tiegħu jkun jista’ jgħin tabilħaqq lill-Isqof fit-tmexxija tad-djoċesi.

            Min-naħa tagħhom il-Presbiteri għandhom iżommu quddiem għajnejhom il-milja tas-Sagrament tal-Ordni li biha l-Isqfijiet huma mogħnija, u fil-persuna tagħhom jagħtu ġieh lill-awtorità ta’ Kristu l-ogħla Ragħaj. Ħa jkunu mela magħqudin mal-Isqof tagħhom b'karità sinċiera u b'ubbidjenza[66]. Din l-ubbidjenza saċerdotali, mimlija bi spirtu ta’ kooperazzjoni, hija mwaqqfa fuq l-istess sehem li l-Presbiteri għandhom mill-ministeru tal-Isqfijiet, sehem li jingħatalhom bis-saħħa tas-Sagrament tal-Ordni u tal-missjoni kanonika[67].

          Din l-unjoni tal-Presbiteri mal-Isqfijiet hi aktar u aktar meħtieġa fi żminijietna għax illum, għal bosta raġunijiet, l-inizjattivi tal-appostolat mhux biss qegħdin jieħdu ħafna suriet, iżda wkoll jeħtieġ joħorġu barra mit-trufijiet ta’ parroċċa waħda jew ta’ djoċesi waħda. Minn dan jiġi li ebda Presbiteru ma jista' jtemm sewwa il-missjoni tiegħu mifrud mill-oħrajn u bħallikieku għal rasu, imma biss jekk jgħaqqad il-forzi tiegħu ma’ dawk ta’ Presbiteri oħra, taħt it-tmexxija ta’ dawk li jippresiedu fuq il-Knisja.

 

Unjoni u koperazzjoni tal-aħwa mal-Presbiteri bejniethom

8.       Il-Presbiteri, imqegħdin fl-Ordni tal-presbiterat bl-Ordinazzjoni, huma marbuta lkoll bejniethom b’rabta ta’ aħwa sagramentali intima; iżda jiffurmaw b’mod speċjali Presbiterju wieħed fid-djoċesi li jkunu qegħdin jaqdu taħt l-Isqof tagħhom. Għad li jintbagħtu fuq dan jew dak l-uffiċċju, b'danakollu wieħed hu l-ministeru saċerdotali li jkunu qegħdin jaqdu għall-bnedmin. Wieħed hu x-xogħol li fuqu jintbagħtu l-Presbiteri kollha biex jikooperaw sew jekk jagħmlu ministeru parrokkjali jew supraparrokkjali, sew jekk jingħataw għal ħidma ta’ tfittix xjentifiku, jew tagħlim, sew jekk jidħlu għal xi xogħol ta’ l-idejn, billi b'hekk ikunu qegħdin jaqsmu l-istess xorti tal-istess ħaddiema, fejn dan ikun ta' ġid u jsir bl-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti u sew fl-aħħarnett jekk iħabirku f’ħidmiet oħra ta’ appostolat jew li jsiru bi ħsieb ta’ appostolat. Il-Presbiteri kollha, tassew, huma magħqudin flimkien għall-istess ħaġa, jiġifieri għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu li jesiġi, l-aktar fi żminijietna, it-tqassim ta’ kull xorta ta’ dmirijiet u addattamenti ġodda. Hu importanti ħafna, mela, li l-Presbiteri kollha, sew djoċesani u sew reliġjużi, jgħinu lil xulxin, biex ikunu dejjem kooperaturi tal-veritá[68].  Għalhekk kull membru ta’ dan il-presbiterju huwa marbut mal-membri l-oħra bi rbit speċjali ta’ karità appostolika, ta’ ministeru u ta’ mħabba ta’ aħwa, kif sa mill-imgħoddi ilu ħafna jidher fil-Liturġija, meta l-Presbiteri preżenti huma mistiedna biex, flimkien mal-Isqof li jkun qed jagħmel l-Ordinazzjoni, jqiegħdu jdejhom fuq il-magħżul il-ġdid, bħalma wkoll meta f’għaqda ta’ qlub jikkonċelebraw l-Ewkaristija Mqaddsa. Kull wieħed mill-Presbiteri, mela, hu marbut fis-saċerdozju b'rabta ta' mħabba, ta' talb u ta' kull xorta ta' kollaborazzjoni, u hekk tidher dik l-unità li biha Kristu ried li sseħħ il-milja tal-għaqda fid-dixxipli tiegħu, ħalli d-dinja tagħraf illi l-Iben kien mibgħut mill-Missier[69].

          Għalhekk, dawk li huma ‘l quddiem fil-għomor għandhom jilqgħu liż-żgħażagħ bħal aħwa tabilħaqq u jgħinuhom fl-ewwel attività u responsabbiltajiet tal-ministeru, u ifittxu wkoll kemm jistgħu li jifhmu l-mentalità tagħhom, imqar jekk tkun diversa, u jsegwu b'simpatija u mħabba l-inizjattivi tagħhom. Mill-banda l-oħra ż-żgħażagħ għandhom iżommu fil-ġieh l-għomor u l-esperjenza ta’ min hu ikbar minnhom fiż-żmien, jistudjaw magħhom f'kull m'għandu x’jaqsam mal-kura tal-erwieħ, u jaħdmu id f’id magħhom bil-qalb.

            Immexxijin bi spirtu ta’ għaqda ta’ aħwa, il-Presbiteri ma jinsewx jilqgħu bil-ħlewwa ‘l kulħadd[70], jagħmlu l-benefiċjenza, jaqsmu l-ġid[71], mal-oħrajn u jkollhom kura speċjali għall-morda, għall-imnikktin, għal min hu mgħobbi bix-xogħol, għal min ma għandu ‘l ħadd, għall-itturufnati minn pajjiżhom, u għall-ippersegwitati[72]. Hekk ukoll għandhom jissieħbu flimkien fir-rikreazzjonijiet tagħhom, bil-qalb u bil-ferħ, billi jiftakru fil-kliem li bih Sidna nnifsu kien jistieden l-Appostli meta jkunu għajjenin: “Ejjew miegħi intom biss waħidhom f’xi mkien imwarrab u strieħu ftit” (Mk 6, 31). Barra minn dan, biex il-Presbiteri jsibu għajnuna f’xulxin b’riżq il-ħajja spiritwali u ntellettwali tagħhom, biex iseħħilhom iżjed jikkolaboraw flimkien, u biex jeħilsu mill-perikli ta’ ħajja ta’ weħidhom li xi drabi għandhom mnejn jiltaqgħu magħhom, għandha tkun inkorraġġita xi xorta ta' ħajja komuni jew xi komunità ta' ħajja li tista' ssir b’diversi modi skont il-ħtiġiet differenti personali jew pastorali. Dan jista' jsir billi jgħixu f’dar waħda fejn dan jista’ jkun, jew ikollhom mejda waħda, jew għallinqas billi sikwit ikollhom xi laqgħat perjodiċi bejniethom. Wieħed għandu wkoll jagħti importanza u jħeġġeġ dawk il-għaqdiet li, skont statuti approvati mill-awtorità ekkleżjastika kompetenti, jppromwovu permezz ta’ metodu tajjeb ta’ ħajja approvat kif jixraq, u permezz ta’ għajnuna ta’ aħwa, il-qdusija tas-saċerdoti fil-qadi tal-ministeru, bil-ħsieb li b’hekk jagħtu servizz tajjeb lill-Ordni kollu tal-Presbiteri.

          Fl-aħħarnett, minħabba fl-istess komunjoni fis-saċerdozju, il-Presbiteri għandhom jifhmu li huma marbutin bi dmir speċjali ma’ dawk is-saċerdoti li jsibu ruħhom f’xi diffikultajiet; lil dawn għandhom jagħtuhom għajnuna fil-ħin, imqar jekk għall-bżonn ikollhom jagħmlulhom xi twissija għaqlija. Ma’ dawk imbagħad li jkunu naqsu f’xi ħaġa, jimxu dejjem b'karità ta’ aħwa u b’qalb kbira, ma jiqfux jitolbu ‘l Alla għalihom, u dejjem iġibu rwieħhom magħhom ta’ aħwa u ħbieb tassew.

 

Relazzjonijiet tal-Presbiteri mal-lajċi

9.       Is-saċerdoti tat-Testment il-Ġdid, għad li bis-Sagrament tal-Ordni għandhom id-dmir l-iżjed għoli u meħtieġ ta’ missier u ta’ għalliem fil-Poplu u għall-Poplu ta’ Alla, madankollu huma wkoll dixxipli tal-Mulej bħall-fidili l-oħra kollha ta’ Kristu, mogħtijin sehem fis-Saltna tiegħu bil-grazzja tas-sejħa ta’ Alla[73]. Il-Presbiteri huma aħwa fost l-aħwa[74] ma dawk kollha li twieldu mill-ġdid fl-ilma tal-Magħmudija, għax ilkoll huma membri tal-istess u l-uniku Ġisem ta’ Kristu, li l-bini tiegħu huwa dmir kulħadd[75].

            Għalhekk jeħtieġ li l-Presbiteri jippresiedu fuq il-komunità mhux biex ifittxu l-interessi tagħhom infushom, iżda dawk ta’ Ġesú Kristu[76]; jingħaqdu fil-ħidma mal-fidili lajċi, u jġibu ruħhom f’nofshom bħall-Imgħallem li fost il-bnedmin “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b' fidwa għal kotra” (Mt 20, 28). Il-Presbiteri għandhom jagħrfu minn qalbhom u jmexxu ‘l quddiem id-dinjità tal-lajċi u s-sehem proprju tal-lajċi fil-missjoni tal-Knisja. Għandhom ukoll jirrispettaw b’ħerqa kbira dik il-libertà ġusta li tmiss b’jedd lil kulħadd fil-belt tal-art. Lil-lajċi għandhom jagħtuhom widen bil-qalb kollha, iqisu tajjeb u b'imħabba ta’ aħwa x-xewqat tagħhom, jagħrfu l-esperjenza tagħhom u kompetenza tagħhom fid-diversi oqsma tal-ħidma umana, u jħabirku flimkien magħhom biex jagħrblu sewwa s-sinjali taż-żminijiet. Waqt li jistħarrġu l-ispirtu biex jaraw humiex minn Alla[77], il-Presbiteri għandhom jikxfu b’sens ta’ fidi l-ħafna suriet ta’ kariżmi żgħar u kbar tal-lajċi, jirrikonoxxuhom bil-ferħ, u jinkoraġġuhom b‘interess u attenzjoni. Fost id-doni l-oħra ta' Alla li jinsabu kotrana fil-fidili jistħoqilhom kura speċjali dawk id-doni li bis-saħħa tagħhom, għadd mhux żgħir ta’ fidili jħossu ġibda għall-ħajja spiritwali aktar għolja. Hekk ukoll juru fiduċja fil-lajċi billi jitilqulhom f’idejhom xi uffiċċji b’servizz għall-Knisja, jagħtuhom il-libertà u l-wisa’ li jaħdmu, anzi meta jkun f'waqtu jħajruhom ukoll biex jieħdu inizjattivi minn rajhom stess[78].

            Fl-aħħarnett il-Presbiteri huma mqiegħda f’nofs il-lajċi biex jiġbduhom ilkoll fl-unità tal-karità u “jħobbu lil xulxin bħal aħwa, u jfittxu li jistmaw lil xulxin ''(Rum 12, 10). Għalhekk hu dmir tal-Presbiteri li jqarrbu lejn xulxin il-mentalitajiet differenti, hekk li ħadd fil-komunità tal-fidili ma jħoss ruħu barrani. Il-Presbiteri jridu jaqbżu għall-ġid komuni li għalih għandhom jaħdmu f’isem l-Isqof, u jistqarru ukoll bil-qawwa kollha l-verità biex il-fidili ma jixxejrux ‘l hawn u ‘l hemm ma’ kull riħ ta’ tagħlim[79]. B’ħerqa partikolari għandhom jieħdu ħsieb dawk li ma baqgħux jersqu għas-Sagramenti anzi li għandhom mnejn tilfu l-fidi tagħhom, u, kif tassew jagħmlu r-rgħajja t-tajba, ma jonqsux li jmorru lejhom.

          Għandhom iżommu quddiem għajnejhom id-dispożizzjonijiet dwar l-ekumeniżmu[80], u ma jinsewx lil ħutna li ma jaqsmux magħna fil-ġid tal-komunjoni ekkleżjastika sħiħa.

          U fl-aħħarnett, ħa jkollhom fi ħsiebhom lil dawk kollha li ma jagħrfux lil Kristu bħala s-Salvatur tagħhom.

            Il-fidili mbagħad, min-naħa tagħhom, għandhom jifhmu sewwa dmirijiethom lejn il-Presbiteri tagħhom, u għalhekk bi mħabba ta’ wlied għandhom iħobbuhom bħal r-rgħajja tagħhom u missirijiethom. Jissieħbu wkoll magħhom fit-tħassib tagħhom għall-għall-Knisja, billi jgħinuhom bit-talb u kemm jista’ jkun bl-azzjoni, b'hekk il-Presbiteri jseħħilhom jirbħu aħjar kull diffikultà u jaqdu bi frott ikbar l-uffiċċji tagħhom[81].

 

III     IT-TQASSIM TAL-PRESBITERI U L-VOKAZZJONIJIET SAĊERDOTALI;

Ħerqa tal-Presbiteri għall-Knisja kollha

10.     Id-don spiritwali, li l-Presbiteri rċevew fl-Ordinazzjoni, ma jħejjihomx għal xi missjoni limitata u ristretta iżda għall-missjoni tal-akbar wisa’ u li tilħaq kullimkien, il-missjoni tas-salvazzjoni “sa truf l-art” (Atti 1, 8), għax kull ministeru saċerdotali għandu sehem mill-istess missjoni ta’ wisa’ universali li Kristu ħalla lill-Appostli. Infatti is-saċerdozju ta’ Kristu, li fih il-Presbiteri ngħatalhom sehem tassew, huwa dirett neċessarjament lejn il-popli kollha u ż-żminijiet kollha, mingħajr ebda limiti ta’ razza, nazzjon jew żmien, kif diġa kien imxebbah sa minn qabel b’mod misterjuż f'Melkisedek[82]. Għalhekk jiftakru l-Presbiteri li huma għandhom ikollhom għal qalbhom il-ħsieb tal-knejjes kollha. Mela l-Presbiteri ta’ dawk id-djoċesijiet, fejn hemm għadd akbar ta’ vokazzjonijiet, għandhom juru ruħhom disposti biex, bil-permess jew bl-eżortazzjoni tal-Ordinarju tagħhom, imorru jwettqu l-ministeru f’postijiet jew f’missjonijiet jew fuq ħidmiet li għandhom nuqqas ta' kleru.

            Barra minn dan, in-normi dwar l-inkardinazzjoni u l-eskardinazzjoni għandhom ikunu mistħarrġa mill-ġdid, hekk li dan l-istitut qadim, għad li jibqa’ jseħħ, ikun iwieġeb aħjar għall-ħtiġiet pastorali tal-lum. Fejn imbagħad il-ħtieġa tal-appostolat tkun titlob, għandu jinstab mod eħfef mhux biss biex isir tqassim tajjeb tal-Presbiteri, iżda wkoll biex isiru opri pastorali speċjali għal diversi gruppi soċjali f’xi post jew nazzjon jew f’kull naħa tad-dinja. Għal dan, mela, ikun jiswa ħafna jekk jitwaqqfu seminarji internazzjonali, djoċesijiet jew prelaturi personali partikulari, jew istituzzjonijiet oħra bħal dawn, li magħhom, għall-ġid komuni tal-Knisja kollha, il-Presbiteri jkunu jistgħu jiġu msieħba jew inkardinati, skond normi determinati għal kull inizjattiva waqt li jitħarsu dejjem il-jeddijiet tal-Ordinarju lokali.

            Il-Presbiteri iżda ma għandhomx jintbagħtu kull wieħed f’xi post ġdid għalihom, l-aktar jekk ikunu għadhom ma jafux tajjeb l-ilsien u d-drawwiet ta’ dak il-post; f’dan il-każ, bħad-dixxipli ta’ Kristu[83], jintbagħtu fi gruppi ta’ tnejn jew tlieta, ħalli b’hekk ikunu ta’ għajnuna għal xulxin. U jaqbel ukoll li jittieħed ħsieb tal-ħajja spiritwali tagħhom u tas-saħħa tagħhom tal-moħħ u tal-ġisem: u, kemm jista’ jkun, il-postijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jitħejjewlhom skond iċ-ċirkustanzi personali ta’ kull wieħed minnhom. Fl-istess ħin jaqbel ħafna li dawk li jkunu sejrin f’xi nazzjon ġdid għalihom jitgħallmu sewwa mhux biss l-ilsien ta’ dak il-post, imma wkoll il-karattru psikoloġiku u soċjali partikulari ta’ dak il-poplu li lilu bl-umiltà kollha jixtiequ jaqdu, biex b’mod kemm jista’ jkun tajjeb iseħħilhom jikkumunikaw miegħu, hekk li jsiru jixbħu lill-Appostlu Pawlu, li fuqu nnifsu seta’ jgħid; “Għad li ma jien marbut ma' ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd, biex nirbaħ lil ħafna. Mal-Lhud sirt Lhudi biex nirbaħ il-Lhud...” (I Kor 9, 19-20).

 

11.     Ir-Ragħaj hu Isqof ta’ rwieħna[84] hekk ried iwaqqafha l-Knisja tiegħu li l-Poplu li hu ħatar u kiseb b’Demmu[85] ikollu dejjem is-saċerdoti tiegħu sa l-aħħar taż-żminijiet, biex qatt ma jiġri li l-insara jkunu qishom ngħaġ li ma għandhomx ragħaj[86]. L-Appostli kienu jafu li din kienet ir-rieda ta’ Kristu, u, imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu, qisuh bħala uffiċċju tagħhom li jagħżlu ministri “li huma stess ikollhom ħila jgħallmu wkoll lil oħrajn” (2 Tim 2, 2). Dan l-uffiċċju, mela, imiss lill-istess missjoni saċerdotali, li biha l-Presbiteru jidħol f’sehem fil-ħerqa tal-Knisja kollha, biex qatt fl-art ma jkun hawn nuqqas ta’ ħaddiema fil-Poplu ta’ Alla. Iżda billi ''l-kaptan ta’ vapur u l-baħrin tiegħu kawża waħda komuni għandhom bejniethom''[87], il-Poplu nisrani kollu għandu jiġi mgħallem li hu wkoll għandu d-dmir li b’mod jew ieħor jikkoopera bit-talb bla waqfien u b’mezzi oħra li jkollu f’idejh[88], biex il-Knisja jkollha dejjem dawk is-saċerdoti li huma meħtieġa għall-qadi tal-missjoni divina tagħha. L-ewwelnett, mela, l-Presbiteri għandu jkollhom mill-iżjed għal qalbhom li bil-ministeru tal-kelma, u bl-istess xhieda ta’ ħajjithom li turi ċar l-ispirtu ta’ servizz u l-ferħ veru tal-Għid, iqiegħdu quddiem għajnejn il-fidili l-kobor u l-ħtieġa tas-saċerdozju, u li, bla ma joqogħdu jqisu xogħol u taħbit, jekk fil-prudenza tagħhom jidhrilhom li xi żgħażagħ żgħar jew kbar ikunu tajbin għal dan il-ministeru, jgħinuhom iħejju ruħhom sewwa, biex ‘il quddiem, bir-rispett kollu lejn il-libertà sħiħa interna u esterna tagħhom, ikunu jistgħu jissejħu mill-Isqfijiet. Biex dan l-iskop jintlaħaq, id-direzzjoni spiritwali magħmula bl-attenzjoni u u bil-għaqal hija ħaġa ta’ l-akbar siwi. Il-ġenituri, is-surmastrijiet, u dawk kollha li b’xi mod huma fid-dmir li jedukaw it-tfal u ż-żgħażagħ għandhom jgħallmuhom jagħrfu l-ħerqa tal-Mulej għall-merħla tiegħu u jifhmu l-ħtiġiet tal-Knisja biex b’qalb kbira jkunu mħejjija jwieġbu mal-profeta għas-sejħa tal-Mulej: “Hawn jien, ibgħat lili” (Is 6, 8), iżda dan il-leħen tal-Mulej li jsejjaħ qatt ma għandna nistennew li lill-Presbiteri ta’ għada sa jaslilhom f’widnejhom bħallikieku b’xi mod tal-għaġeb. Huwa leħen li jmissna nagħrfuh u nifhmuh aktarx minn dawk is-sinjali li bihom ta' kuljum ir-rieda ta' Alla tintwera lill-insara għaqlin, sinjali li l-Presbiteri għandhom jistudjawhom bl-attenzjoni kollha[89]. Għalhekk huma rrikkmandati ħafna l-Opri tal-vokazzjonijiet, sew djoċesani u sew nazzjonali[90]. Jeħtieġ li fil-predikazzjoni, fil-katekeżi, fil-perjodiċi, jintwerew ċar il-ħtiġiet tal-Knisja kemm lokali kemm universali, u jitqiegħdu wkoll f’dawl qawwi s-sens u l-kobor tal-ministeru saċerdotali, li ċertament mal-piżijiet tqal tiegħu għandu wkoll il-ferħat kbar tiegħu, u li bih fuq kollox kif jgħallmu s-Santi Padri, tista’ tingħata lil Kristu l-aqwa xhieda ta’ mħabba[91].

 

 

Kap III

IL-ĦAJJA TAL-PRESBITERI

 

1   IS-SEJĦA TAL-PRESBITERI GĦALL-PERFEZZJONI

L-obbligu li l-presbiteri jaspiraw għall-perfezzjoni

12.     Bis-Sagrament ta’ l-Ordni l-Presbiteri jingħatalhom xebħ ma’ Kristu Saċerdot, bħala ministri tar-Ras u kooperaturi tal-Ordni tal-Isqfijiet, għat-tiswir u l-bini tal-Ġisem kollu ta’ Kristu, li hu l-Knisja.

           Sa mill-konsagrazzjoni tagħhom fil-Magħmudija, il-Presbiteri bħall-insara l-oħra kollha jkunu rċevew is-sinjal u d-don ta' sejħa u ta' grazzja; hekk kbar li minkejja d-dgħufija tagħhom ta' bnedmin li huma[92], jkunu jistgħu- u jkollhom d-dmir - jaħdmu għall-perfezzjoni skont il-kelma tal-Mulej: “Kunu mela perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5, 48). Madankollu s-saċerdoti għandhom obbligu speċjali li jiksbu din il-perfezzjoni, għaliex, permezz tas-Sagrament tal-Ordni mogħti lilhom, huma jerġgħu jkunu kkonsagrati ‘l Alla b’mod ġdid, u jsiru għodda ħajja ta’ Kristu s-Saċerdot ta’ dejjem. U dan ħalli jkomplu matul iż-żmien l-opra tiegħu tal-għaġeb li, bil-qawwa tas-sema, reġgħet tat is-saħħa lill-ġemgħa kollha tal-bnedmin[93]. Ladarba kull saċerdot, kull wieħed skont il-mod tiegħu, jaġixxi fil-persuna ta' Kristu nnifsu, lilu tingħata wkoll grazzja partikulari. B'din il-grazzja, waqt li jaqdi l-poplu fdat f'idejh u l-Poplu ta' Alla kollu, jkun jista’ jħabrek aħjar ħalli jikseb il-perfezzjoni ta’ Dak li lilu jkun qed jirrapreżenta. Permezz ta' din il-grazzja partikulari wkoll is-saħħa dgħajfa tan-natura tiegħu ta’ bniedem issib duwa fil-qdusija ta’ Dak li sar għalina l-Qassis il-Kbir “qaddis, innoċenti, safi, maqtugħ mill-midinbin” (Lhud 7, 26).

          Kristu, li l-Missier qaddsu jew ikkonsagrah u bagħtu fid-dinja[94], “ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen, u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu imħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb”  (Titu 2, 14), u hekk, permezz tal-passjoni, daħal fil-glorja tiegħu[95]. Hekk ukoll il-Presbiteri: li huma jiġu kkonsagrati bl-Ispirtu s-Santu, u jintbagħtu minn Kristu, jgħakksu fihom infushom l-għemejjel tal-ġisem u jagħtu ruħhom kollha kemm huma għas-servizz tal-bnedmin, ħalli b’hekk iseħħilhom jimxu ‘l quddiem fil-qdusija li biha għaniehom Kristu, u jsiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu[96].

            Għalhekk, huma u jagħmlu l-ministeru taI-Ispirtu u tal-ġustizzja[97], il-Presbiteri jitwettqu fil-ħajja spiritwali tagħhom, basta jżommu ruħhom doċli għall- l-Ispirtu ta’ Kristu li jagħtihom il-ħajja u jmexxihom. Għax bis-saħħa tal-istess azzjonijiet imqaddsa li jagħmlu ta’ kuljum, u wkoll permezz tal-ministeru kollu tagħhom li huma jagħmluh f’għaqda waħda mal-Isqof u mal-Presbiteri l-oħra, huma jitqiegħdu fit-triq li twassalhom għall-perfezzjoni ta’ ħajjithom. Terġa’ mbagħad l-istess qdusija ta’ ħajjithom tiswielhom ħafna biex iħaddmu bi frott il-ministeru tagħhom; għax għad li l-grazzja ta’ Alla hi qawwija biżżejjed biex tissokta l-opra tas-salvazzjoni mqar b’min ma jistħoqqlux ikun ministru tagħha, madankollu ordinarjament Alla aktar jagħżel juri għeġubijietu permezz ta’ dawk il-ministri, li, għax joqgħodu aktar bil-ħlewwa għat-tqanqil u t-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu, u għax ikunu erwieħ ta’ ħajja qaddisa magħqudin sħiħ ma’ Kristu, ikunu jistgħu jgħidu ma’ l-Appostlu: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2, 20).

          Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes, biex jilħaq l-iskopijiet pastorali tiegħu, jiġifieri tat-tiġdid intern tal-Knisja, it-tixrid tal-Evanġelju fid-dinja kollha, u tad-djalogu mad-dinja tal-lum, iħeġġeġ b’qawwa kbira s-saċerdoti kollha biex jinqdew bil-mezzi addattati rikkmandati mill-Knisja[98] u b'hekk jħabirku tassew ħalli jiksbu dik il-qdusija dejjem akbar li biha jsiru għodda dejjem aktar tajba fis-servizz tal-Poplu kollu ta’ Alla.

 

L-eżerċizzju tad-dmirijiet saċerdotali jesiġi l-qdusija

13.     Il-Presbiteri jitqaddsu tabilħaqq jekk jaqdu sinċerament u bla ma jgħajjew qatt l-uffiċċji tagħhom fl-ispirtu ta’ Kristu.

          Billi huma ministri tal-Kelma ta’ Alla, huma kuljum jaqraw u jisimgħu din il-kelma li għandhom jgħallmuha lill-oħrajn; u hekk fl-istess ħin ifittxu li jilqgħuha tajjeb fihom infushom, huma jsiru dixxipli dejjem aktar perfetti tal-Mulej, skont il-kliem tal-Appostlu Pawlu lil Timotju: ''Dawn il-ħwejjeġ ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi 'l quddiem. Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f'dawn il-ħwejjeġ għax jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk”  (I Tim 4, 15-16). Għax waqt li jkunu qegħdin ifittxu l-aħjar mod kif jistgħu jgħaddu lill-oħrajn il-frott tal-kontemplazzjoni tagħhom[99], il-Presbiteri jduqu iżjed ''l-għana ta' Kristu għad li ebda moħħ ma jista' jifhmu (Ef 3, 8), u l-għerf ta' Alla, għerf ta’ kull xorta ta’ mezzi[100]. Jekk iżommu quddiem għajnejhom li hu l-Mulej dak li jiftaħ il-qlub[101], u li dak li hu għoli fihom mhux ġej minnhom iżda mill-qawwa ta’ Alla[102], allura permezz tal-istess appostolat tagħhom tal-kelma jkunu qegħdin jingħaqdu aktar sħiħ ma’ Kristu l-Imgħallem u jħallu aktar l-Ispirtu tiegħu jmexxihom. U waqt li jkunu hekk magħqudin ma’ Kristu jixxierku fil-karità ta' Alla li l-misteru tiegħu, moħbi minn mijiet ta' snin[103], kien rivelat fi Kristu.

            Bħala ministri tal-ħwejjeġ qaddisa, l-aktar fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, il-Presbiteri jaġixxu b’mod speċjali flok Kristu, li ta lilu nnifsu bħala vittma biex iqaddes il-bnedmin; u hu għalhekk li l-Presbiteri huma mistiedna biex ifasslu ħajjithom fuq dak li jkollhom f’idejhom, billi, kif jiċċelebraw il-misteru ta’ mewt il-Mulej, hekk ukoll ifittxu li jgħakksu l-vizzji u l-ġibdiet ħżiena tal-ġisem[104]. L-opra tal-fidwa tagħna titkompla l-ħin kollu fil-misteru tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku[105], li fih is-saċerdoti jaqdu uffiċċju ewlieni tagħhom; u għalhekk ta’ min iħeġġiġhom ħafna biex iqaddsu kuljum; għax il-Quddiesa, ukoll meta l-fidili ma jkunux jistgħu jiġu għaliha, hija att ta’ Kristu u tal-Knisja[106]. U b’hekk, waqt li l-Presbiteri jingħaqdu mal-att ta’ Kristu Saċerdot, ta’ kuljum joffru lilhom infushom kollha kemm huma lil Alla, u, permezz tat-tqarbina tagħhom bil-Ġisem ta’ Kristu, jieħdu sehem bil-qalb mill-imħabba ta’ Dak li jagħti lilu nnifsu bħala ikel lill-fidili. Hekk ukoll waqt li jkunu jamministraw is-Sagramenti, huma jingħaqdu mal-intenzjoni u l-karità ta’ Kristu. U dan jagħmluh b’mod speċjali jekk juru ruħhom għal kollox u dejjem imħejjija biex jaqdu dmirhom fis-Sagrament tal-Qrar kull darba li l-fidili jkollhom għalfejn jitolbu dan is-Sagrament minnhom.  Huma u jgħidu l-Uffiċċju Divin ikunu qegħdin joffru leħenhom lill-Knisja li, f’isem il-bnedmin kollha, qatt ma tieqaf titlob flimkien ma’ Kristu, li hu “dejjem ħaj biex jitlob għalina” (Lhud 7, 25).

            Huma u jmexxu u jirgħu l-poplu ta’ Alla, il-Presbiteri jitħeġġu bil-karità tar-Ragħaj it-Tajjeb biex jagħtu ħajjithom għan-nagħaġ tagħhom[107], u jkunu lesti mqar għall-aqwa sagrifiċċju, bħal dawk is-saċerdoti li fi żminijietna wkoll ma ċaħdux lijagħtu ħajjithom. Bħala edukaturi tal-oħrajn fil-fidi, mimlijin ukoll bil-“fiduċja li jidħlu fis-santwarju bis-saħħa tad-Demm ta’ Kristu” (Lhud 10, 19), il-Presbiteri jersqu lejn Alla “b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa (Lhud 10, 22), huma jibnu tama qawwija għall-fidili tagħhom[108], biex b’dak il-faraġ, li bih Alla farraġ lilhom[109], ikunu jistgħu jfarrġu ‘l kull min hu magħfus mid-dwejjaq. Bħala mexxejja tal-komunità, huma jgħixu ħajja axxetika li tixraq lil ragħaj tal-erwieħ, jiċħdu għall-interessi tagħhom infushom, ifittxu mhux dak li jaqbel lilhom iżda lil ħafna, biex il-ħafna jsalvaw[110], huma jimxu dejjem aktar ‘il quddiem ħa jaqdu aħjar il-ħidma pastorali, u, jekk ikun meħtieġ, ikunu lesti biex jaqbdu triqat pastorali ġodda, taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu tal-imħabba, li jonfoħ fejn irid hu[111].

 

Unità u armonija tal-ħajja tal-Presbiteri

14.     Fid-dinja tal-lum, meta l-bnedmin qegħdin ikollhom jidħlu għal tant dmirijiet u jħabbtu wiċċhom ma’ tant xorta ta’ problemi li sikwit jitolbu minnhom soluzzjoni ta' malajr, mhux rari li jsibu rwieħhom fil-periklu li jixterdu fuq ħafna ħwejjeġ. Il-Presbiteri wkoll, meħudin u mxerrdin mill-għadd kbir ta' impenji li jitlob minnhom l-uffiċċju tagħhom, jistgħu jsaqsu lilhom infushom, u mhux mingħajr ansjetà x'jistgħu jagħmlu biex jgħaqqdu l-ħajja interjuri tagħhom u mal-ħidma esterna, b'mod li t-tnejn, ħajja interjuri u ħidma esterna, jibqgħu miexja flimkien bħal ħaġa waħda. Biex iseħħilhom jagħmlu dan, - isalvaw l-għaqda tal-ħajja interjuri u tal-ħidma esterna- mhux biżżejjed li jagħmlu l-opri tal-ministeru tagħhom b’ċertu ordni  estern biss, anqas ma hi biżżejjed il-prattika ta' xi eżerizzju ta' tjieba, għad li dan it-taħriġ jgħinhom ħafna biex jiksbu dik il-għaqda. Din jaslu għaliha dawk il-Presbiteri li jaqdu l-ministeru tagħhom fuq l-eżempju ta’ Kristu l-Mulej, li l-ikel tiegħu kien li jagħmel ir-rieda ta’ Dak li bagħtu biex biex iwassal fit-tmiem l-opra tiegħu[112].

          Fil-fatt, biex din l-istess rieda tal-Missier jibqa’ jagħmilha l-ħin kollu fid-dinja permezz tal-Knisja, Kristu jaħdem bil-ministri tiegħu, u għalhekk dejjem jibqa’ hu l-prinipju u l-għajn tal-unità tal-ħajja tagħhom. Mela l-Presbiteri jiksbu din il-għaqda jekk jintrabtu ma’ Kristu biex fih jagħrfu r-rieda tal-Missier u miegħu jingħataw għall-merħla fdata lilhom[113]. B'hekk, billi jaqdu l-uffiċċju tar-Ragħaj it-Tajjeb, huma jsibu fl-istess taħriġ tal-karità pastorali r-rabta tal-perfezzjoni saċerdotali li biha jgħaqqdu il-ħajja spiritwali mal-ħidma esterna tagħhom. L-aqwa għajn ta’ din il-karità pastorali[114] huwa s-Sagrifiċċju Ewkaristiku, li għalhekk huwa l-qalba u l-għerq tal-ħajja kollha tal-Presbiteru; hekk li r-ruħ saċerdotali għandha tħabrek biex tfassal il-ħajja tagħha fuq dak li jkun qed isir fuq l-artal tas-Sagrifiċċju. Imma dan ma jistax jinkiseb jekk l-istess saċerdoti ma jidħlux dejjem aktar intimament fil-misteru ta’ Kristu bit-talb tagħhom.      

            U biex jaslu tassew għal din l-unità ta’ ħajja b’mod konkret ukoll, għandhom jiflu tajjeb l-inizjattivi tagħhom biex jaraw hemmx fihom ir-rieda ta’ Alla[115], jiġifieri jekk l-inizjativi tagħhom ikunux jaqblu man-normi tal-missjoni evanġelika tal-Knisja. Għax il-fedeltà lejn Kristu ma tistax tinfired mill-fedeltà lejn il-Knisja tiegħu. Il-karità pastorali, mela, titlob illi l-Presbiteri, biex ma jkunux jiġru għalxejn[116], jaħdmu dejjem fir-rabta tal-komunjoni mal-Isqfijiet u ma’ ħuthom l-oħra fis-saċerdozju. Jekk jaħdmu b'dan il-mod il-Presbiteri jsibu l-unità ta' ħajjithom fl-istess unità tal-missjoni tal-Knisja, li biha jingħaqdu wkoll ħaġa waħda mal-Mulej u, permezz tiegħu, mal-Missier, fl-Ispirtu s-Santu, biex ikunu jistgħu jimtlew bil-faraġ u jitfawwru bil-hena[117].

 

II       ĦTIĠIET SPIRITWALI PARTIKOLARI FIL-ĦAJJA TAL-PRESBITERI

Umiltà u ubbidjenza

15.     Fost il-virtujiet l-iżjed meħtieġa għall-Presbiteri fil-ministeru tagħhom ta' min isemmi dik id-dispożizzjoni tar-ruħ li biha jkunu dejjem lesti biex ifittxu mhux ir-rieda tagħhom, iżda r-rieda ta’ Dak li bagħathom[118].  Għaliex l-opra ta’ Alla li għaliha l-Ispirtu s-Santu għażilhom[119] tisboq ħafna kull qawwa u għerf tal-bniedem; għax Alla għażel ''il-ħwejjeġ dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija” (I Kor 1, 27). Għalhekk min hu tassew ministru ta’ Kristu, waqt li jagħraf tajjeb kemm hu dgħajjef, jaħdem bl-umiltà u jfittex li jagħmel dak li jogħġob ‘l Alla[120], u, miżmum qisu mill-Ispirtu[121], jintelaq f'kollox f'idejn ir-rieda ta’ Alla li trid li l-bnedmin kollha jsalvaw, din ir-rieda l-Presbiteru jista’ jaraha u jagħmilha fiċ-ċirkustanzi ta’ kuljum meta jaqdi bl-umiltà ‘l dawk kollha li Alla fdalu f’idejh fl-uffiċċju li ngħatalu u fil-ħafna ġrajjiet ta’ ħajtu.

          Imma l-ministeru saċerdotali, billi hu ministeru tal-istess Knisja, ma jistax isir ħlief biss fil-komunjoni ġerarkika tal-ġisem kollu. Għalhekk l-karità pastorali ġġiegħel lill-Presbiteri biex, waqt li jagħtu s-servizz tagħhom f’din il-komunjoni, joffru r-rieda tagħhom b’ubbidjenza għas-servizz ta’ Alla u ta’ l-aħwa billi jilqgħu u jagħmlu bi spirtu ta’ fidi dak kollu li jkun ordnat jew irrikkmandat mill-Papa, mill-Isqof u mis-superjuri l-oħra tagħhom, u jingħataw u jissagrifikaw lilhom infushom b'qalb kbira[122] għal kull xorta ta’ xogħol, ukoll l-aktar umli u fqir, li jafdawlhom f’idejhom. Għaliex b’hekk huma jżommu u jsaħħu l-għaqda meħtieġa ma’ ħuthom fil-ministeru, l-aktar ma’ dawk li l-Mulej qegħedhom mexxejja viżibbli tal-Knisja tiegħu, u jaħdmu għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, li jikber “permezz tal-għekiesi kollha li jservuh”[123]. Din l-ubbidjenza, li twassal għal-libertà aktar matura ta’ wlied Alla, minn natura tagħha titlob li, waqt li l-Presbiteri jitqanqlu mill-karità fil-qadi ta’ dmirhom biex ifittxu bil-għaqal triqat ġodda pastorali għall-aktar ġid tal-Knisja, huma jressqu bil-fiduċja l-inizjattivi tagħhom quddiem is-superjuri, u jfissrulhom b’ħerqa l-ħtiġiet tal-merħla fdata lilhom dejjem imħejjijin li joqogħdu għal li jgħidulhom dawk li fit-tmexxija tal-Knisja ta’ Alla għandhom l-għola uffiċċju.

          B’din l-umiltà u ubbidjenza responsabbli u volontarja l-Presbiteri jsiru jixbħu lil Kristu, u jaslu biex ikollhom l-istess sentimenti u atteġġjament ta' Ġesù Kristu li '' xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir...u obda sal-mewt” (Fil 2, 7-9). B’din l-ubbidjenza huwa rebaħ u feda d-diżubbidjenza ta’ Adam u, kif igħid l-Appostlu: “Kif bid-diżubbidjenza ta’ bniedem wieħed il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’ wieħed il-ħafna jsiru ġusti” (Rum 5, 19).

 

Iċ-ċelibat huwa grazzja

16.     Kristu l-Mulej irrikkmanda l-kontinenza perfetta u perpetwa li wieħed jagħżel minħabba fis-Saltna tas-smewwiet[124]. Matul iż-żminijiet, u fi żmienna mhumiex ftit l-insara li jħaddnuha minn rajhom u jħarsuha b’mod ta’ min ifaħħru.  Il-Knisja tqisha bħala virtù ta’ ġid kbir, l-aktar għall-ħajja saċerdotali. Infatti l-kontinenza hi f’ħin wieħed sinjal u u stimolu ta' karità pastorali, u hi għajn speċjali ta’ qawwa spiritwali li ġġib kotra ta’ frott fid-dinja[125]. Tabilħaqq li din il-virtù mhijiex mitluba minnha nfisha mis-saċerdozju minnu nnifsu, kif jidher mill-istorja bikrija tal-Knisja[126] u mit-tradizzjoni tal-Knejjes Orjentali fejn, barra minn dawk li flimkien ma’ l-Isqfijiet kollha jagħżlu li jħarsu bil-grazzja ta’ Alla ċ-ċelibat, jinsabu wkoll Presbiteri mill-aħjar li huma miżżewġa; u dan is-Sinodu Mqaddes waqt li jirrikkmanda iċ-ċelibat ekkleżjastiku, ma għandu ebda ħsieb li jbiddel dik id-dixxiplina differenti leġittma li tinsab fil-Knejjes Orjentali, u bi mħabba kbira jħeġġeġ lil dawk kollha li ħadu l-presbiterat fiż-żwieġ, biex jibqgħu sa l-aħħar fis-sejħa mqaddsa tagħhom u jkomplu ġenerożament jagħtu ħajjithom kollha għall-merħla fdata lilhom[127].

          Iżda hemm bosta raġunijiet li għalihom iċ-ċelibat jaqbel mas-saċerdozju. Għax il-missjoni hi mogħtija kollha kemm hi għas-servizz tal-umanità ġdida li Kristu, rebbieħ fuq il-mewt, iqajjem fid-dinja permezz tal-Ispirtu tiegħu, dik l-umanità li titnissel “mhux mid-demm u lanqas mill-ġibda tal-ġisem u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla” (Ġw 1, 13).  Bis-safa jew ċelibat li jħaddnu minħabba fis-Saltna tas-smewwiet[128], il-Presbiteri jikkonsagraw rwieħhom lil Kristu b'titlu ġdid u għoli ħafna u jsir eħfef għalihom li jingħaqdu miegħu b’qalb mhix mifruda fiha nfisha[129], jingħataw b'libertà akbar fi Kristu u permezz tiegħu għas-servizz ta’ Alla u tal-bnedmin jaqdu b'ħeffa akbar is-Saltna tiegħu u l-opra tat-twelid mill-ġdid għall-grazzja, u hekk isiru aktar disposti li jifirxu iżjed l-uffiċċju tagħhom ta’ missirijiet fi Kristu.  B’dan il-mod għalhekk ikunu qegħdin juru ċar quddiem il-bnedmin li huma jridu jingħataw mingħajr ebda rabta oħra għall-ufiċċju fdat lilhom, jiġifieri dak li jgħarrsu l-fidili lil raġel wieħed, bħallikieku kienu xebba safjali lridu jippreżentaw lil Kristu[130]; b’hekk iqajmu t-tifkira ta’ dak iż-żwieġ  misterjuż imwaqqaf minn Alla, li għad jintwera ċar fiż-żmien li ġej, u li bih il-Knisja għandha lil Kristu bħala Għarus waħdieni tagħha[131]. U huma jsiru wkoll is-sinjal ħaj ta’ dik id-dinja li għad trid tiġi, imma li fil-fidi u fil-karità hi diġa fostna, meta l-ulied tal-qawmien mill-imwiet la jiżżewġu u lanqas jingħataw għaż-żwieġ[132].

          Għal dawn ir-raġunijiet, imsejsa fuq il-misteru ta’ Kristu u tal-missjoni tiegħu, iċ-ċelibat, li għall-ewwel kien biss irrikmandat lis-saċerdoti, aktar tard fil-Knisja Latina sar jobbliga b’liġi lil kull min jersaq għall-Ordni mqaddes.  Għal darb’oħra dan is-Sinodu Mqaddes japprova u jwettaq din il-liġi għal dawk li huma mexjin lejn il-Presbiterat, b’qalbu qawwija fl-Ispirtu li, sakemm dan id-don ikun mitlub lil Alla bl-umiltà u bil-ħerqa minn dawk li bis-Sagrament tal-Ordni jieħdu sehem mis-Saċerdozju ta’ Kristu, anzi mitlub ukoll mill-Knisja kollha, il-Missier mhux se jonqos li jagħtihom b’idu miftuħa dan id-don taċ-ċelibat, hekk xieraq għas-saċerdozju tat-Testment il-Ġdid. Lill-Presbiteri kollha, li għax jafdaw  fuq il-grazzja ta’ Alla aċċettaw liberament  iċ-ċelebat imqaddes fuq l-eżempju ta’ Kristu, dan is-Sinodu Mqaddes jħeġġiġhom biex b’qalb kbira u sħiħa jgħożżu dan id-don, iħarsuh bil-fedeltá sa l-aħħar, japprezzaw dan ir-rigal mill-aqwa li Alla tahom u li l-Mulej faħħar tant fil-beraħ[133], kif ukoll biex ma jneħħux minn quddiem għajnejhom il-misteri kbar li jitfissru u jseħħu fih. Il-lum bosta bnedmin jidhrilhom li ma jistax ikun li wieħed iħares kontinenza perfetta; iżda aktar ma jaħsbuha hekk il-bnedmin, aktar għandhom il-Presbiteri, bl-umiltà u l-perseveranza, jitolbu flimkien mal-Knisja l-grazzja tal-fedeltá, li qatt ma hi miċħuda lil min jitlobha, u jinqdew bil-għajnuniet kollha sopranaturali u naturali li jista’ jilħaqhom kulħadd. Fuq kollox m’għandhomx jittraskuraw li jimxu fuq in-normi axxetiċi li mill-esperjenza tal-Knisja hu ppruvat kemm jiswew, u li l-ħtieġa tagħhom xejn ma naqset fid-dinja tal-lum. Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes jitlob mhux biss lis-saċerdoti, iżda wkoll lill-fidili kollha, biex dan id-don għażiż taċ-ċelibat saċerdotali jħobbuh minn qalbhom, u biex ilkoll jitolbu li Alla nnifsu jibqa’ jagħtih bil-kotra u b’id miftuħa lill-Knisja tiegħu.

 

Faqar volontarju u atteġġjament lejn id-dinja u l-ġid tagħha

17.     Il-Presbiteri li jgħixu ta’ ħbieb u aħwa bejniethom u mal-bnedmin l-oħra jseħħilhom jitgħallmu jistmaw il-valuri umani u jqisu l-ħolqien kollu bħala għotja ta’ Alla. Iżda għandhom ikunu jafu dejjem li, kif qal Sidna l-Imgħallem tagħna, għad li jgħixu fid-dinja, huma mhumiex ta’ din id-dinja.[134]. Għandhom mela jinqdew b’din id-dinja bħallikieku mhumiex qegħdin jużawha[135], u hekk jiksbu dik il-libertà li biha jilliberaw ruħhom minn kull tħassib żejjed u jitgħallmu jkunu aktar doċli biex jisimgħu l-leħen ta’ Alla fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.  B’din il-libertà, u b’din id-doċilità għal-leħen ta’ Alla, tikber id-diskrezzjoni spiritwali li biha wieħed jasal f’dik ir-relazzjoni meqjusa li l-Presbiteru għandu jkollu mad-dinja u mal-ġid ta’ l-art.  Din ir-relazzjoni tajba hi tassew importanti għall-Presbiteri, sewwa sew għax il-missjoni tal-Knisja trid issir fid-dinja, u għax il-ġid maħluq huwa ħaġa li l-bniedem ma jistax jgħaddi mingħajrha għall-progress personali tiegħu. Għalhekk il-Presbiteri għandhom ikunu rikonoxxenti lill-Missier tas-Sema għal kull ma jagħtihom b’id miftuħa biex igħixu ħajja sewwa. Imma jeħtieġ ukoll li huma jħarsu fid-dawl tal-fidi lejn dak kollu li jingħatalhom, ħalli bil-ġid ta’ l-art jinqdew tajjeb kif irid Alla, u jwarrbu kull ma jista’ jkun ta’ ħsara għall-missjoni tagħhom.

          Infatti s-saċerdoti, ladarba sehemhom u l-wirt tagħhom hu l-Mulej (Num 18, 20) bil-ġid temporali għandhom jinqdew biss għal dawk l-iskopijiet li għalihom dan il-ġid jista’ jitħaddem skond it-tagħlim ta’ Kristu l-Mulej u l-ordinamenti tal-Knisja.

            Dak li hu proprjament ġid tal-Knisja, min-natura tiegħu stess u b’liġi ekkleżjastika għandu jiġi amministrat minn saċerdoti, jekk jista jkun bil-għajnuna ta’ lajċi esperti, u jitħaddem dejjem għal dawk l-iskopijiet li għalihom il-Knisja tista’ żżomm il-ġid temporali tagħha, jiġifieri biex isir sewwa l-kult divin, għall-għajxien xieraq tal-kleru, u għall-ħidmiet tal-appostolat imqaddes u tal-karitá, l-aktar mal-foqra[136]. Il-Presbiteri, xejn inqas mill-Isqfijiet, bla xejn ma jitnaqqas xi id-dritt partikolari[137], għandhom jinqdew bil-ġid li jaqilgħu minn xi uffiċċju ekkleżjastiku biex l-ewwelnett iżommu ruħhom kif jixraq u jaqdu d-dmirijiet ta’ l-istat tagħhom; dwar iż-żejjed li jibqgħalhom ikollhom ir-rieda tajba li jħalluh għall-ġid tal-knisja u għall-opri ta’ karità. Għalhekk huma m’għandhomx jittrattaw l-uffiċċju ekkleżjastiku li jkollhom bħala okkażjoni ta' qligħ u r-renti li jdaħħlu minnu m’għandhomx iwarrbuhom biex bihom iżidu l-patrimonju familjari tagħhom[138]. Is-saċerdoti m’għandhom qatt jorbtu qalbhom mal-għana tad-dinja[139], imma jaħarbu dejjem kull xorta ta’ regħba, u jaħarbu sewwa minn kull xorta ta’ negozju.

            Barra minn dan biss, imma s-saċerdoti huma mistiedna biex iħaddnu minn rajhom ħajja ta’ fqar, għax fil-faqar juru rwieħhom aktar jixbhu ‘l Kristu u jsiru aktar disposti għall-ministeru imqaddes. Għax Kristu, li kien għani, ftaqar minħabba fina, biex fil-faqar tiegħu nistagħnu aħna[140]. U l-Appostli, li tgħallmu jgħixu fil-ġid u jgħixu wkoll fil-għaks[141], bl-eżempju tagħhom taw xhieda illi d-don li Alla jagħti b’xejn, b’xejn ukoll għandu jingħata[142]. Triq oħra mill-aħjar li twassal għall-karità pastorali hija xi forma ta’ użu komuni tal-ġid, bħal dik il-komunità ta' ġid hekk imfaħħra fl-istorja ta’ l-ewwel żminijiet tal-Knisja[143]; b’din il-għamla ta’ ħajja l-Presbiteri jkunu jistgħu jqiegħdu fil-prattika, b’mod ta’ min ifaħħru, dak l-ispirtu ta’ faqar irrikmandat minn Kristu.

          Għalhekk, immexxijin mill-ispirtu tal-Mulej li kkonsagra s-Salvatur tagħna u bagħtu jevanġelizza lill-foqra[144], il-Presbiteri, u l-Isqfijiet ukoll, ifittxu li jaħarbu dak kollu li b’xi mod jbiegħed il-foqra minnhom, u aktar mid-dixxipli l-oħra ta’ Kristu jwarrbu kull xorta ta’ frugħa fl-affarijiet tagħhom. U darhom fit-tagħmir tagħha għandha tkun irranġata b’mod li ħadd ma jħossha bi tqila li jersaq lejha, u li qatt ħadd, imsejken kemm ikun imsejken ma tiġih mistħija li jidħol fiha.

 

III GĦAJNUNIET GĦALL-ĦAJJA TAL-PRESBITERI       

Mezzi li jgħinu l-ħajja spiritwali

18.     Biex fiċ-ċirkustanzi kolha ta’ ħajjithom jingħaqdu dejjem iżjed ma’ Kristu, il-Presbiteri, barra mill-ministeru li huma jħarrġu għax jafu bis-siwi tiegħu għandhom ukoll il-mezzi kemmkomuni u kemm partikulari, ġodda u tradizzjonali, li l-Ispirtu s-Santu qatt ma waqaf iqajjem fil-Knisja tiegħu, mezzi li l-Knisja tirrikmandahom ħafna, anzi xi drabi tordnahom ukoll għat-tqaddis tal-membri tagħha[145]. Fost l-għajnuniet spiritwali kollha, l-aqwa huma dawk l-għemejjel li bihom il-fidili jieħdu l-ikel tagħhom tal-Kelma ta’ Alla mill-mejda doppja tal-iskrittura Mqaddsa u tal-Ewkaristija[146]; kulħadd jaf kemm jiswa għall-qdusija proprja tal-Presbiteri li huma jersqu ta' sikwit lejha.

          Il-ministri tal-grazzja sagramentali jingħaqdu aktar intimament ma’ Kristu s-Salvatur u r-Ragħaj meta jirċievu tajjeb is-sagramenti, u l-aktar jekk jersqu sikwit għas-Sagrament tal-Qrar, għax dan is-Sagrament, imħejji bl-eżami tal-kuxjenza ta’ kuljum, jgħin wisq il-konverżjoni meħtieġa tal-qalb lejn l-imħabba tal-Missier ta’ kull ħniena. Fid-dawl tal-fidi, fidi mitmugħa bil-qari tal-Kelma ta’ Alla, huma jkunu jistgħu jfittxu b’ħeġġa akbar s-sinjali tar-rieda ta’ Alla u t-tqanqil tal-grazzja tiegħu fil-bosta ġrajjiet tal-ħajja, u hekk isiru dejjem iżjed lesti bil-ħlewwa kollha biex jaqdu dik il-missjoni li ħadu fl-Ispirtu s-Santu. Eżempju tal-għaġeb ta’ din id-doċilità jsibuh dejjem fil-Verġni Mqaddsa Marija, li taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu s-Santu ngħatat kollha kemm hi għall-misteru tal-Fidwa tal-bniedem[147]; lil din l-Omm tas-Saċerdot il-Kbir u ta’ dejjem, Sultana tal-Appostli u għajnuna qawwija tal-ministeru tagħhom, il-Presbiteri għandhom jagħtuha l-ġieh u jħobbuha bi mħabba u qima ta’ wlied.

          Biex jibqgħu fidili għall-ministeru tagħhom, ikollhom għal qalbhom il-konversazzjoni ta’ kuljum ma’ Kristu l-Mulej fiż-żjajjar u l-qima personali tagħhom lill-Ewkaristija Mqaddsa; jagħmlu bil-qalb l-irtir spiritwali u jgħożżu d-direzzjoni spiritwali. B’ħafna modi, imma l-aktar bit-talb mentali li għandna provi kemm hu siewi, u b’ħafna għamliet ta’ talb li huma jagħżlu kif iridu, il-Presbiteri jfittxu u jitolbu b’ħerqa kbira mingħand Alla dak l-ispirtu ta’ adorazzjoni veri li bih huma flimkien mal-poplu fdat lilhom, jingħaqdu intimament ma’ Kristu l-Medjatur tat-Testment il-Ġdid, u hekk bħala wlied adottivi jkunu jistgħu jgħajtu “Abba Missier” (Rum 8, 15).

 

Studju u xjenza pastorali

19.     Fir-rit imqaddes ta’ l-Ordinazzjoni l-Isqof iwissi l-Presbiteri biex “ikunu maturi fit-tagħrif li jiksbu” u biex it-tagħlim ikun “duwa spiritwali għall-poplu ta’ Alla”[148]. Imma l-għerf u t-tagħrif li jkollu l-ministru mqaddes iridu ikunu għerf u tagħrif qaddisa, għax minn għajn qaddisa jittieħdu u għal skop qaddis jitħaddmu. Għalhekk wieħed għandu jfittex dan il-għerf u tagħrif l-ewwelnett fil-qari u l-meditazzjoni ta’ l-Iskrittura Mqaddsa[149]; iżda dan ix-xjenza ssib ukoll għajxien ta' ġid fl-istudju tas-Santi Padri u tad-Dutturi u d-dokumenti l-oħra tat-Tradizzjoni. Barra minn dan, biex jagħrfu jwieġbu tajjeb għall-mistoqsijiet li l-lum qegħdin jinqalgħu mill-bnedmin, il-Presbiteri jeħtiġilhom ikunu jafu tajjeb id-dokumenti tal-Maġisteru u l-iżjed tal-Konċilji u tal-Papiet; hekk ukoll ifittxu t-tagħlim ta’ l-aħjar kitttieba tat-teoloġija li għandhom duttrina żgura.

          U billi fi żminijietna l-kultura umana u x-xjenza mqaddsa qegħdin jimxu ‘l quddiem b’ritmu ġdid, il-Presbiteri għandhom jitħeġġu biex jipperfezzjonaw tajjeb u bla heda t-tagħrif tagħhom dwar il-ħwejjeġ ta’ Alla u tal-bniedem, ħalli b’hekk jitħejjew aħjar għad-djalogu man-nies ta’ żmienhom.

            Bil-ħsieb li l-Presbiteri jkunu jistgħu jkomplu u jaġġornaw l-istudju li jkunu għamlu u jitgħallmu b'mod li jħalli aktar frott il-metodi ta’ l-appostolat u tal-evanġelizzazzjoni, għandhom jingħatawlhom bl-attenzjoni kollha għajnuniet siewja bħalma jistgħu jkunu l-organizzazzjoni ta’ korsijiet jew kungressi skond il-kondizzjonijiet ta’ kull post, it-twaqqif ta’ Ċentri ta’ studji pastorali, it-twaqqif ta' biblijoteki, u t-tmexxija tajba tal-istudji permezz ta’ nies li jinqalgħu. Barra minn dan, l-Isqfijiet, kull wieħed għalih jew magħqudin bejniethom, jaraw kif isibu l-aħjar mod biex il-Presbiteri kollha tagħhom, fi żminijiet determinati, iżda l-aktar wara ftit snin mill-ordinazzjoni tagħhom[150], ikunu jistgħu jagħmlu kors li jkunilhom okkażjoni kemm biex isiru jafu aktar dwar il-metodi pastorali u x-xjenzi teoloġiċi, kemm biex jisaħħu fil-ħajja spiritwali u biex jikkomunikaw ma’ ħuthom fis-saċerdozju l-esperjenzi appostoliċi tagħhom[151]. B’mezzi addattati bħal dawn u oħrajn bħalhom għandha ssir attenzjoni speċjali biex tingħata għajnuna lill-kappillani ġodda u ‘l dawk kollha li jintbagħtu fuq xi xogħol pastorali ġdid jew f’djoċesi oħra jew f’pajjiż ieħor.

          Fl-aħħarnett l-Isqfijiet għandhom jieħdu ħsieb kbir biex xi wħud mill-Presbiteri tagħhom jingħataw għal studju aktar profond tax-xjenzi mqaddsa, ħalli b'hekk ma jonqsu qatt l-għalliema tajba għall-formazzjoni tal-kleru; jieħdu ħsieb ukoll biex lis-saċerdoti l-oħra u lill-fidili tingħatalhom għajnuna ħalli jiksbu t-tagħlim meħtieġ għalihom, u biex b'dan ix-xogħol ta' riċerka tingħata spinta lil dak il-progress sħiħ u tajjeb fix-xjenzi mqaddsa, li hu għal kollox meħtieġ għall-Knisja.

 

Rimunerazzjoni xierqa

20.     Il-Presbiteri, mogħtijin għas-servizz ta’ Alla fil-qadi tal-uffiċċju fdat lilhom, ħaqqhom jirċievu rimunerazzjoni xierqa, għax “il-ħaddiem ħaqqu ħlasu” (Lq 10, 7)[152], u għax “il-Mulej ordna lil dawk li jxandru l-evanġelju, jgħixu mill-Evanġelju” (1 Kor 9, 14). Għalhekk, sakemm ma jkunx maħsub xort’oħra għal rimunerazzjoni xierqa tal-Presbiteri, il-fidili stess, li għall-ġid tagħhom huma jkunu qegħdin jaħdmu, għandhom tassew l-obbligu li jaħsbu biex jgħixu onestament u kif jixirqilhom.  L-Isqfijiet huma obbligati jwissu l-fidili fuq dan id-dmir tagħhom. Huma għandhom jieħdu ħsieb - kull wieħed għad-djoċesi tiegħu, iżda jkun aħjar li l-Isqfijiet li qegħdin jaħdmu fl-istess territorju jingħaqdu flimkien - li jsiru xi normi kif tingħata għajnuna xierqa u kif imiss għall-ħajja ta’ dawk li jkunu qegħdin jaqdu jew ikunu qdew xi uffiċċju b’servizz lill-Poplu ta’ Alla. Ir-rimunerazzjoni li jirċievi kull wieħed, li trid titqies kemm skont in-natura tal-istess uffiċċju u kemm skond il-kondizzjonijiet tal-post u taż-żmien, għandha tkun fundamentalment l-istess għal dawk kollha li jkunu jinsabu fl-istess ċirkustanzi; għandha tkun biżżejjed biex tilħaq il-bżonnijiet tagħhom; barra minn hekk, għandha tipprovdi l-mezzi biex il-Presbiteri jkunu jistgħu jagħtu l-ħlas mistħoqq lil dawk li jkunu jaqduhom, iżda wkoll biex huma jgħinu b’xi mod lil min ikun fil-bżonn; dan il-ministeru mal-foqra kien dejjem miżmum f’ġieh kbir mill-Knisja sa mill-bidu tagħha. Terġa’ wkoll, b’din ir-rimunerazzjoni li tingħata lill-Presbiteri għandha tkun tali li biha huma jkunu jistgħu ta’ kull sena jieħdu vaganzi biżżejjed kif jistħoqqilhom; l-Isqfijiet huma fid-dmir jaraw li l-Presbiteri jseħħilhom jieħdu l-vaganzi tagħhom.

            L-aqwa importanza għandha tingħata lill-uffiċċju nnifsu li l-ministri mqaddsa jkunu qegħdin jaqdu. Għalhekk is-sistema hekk imsejjaħ benefiċjali għanda tispiċċa, jew għallanqas tiġġedded b’mod li l-parti benefiċjali, jew il-jedd għar-renti tas-somma mħollija b'rabta mal-uffiċċju, tibda titqies bħala ħaġa sekondarja, filwaqt li l-post ewlieni fil-liġi jibda jingħata lill-istess uffiċċju ekkleżjastiku. Mil-lum ‘il quddiem b'uffiċċju ekkleżjastiku għandna nifhmu kull dmir mogħti bħala stabbli għal skop spiritwali.

 

Fond komuni u previdenza soċjali

21.     Wieħed għandu iżomm dejjem quddiem għajnejh l-eżempju tal-fidili fl-ewwel żmien tal-Knisja f’Ġerusalemm, fejn “kellhom kollox flimkien” (Atti 4, 32) u “kien jitqassam kollox skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed” (Atti 4, 35). Għalhekk jixraq ħafna li, għallinqas f’dawk il-postijiet fejn il-għajnuna tal-kleru tiġi kollha kemm hi, jew fil-biċċa l-kbira minnha, mill-offerti tal-fidili, il-ġid li jingħata għal dan il-ħsieb jinġabar minn xi istituzzjoni djoċesana amminstrata mill-Isqof bil-għajnuna ta’ saċerdoti delegati u, jekk ikun utli, ta’ lajċi esperti f'materja ekonomika. Barra minn dan hu ta' min jixtieq ukoll li, kemm jista’ jkun, f’kull djoċesi jew territorju ssir kaxxa komuni tal-ġid, li biha l-Isqfijiet jkunu jistgħu jlaħħqu ma’ l-obbligi l-oħra lejn kull min jagħti xi servizz lill-Knisja, kif ukoll jagħtu xi għajnuna lil dawk id-djoċesijiet li jkunu fil-ħtieġa; bl-istess mezz ukoll id-djoċesijiet aktar għonja jkunu jistgħu jgħinu djoċesijiet oħra aktar fqar, biex iż-żejjed ta’ dawk jagħmel tajjeb għan-nieqes ta’ dawn[153]. F’din il-kaxxa komuni, li għandha ssir l-ewwelnett mill-offerti tal-fidili, jitqiegħed ukoll ġid ieħor minn għejun oħra li għandhom ikunu determinati b’liġi.

            Fin-nazzjonijiet fejn il-previdenza soċjali għadha mhix organizzata sewwa, il-Konferenzi Episkopali jridu jaħsbu biex, dejjem skond il-liġijiet ekkleżjastiċi u ċivili, ikun hemm jew istituti djoċesani, ukoll jekk miġburin f’federazzjoni waħda bejniethom, jew istituti mwaqqfa għal diversi djoċesijiet flimkien, inkella assoċjazzjoni magħmula għal territorju sħiħ; bihom, taħt għajnejn il-Ġerarkija, jinħaseb biżżejjed għal dik li jgħidulha prevenzjoni jew assistenza sanitarja xierqa, u wkoll għall-għajnuna meħtieġa tal-Presbiteri morda, invalidi jew xjuħ. Is-saċerdoti, imqanqlin minn spirtu ta’ solidarjetà sħiħa ma’ ħuthom, għandhom jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-istituti hekk imwaqqfa, b’hekk ikunu qegħdin jixxierku mal-aħwa fil-hemm tagħhom[154], u fl-istess ħin, mingħajr ma jkollhom għalfejn jitħassbu għall-ġejjieni tagħhom, ikunu jistgħu b’ħeffa aktar jgħixu ta’ fqar skond l-ispirtu evanġeliku u jagħtu rwieħhom għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Dawk li huma responsabbli għandhom jagħmlu kemm jistgħu biex istituti bħal dawn ta’ diversi nazzjonijiet ikunu marbutin bejniethom, ħalli tiżdied u tissaħħaħ il-qawwa tagħhom u jilħqu wkoll bnadi oħra.

 

Għeluq u Eżortazzjoni

 

Fiduċja f'Alla fil-qadi tal-missjoni għolja

22.     Dan is-Sinodu Mqaddes, waqt li jżomm quddiem għajnejh kemm hena ġġib magħha l-ħajja tas-saċerdot, ma jistax ma jiftakarx ukoll fid-diffikultajiet li l-Presbiteri jiltaqgħu magħhom fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja tal-lum. Jaf ukoll kemm qegħdin jitbiddlu l-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali u l-istess drawwiet tal-bnedmin, u kemm, fil-ġudizzju tal-bnedmin, qed jitqalleb l-ordni tal-valuri, hu għalhekk li l-ministri tal-Knisja, anzi xi drabi l-fidili wkoll, qegħdin iħossu ruħhom qishom barranin għad-dinja u jfittxu b’taqtiq ta’ qalb b’liema mezzi u klima tajba jistgħu jikkomunikaw magħha. Għax it-tfixkil ġdid li qed iħabbat il-fidi, in-nuqqas ta’ frott li donnu jkun hemm wara li wieħed ikun ħadem, u l-imrar li jġarrbu l-Presbiteri meta jsibu ruħhom weħidhom, huma kollha ħwejjeġ li jistgħu jwaqqgħuhom fil-periklu li jaqtgħu qalbhom.

          B’danakollu d-dinja li llum hi fdata lir-Rgħajja tal-Knisja, biex jgħożżuha u jservuha, hija l-istess waħda li Alla hekk ħabbha li għaliha ta l-Iben il-Waħdieni tiegħu[155]. U tassew, din id-dinja, li minkejja x-xkiel tal-ħafna dnubiet hi wkoll mogħnija b'riżorsi mhux żgħar, tagħti lill-Knisja ġebel ħaj[156] li jingħaqad fil-bini tal-għamara ta’ Alla fl-Ispirtu[157]. L-istess Spirtu s-Santu, waqt li jħeġġeġ lill-Knisja biex tiftaħ triqat ġodda u tersaq lejn id-dinja tal-lum, inebbaħha wkoll u jqanqalha biex tadatta kif jixraq il-ministeru saċerdotali.

            Jiftakru l-Presbiteri, li fil-qadi ta’ dmirijiethom m’huma qatt weħidhom, iżda megħjunin bil-qawwa ta’ Alla li jista’ kollox: mela bit-twemmin tagħhom fi Kristu, li sejħilhom għal sehem fis-saċerdozju tiegħu, għandhom jagħtu rwieħhom bil-fiduċja kollha għall-ministeru tagħhom, għax jafu li Alla għandu l-qawwa jkattar fihom il-karità[158]. Jiftakru wkoll li bħala sħab tagħhom għandhom ukoll lil ħuthom kollha fis-saċerdozju, anzi lill-fidili kollha tad-dinja. Għax il-Presbiteri lkoll jaħdmu id f’id huma u jħabirku biex iseħħ il-pjan ta’ Alla ta’ salvazzjoni, jiġifieri l-Misteru ta’ Kristu, jew is-sagrament moħbi sa minn mijiet ta’ snin f’Alla[159], dan il-pjan, iżda, ma jseħħx kollu jekk mhux bil-mod il-mod, bil-kollaborazzjonitad-diversi ministeri fil-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm dan jilħaq il-milja taż-żmien tiegħu.  Dan kollu, billi hu moħbi ma’ Kristu f’Alla[160], nistgħu nagħrfuh l-iżjed bil-fidi.  Għax il-mexxejja tal-Poplu ta’ Alla jeħtieġ li jimxu bil-fidi, fuq l-eżempju tal-bniedem tal-fidi, ta’ Abraham, li għax emmen “obda ...... biex imur f'art li kien ser  jirċievi b’wirt:  u telaq, bla ma kien jaf fejn sejjer” (Lhud 11, 8). Min iqassam il-misteri ta’ Alla jista’ tassew jixxiebaħ mar-raġel li żara’ l-għalqa, li fuqu l-Mulej qal: “Rieqed jew imqajjem, bil-lejl jew bin-nhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, anqas hu ma jaf kif” (Mk 4, 27).

          Mill-bqija, meta l-Mulej Ġesú qal: “Agħmlu l-qalb, jiena rbaħt id-dinja” (Ġw 16, 33), lill-Knisja tiegħu ma wegħedhiex rebħa sħiħa f’din id-dinja!. Dan is-Sinodu Mqaddes jifraħ tabilħaqq xħin jara li l-art, miżrugħa biż-żerriegħa tal-Evanġelju, f’ħafna bnadi bħalissa qiegħda tagħti l-frott taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu tal-Mulej li jimla d-dinja, u li qajjem spirtu tassew missjunarju fil-qlub ta’ bosta saċerdoti u fidili. Għal dan kollu s-Sinodu Mqaddes jiżżiħajr minn qalbu lill-Presbiteri kollha tad-dinja ; u “lil dak Alla li, bis-setgħa tiegħu li taħdem fina, għandu l-qawwa li jagàħmel kollox bil-wisq iżjed milli aħna nistgħu nitolbu jew naħsbu, lilu l-glorja permezz tal-Knisja u permezz ta’ Kristu Ġesú” (Ef 3, 20-21)

 

 

7 ta' Diċembru 1965

 

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

          Iva 2390     Le 4 (Total 2394).

 


 

 Referenzi ...


 [1]. VAT II, K., dwar il-Liturġija Mqaddsa, Sacrosanctum Concilium AAS 56(1964), pp.97ss; KD dwar il-Knisja Lumen gentium, AAS 57 (1965) pp. 5ss; Digr. dwar l-uffiċju pastorali tal-Isqfijiet fil-Knisja Christus Dominus, AAS 58(1966) ; Digr. dwar il-formazzjoni soċerdotali, Optatam totius, AAS 58(1966) pp. 713ss.

[2] Cf Mt 3, 16; Lq 4, 18; Atti 4, 27; 10, 38.

[3]  Cf. 1 Pt 2, 5.9.

[4] Cf. 1 Pt 3, 15.

[5] .Cf Apk. 19, 10; VAT. II, KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, , n. 35: AAS 57 (1965), pp. 40- 41.

[6] Cf. TRENTU, Sess. XXIII, Kap. 1 u kan. 1: DENZ. 957 u 961 (1764 u 1771).

[7] Cf. Ġw 20, 21:. KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, n. 18: AAS 57 (1965) pp. 21-22.

[8] Cf. .VAT. II, KD dwar il-Knisja, Lumen gentium,  n.28: AAS 57 (1965), pp. 33-36.

[9] Cf. Ibid

[10]Cf. Pontificale romanum, fl-ordinazzjoni tal-Presbiteri, Prefazju. Dan il-kliem wieħed isibu diġà  fis-Sacramentarium Veronense (ed. L.C. Möhlberg, Ruma 1956, p. 122); ukoll fil-Missale Francorum ed. L.C. Möhlberg, Ruma 1960.p.25; l-istess fil-Pontificale Romano-Germanicum ed. Vogel-Elze, Belt tal-Vatikan 1963, vol. I, p. 34

[11] Cf. .VAT. II, KD dwar il-Knisja, Lumen gentium  n. 10: AAS 57 (1965), pp. 14-15

[12] Cf. Rum 15. 16 gr.

[13] Cf. I Kor 11, 26

[14] Cf. S. WISTIN De civitate Dei, 10, 6; PL 41, 284

[15] Cf. I Kor 15, 24

[16] Cf. Lhud 5, 1

[17] Cf. Lhud 2, 17; 4, 15

[18] Cf. I Kor 9, 19-23 vg

[19] Cf. Atti 13, 2

[20] Din il-ħerqa għall-perfezzjoni reliġjuża u morali, qed jitolbuha dejjem iżjed l-istess kondizzjonijiet esterni li tinsab fihom il-Knisja; għax hi ma tistax ma tiċċaqlaqx u tibqa' indifferenti quddiem it-tibdil tal-ġrajja tal-bnedmin li qed isir madwarha u li b'ħafna modi qieghed jinfluwenza l-imġiba tagħha u jimponi fuqha ċerti limitazzjonijiet u kondizzjonijiet. Hija ħaġa ċara ħafna li l-Knisja mhix miftuma mis-soċjetà tal-bnedmin iżda tgħix fiha. Għalhekk ulied il-Knisja huma influwenzati u mmexxija minn dik is-soċjetà, jixorbu l-kultura tagħha, jobdu liġijietha, jilbsu drawwietha. Dawn ir-relazzjonijiet tal-Knisja mas-soċjetà tal-bnedmin iġibu magħhom il-ħin kollu problemi kbar, u li issa saru diffiċli ħafna...L-Appostlu tal-Ġnus hekk kien iwissi l-insara ta’ żmienu: “La tintrabtux taħt madmad wieħed li ma jiġikomx. X’għandhom x’jaqsmu bejbiethom il-ġustizzja u l-ħażen? X' xirka hemm bejn id-dawl u d-dlam?... Jew x’għandu x’jaqsam min jemmen ma’ min ma jemminx? (2 Kor 6, 14-15). Minħabba f’hekk, dawk li bħalissa għandhom il-pożizzjoni ta’ edukaturi u ta' għalliema fil-Knisja jeħtieġ li jisħqu maż-żgħażagħ kattoliċi fuq id-dinjità kbira li għandhom u d-dmir li joħroġ minnha, d-dmir jiġifieri li jgħixu fid-dinja, iżda mhux skond ix-xejra tagħha, bħalma tgħid it-talba li għamel Ġesú Kristu għad-dixxipli tiegħu: ‘Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin: huma mhumiex tad-dinja, bħalma jiena miniex tad-dinja’ (Ġw 17, 15-16). Din it-talba l-Knisja tagħmilha tagħha. B'danakollu dan il-kuntrast ma jfissirx firda, l-anqas jfisser indifferenza, jew biża’, jew tmaqdir. Għax meta l-Knisja tagħmel distinzjoni bejnha u l-ġens tal-bnedmin ma tagħmlux biex tqiegħed ruħha kontra tiegħu, iżda biex tingħaqad iżjed miegħu” (PAWLU  VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Aww. 1964: AAS 56 (1964), pp. 627 u 638).

[21]Cf. Rum 12, 2. 

[22]Cf. Ġw 10, 14-16

[23]Cf S. POLIKARPU Epist. ad Phillippenses, VI, I; “U l-Presbiteri għandhom ikunu lesti biex jagħdru, ikunu qalbhom ħanina ma’ kulħadd, iġibu lura ‘l dawk li tbiegħdu, iżuru l-morda kollha, ma jinsewx l-armla jew l-iltim jew il-fqir; huma għandhom jkunu imħeġġin li jagħmlu l-ġid quddiem Alla u quddiem il-bnedmin, irażżnu fihom infushom kull għadab, kull imġiba li ssir għal wiċċ dak li jkun, kull ġudizzju mhux sewwa, iżommu 'l bogħod minn kull xeħħa, ma jemmnux malajr dak li jingħad kontra xi ħadd, ma jkunux ħorox iżżejjed fil-ġudizzju tagħhom, għax jafu li aħna lkoll għandna d-dejn tad-dnub” ed. Funk, PA. I, p. 273

[24] Cf. I Piet. 1, 23, Atti 6, 7; 12, 24. “(L-Appostli) xandru l-Kelma tal-verità u nisslu l-knejjes” (S. WISTIN, Enarr. in Ps 44, 23; PL 36, 508.

[25]Cf. Mt 2,7; I Tim 4, 11-13; 2 Tim 4,15; Tit 1,9.

[26]Cf. Mt 16, 16

[27]Cf. 2 Kor 11, 7. Għall-Presbiteri, bħala l-kooperaturi tal-Isqfijiet, jgħodd ukoll dak li jingħad għall-Isqfijiet. Cf. Statuta Ecclesiæ Antiqua, c 3 ed. Ch. Munier, Parigi 1960, p. 79); Decretum Gratiani, C. 6, D. 88 ed. Friedberg, I, 307); TRENTU, Sess. V, Digr.. 2, n. 9 Conc Oec. Decreta, ed. Herder, Ruma 1963, p. 645); Sess. XXIV, k. 4 (p 739); Konċ. Vat II, Kost. domm. Lumen gentium, 21 Nov. 1964, n. 5: AAS 57 (1965), pp. 29-31.

[28]Cf. Constitutiones Apostolorum, II, 26, 7: “(Il-presbiteri) għandhom ikunu mgħallmin tal-għerf imqaddes,

 għax Sidna stess ikkmandana meta qal: Morru u għallmu eċċ”, (ed. F.X. Funk, Didascalia et Consitutiones

 Apostolorum, I, Paderborn 1905, p. 105), Sacramentarium Leonianum u s-sagramentarji l-oħra sal- Pontificale Romanum, fil-Prefazju fl-Ordinazzjoni tal-Presbiteri: “B'din il-providenza, Mulej, int seħibt għalliema oħra tal-fidi mal-Appostli ta’ Ibnek, u f'għaqda magħhom huma mlew id-dinja kollha b’dawn ix-xandara (jew b'dawn ix-xandiriet) ; Liber Ordinum Liturgiæ Mozarabicæ, Prefazju għall-ordinazzjoni tal-presbiteri:  Għalliem tal-poplu u mexxej ta’ dawk li huma taħtu, jalla jżomm kif imiss il-fidi kattolika, u Le Liber Ordinum en usage dans l-EgliseWisigothique d'Espagne: Monumenta Ecclesiae Liturgica, jxandar fost kulħadd is-salvazzjoni vera” ed. M. Férotin, Vol. 5 Pariġi 1904, col. 55lin. 4-6.

[29]Cf. Gal 2, 5                                                                

[30]Cf I Piet. 2,12

[31] Cf.ir-Rit tal-Konsagrazzjoni tal-Presbiteru tal-Knisja tal-Ġakobiti ta' Lixandra:  “...Iġbor il-poplu tiegħek għal-kelma tat-tagħlim, bħalma omm titma’ ‘l uliedha” H. Denzinger, Ritus Orientalium, Vol. II, Wűrzburg 1863. p.14

[32] Cf. Mt 28, 19; Mk 16, 16; TERTULLJANU, De baptismo, 14, 2 (Corpus Christianorum, Series latina, I, p. 289, 11- 13); S.ATANASJU, Adv. Arianos, 2, 42 PG 26, 237 A-B;  S. ĠIROLMU, In Matth, 28, 19  (PL 26, 226D); “L-ewwel jgħallmu l-ġnus kollha, imbagħad, wara li jgħallmuhom, jgħammduhom.  Għax ma jistax ikun li l-ġisem jirċievi s-sagrament tal-magħmudija jekk l-ewwel ir-ruħ ma tkunx laqgħet il-veritá tal-fidi”; S. TUMAS, Expositio primæ Decretalis, I; “Meta s-Salvatur tagħna bagħat id-dixxipli biex jippriedkaw, huwa ordnalhom tliet ħwejjeġ. L-ewwelnett biex igħallmu l-fidi; it-tieni biex lil dawk li jemmnu jagħtuhom is-sagramenti” ed. Marietti, Opuscula Theologica, Turin-Ruma 1954, 1138.

[33]Cf. VAT II, KD dwar il-Liturgija Mqaddsa, Sacro-sanctum Concilium , n. 35, 2: AAS 56 (1964),  p. 109

[34]Cf. ibid. nn. 33 35, 48, 52 pp. 108-109, 113, 114.

[35]Cf. ibid n. 7 (pp. 100-101); PIJU XII, IE. Mystici Corporis, 29 Ġun. 1943: AAS 35 (1943), p. 230

[36]S. INJAZJU MARTRI., Smyrn., 8, 1-2 ed. F.X. Funk, p. 240; Costitutiones Apostolorum, VIII, 12, 3 ed F. X. Funk. p. 496); VIII, 29, 2 ibid p. 532

[37]Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja. Lumen gentium, n. 28: AAS 57 (1965), pp, 33-36

[38] “Fl-Ewkarisitija bħal tinġabar il-ħajja spiritwali kollha; fiha bħal jintlaħaq l-iskop tas-sagramenti kollha”  (S. TUMAS Summa Theol. III, q. 73 a. 3c; Cf. Summa Theol. III, q.65 a.3

[39]Cf. S. TUMAS, Summa Theol., III, q. 65, a. 3, ad I; q. 79, a. I, c, u ad I.

[40]Cf. Ef. 5, 19-20

[41]Cf. S. ĠIROLMU, Epist., 114, 2; “...il-kalċijiet ikkonsagrati u l-ilbies  imqaddes li għandhom x’jaqsmu mal-qima lejn l-Għid tal-Mulej...għax jissieħbu mal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej tingħatalhom l-istess adorazzjoni li tingħata lill-Ġisem u Demm tiegħu PL 22, 934). VAT II, K dwar il-Liturġija Mqaddsa, Sacrosanctum  Concilium, nn. 122-127: AAS 56 (1964), pp. 130-132.

[42] “Barra minn dan, matul il-ġurnata m’għandhomx jonqsu li jagħmlu żjara lis- Sagrament Imqaddes li għandu jinżamm fil-knejjes fl-iżjed post xieraq u ta’ ġieh skond il-liġijiet liturġiċi. Din iż-żjara għandha tkun prova ta' gratitudni, rahan ta’ mħabba lejh, u dmir ta' adorazzjoni mistħoqq lejn Kristu Sidna preżenti fl-Ewkaristija” PAWLU VI, IE. Mysterium Fidei, 3 Sett. 1965: AAS 57 (1965), p. 771)

[43]Cf VAT. II, KD dwar il-Knisja Lumen gentium,  n. 28: AAS 57 (1965), pp. 33-36

[44]Cf 2 Kor. 10, 8; 13, 10

[45]Cf.  Gal 1, 10

[46]Cf. I Kor 4, 14

[47]Cf. Didascalia, II, 34, 3; II, 46, 6; II, 47, 1; Constitutiones Apostolorum, II, 47, 1 ed F. X. FUNK, Didascalia et Constitutiones, I, pp. 116, 142 u 143)

[48]Cf. Gal 4, 3; 5, 1, 13

[49]S, ĠIROLMU Epist., 58, 7; “X’jiswa li l-ħitan jilmaw bil-ġawhar Jekk Kristu jkun mhedded li jmut bil-ġuħ fil-fqir?” (PL 22, 584)

[50]Cf. I Pt. 4, 10ss.

[51]Cf. Mt 25, 34-45

[52] Cf. Lq 4, 18

[53] Jistgħu jissemmew ukoll kategoriji oħrajn, per eżempju l-emigranti, in-nomadi, eċċ.  Dwar dawn jitratta id-Dig.dwar l-uffiċċju pastorali ta’ l-Isqfijiet fil-Knisja Christus Dominus, n.18 AAS 58(1966), p. 682

[54] Cf. Didascalia, II, 59, 1-3; “Int u tgħallem, amar u ħeġġeġ lil-poplu jiġi fil-knisja u biex ma jonqos qatt li jiġi, anzi għidlu jiġi dejjem flimkien u lill-Knisja ma jnikkithiex għax jitwarrab minnha u jippriva l-Ġisem ta' Kristu minn xi membru. Għalhekk intom, li intom membri ta’ Kristu, tixterdux mill-Knisja kif tagħmlu meta ma tinġabrux fiha. Intom għandkom ‘il Kristu bħala ras tagħkom li, kif wiegħed, jinsab dejjem fostkom u jixxierek magħkom; għalhekk tkunux intom li tagħtuh il-ġenb jew tifirduh mill-membri tiegħu; tkunux intom li taqsmu jew ixxerdu l-Ġisem tiegħu; ed. F. X. FUNK I, p. 170; PAWLU VI, lis-saċerdoti Taljani li ħadu sehem fit-XIII il-Ġimgħa ta' aġġornament pastorali, li saret f’Orvieto, 6 Sett. 1963: AAS 55 (1963), pp. 750ss.

[55] Cf. VAT II. KD dwar il-Knisja Lumen gentium, n. 28: AAS 57 (1965) , p. 35.

[56] Cf. l-hekk imsejħa Constitutio Ecclesiastica Apostolorum, XVIII: “il-presbiteri huma ‘symmystai’ u ‘synepimakoi’ tal-Isqfijiet” ed. Th. Schermann, Die allgemeine Kirchenordnung, I, Paderborn 1914, p. 26; A.

 HARNACK,  Die Quellen der sog. apostolischen Kirchenordnung. T u U., II,5, p.13, nn.18 u 19; PSEUDO-GROLMU, De Septem Ordinibus Ecclesiæ: “...fil-barka, huma jaqsmu fil-misteri flimkien ma’ l-isqfijiet” ed. A. W. Würzburg 1937, p. 45); S. ISIDOR ta’ Sivilja, De Ecclesiasticis Officiis,II c. VII: “Huma jippresiedu il-Knisja ta’ Kristu, u huma mxierka mal-Isqfijiet fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ġisem u d-Demm divin, u hekk ukoll fit-tagħlim tal-popli u fl-uffiċċju tal-predikazzjoni (PL, 83, 787).

[57] Cf. Didascalia, II, 28; 4 ed. F. X. Funk, p, 108; Costitutiones Apostolorum, II, 28, 4;  II, 34, 3 ibid.  pp. 109 u 117)

[58] Ibid VIII, 16, 4 ed. F. X. Funk, I, p. 522, 13; cf. Epitome Const. Apost., VI ibid., p. 80, 3-4);  Testamentum Domini:  “...agħtih l-Ispirtu tal-grazzja, tal-kunsill, u ta’ qalb kbira, l-ispirtu tal-presbiterat...biex jgħinu u jmexxi l-poplu tiegħek bil-ħidma, bil-biża’, b’qalb safja” -trad. IE. Rahmani, Magonza 1899, p. 69. L-istess fit-Trad. Apost. (ed B. Botte, La Tradition Apostolique deSaint Hippolyte,, Múnster i, W. 1963, p. 20)

[59] Cf. Num 11, 16-25

[60] Pontificale romanum, fL-Ordinazzjoni tal-Presbiteri Prefazju; dawn il-kelmiet issibhom ukoll fis-Sagramentarju Leonjan, fis-Sagramentarju Ġelasjan u fis-Sagramentarju Gregorjan.  Kliem jixxiebaħ ħafna, Jinsab ukoll fil-Liturġija Orjentali: ara Trad. Apost.:  “...ħares lejn dan il-qaddej tiegħek u agħtih l-ispirtu        tal-grazzja u tal-kunsill, biex igħin lill-presbiteri u jmexxi l-poplu tiegħek b’qalb safja;  ħares lejh hekk kif Ħarist  lejn il-poplu l-maħtur tiegħek u amart lil Mosé li jaħtar'' verżjoni Latinaantika ta’ Verona skond l-ed. B. Botte, La Tradition Apostolque de S. Hippolyte, Essai de reconstruction, Münster i. W. 1963, p. 20:  Const. Apost. VIII, 16, 4ed. F. X FUNK, I, p. 552, 16-17):  Epit Const. Apost., 6 ed. F. X. FUNK, II, p 20, 5-7);  Testamentum  Domini :trad. I. E. Rahmani, Magonza 1899, p. 69);  Euchologium Serapionis, XXVII ed. F. X. FUNK, Didascalia et Constitutionis II p.190, lin. 1-17; Ritus Ordinationis in ritu Maronitarum :trad. H. Dezinger, Ritus Orientalium, II, Würzburg 1863, p. 161.  Fost il-Padri jistgħu jissemmew: TEODORU ta’ MOPSUESTIA In I Tim 3, 8 ed. Swete, II, pp. 119-121); TEODORETU, Questiones in Numeros, XVIII PG 80, 369C-372B. DenzingerDeD

[61] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja Lumen gentium,  n. 28: AAS 57, (1965), p. 35.

[62] Cf. ĠWANNI XXIII, IE. Sacerdotii Nostrii Primordia,: AAS 51 (1959), p. 576; S. Piju X, Eżortazzjoni Iill-Kleru Hærent animo, 4 Aww. 1908: S. Pii X Acta, vol. IV (1908), pp. 237ss.

[63] Cf. VAT. II, Digr. dwar l-uffiċċju pastorali ta’ l-Isqfijiet fil-Knisja  Christus Dominus, nn. 15 u 16. AAS 51 (1966), pp.679-681

[64] Skont il-liġi kanonika stabbilita diġà hemm il-Kapitlu tal-Kattidral, bħala “senat u kunsill” tal-Isqof (CIC, 391), jew fejn ma hemmx Kapitlu, Ġemgħa ta’ Konsulturi Djoċesani (cf. CIC, cc. 423-428). Iżda huwa mixtieq li dawn l-istituzzjonijiet ikunu riformati b'mod li jkunu jwieġbu aħjar għaċ-ċirkostanzi u l-ħtiġiet tal-lum. Hija ħaġa ċara li din il-ġemgħa ta' Presbiteri hija differenti mill-Kunsill Pastorali msemmi fid-Dig. dwar l-uffiċċju pastorali ta’ l-Isqfijiet fil-Knisja, Christus Dominus, 28 Ott. 1965, n. 27, Kunsill li minnu jagħmlu sehem ukoll il-lajċi, u li d-dmir tiegħu hu biss li jagħmel stħarriġ dwar il-ħidma pastorali. Dwar il-Presbiteri bħala kunsillieri tal-Isqof, wieħed jista’ jara Didascalia, II, 28, 4 ed. F. X. FUNK. I, p. 108; Const. Apost., II, 28, 4 ed. F. X. FUNK I, p. 109; S.INJAZJU MARTRI., Magn., 6, 1: ed. F. X. FUNK p.194; Trall., 3, I ed. F. X. FUNK p.204; ORIGENE, Contra. Celsum, III 30: “Il-presbiteri huma kunsillieri jew ‘bouleytai’' PG 11, 957D-960A.

[65] S.INJAZJU MARTRI ., Magn., 6, I: “Inħeġġukom sabiex tfittxu tagħmlu kollox qalb waħda u fil-paċi ma' Alla, l-Isqof jli ippresiedi flok Alla, il-Presbiteri flok is-senat appostoliku, d-djakni l-aktar għeżież tiegħi bħala dawk li ngħatalhom is-servizz ta’ Ġesù Kristu, li kien mal-Missier qabel kull żmien u fl-aħħar fil-milja deher fostna” ed. F. X. FUNK. p195; S. INJAZJU MARTRI, Trall., 3, I:  “Kulħadd għandu jagħti ġieh lid-djakni bħallikieku lil Ġesú Kristu, hekk ukoll lill-Isqof, bħala xbieha tal-Missier, u lill-Presbiteri bħala s-senat ta’ Alla u l-Kunsill tal-Appostli:  mingħajr dawn, il-Knisja ma tissejjaħx Knisja”  ibid. p. 204; S. ĠIROLMU, In Isaiam, II, 3: PL 24, 61D: “Aħna wkoll għandna fil-Knisja s-senat tagħna, il-ġemgħa tal-presbiteri”.

[66] Cf. PAWLU VI, Diskors lill-kappillani u l-predikaturi tar-Randan ta' Ruma magħmul fil-Kappella Sistina 1 Marzu 1965: AAS 57 (1965) p. 326

[67] Cf. Const. Apost., VIII, 47, 39: ''Il-Presbiteri... m'għandhom jagħmlu xejn mingħajr il-qbil tal-Isqof; għax lilu huwa fdat il-Poplu ta' Alla, u minn għandu għad jintalab kont ta’ rwieħhom” ed. F. X. FUNK, p. 577.

[68]Cf. 3 Ġw 8

[69]Cf.. Ġw 17, 23

[70]Cf. Lhud 13, 1-2

[71]Cf. Lhud 13, 16

[72]Cf. Mt, 5, 10

[73] Cf. I Tess 2, 12: Kol I, 13

[74] Cf. Mt 23, 8. “Jeħtieġ imbagħad li, propju għaliex nixtiequ nkunu rgħajja, missirijiet u għalliema tal-bnedmin, għandna inkunu ukoll ħuthom” . PAWLU VI, IE. Ecclesiam suam, 6 Aww. 1964: AAS 56 (1964), p. 647.

[75] Cf. Ef 4, 7. 16: Const. Apost., VIII, 1, 20: “Għalhekk ukoll la l-isqof m'għandu jintrefa’ fuq id-djakni jew il-presbiteri, anqas m'għandhom il-presbiteri jintrefgħu fuq il-poplu; għax il-għaqda ssir mill-ġemgħa tat-tnejn” ed. F. X. FUNK, I. p. 467.

[76] Cf. Fil 2, 21

[77] Cf. I Ġw 4, 1

[78] Cf. VAT II KD dwar il-Knisja Lumen gentium, n. 37: AAS (1964), pp. 42-43

[79]Cf. Ef 4, 14

[80] Cf. VAT II Digr. dwar l-Ekumeniżmu l-Unitatis redintegratio, AAS 57 (1964), pp. 90ss

[81] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, , n. 37: AS (1964), pp. 42-43

[82] Cf. Lhud 7, 3

[83] Cf. Lq 10, 1

[84] Cf. 1 Pt 2, 25

[85] Cf. Atti 20, 28

[86] Cf. Mt 9, 36

[87]  Pontificale romanum dwar “L-Ordinazzjoni tal-Presbiteri”

[88] Cf. VAT II, Dig. dwar il-formazzjoni saċerdotli Degr. Optatam totius, n. 2: AAS 58 (1965) p. 714-715

[89]“Leħen Alla li jsejjaħ jesprimi ruħu f’żewġ modi diversi, tal-għaġeb it-tnejn u t-tnejn jieħdu lejn sulxin: wieħed intern, dak tal-grazzja, leħen l-Ispirtu s-Santu, leħen ineffabbli  ta' seher interjuri li l-‘leħen sieket’ u qawwi tal-Mulej isemma fil-fond tar-ruħ tal-bniedem li ebda bniedem ieħor ma jista' jilħaq; l-ieħor estern, uman, sensibbli, ġuridiku, konkret, il-leħen tal-ministru kkwalifikat tal-Kelma ta’ Alla, dak tal-Appostlu, dak tal-Ġerarkija, għodda indispensabbli, li riedha u istitwieha Kristu, bħala mezz magħmul apposta biex iwassal u jittraduċi f'lingwa li tista' tħossha l-messaġġ tal-Verb u tal-preċett divin. Hekk flimkien ma’ S. Pawl tgħallem id-dottrina kattolika: Imma kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?.... il-fidi mis-smigħ (Rum 10, 14. 17)”: PAWLU VI Diskors li għamel fil-5 Mejju 1965: OR 6 Mej 1965, p. I.

[90] Cf. VAT II Digr. dwar il-formazzjoni saċerdotali Optatam totius, n. 2.:AAS 58(1965)

[91] Hekk jgħallmu l-Padri meta jfissru kliem Kristu lil Pietru: “Tħobbni int?...Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21, 17); hekk S. ĠWANN KRIŻOSTMU, De sacerdotio, II, 1-2 PG 47-48, 633); S. GIRGOR IL-KBIR Reġ. Past Liber,  P. I, c 5 PL 77, 19a.

[92]Cf. 2 Kor 12, 9

[93]Cf. PIJU XI IE Ad Catholici sacerdotii, 20 Diċ. 1935: AAS: 28 (1936), p. 10

[94]Cf. Ġw 10, 36

[95]Cf. Lq 24, 26

[96]Cf. Ef 4, 13

[97] Cf. 2 Kor 3, 8-9

[98]Cf. fost l-oħrajn,PIJU X Eżortazzjoni lill-kleru Hærent animo, 4 Aww. 1908: S. Pii Acta, vol. IV (1908) pp.237ss; PIJU XI, IE Ad catholici sacerdotii, 20 Diċ. 1935: AAS 28 (1936), pp. 5ss; PIJU XII, EA Menti nostræ., 23 Sett 1950: AAS 42 (1950), pp. 657ss; ĠWANNI XXIII, IE Sacerdotii nostri primordia, 1 Aww 1959: AAS 51 (1959) pp. 545ss

[99] Cf. S. Tumas, Summa Theol., II-II, q. 188, a. 7.

[100] Cf. Ef 3, 9-10

[101] Cf. Atti 16, 14.

[102] Cf. 2 Kor 4, 7

[103]Cf. Ef 3, 9

[104]Cf. Pontificale romanum, dwar L-Ordinazzjoni tal-Presbiteri

[105]Cf. Missale Romanum, it-Talba fuq l-Offerti, tad-IX 9 Ħadd wara Għid il-Ħamsin

[106]“Kull quddiesa, ukoll jekk is-saċerdot iqaddisha privatament mhijiex privata, għax hi att ta’ Kristu u tal-Knisja; Fis-sagrifiċċju li toffri, l-Knisja titgħallem toffri lilha nnfisha bħala sagrifiċċju universali, u tapplika l-qawwa waħdanija, nfinita u feddejja tas-sagrifiċċju tas-salib għas-salvazzjoni tad-dinja kollha. (...) Għalhekk b'imħabba ta’ missier u bil-ħerqa kollha nirrikmandaw lis-saċerdoti, li huma l-aqwa hena u l=isbaħ kuruna tagħna fil-Mulej, sabiex... il-Quddiesa jiċċelebrawha kuljum, kif jixraq u bid-devozzjoni” PAWLU VI, IE Mysterium Fidei, 3 Sett. 1965: pp. 761-762. Cf. VAT II, K dwar il-Liturġija Mqaddsa, Sacrosanctum Concilium, nn. 26 u 27: AAS 56 (1964), p. 107.

[107] Cf. Ġw 10, 11

[108] Cf. 2 Kor 1, 7

[109] Cf. 2 Kor 1, 4

[110] Cf. 1 Kor 10, 33

[111] Cf. Ġw 3, 8

[112] Cf. Ġw 4, 34

[113] Cf. 1 Ġw 3, 16

[114] “Li tirgħa l-merħla tal-Mulej għandu jkun dmir ta’ mħabba” S. WISTIN, Tract. In Io., 123, 5: PL 35, 1967

[115] Cf. Rum 12, 2

[116] Cf. Gal 2, 2

[117] Cf. 2 Kor 7, 4

[118] Cf. Ġw 4, 34;  5, 30; 6, 38

[119] Cf. Atti 13, 2

[120] Cf. Ef 5, 10

[121] Cf. Atti 20, 22

[122] .Cf.2 Kor 12, 15

[123] Cf. Ef 4, 11-16

[124] Cf. Mt 19, 12

[125] Cf.  VAT II KD. II dwar il-Knisja Lumen gentium,  n. 42:  AAS 57 (1964), pp. 47-49

[126] Cf. I Tim 3, 2-5;  Tit 1, 6

[127] Cf. PIJU XI IE Ad catolici sacerdotii, 20 Diċ 1935:  AAS 28 (1936), p. 28

[128] Cf. Mt 19, 12

[129] Cf. I Kor 7, 32-34

[130] Cf. 2 Kor 11, 2

[131] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja Lumen gentium, nn. 42 u 44:  AAS 57 (1964), pp. 47-49 u 50- 51; Dig. dwar it- tiġdid u l-addattament tal-ħajja reliġjuża Perfectæ caritatis, n. 12: AAS 58 (1965)

[132] Cf. Lq 20, 35-36; PIJU XI, IE. Ad catholici sacerdotii, 20 Diċ. 1935:  AAS 28 (1936), pp. 24-28; PIJU XII, IE   Sacra Virginitas, 25 Mar. 1954:  AAS 46 (1954), pp. 167-172

[133] Cf. Mt 19, 11

[134] Cf. Ġw 17, 14-16

[135] Cf. I Kor 7, 31

[136] KONĊILJU TA' ANTIJOKJA, kan. 25:  MANSI 1327, 1328;  Decretum Gratiani, c. 23, S. 12, q. I ed Friedberg, I, pp. 684-685)

[137] Dan jhu maħsub l-aktar għall-jeddijiet u d-drawwiet li hemm fil-Knejjes tal-Lvant

[138] KONILJU TA' PARIĠI, a. 829, Kap. 15; MGH., Legum sectio III, Concilia, v. 2, pars 6, 622; TRENTU, Sess. XXV, Decr. de reform., Cap. 1 Conc Oec Decreta ed Herder Ruma 1962 pp. 760-761

[139] Cf, S 62, 11 vg 61

[140] Cf. 2 Kor 8, 9

[141] Cf. Atti 8, 18-25

[142] Cf. Cf. Fil 4, 12

[143] Cf. Atti 2, 42-47

[144] Cf. Lq 4, 18

[145]Cf. CIC., KAN. 125ss

[146]Cf. VAT II DIgr.dwar it-tiġdid u l-addattament tal-ħajja reliġjuża Perfectæ caritatis, n. 6; AAS 58 (1965). KD dwar ir-Rivelazzjoni Divina Dei verbum, n. 21 AAS 58 (965)

[147]Cf. VAT II KD dwar il-Knisja Lumen gentium, n. 65: AAS 57 (1964), pp. 64-65

[148] Cf.  Pontificale  Romanum, “L-Ordinazzjoni tal-Presbiteri”

[149] Cf. VAT II,  KD dwar ir-Rivelazzjoni ,Divina Dei verbum, n. 25: AAS 58 (1965)

[150] .Dan il-kors mhuwiex l-istess kors pastorali li għandu jsir minnufih wara l-ordinazzjoni u li fuqu tkellem id-Digr. dwar il-formazzjoni saċerdotali Optatum totius, n. 22: AAS 58 (1965)

[151] Cf. VAT II, Digr. dwar l-uffiċċju pastorali tal-Isqfijiet fil-Knisja Christus Dominus, n. 16: AAS 58 (1965)

[152] Cf. Mt. 10, 10; 1 Kor 9, 7; 1 Tim 5, 18

[153]Cf. 2 Kor 8, 14

[154]Cf. Fil 4, 14

[155]Cf. Ġw 3, 16

[156]Cf. 1 Piet 2, 5

[157]Cf. Ef 2, 22

[158] Cf.l-Pontificale  Romanum dwar , “L-Ordinazzjoni tal-Presbiteri”

[159] Cf.Ef 3, 9

[160] Cf. Kol 3, 3