L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Inter Mirifika. Digriet tal-Konċilju Vatikan II

 

 

 

 

 

 

Aktar dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II u ta' Konċilji oħra ...

 

STQARRIJA

TAL-KONĊILJU VATIKAN II

DWAR

IR-RELAZZJONI TAL-KNISJA  

MAR-RELIĠJONIJIET MHUX INSARA

“NOSTRA AETATE''

 

28 ta’ Ottubru, 1965

 

WERREJ

 

1 Daħla

2.Ir-Reliġjonijiet mhux Insara

3 Ir-Reliġjon Musulmana

4 Ir-Reliġjon Lhudija 

5.L-Imħabba tal-aħwa fost il-bnedmin kollha

 


 

STQARRIJA DWAR IR-RELAZZJONI TAL-KNISJA

 MAR-RELIĠJONIJIET MHUX INSARA

“NOSTRA AETATE''

 

Daħla

1. Fi żminijietna, meta l-ġens tal-bnedmin qiegħed ta’ kuljum dejjem iżjed isir ħaġa waħda u qed tikber id-dipendenza tal-popli minn xulxin, il-Knisja teżamina b’aktar reqqa r-relazzjoni tagħha mar-reliġjonijiet mhux insara. Fil-qadi tad-dmir tagħha li xxerred l-għaqda u l-imħabba fost il-bnedmin, anzi fost il-popli wkoll, f’dan id-dokument hija teżamina qabel xejn dak li l-bnedmin għandhom komuni bejniethom u li jwassalhom biex igħixu aktar flimkien.

Il-popli kollha, infatti, jagħmlu komunità waħda u għandhom oriġini waħda għaliex Alla qiegħed lill-ġens kollu tal-bnedmin fuq wiċċ l-art kollha biex igħammar fiha[1]. Huma għandhom ukoll skop aħħari wieħed: Alla, li jwassal il-provvidenza tiegħu, ix-xhieda ta’ tjubitu u l-pjan tas-Salvazzjoni lil kullħadd[2] sakemm il-magħżulin kollha jingħaqdu fil-Belt Imqaddsa mdawla bil-glorja ta’ Alla, fejn il-ġnus kollha għad jimxu fid-dawl tiegħu[3].

Il-bnedmin jistennew mir-reliġjonijiet kollha it-tweġiba għal dawk il-misteri profondi tal-kondizzjoni umana li l-lum, bħal fl-imgħoddi, qegħdin profondament iqanqlu qalb il-bnedem: x’inhu l-bniedem, xi tfisser il-ħajja tiegħu, għalfejn hi, x’inhu t-tajjeb u x’inhu d-dnub, minn fejn ġej in-niket u għalfejn hu, liema hi t-triq li twassal għall-hena tassew, x’inhuma l-mewt, il-ġudizzjoni u l-ħlas ta’ wara l-mewt u, fl-aħħarnett, x’inhu dak il-misteru tal-aħħar u li ma jistax jitfisser li jħaddan l-eżistenza kollha tagħna, li minnu aħna nieħdu l-bidu u lejh aħna mexjin.

2. Ir-Reliġjonijiet mhux Insara

Mill-qedem sal-lum, f’popli differenti, wieħed isib li huma jħossu b’xi mod dik il-qawwa misterjuża li qiegħda fil-mixja ta’ kull ħaġa u fil-ġrajjiet tal-ħajja tal-bniedem; anżi, xi mindaqqiet, wieħed isib li huma jagħrfu li hemm divinità li hi fuq kollox jew, jagħrfu wkoll, li hemm xi Missier ta’ kulħadd. Din is-sensibilità u dan l-għarfien inisslu sens reliġjuż qawwi fil-ħajja ta’ dawn in-nies. Iżda r-reliġjonijiet li huma marbuta mal-progress tal-kultura jfittxu li jagħtu tweġiba għall-istess mistoqsijiet b’nozzjonijiet aktar eżatti u bi kliem iżjed meqjus. Hekk, fl-Induwiżmu, l-bnedmin jiflu l-misteru ta’ Alla u jfissruh b’kotra li ma tispiċċa qatt ta’ miti u b’riċerka filosofika penetranti; huma jfittxu l-ħelsien mid-dwejjaq tal-ħajja li ninsabu fiha jew permezz ta’ għamliet ta’ ħajja axxetika jew b'meditazzjoni profonda jew billi jistkennu f’Alla bl-imħabba u fil-fiduċja. Il-Buddiżmu, skond l-għamliet differenti tiegħu, jagħraf li din id-dinja li tinbidel mhijiex biżżejjed u hemm fiha xi nuqqas radikali; huwa jgħallem triq li minnha l-bnedmin, b’qalb devota u fiduċjuża, jista’ jirnexxilhom jaslu kemm biex jiksbu stat ta’ liberazzjoni perfetta kemm biex, jew bl-isforżi tagħhom jew b’għajnuna mill-għoli, jiksbu stat ta’ l-ogħla dawl. Hekk ukoll ir-reliġjonijiet l-oħra li jinsabu mxerrdin fid-dinja kollha jħabirku b’ħafna modi biex jegħilbu l-inkwiet ta’ qalb il-bniedem billi jipproponulu xi toroq mnejn jista’ jgħaddi, jigifieri jagħtuh tagħlim, regoli ta’ ħajja u riti sagri.

Il-Knisja Kattolika ma twarrab xejn minn dak li hu veru qaddis f’dawn ir-reliġjonijiet. Hija tħares b’rispett sinċier lejn dawk il-manjieri ta’ ħajja u ta’ mġieba, dawk ir-regoli ta’ ħajja u dak it-tagħlim li, għalkemm f'ħafna ħwejjeġ ma jaqblux ma dak li hija nnifisha tħaddan u tgħallem, b’danakollu ħafna drabi jirrifletu raġġ minn dik il-verità li ddawwal il-bnedmin kollha. Iżda l-Knisja tħabbar, anzi hi fid-dmir li tħabbar bla waqfien, lil Kristu li hu “it-triq, il-verità u l-ħajja (Ġw. 14,6), li fih il-bnedmin isibu l-milja tal-ħajja reliġjuża u li fih Alla reġa’ ħabbeb kollox mill-ġdid miegħu nnifsu[4].

Għalhekk (il-Knisja) tħeġġeġ lil uliedha biex, waqt li jkunu xhieda tal-fidi u tal-ħajja nisranija, jagħrfu, iħarsu u jġibu ‘l quddiem dawk il-valuri spiritwali, morali u soċjo-kulturali li jinsabu fost il-membri tar-reliġjonijiet l-oħra u dan jagħmluh bil-prudenza u bl-imħabba, permezz tad-djalogu u tal-ħidma flimkien magħhom.

 

Ir-Reliġjon Musulmana

3. Il-Knisja tħares ukoll b’rispett lejn il-Musulmani li jaduraw ‘l Alla waħdani, li hu ħaj u li jgħix minnu nnifsu, li hu ħanin u jista’ kollox, ħallieq tas-sema u l-art[5], Alla li tkellem mal-bnedmin. Huma jfittxu li joqgħodu b’qalbhom kollha għad-digrieti tiegħu, ukoll dawk moħbija, bħalma qagħad għar-rieda ta’ Alla Abraham li l-fidi Islamika tagħraf bil-qalb. Għalkemm huma jagħrfux lil Ġesu bħala Alla, iżda huma jqimuh bħala profeta; huma jweġġħu lil Ommu Marija Verġni u xi drabi jitolbuha b’devozzjoni. Barra minn dan huma jistennew jum il-ħaqq meta, wara l-qawmien mill-imwiet, Alla jagħti lil kullħadd dak li ħaqqu. Hekk ukoll huma jgħożżu l-ħajja morali u jagħtu qima lil Alla, fuq kollox bit-talb, bl-għoti tal-elemożina u bis-sawm.

Għalkemm tul is-sekli qam ħafna nuqqas ta’ ftehim u ħafna ġlied bejn l-Insara u l-Musulmani, dan is-Sinodu. Mqaddes iħeġġeġ lil kulħadd biex jinsa l-imgħoddi u jħabrek bil-qalb biex Insara u Musulmani jifhmu iżjed lil xulxin u, flimkien, jiddefendu u jġibu ‘l quddiem, għall-ġid tal-bnedmin kollha, il-ġustizzja soċjali, il-valuri morali, il-paċi u l-libertà.

 

Ir-Reliġjon Lhudija 

4. Dan is-sinodu Mqaddes, waqt li jifli bir-reqqa l-misteru tal-Knisja, jiftakar li l-poplu tat-Testment il-Ġdid għandu rabta spiritwali man-nisel ta’ Abraham.

Il-Knisja ta’ Kristu, infatti, tagħraf illi skond il-misteru divin tas-salvazzjoni, il-bidu tal-fidi u tal-għażla tagħha jinsab diġà fil-Patrijarki, f’Mose` u fil-profeti. Hija tistqarr illi l-Insara kollha, ulied Abraham fil-fidi[6], huma mdaħhla fis-sejħa ta’ dan il-Patrijarka u li s-salvazzjoni tal-Knisja hija prefigurata b'mod mistiku fil-ħarġa tal-poplu magħżul mill-art tal-jasar. Għalhekk il-Knisja ma tistax tinsa li hija rċeviet ir-rivelazjoni tat-Testment il-Qadim permezz ta’ dak il-poplu li miegħu Alla, fil-ħniena tiegħu li ma titfissirx, għoġbu jwaqqaf il-Patt il-Qadim ta’ ħbiberija; ma tistax tinsa li hi tieħu l-għajxien tagħha mill-għerq taż-żebbuġa t-tajba li fuqha tlaqqmu l-friegħi taż-żebbuġa salvaġġa li huma l-pagani[7]. Għaliex il-Knisja temmen li Kristu, il-paċi tagħna, bis-salib ħabbeb mill-ġdid il-Lhud u l-popli pagani u t-tnejn flimkien għamilhom ħaġa waħda fih innifsu[8].

Barra minn dan, il-Knisja dejjem iżżomm quddiem għajnejha l-kliem tal-Appostlu Pawlu fuq nies ġensu li “tagħhom hija l-adozzjoni u l-glorja, il-pattijiet u l-liġi, il-liturġija u l-wegħdiet: tagħhom huma l-patrijarki; u kien minnhom li, skond il-ġisem, ħareġ Kristu (Rum, 9,4-5), Bin Marija Verġni. Hija tiftakar ukoll li mill-poplu Lhudi twieldu l-Appostli, is-sisien u l-kolonni tal-Knisja, u wkoll dak l-għadd kbir ta’ l-ewwel insara li ħabbru l-Evanġelju ta’ Kristu lid-dinja.

Kif jixdhu l-Kotba Mqaddsa, Ġerusalemm ma’ għarfitx iż-żmien taż-żjara li saritilha[9], u ħafna mil-Lhud ma laqgħux l-Evanġelju; anzi ma kienux ftit dawk li ħaduha kontra t-tixrid tiegħu[10]. B’danakollu kif igħid l-Appostlu, il-Lhud jibqgħu, minħabba missirijiethom, wisq għeżież għal Alla li ma jisgħobbihx mill-għotjiet u mis-sejħa tiegħu[11]. Il-Knisja, flimkien mal-profeti u mal-istess Appostlu, tistenna dak il-jum magħruf minn Alla biss, jm li fih il-popli kollha b'leħen wieħed isejħu lil Alla u“jaqduh qalb waħda” (Sof. 3,9)[12].  Mela ladarba l-wirt spiritwali komuni għall-Insara u għal-Lhud huwa daqshekk kbir, dan is-Sinodu Mqaddes irid iħeġġeġ u jirrikmanda illi huma jsiru jafu u jirrispettaw iżjed lil xulxin; dan jistgħu jiksbuh fuq kollox permezz ta’ studji tal-Bibbja u tat-teoloġija, flimkien u permezz ta’ djalogu tal-aħwa.

Ukoll jekk l-awtoritajiet tal-Lhud flimkien mas-segwaci tagħhom inswistew għall-mewt ta’ Kristu[13], b’dankollu ma nistgħux nixlu b’dak kollu li sar fil-passjoni tiegħu, la lil-Lhud kollha ta’ dak iż-żmien mingħajr ebda distinzjoni, lanqas lil-Lhud ta’ żminijietna. Għalkemm il-Knisja hija l-poplu ġdid ta’ Alla, il-Lhud ma’ għandhomx jintwerew la bħala mistmerra minn Alla u l-anqas bħala misħuta, bħallikieku dan tista’ tiġbdu mill-Kotba Mqaddsa. Għalhekk kullħadd għandu joqgħod attent li fit-tagħlim tal-katekiżmu u fit-tixrid tal-kelma ta’ Alla, ma jkun mgħallem xejn li ma jaqbilx mal-verità tal-Evanġelju u l-ispirtu ta’ Kristu.

Barra hekk il-Knisja, li tikkundanna l-persekuzzjonijiet kontra kull bniedem, waqt li tiftakar fil-wirt komuni li għandha mal-Lhud, u mqanqla mhux minn raġunijiet politiċi iżda biss mill-karità reliġjuża u evanġelika, tiddeplora l-mibgħeda, il-persekuzzjonijiet u kull manifestazzjoni ta’ antisemitiżmu kontra l-Lhud ta’ kull żmien, kien min kien li ippersegwithom.

Fuq kollox, kif dejjem żammet u għadha żżomm il-Knisja, Kristu minn jeddu ġarrab b’imħabba bla qjies il-passjoni u l-mewt għad-dnubiet tal-bnedmin kollha biex huma kollha jsalvaw. Għalhekk huwa dmir tal-Knisja li hi u tippriedka tħabbar is-salib ta’ Kristu bħala sinjal ta’ l-imħabba universali ta’ Alla u bħala għajn ta’ kull grazzja.

 

L-Imħabba tal-aħwa fost il-bnedmin kollha

5. Ma nistgħux insejħu ‘l Alla bħala Missier il-bnedmin kollha jekk nirrifjutaw li nġibu ruħna bħala aħwa ma’ xi wħud mill-bnedmin li huma maħluqa xbieha ta’ Alla. L-imġieba tal-bnedmin lejn Alla Missier u lejn ħuthom il-bnedmin l-oħra huma hekk marbutin ma’ xulxin illi l-Iskrittura tgħid “Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla” (1 Ġw. 4,8).

B’hekk jitwarrab is-sies għal kull teorija jew prattika li tagħmel diskriminazzjoni bejn bniedem u bniedem, bejn ġens u ieħor, f’dak li għandu x’jaqsam mad-dinjità tal-bniedem u l-jeddijiet li ħerġin minnha.

Għalhekk il-Knisja tikkundanna bħala kuntrarji għar-rieda ta’ Kristu, kull diskriminazzjoni bejn il-bnedmin jew kull persekuzzjoni magħmula minħabba xi raġuni ta’ razza jew lewn, kondizzjonijiet soċjali jew reliġjon. Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes, waqt li jimxi fuq il-passi tal-Appostli Pietru u Pawlu, jitlob bil-ħrara lill-Insara biex “iġibu rwieħhom sewwa qalb il-pagani” (1 Pt. 2,12) u kemm jista’ jkun iżommu l-paċi mal-bnedmin kollha[14]. B’hekk ikunu tabilħaqq ulied il-Missier li hu fis-smewwiet[15].

 

28 ta’ Ottubru, 1965

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

  Iva: 2221; Le: 88;  Nulli: 1  Total: 2310

 

 


 

[1] Cf. Atti 17,26.

[2] Cf. Għerf 8,1; Atti: 14,17; Rum. 2,6-7; 1 Tim 2,4.

[3] ] Cf. Apk. 21,23s.

[4] Cf. 2 Kor. 5, 18-19

[5] Cf. S. GIRGOR VII, Epist. XXI ad Anzir (Nacir), regem Mauritaniae, PL. 148, col. 450s

[6] Cf. Gal. 3,7.

[7] Cf. Rum. 11, 17-24.

[8] Cf. Ef 2,14-16

[9] Cf. Lq. 9,44.

[10] Cf. Rum. 11,28

[11] Cf. Rum. 11,28-29; cf KD Lumen Gentium, AAS 57 (1965) p.20

[12] Cf. Is. 66,23; S. 65,4; Rum. 11,11-32.

[13] Cf. Ġw. 19,6.

 

[14] Cf. Rum. 12,18.

[15] Cf. Mt. 5,45.