L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Sussidju għal- Żmien ir-Randan

Format PDF »

 

Werrej

Ir-Randan: mixja ta’ konverżjoni li twassalna għall-ferħ ta’ Kristu Rxoxt

Karattri b’rabta mal-Passjoni

Riflessjonijiet marbuta mat-Tridu Mqaddes tal-Għid

Via Crucis   

It-Triq tas-Salib ta’ Ġesù

It-Triq tas-Salib tal-bniedem

Is-Seba’ Duluri ta’ Marija

Riflessjonijiet għall-ħruġ tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Riflessjoni għal Żmien ir-Randan

Posters għar-Randan Sena A

Posters għar-Randan Sena B

Innijiet għal Żmien ir-Randan

Kapitlu 8 tal-Amoris Laetitia


L-Uffiċċju tal-Katekeżi tad-Djoċesi ta’ Għawdex irodd ħajr lill-persuni kollha li kitbu jew taw kontribut f’dan is-Sussidju:

Francesco Pio Attard

Rev. Geoffrey George Attard

Kav. Joe M. Attard

Rev. Injazju Borg

Rev. Charles Buttigieg

Carmel Cachia

Rev. Simon Mario Cachia

Mons. Lawrenz Sciberras

Mons. Edward Xuereb

Kan. Joe Zammit


 

 

 

1.

Ir-Randan:

Mixja ta’ konverżjoni li twassalna għall-ferħ ta’ Kristu Irxoxt

Arċipriet Injazju Borg

 

Diġà fit-tieni seklu fil-Knisja kien jeżisti żmien ta’ preparazzjoni għall-akbar festa tal-Knisja, l-Għid il-Kbir, li kien jikkonsisti f’katekeżi, tagħlim, u jiem ta’ sawm.

 

Illum ir-Randan jikkonsisti f’sitta u erbgħin jum, mill-Erbgħa tal-Irmied sa Ħamis ix-Xirka meta jibda t-Tridu Mqaddes tal-Għid. L-Isqof Toni Bello jgħid li “Ir-Randan hu mixja li mit-tqegħid tal-irmied fuq ir-ras twassal għall-ħasil tar-riġlejn tal-proxxmu. Għalkemm id-distanza bejn ir-ras u r-riġlejn hi qasira, iżda din il-mixja hi iebsa u impenjattiva ħafna.” F’dawn l-erbgħin jum il-Knisja tistedinna għat-Talb, Sawm u Karità. Filwaqt li fil-ġimgħat tar-Randan il-Knisja tistedinna sabiex nitħarrġu aktar fil-valur tas-sawm, f’jumejn minnhom tobbligana għas-sawm. Dawn huma Ras ir-Randan u l-Gimgħa l-Kbira. Filwaqt li f’Ras ir-Randan il-Knisja tistedinna għal sawm penitenzjali, fil-Ġimgħa l-Kbira tistedina għal sawm festiv, fl-istennija tal-akbar festa tal-Knisja, dik tal-Għid il-Kbir. Minn dawn is-sitta u erbgħin jum tar-Randan hemm sitt ijiem fejn ma jsir ebda sawm. Dawn huma l-ħamest iħdud tar-Randan u Ħadd il-Palm. Għax il-Ħadd hu dejjem meqjus mill-Knisja bħala jum ta’ ferħ, jum ta’ festa, l-Għid tal-ġimgħa. Għalhekk, il-Knisja tibda r-Randan mill-Erbgħa ta’ qabel l-ewwel Ħadd tar-Randan.

 

Biex jiġi ffurmat żmien ir-Randan, il-Knisja ippruvat tixbah lill-Imgħallem tagħha, l-erbgħin jum li Kristu dam fid-deżert fit-talb u s-sawm, u mġarrab mix-xitan. Dan in-numru erbgħin huwa importanti ħafna fil-ħajja tal-poplu ta’ Iżrael. Hekk insibu l-erbgħin jum u erbgħin lejl tad-dulluvju, l-erbgħin jum u erbgħin lejl ta’ Mosè fuq il-muntanja Sinaj, erbgħin jum dam Elija miexi lejn il-muntanja Horeb, erbgħin sena dam il-poplu l-magħżul fid-deżert u erbgħin jum dam Ġona jistieden għall-penitenza u ndiema f’Ninwè. Din il-mixja ta’ konverżjoni li jpoġġi quddiemna żmien ir-Randan hija sinjal sagramentali għas-salvazzjoni tagħna, kif tgħidilna t-talba tal-bidu tal-Ewwel Ħadd tar-Randan. Xi jfisser sinjal sagramentali? F’kelma waħda, żmien ir-Randan hemm fih il-mezzi kollha għas-salvazzjoni tagħna, tant li mill-Knisja hu meqjus kważi bħala t-tmien sagrament.  Għax ir-Randan hu żmien ta’ grazzja, żmien tajjeb li jgħinna naslu għall-vera konverżjoni. Il-Knisja kollha hija msejħa għal din il-mixja ta’ konverżjoni li għandha bħala skop il-bidla għall-aħjar fil-ħajja spiritwali tagħna. Fl-ewwel żminjiet tal-Knisja r-Randan kien biss għall-katekumeni, dawk li kienu ser jitgħammdu, u għall-midinba pubbliċi, dawk li wettqu d-dnub tal-apostasija (ċaħda tal-fidi), adulterju u omiċidju. Iżda l-Konċilju Vatikan II insista li l-konverżjoni mhix biss għall-katekumeni u l-midinba pubbliċi, iżda għall-Insara kollha għax kulħadd għandu bżonn jikkonverti. U l-konverżjoni mhix kwistjoni ta’ żmien iżda ħajjitna kollha hi mixja ta’ konverżjoni.

 

Din il-mixja ta’ konverżjoni għandha dan it-trepied:

Talb: Permezz tal-Ewkaristija ta’ kuljum, meditazzjoni u riflessjoni fuq il-Kelma t’Alla li f’dan iż-żmien hi abbundanti ħafna, partikularment fil-Quddiesa.

Sawm: Huwa sejħa biex tidħol daħla fik innifsek, iżżomm kontroll tiegħek innifsek, u tkun sid tiegħek innifsek. Pereżempju sawm mill-aktar ħaġa li togħġbok, sawm mill-irqad li ssarrfu f’talb, sawm mill-kliem żejjed, sawm mill-ħin tiegħek u tkun għas-servizz ta’ ħaddieħor, eċċ.

Karità: (Elimożina) Il-Karità għandha tkun frott is-sawm. San Pietru jgħidilna li l-karità frott is-sawm taħfer il-kotra ta’ dnubiet. Karità billi toffri ħinek għas-servizz ta’ dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħek.

 

Fuq dan it-trepied kienu jkunu mibnija l-omeliji ta’ missirijiet il-Knisja għal dan iż-żmien tar-Randan.

 

Il-Konċilju Vatikan II, permezz tat-tiġdid Liturġiku, reġa’ ġab is-sens ġenwin tar-Randan kif kien fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, imnaddaf minn pjetiżmu u devozzjonaliżmu esaġerat li ntiret mill-Medju Evu. Fil-Kostituzzjoni Liturġika Sacrosanctum Concilium, in-numru 109 tfakkarna fiż-żewġ sinifikati li għandu r-Randan, dak tal-Magħmudija u dak penitenzjali. F’dan iż-żmien huwa importanti ħafna li wieħed jinsisti fuq is-smigħ aktar ta’ spiss tal-Kelma t’Alla. Hu żmien aktar adattat għat-talb u meditazzjoni. In-numru 110 titkellem ukoll dwar is-sawm penitenzjali estern u intern, jiġifieri ċaħda mill-ikel u aktar ġabra u riflessjoni, kemm individwali u kemm soċjali bħala komunità. L-istess numru tirrikmanda b’mod l-aktar imħeġġeġ is-sawm tal-Ġimgħa l-Kbira u ta’ Sibt il-Għid bħala sawm festiv fl-istennija tal-Għarus tagħna, li ġie meħud iżda li Alla l-Missier qajmu mill-imwiet u hekk il-bniedem mifdi mid-demm ta’ Kristu sab l-iskop ta’ ħajtu. Għalhekk tajjeb li min għandu l-kura tal-erwieħ jagħmel insistenza u enfasi fuq Sibt il-Għid, il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, li hu l-akbar lejl tas-sena tal-Knisja, aktar milli fuq il-Ġimgħa l-Kbira. Hekk jerġa’ jinstab is-sens profond u ġenwin tas-sawm bħala stennija għal Kristu Rxoxt, kif kien qal hu nnifsu: “Huwa l-ħaddara tal-Għarus se jsumu sakemm l-Għarus ikun għadu magħhom? Imma jasal il-jum meta l-Għarus jittiħdilhom, imbagħad isumu dakinhar.” (Mk.2,19-20)

 

Il-Kelma t’Alla fir-Randan:

Kif semmejna diġà, fi żmien ir-Randan il-Kelma t’Alla hija waħda abbundanti ħafna. Biex nitkellmu fuq dan is-suġġett irridu ħafna spażju. Għalhekk se nillimita ruħi biss għal xi ħsibijiet qosra fuq it-tliet snin, A, B.u Ċ, tal-Ħdud tar-Randan.

 

Il-qari mill-Antik Testment jirreferi għall-istorja tas-Salvazzjoni, tant li f’dan iż-żmien ta’ kull sena naqraw l-istorja tas-Salvazzjoni tagħna, mill-bidu sal-wegħda tal-Patt il-Ġdid. Il-qari mill-ittri tal-Appostli, jiġifieri it-tieni qari tal-Liturgija tal-Kelma, jitkellem ukoll dwar l-istess suġġett tal-Ewwel Qari u tal-Vanġelu.

 

Fil-Vanġelu, fl-ewwel żewġt Iħdud jinqraw skont is-sinottiċi, jiġifieri skont San Mattew, San Mark u San Luqa, il-ġrajja tat-Tentazzjoni fid-deżert u dik tat-Trasfigurazzjoni, filwaqt li fil-Ħdud l-oħra A nitkellmu dwar il-Magħmudija, il-mixja tal-Knisja lejn il-ħajja ta’ dejjem. Infatti, l-istess qari kien jinqara fl-ewwel żminijiet tal-Knisja meta kienu ser jiġu mgħammda l-katekumeni. Fit-tielet Ħadd naqraw dwar il-laqgħa ta’ Ġesù mas-Samaritana (Ġw.4,5-42), fir-raba’ Ħadd naqraw il-miraklu tal-imwieled agħma (Ġw. 9,1-41), u fil-ħames Ħadd naqraw il-Qawmien ta’ Lazzru (Ġw. 11,1-45). F’dawn it-tlett Iħdud naraw is-simboli tal-Magħmudija: ilma, dawl, u qawmien.  

 

Is-sena B tkellimna dwar il-glorifikazzjoni ta’ Kristu. Għalhekk naqraw il-Vanġeli: il-Qdusija tat-Tempju (Ġw. 2,13-25), Ġesù u Nikodemu (Ġw.3,14-21) u l-ħabba tal-qamħ li tmut u tagħmel ħafna frott (Ġw. 12, 20-23).

 

Fis-sena Ċ għandna bħala suġġett is-sejħa għall-konverżjoni, il-ħniena bla tarf t’Alla u l-maħfra. Naqraw: Jekk ma tindmux, tintilfu lkoll xorta waħda (Lq..13,1-9), il-parobbola tal-Iben il-Ħali (Lq.15,1-32) u l-ġrajja tal-adultera (Ġw. 8, 1-11).

 

Xi ċelebrazzjonijiet li wieħed jista’ jagħmel fi żmien ir-Randan:

Huwa żmien l-aktar adattat biex isir tagħlim, katekeżi fuq il-misteri li aħna niċċelebraw, bħall-maħfra, il-penitenza, l-imħabba u l-ħniena t’Alla, kif jgħallmuna l-missirijiet il-kbar tal-Knisja bħal San Ċirillu ta’ Ġerusalemm, Santu Wistin, San Ambroġ u oħrajn.

Huwa żmien adattat meta jsiru ċelebrazzjonijiet tal-Kelma t’Alla biex it-tagħlim mismugħ jidħol u jinżel fil-qalb.

Hu żmien tajjeb meta jista’ jitfisser u jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Qrar permezz taċ-ċelebrazzjonjiet penitenzjali.

Huwa żmien meta għandhom jiġu mfakkra t-tliet stediniet tar-Randan: talb, sawm u karità.

Tajjeb ukoll li fil-Quddies ta’ matul il-ġimgħa jsir ħsieb fuq il-qari tal-jum.

 

Nagħlaq billi ngħid li dak li rajna fuq ir-Randan huwa ftit ħafna. Kieku kellna nitrattaw fil-fond dan is-suġġett, ridna kotba sħaħ.

 

 


 

2.

Karattri b’rabta mal-Passjoni

Riflessjonijiet ispirati mill-ktieb At the Cross ta’ Richard Bauckham u Trevor Hart

tradotti u adattati għall-Malti minn Dun Geoffrey G. Attard

 

Ġuda l-Iskarjota: it-Traditur

 

Helmut Thielicke jirrakkonta l-istorja ta’ raġel li kien jgħix fi żmien in-Nażiżmu ta’ Adolf Hitler.  Hu ħadha kontra l-gvern Nazzjonali Soċjalista ta’ Hitler u safa arrestat.  Intbagħat il-ħabs fejn inżamm f’ċellu waħdu għal tul ta’ żmien.  Kien jiġi torturat b’mod konsistenti u kien jiġi msawwat bl-aħrax u dan kien jagħmluh sabiex iġiegħluh jgħid xi ħaġa biex ikunu jistgħu jakkużawh biha.  Għalxejn damu jippruvaw għax ma sabux fuqxiex jixluh.  Fl-aħħar qatgħu qalbhom u keċċewh ‘il barra mill-ħabs u tawh il-ħelsien.  Kien bniedem imfarrak.  Wara xi xhur li ġara dan, ġriet l-aħbar li Helmut kien instab mgħallaq f’daru stess.  Kien ikkommetta suwiċidju.  Ħadd ma fehem kif kien qata’ qalbu mill-ħajja wara li kien irnexxielu jieqaf lil Hitler.  Imma dawk li kienu familjari miegħu fehmu eżatt x’kien ġara.  Iben Helmut kien dak il-bniedem li kien akkuża lil missieru quddiem in-Nażi.  Helmut ma felaħx jaċċetta t-tradiment ta’ ibnu stess. 

 

Din hija l-esperjenza li għadda minnha s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu.  Iċ-ċaħda, mill-essenza tagħha tinvolvi tbatija partikulari ħafna.  Is-santwarju l-aktar ġewwieni tal-qalb tal-bniedem jisfa mtertaq quddiem din it-tip ta’ tbatija singulari.  X’hemm agħar miċ-ċaħda ta’ min ikun qrib tiegħek, ta’ min taħseb li jkun iħobbok? Tibqa’ klassika l-għajta ta’ Ġulju Ċesri minfud għal tlieta u għoxrin darba: Et tu Brute? Immortalizzata mid-drammaturgu Kattoliku William Shakespeare.  ‘Min kiel il-ħobż miegħi, dar kontra tiegħi!’ Hekk naqraw fis-Salmi.  ‘Dak li għandek tagħmel, aqbad u agħmlu’ qallu l-Imgħallem Ġesù lil Ġuda l-Iskarjota.  ‘Dak Ġuda’ hija espressjoni li għadek tismagħha fuq fomm il-poplu tagħna b’riferenza għal xi ħadd li mhuwiex ta’ min joqgħod fuqu.  X’hemm agħar mill-ipokrezija?  Il-pubblikani u n-nisa tat-triq jidħlu qabel l-ipokriti fis-Saltna tas-Smewwiet.  ‘...kien ikun aħjar għalih li kieku ma twieled xejn’ qal Ġesù għal dak li kellu jittradih. U sadattant bħal donnu mnalla kien Hu sabiex Bin il-Bniedem jingħata f’idejn l-għedewwa? Min jifhimha l-ekonomija divina? Min qatt jista’ jitfa’ ħarstu fuq ir-rieda ta’ Alla u jifhmimha?  Nistgħu biss nagħrfuha u naċċettawha u nwettquha imma qatt nifhmuha! Forsi għalhekk San Anselmu, ispirat minn Santu Wistin ħareġ bil-frażi Credo ut intelligam – Nemmen biex forsi nifhem, imma qatt bil-maqlub.  Il-fidi tiġi qabel kull ħaġa oħra.  Għalhekk għandha importanza kbira!

 

Ġuda ddispjaċih għal dak li kien għamel?  Imma d-dispjaċir tiegħi ma wasslux biex jiġi wiċċ imbwiċċ maċ-ċokon u mal-faqar tiegħu.  Hu ma felaħx ikompli jgħix bis-sens qawwi ta’ ħtija.  Għalhekk ħarab mir-realta’ u fittex il-mewt li teħles.  Ma ntebaħx li l-grazzja ta’ Alla li kienet se tiġi ssiġillata bil-mewt ta’ Ġesù kienet akbar minn kull ħtija oħra.  ‘O Felix Culpa’ tgħidilna l-Liturġija Mqaddsa fil-lejl il-kbir, is-sultan tal-iljieli kollha, il-Lejl Qaddis tas-Sahra tal-Għid.  U kif qatt tista’ ħtija tkun hienja? Għax fejn kotor id-dnub, jgħidilna San Pawl, kotrot fuq li kotrot il-grazzja.  Għalhekk iva, ħtija hienja, ħtija imbierka.  Il-bniedem ma għandu ebda dritt li jinqeda bil-ħażin biex jagħmel it-tajjeb! Il-fidi Nisranija ma taqbilx mal-qawl: The End justifies the Means.  Imma Alla li huwa omnipotenti jista’ jinqeda bil-ħażin biex jagħmel it-tajjeb.  Għax Alla jista’ kollox!

 

Kif se nħarsu lejn il-persuna ta’ Ġuda? Kif se nikkunsidraw il-karattru tiegħu? Xi nħossu għalih? Rabja, kompassjoni, xewqa ta’ vendetta jew forsi għandha ħsus imħallta?  Jew forsi nħarsu lejh bħala vittma taċ-ċirkustanzi? Jew forsi narawh bħala bniedem li ma setax jaħrab id-destin tiegħu? Dik il-frażi tant ambivalenti: ‘...dan sar biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid....’ Fejn qegħdin aħna quddiem il-pjan il-kbir tal-ħolqien?  Kif se nifhmu dak li hu lil hinn miż-żmien mill-ħofra tal-istess żmien, dik il-ħofra li hija l-ħajja miżera tagħna, il-wied tad-dmugħ?   Jista’ jkun hemm wisa’ fil-qalb t’Alla għal nies bħal Ġuda?  Il-poeta nazzjonali Taljan Dante Alighieri jqiegħed lil Ġuda fl-eħrex nar, fl-iktar parti infernali tal-infern, dik il-parti li mhijiex karatterizzata min-nar imma mill-kesħa u mis-silġ, u li hija destinata għal dawk li jiċħdu l-imħabba t’Alla. 

 

Kemm huma qawwija l-mistoqsijiet li għandna f’dan ir-rigward?  Id-dnub ta’ Ġuda kien ċertament wieħed aħrax tassew. Luqa jiddeskrivi lil Ġuda bħala dak li sar traditur.  It-tradiment tiegħu sar l-istess defenizzjoni tiegħu.  Issemmi lil Ġuda u mill-ewwel jiġi f’moħħok it-tradiment.  Ma nafu kważi xejn aktar dwaru.  Ma nafux per eżempju jekk kellux tfulija diffiċli inkella kien il-frott ta’ żwieġ li tkisser, inkella jekk kienx bniedem nieqes mill-imħabba jew forsi bniedem li kontinwament kien iħoss il-bżonn emozzjonali li jafferma lilu nnifsu! Kieku għex fis-seklu tagħna, forsi konna niskużawh fid-dawl tal-ħafna ‘kundizzjonijiet’ umani li qed jiġu skoperti u studjati. Min jaf? Forsi? Kollox jiddependi mill-jekk u mill-kieku kien!  Imma l-fatt hu li f’dak il-lejl sublimi tal-Aħħar Ċena huwa ħareġ minn dik il-kamra taċ-ċenaklu biex iħejju ruħu għal dak il-waqt imriegħex? 

 

Issib min jgħidlek li ħadd ma għandu jiġi identifikat mal-azzjonijiet tiegħu; il-persuna hija wisq aktar importanti minn għemilha? Irridu noqogħdu attenti mit-tentazzjoni tad-determiniżmu!   Nafu wkoll li t-tbatija tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù ma kinitx biss dik fiżika imma wkoll dik psikoloġika, spiritwali u emozzjonali! Min jaf x’għafsa ta’ qalb ħass Ġesù li kien jaf li Ġuda se jittradih?  Min jaf jekk minkejja li kien jaf kollox, Ġesù baqax jittama sal-aħħar mument li Ġuda se jerġa’ jibdielu? Kif naqbdu nirrikonċiljaw il-fatt li għal Ġesù  Bin Alla ma hemmx imgħoddi u ġejjieni u allura kollox qed iseħħ quddiemu f’waqt wieħed u mill-banda l-oħra Ġesù huwa bniedem li jibqa’ jittama li jista’ jeħles mill-Passjoni, kif naraw li seħħ fil-Ġnien taż-Żebbuġ? Dawn huma l-mistoqsijiet retoriċi li nilmaħ marbuta mal-ġrajja ta’ Ġuda!

 

Ġesù stqarr fit-triq lejn Ġerusalemm li jeħtieġlu jitla’ fil-belt għax ‘Bin il-Bniedem se jingħata f’idejn l-għedewwa’.  Fl-istess waqt l-Evanġelista Ġwanni jgħidilna li Ġesù mar minn rajh għall-mewt tas-salib u s-salib mhuwiex il-patibolu imma t-tron li minn fuqu jsaltan. Ta’ bnedmin li aħna ma naslux biex nirrikonċiljaw dawn iż-żewġ fehmiet!  Imma ta’ ulied Alla li nintelqu f’idejh, nilqgħu l-kelma tal-Iskrittura bħala kelma ta’ Alla kif tassew hi!

 

Pietru: il-falliment u l-grazzja

 

Minn fost it-tnax l-appostlu, Pietru huwa dak li jibqa’ l-aktar ‘il bogħod minn Ġesù fit-triq tiegħu lejn is-Salib.  Bħall-bqija tat-Tnax huwa jkun preżenti għall-Aħħar Ċena.  Hu jmur Ġesù fil-Ġnien tal-Ġetsemani u joqrod bħall-oħrajn, isibha diffiċli biex jibqa’ jqajjem u jitlob.  Meta l-pulizija jew għassa tat-tempju jaslu ma’ Ġuda biex jarrestaw lil Ġesù, Pietru joħroġ ix-xabla mill-għant tagħha u jibqa’ jiġġieled sakemm iwaqqfu Ġesù.  Imbagħad, flimkien mal-appostli l-oħra, huwa jaħrab.  Imma le, ma jaħrabx għal kollox.  Huwa jsegwi lil Ġesù; huwa jibqa’ miexi wara Ġesù biex jara fejn se jeħduh.  Jeħduh fid-dar tal-Qassis il-Kbir.   Imma joqgħod attent għax jaf li jinsab fil-periklu.  Iħares mill-bogħod u joqgħod jisma’ mill-bogħod.

 

Huwa jitfa’ ħarstu lejn Ġesù qabel ma jmut, filwaqt li Ġesù jittieħed għall-interrogatorju.  Huwa jimxi wara Ġesù imma xħin jasal il-mument tal-prova, huwa jaqta’ qalbu, jibża’, jaqa’, jiċħad lil Ġesù, jgħid li ma jafux u li m’għandux x’jaqsam miegħu.   Jekk inħarsu lejn it-triq tas-salib ta’ Ġesù mill-għajnejn ta’ Pietru, inkunu qegħdin inħarsu lejn Ġesù mill-perspettiva ta’ dixxiplu li staħa juri li hu dixxiplu fl-aktar mument kruċjali – meta Ġesù kien se juri lilu nnifsu lid-dinja.  Imma rridu ngħidu li din l-esperjenza diffiċli fil-ħajja ta’ Pietru swiet biex hu jista’ jibda mill-ġdid u biex anke aħna li nimmeditaw fuqha, nistgħu aħna wkoll nibdew mill-ġdid. 

 

Bħal Marija ta’ Betanja, Pietru huwa ddedikat ħafna lejn Ġesù.  Imma għall-kuntrarju tagħha, hu ma jaċċettax li Ġesù jista’ jingħata l-mewt tas-salib; anzi, li se jmur għaliha minn jeddu.  U proprju għaliex ma setax jaċċetta li Ġesù jista’ jmut u se jmut, Pietru ma fehemx it-tifsira tad-dixxipulat.  Pietru kien dak il-bniedem li bħal donnu kollox ġielu ħażin.  Kellu jitħawwad qabel ma jibda jwettaq ir-rieda ta’ Alla.  Ladarba s-Salib huwa l-post fejn l-imħabba t’Alla tħaddan il-falliment u t-traġedja, ma ebda post aħjar li fih wieħed jista’ jfalli milli fit-triq li twassal għas-Salib.  Il-falliment ta’ Pietru kien l-opportunita’ ta’ Alla.

 

Minn fost id-dixxipli kollha ta’ Ġesù, Pietru huwa dak li nsiru nafu l-aktar dwaru, jew forsi, biex inpoġġiha aħjar, Pietru huwa dak li nsiru nafuh l-aktar.  Ħafna drabi, proprju għaliex huwa prużuntuż, Pietru huwa dak li jitkellem l-ewwel, dak li jieħu l-par f’idejh.  Jekk Ġesù jrid ikun jaf x’jaħsbu l-appostli dwaru, iħalli lil Pietru jitkellem f’isimhom.  Pietru huwa eċitat, anzjuż, impulsiv, mimli b’sens ta’ kunfidenza fih innifsu, jaf x’inhu dejjem l-aħjar, lest li jaqbeż fejn imqar l-anġli ma jridux ikunu.  Imma Pietru għandu kwalitajiet raffinati.  Huwa mexxej naturali; għandu l-kwalitajiet ta’ bniedem li jaf imexxi, jiggwida, ikun l-ewwel wieħed.  Mhux nieqes lanqas mill-entużjażmu, il-kuraġġ u l-motivazzjoni.   Fuq kollox huwa bniedem sinċier u ġenwin u jrid b’qalbu kollha li jkun id-dixxiplu ta’ Ġesù.   Għalhekk Ġesù jagħżlu biex  ikun il-mexxej fost it-tnax.

 

L-inwkiet jinqala’ għax Pietru jrid li Ġesù jkun dejjem bniedem ta’ suċċess.  Ġesù huwa l-Messija.  Ġesù jiġi fid-dinja sabiex jakkwista l-fidwa ta’ Iżrael u Pietru se jagħmel minn kollox biex dan iseħħ.  Imma meta Ġesù juri lid-dixxipli li t-triq għall-fidwa hija dik tat-tbatija, taċ-ċaħda u tal-mewt, Pietru ma jkunx irid jisma’.  Pietru jrid jibqa’ fuq it-Tabor imma ma jridx jitla’ l-Kalvarju.  Lest jitla’ l-ewwel għolja imma mhux it-tieni waħda.  Għalih, it-Tabor u l-Golgota huma opposti għal xulxin.  Fil-mument qawwi tal-Aħħar Ċena, Ġesù jagħti ħjiel ċar ta’ dak li kien se jgħaddi mingħalih.  Pietru ma jaċċettax.  Jgħolli l-vuċi tiegħu u jgħidlu li lest jirriskja u jitlef ħajtu biex jiddefendi u jsalva lil Ġesù...kien proprju f’dak il-waqt li Ġesù perriċċlu d-dgħjufija tiegħu u ħabbarlu ċ-ċaħda.   Mela kif qed naraw, is-self-confidence ta’ Pietru hija ħafna drabi l-għadu ewlieni tiegħu. 

 

Mill-ġlied għall-ħarba.  Dawn huma ż-żewġ estremi li jaqa’ fihom Pietru.  Filli jrid jagħti bis-sejf, filli jaħrab mill-Ġnien tal-Ġetsemani.  Pietru kien għadu mhux ippreparat sabiex jaċċetta r-rieda ta’ Alla u l-missjoni ta’ Ġesù; dik li jagħti ħajtu għall-midinbin.   Pietru ħassu kemm kemm mhux imqarraq, bħal donnu ħass li Ġesù kien daħak bih.  Għax hu kien mingħalih li ladarba Ġesù huwa l-Messija, mela allura hu kellu jkun rebbieħ, dejjem minn fuq, dejjem fil-glorja.  Prattikament, nistgħu ngħidu li Pietru ma kien fehem xejn mir-raison d’être tal-missjoni ta’ Ġesù.  Ma riedx ikun dixxiplu ta’ Messija fallut.   Min jaf, forsi Pietru, bħal Xmuni ż-Żelota, kien qatta’ xi żmien membru ta’ dak il-moviment favur il-ħelsien u l-indipendenza ta’ Iżrael mill-ħakma pagana ta’ Ruma! Ma nafux.  Nafu biss li Ġesù ried jikkonvinċi lil Pietru li hu ma kienx biss ‘idea’ jew Messija ġellied imma l-Iben ta’ Alla li ġie biex jagħmel l-esperjenza umana, biex jifdi d-dinja, biex ikun f’kollox bħalna barra fid-dnub. 

 

Il-falliment ta’ Pietru jimliena bit-tama.  Huwa l-falliment ta’ Pietru li ma jifhimx eżatt min hu Ġesù u x’inhi l-missjoni tiegħu fid-dinja.  Pietru kellu jgħaddi minn rivoluzzjoni mentali radikali sabiex jaċċetta li Ġesù għandu jmut fuq is-salib.  Pietru jasal biex jaċċetta l-grazzja ta’ Alla fil-Messija Mislub meta u wara li jkun ċaħdu.  Bħal donnu mela kien hemm bżonn li Pietru jiċħad lil Ġesù.  Il-falliment tiegħu jikkwalifikah sabiex jibda jkun dixxiplu fit-triq tas-salib.  Din hija waħda minn dawk il-paradossi li twassal għalihom it-triq tas-salib.  Ġesù jmut sabiex aħna ikollna l-ħajja.  Għax Ġesù jirbaħ permezz ta’ dik li tidher it-telfa kbira fuq is-salib.  Fl-istess falliment ta’ Ġesù, u fil-kundanna u l-mewt tiegħu, Alla jiltaqa’ magħna, ma’ kull wieħed u waħda minnha.  Imqar il-bidu falz tad-dixxipulat ta’ Pietru tkisser fil-mument li fih Ġesù deher quddiem il-Qassis il-Kbir.  Waqt li Ġesù ħares lejn Pietru, hemmhekk, proprju f’dak il-waqt, Pietru jibda jkun dixxiplu mill-ġdid.

 

Għanda ħafna x’nitgħallmu minn Pietru!  Għax aħna wkoll infallu, infallu l-ħin kollu kull meta naqgħu għat-tentazzjoni tad-dnub.  Imma nistgħu nerġgħu nqumu! Pietru reġa’ qam fil-mument tat-triq tas-Salib.  Aħna wkoll permezz tas-Salib, inqumu mill-ġdid għall-ħajja tal-grazzja li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

 

Barabba: il-ħakkiek tal-mewt

 

Ftit li xejn nafu dwar Barabba.  L-Evanġelji ftit li xejn jgħidulna u għejun extra-bibliċi wkoll huma niexfa f’dan ir-rigward.  Barabba lanqas jitkellem; ma nafu li qal xejn.   Naf li aktar kellu rwol importanti x’jilgħab Ġesù fil-ħajja ta’ Barabba milli bil-maqlub.  L-Evanġelju għandhom lil Ġesù fiċ-ċentru tiegħu. 

 

Barabbas huwa deskritt minn Ġwann l-Evanġelista bħala lestes – kelma bil-Grieg li tfisser ‘ħalliel’, anzi aktar minn hekk.  San Pawl (1 Kor 11: 26) juża l-istess kelma biex jiddeskrivi lil dawk in-nies li jkunu qed jistennew lill-pellegrini u vjaġġaturi sabiex jattakkaw xħin isibuhom waħidhom, bħalma nsibu wkoll fir-rakkont ta’ San Luqa dwar is-Samaritan it-Tajjeb. 

 

It-tlett evanġelji l-oħra jgħidulna li hu kien stasiastes – bl-Ingliż insurgent.  Hu kien fil-fatt involut f’qawmien jew rewwixta politika reċenti u kien qatel ukoll.  Dan iqiegħed lil Barabba fi ħran il-grupp ta’ nies Lhud li kellhom karattru li nistgħu nsejħulu ‘delli’ jiġifieri ‘ta’ min joqgħod attent minnu’.  Aħna bil-Malti ngħidu, persuna li tixgħellek il-bozza l-ħamra.  Dan ifisser li Barabba kien bniedem maqtugħ mis-soċjeta’ leġittima; bniedem perikoluż li n-nies kienet taħarbu.  Imma fl-istess ħin hu kien igawdi ċerta popolarita’ minħabba l-fatt li ma kienx jibża’ mill-qawwiet imperjali ta’ Ruma.  Kien speċi ta’ bully primittiv.  Għalhekk wieħed jista’ jifhem minn fejn kienet ġejja l-għajta favur tiegħu sabiex jinħeles u minfloku jissallab Ġesù.  Barabba kien jirrapreżenta s-simpatiji anti-Rumani kollha.  Il-preferenza ovvja ta’ Ġesù fuq Barabba setgħet kienet suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tipperikola l-viżta qasira tal-massa u hekk il-folla waslet sabiex tggħajjat favur Barabba u kontra Ġesù. 

 

Li huwa tassew tal-għaġeb huwa l-mod u manjiera kif Kajfa u l-awtoritajiet Lhud orkestraw il-kampanja favur Barabba sabiex waslu xewxu l-folla kontra Ġesù.  Nimmaġina li anke Pilatu nħasad xi ftit.  U mhux ftit imma ħafna!  Pilatu kien jaf li għal Kajfa u l-poplu, Barabba kien jirrapreżenta periklu kontinwu.  L-awtoritajiet Lhud kellhom kull raġuni biex jagħtu lil Barabba f’idejn ir-Rumani!  Imma dan m’għamluhx! Waqgħet fuq għajnejhom bħal dalma kbira, nausea spiritwali li ma ħallithomx jaraw il-verita’ għal dak li hi. 

 

Irridu noqogħdu attenti li ma naqgħux għat-tentazzjoni li nirromantiċizzaw il-figura ta’ Barabba.  Anke jekk Barabba kellu intenzjonijiet tajbin, ma jfissirx li dawn jistgħu jiġġustifikaw dak li kien jagħmel.  Il-fatt li l-folla waslet biex taċċetta u tagħmel tagħha l-mibegħda lejn Ġesù juri sa fejn kienet tasal l-istess mibegħda tal-kbarat Lhud lejn il-persuna ta’ Ġesù.  Ta’ min jistaqsi f’dan il-kuntest: x’kien jaf Barabba dwar Ġesù?  Huwa u jħalli ċ-ċella tiegħu u jingħaqad mal-folol fit-toroq ta’ Ġerusalemm, kemm ħaseb Barabba dwar il-persuna li kienet se tmut minfloku?  X’għamel Barabba wara li ġie meħlus? Forsi erħielha ‘l barra minn Ġerusalemm mit-triq li tieħu għal Emmaws?  Jekk għamel dan, mela għadda minn taħt l-għolja magħrufa bħala l-Golgota u fuqha setgħa lemaħ lin-Nazzarenu mislub mal-għuda tas-salib.  X’kienu s-sentimenti tiegħu? X’kienu l-ħsus tiegħu? Sentiment ta’ ħelsien? Ta’ liberta’ interjuri? Tħassir? Dispjaċir? Mistħija? Jew indifferenza?

 

Jista’ jagħti l-każ li Barabba sempliċiment lemaħ il-possibilta’ tal-ħelsien, tal-liberta’, u ħadha f’idejh mingħajr ma staqsa diversi mistoqsijiet.  Il-ħajja ta’ Ġesù minflok tiegħu: xi tpartit sabiħ u konvenjenti.  Dak li kien qed jistenna kien biss li jaċċetta ċ-ċirkustanzi kif seħħew b’ċertu pragmatiżmu u li jqiegħed wara dahru r-riħa tal-mewt.  Fuq kollox Barabba ma setax jibdel l-affarijiet, lanqas li kieku ried.  Ħadd ma kien qed jistaqsih l-opinjoni tiegħu.  Hu ma stedinx lil Ġesù biex jeħodlu postu imma l-affarijiet ġraw hekk minħabba ċirkustanzi li ma kellux kontroll fuqu.  Ħaddieħor kien għamel id-deċiżjonijiet relevanti u kien kuntent li seta’ jimxi mal-kurrent u jikseb il-ħelsien.

 

Imma jistax ikun li huwa u jieqaf għal ftit sabiex jikseb lura n-nifs huwa u jikkonvinċi lilu nnifsu li ħadd ma kien qed jiġri warajh, forsi waqaf ftit jaħseb fuq l-istramberija ta’ kif seħħew il-ġrajjiet.  Kemm kien assurd li hu, minn fost tant nies, kien se jibqa’ ħaj u jinħeles minn dak it-toqol li seta’ għaffġu u seraqlu ħajtu.  Kienu t-tlieta ta’ wara nofsinhar.  Suppost dak kellu jkun l-aħħar ħin ta’ ħajtu, il-ħin tal-aħħar nifsijiet.  Imma d-destin ried morru ieħor.  Kollox kien inqaleb ta’ taħt fuq.  Il-ħati li kellu jieħu l-mewt kien tpartat mal-innoċenti li suppost kellu jinħeles.  Dinja tassew stramba! Realta’ tassew eċċentrika! Imma xorta waħda realta’!  Ġrajja li għadha tistedinna għar-riflessjoni sal-ġurnata tal-lum.  Hekk Ġesù wasal biex imut fuq is-salib u jsir il-feddej tad-dinjaIl-proċess tat-tislib fit-tradizzjoni Rumana kien iwassal lill-vittma sabiex qabel xejn tingħata l-flaġellazzjoni.  Il-vittma kien ikun imġiegħel jerfa’ fuq spallejh il-parti orizzontali tas-salib.  Fil-każ ta’ Ġesù, il-flaġellazzjoni wasslet għal ħafna telfien ta’ demm u ħallietu għajjien ħafna.  Ma kienx possibli għalih li jerfa’ l-parti orizzontali għal ħafna tul.  Għalhekk, kif inzerta għaddej raġel jismu Xmun, minn Ċirene, ir-Rumani għajtulu sabiex jiġi u jgħinu.  Iċ-Ċirinew kien miexi fid-direzzjoni opposta.  Dan kien qatta’ ħafna ħin fir-raba’ jaħdem u waqt li kien sejjer lura lejn id-dar tiegħu li kienet ‘il ġewwa mis-swar ta’ Ġerusalemm, iċ-ċenturjun sejjaħlu sabiex jgħin lil Ġesù fl-irfigħ tas-salib.  Ladarba Ġerusalemm u l-Lhudija kienu kolonja tar-Rumani, ma kien hemm ebda ċans li Xmun iċ-Ċirinew jirrifjuta li jobdi. 

 

Dak li nafu dwar Xmun nafuh mill-evanġelista San Mark.  Il-verb li juża Marku huwa biżżejjed.  Xmun kien ġej minn Ċirene, belt fuq ix-xtajta tat-tramuntana tal-Afrika ta’ fuq li llum tifforma parti mil-Libja.   Dik il-belt kellha fiha komunita’ Lhudija u Xmun kien ċertament Lhudi.  Proprju għaliex kien ġej mill-Afrika, ħafna mill-qarrejja tal-Vanġelu jippreferu jaraw lil Xmun bħala raġel ta’ ġilda sewda.  

 

Seta’ kien imma ma nafux fiċ-ċert.   Xi Lhud huma ta’ ġilda sewda għaliex huma mnissla minn Lhud Etjopiċi msejħa Falashas.  Kulħadd seta’ jsir Lhudi u Xmun kien tassew.  Ladarba l-preġudizzju frott lewn il-ġilda ma kienx jeżisti f’dak iż-żmien, ħadd ma kien se jistagħġeb jekk isib quddiem Lhud jew ġentili b’ġilda sewda. 

 

Xmun seta’ kien iswed imma ma hemm l-ebda mod kif nistgħu nkunu nafu dan.  Nistgħu nkunu nafu biss li hu kien Lhudi – Lhudi mwieled fid-diaspora – kien jgħix ‘il barra minn Ġerusalemm imma li kien reġa’ lura lejn Ġerusaemm.  L-aħħar implikazzjoni li nisiltu mill-kitba ta’ Mark dwar Xmun li tikkonsisti biss f’vers wieħed huwa l-fatt li Xmun sar Nisrani.  Marku jidentifikah bħala missier Alessandru u Rufu, biċċa tagħrif mingħajr ebda sens li kieku mhux għall-fatt li dawn kienu mexxejja Insara bikrin magħrufa għall-qarrejja ta’ Marku li lilhom kiteb l-evanġelju tiegħu.  Għalhekk l-involviment aċċidentali ta’ Xmun fil-ħajja ta’ Ġesù li kontra qalbu kellu jerfa’ s-salib , għamlitu b’xi mod dixxiplu ta’ Ġesù anke jekk ma kienx hekk qabel.  Fiex issarfet dik l-esperjenza tal-irfigħ tas-salib flok Ġesù u ma’ Ġesù?

 

Għal Xmun, il-kruċifissjoni kienet tkun differenti li kieku mhux għax spiċċa involut fiha.  Il-prattika tal-għoti tal-mewt tas-salib ma kinitx xi ħaġa barranija għal-Lhud tal-ewwel seklu.  X’aktarx li Xmun kien ra mijiet ta’ kruċifissjonijiet.  Din il-mewt kienet tingħata biex kulħadd jitwerwer u l-poplu jaċċetta s-supremazija tal-ħakma Rumana.  Tletin sena biss qabel madwar elfejn Lhudi kienu msallba barra minn Ġerusalemm.  Permezz tat-tislib kontinwu ta’ dawk li jheddu s-setgħa ta’ Ruma, Ruma stess kellha l-iskop deliberat li tassoġġetta lil kulħadd lejha u kulħadd ikollu jobdi. 

 

Interessanti l-fatt li minkejja li din il-forma ta’ qtil kienet hekk popolari, imkien ma nsibu rakkont daqshekk twil u dettaljat tal-mewt tas-salib daqs dak li nsibu fl-evanġelji.   Ir-raġuni x’aktarx hi li tant kienet mewt kerha u orribbli li ebda awtur ma ried jipprova jiddeskriviha. 

 

Marija ta’ Magdala

 

Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù kellu żewġ tipi ta’ dixxipli.  Kien hemm dawk li kienu jivvjaġġaw ma’ Ġesù minn post għal ieħor, huwa u jippriedka u jfejjaq, u li eventwalment akkumpanjawh sa Ġerusalemm għall-mument  ewlieni tal-mewt u l-qawmien tiegħu.  Dawn kienu dixxipli ta’ Ġesù fis-sens litterali.  Kien hemm ukoll dixxipli ta’ Ġesù fis-sens litterali.  Kien hemm imbagħad dixxipli li kienu joqogħdu fi djarhom bħall-familja ta’ Betanja, Marija u marta u Lazzry.  Huma ma vjaġġawx ma’ Ġesù, imma huma laqgħu lil Ġesù fi djarhom meta kien imur iżurhom.

 

Fl-ewwel kategorija, id-dixxipli li vjaġġaw ma’ Ġesù huma dawk li jiġu f’moħħna l-ewwel.  Dawn kienu tnax biex in-numru tagħhom jissimbolizza l-kontinwita’ mat-tnax-il tribu ta’ Iżrael.  Dawn kienu irġiel.  Imma mbagħad kien hemm diversi dixxipli nisa li kienu jmorru kull fejn imur Ġesù.  Aħna nafu l-isem ta’ sebgħa minnhom.  Ta’ min hawnhekk isemmihom: l-omm ta’ Ġesù l-Verġni Marija; mara oħra jisimha Marija li kienet il-mara ta’ ħu Ġużeppi li kien jismu Kleofa, Ġovanna, mara aristokratika u mart wieħed mill-ħaddiema l-aktar qrib tas-sultan Erodi, Marija omm Ġakbu u Ġose’, u Marija ta’ Magdala.  Dwar dawn ftit li xejn nafu bħalma ftit li xejn nafu dwar it-tnax l-appostlu.  Imma nafu li dawn in-nisa kienu preżenti ma’ Ġesù taħt is-salib, filwaqt li ebda wieħed mt-tnax ma kien hemm, għajr Ġwanni l-appostlu l-maħbub.  Mela li tieqaf ma’ Ġesù taħt is-salib ifisser li rridu nkunu fil-kumpanija ta’ dawn in-nisa dixxipli.

 

Miinbarra l-omm ta’ Ġesù, il-mara li l-aktar nafu dwarha fosthom kollha hija Marija ta’ Magdala.  Jingħad ħafna diskors dwarha imma ftit li xejn nafu dwarha tassew.  L-aktar ħaġa magħrufa dwarha hija li kienet prostituta u dan lanqas huwa fatt.  Il-Vanġeli ma jgħidu xejn dwar dan.  Imma nafu biżżejjed dwarha sabiex nippruvaw naraw lil Ġesù fuq is-salib mill-għajnejn tagħha.

 

Bħal ħafna mid-dixxipli li vjaġġaw ma’ Ġesù, Marija kienet ġejja mill-Galilija.  Kienet mir-raħal ċkejken ta’ Migdal jew Magdala.  Kienet waħda minn dawn il-persuni maħkuma mix-xitan.  Ma jfissirx li dawn in-nies kienu midinbin kbar imma jfisser li kienu jbatu minn forzi ħżiena li ħakmu fuqhom u ġagħluhom ibatu tbatija psikoloġika kbira.  Il-maħkuma mix-xitan ma kinux nies ħżiena imma kienu nies affettwati mill-ħażen.  Ġesù ma ħafrilhomx; hu ħelishom.  L-Evanġelji jgħidulna li kienet maħkuma minn sebat ixjaten.  In-numru sebgħa jindika li s-setgħa tal-ħażen kienet waħda totali.  Hija kienet tilfet kull sens ta’ direzzjoni  jew rieda.  Tantx ma kinitx għadha hija nfisha, li l-azzjonijiet tagħha kienu kollha tax-xitan u mhux tagħha.  Il-vuċi tagħha ma kinitx għadha tintagħraf.  Għal dawk li kienu jafuha, hija kienet mara li tilfet moħħha.  Il-ħażen kien jidher ħiereġ minn għajnejha.  Kultant kienet tkun vjolenti  u kellhom jorbtuha.  Kienet tagħmel ħsara lilha nfisha li kieku ma kinux jgħinuha.

 

Ġesù ħelisha, ġeddidha, taha l-ħajja ħielsa mill-ġdid.  X’kien ifisser għal Marija li tkun dixxiplu ta’ Ġesù?  Meta x-xjaten ħallewha, ħassitha bħal dak il-ħabsi li jingħata l-ħelsien.  Ġesù ħariġha għad-dawl ta’ żerniq ġdid.  Marija mxiet wara Ġesù bħal dixxiplu tistenna dejjem li d-dawl sabiħ ta’ Ġesù jiddi fuq il-ħolqien kollu.  Ħafna kienu dawk li mxew warajh jew fittxewh u kisbu l-fejqan, fiequ mill-mard u d-diżabilita’ u nħelsu mix-xjaten jew mid-dnub jew il-mewt.  Kullimkien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu jesperjenzaw id-dawl li hu jnissel kull fejn kien hemm id-dlam.  Il-ħabs kbir tax-xitan kien infetaħ beraħ u l-ħabsin kienu ħerġin għall-ħelsien tagħhom.  Il-vjolenza tax-xitan kienet mirbuħa bl-imħabba kbira li toħroġ mill-qawwa ta’ Kristu li jfejjaq.  Is-saltna ta’ Alla kienet qed tasal.

 

Kif kienet l-esperjenza ta’ Marija taħt is-salib? Id-dlam kien reġa’ tfaċċa u kien qed joħnoq kollox.  Kien hemm bħal dalma preternaturali li kienet qed iddawwar il-Golgota qrib il-ħin ta’ nofsinhar.  Imma d-dlam ta’ barra huwa biss riflessjoni tad-dlam li hemm fuq ġewwa.  Kien bħal donnu jidher li dak li hi għexet għalih issa kien se jintilef u jintemm minħabba l-ħażen ta’ madwaru.  Dak li kien ħelisha mill-vjolenza li batiet f’ħajjitha issa kien ibati minn dik il-vjolenza nfisha.  Iż-żerniq kien qed jidher qisu żerniq falz: id-dlam kien qed jerġa’ lura biex jaħkem il-ħolqien kollu.

 

Dan id-dlam li Marija ta’ Magdala daħlet fih fuq il-Golgota mhuwiex ir-ritorn tad-dlam li kien jaħkem meta kienet maħkuma mix-xitan.  Kien dlam differenti.  Issa hija kienet dieħla mhux fid-dalma tagħha imma fid-dalma li kienet qed taħkem lil Ġesù.   Id-dlam li kien qed jaħkem lil Ġesù kien id-dlam li kien qed jaħkem id-dinja kollha.  Għal Marija ma kienx jidher li se jkun hemm aktar dawl.  ‘Salva lill-oħrajn, ħalli mela issa jsalva lilu nnifsu’.  Ladarba ma jistax isalva lilu nnifsu, lanqas jista’ jsalva lill-oħrajn.  Jintemm id-dawl u jirbaħ id-dlam.

 

Imma Marija tibqa’ fidila sal-aħħar.  Id-dlam nikkitha imma ma qagħalhiex qalbha.  Hija tibqa’ hemm tħares taħt is-salib.  Hija tħares lejn dak li mhux possibli li wieħed iħares lejh u jibqa’ sħiħ: il-mewt tas-salib.  Hija tibqa’ taħt is-salib frott l-imħabba tagħha lejn Ġesù.  U għax jirnexxielha tibqa’ wieqfa, anke fis-siegħa tal-aqwa prova.  Hija tissaporti t-telfa tat-tama u taf la ma fadalx post għall-konsolazzjoni.  Hija tibqa’ ma’ Ġesù mhux għax tista’ tagħmel xi ħaġa imma frott il-fedelta’ tagħha lejh.  Hija tibqa’ qawwija anke fil-mument tad-dalma u wara d-difna, hija terġa’ lura lejn il-qabar.  Marija tibqa’ hemm ħdejn il-qabar dakinhar tal-Għid filgħodu sabiex tiltaqa’ ma’ Ġesù mdawwar bid-dawl tal-qawmien.

 

Marija ma kinitx żbaljata dwar iż-żerniq tad-dawl ta’ Alla fuq il-ħolqien kollu.  Hija ma kinitx żbaljata meta fil-ħelsien tagħha sabet il-ħelsien li seta’ jeħles lill-bnedmin kollha mill-ħażen.  Imma lanqas id-deżolazzjoni ta’ Marija ma kienet żbaljata.  Id-dlam, il-vjolenza, u dak kollu li ġej minnhom kienu lkoll reali.  Ġesù għadda minn dan kollu mingħajr konsolazzjoni.   Alla l-Missier abbandunah sal-punt tal-mewt: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni?’ beda jgħajjat fuq is-salib.  Id-dlamijiet tal-Golgota kienu xbieha tad-deżolazzjoni ta’ Ġesù nnifsu.  Il-fedelta’ mingħajr id-dawl, mingħajr tama jew konsolazzjoni kien preċiżament dak li kien mitlub minnha.  Hija ssaportiet flimkien ma’ Ġesù l-aktar sigħat suwed tal-istorja tad-dinja u hu esperjenza magħha l-istess tbatija u mewt tiegħu.

 

Hekk biss seta’ d-dawl tal-ħolqien iżernaq fuq il-ħolqien kollu.  Dan huwa l-misteru tas-salvazzjoni: li Ġesù ma abolixxiex il-ħażen b’kelma ta’ kmand jew b’taħrika tal-id divina tiegħu.  Hu daħal fiha.  Hu laħaq l-aktar ħondoq profond li fih id-dinja tħossha mingħajr tama.  Hu kien hemm preżenti meta nħarqu t-trabi ta’ Auschwitz.  Il-limbu li titkellem minnu t-teoloġija medjevali huwa l-post li fih niżel.  Fil-mument tal-mewt tiegħu, Ġesù kien diġa qed iħoss id-dalma kollettiva tal-ġenoċidju tal-Bosnia u ta’ Rwanda.  Ġesù niżel fil-qalba nett tad-dlamijiet sabiex hu biss seta’ jidħol hemm biex iġib miegħu u  jressqu fid-dawl taż-żerniq ġdid tad-dinja.  Hu miet il-mewt tal-aktar abbandunat, sabiex anke l-aktar bniedem abbandunat ikun jista’ jkollu sehem fil-qawmien tiegħu.

 

Imma Marija ta’ Magdala ma tafx b’dan.  Hija tissaporti d-dalma kollha u tibqa’ fidila għal Ġesù sa fid-deżolazzjoni. Jekk post ta’ dlam bħal dan mhuwiex wieħed li nsibu ruħna fih sikwit, imma żgur li nafu nies li kienu xi darba jew jinsabu bħalissa fih.   Żgur li nafu nies li jsibu ruħhom hemm sikwit.  Nafu nies li jgħixu ħajjithom kollha fid-dellijiet ta’ post bħal dan.  Imma lkoll kemm aħna ngħaddu minn din l-esperjenza jew tal-inqas immissu magħha.  Kultant tkun esperjenza qasira, kultant turi ruħha f’burdata ta’ nuqqas ta’ tama meta kollox jidher mingħajr sens u meta t-twemmin f’Alla jidher qisu xi ħaġa impossibli.  Dawn huma biss mumenti li jdewquna ftit mit-tbatija tar-realta’ tal-Kalvarju.  Jistgħu jkunu esperjenzi ad extra bħal telfa ta’ xi ħadd għażiż, sens ta’ iżolament, jew bħal meta nħossuna mhux milqugħa jew inkella nesperjenzaw l-uġigħ.  Mill-banda l-oħra, tista’ tkun esperjenza ad intra bħalma hija d-dipressjoni jew id-disperament imma l-agħar ħaġa hija t-telfa tas-sens ta’ Alla.  F’dawn l-esperjenzi wkoll id-dalma tidher imdendla fuqna u nħossuha tagħfas fuqna u taqtagħlna d-dehra ta’ ġejjien li huwa ta’ min jgħixu. 

 

Hemm żewġ modi li fihom dawn l-esperjenzi tad-dlam jistgħu jirrelataw ma’ Ġesù fuq is-salib fid-dalma tal-Golgota.  L-ewwelnett, insibu lil Ġesù Kristu magħna anke fid-dlam.  Fuq is-salib huwa qasam magħna din id-dalma.  Il-preżenza tiegħu mimlija mħabba ddawwal id-dlam tagħna.  Proprju għaliex bata anke l-abbandun ta’ Alla, huwa jibqa’ l-istess preżenza t’Alla anke fil-mument tal-abbandun.  Qisu bħal meta wieħed jirċievi żjara fiċ-ċella tal-kundanna mingħand xi ħadd li jħobbu.   Huwa u jintroduċi l-imħabba t’Alla fil-mument qawwi tad-dlam, Ġesù jwarrab in-nuqqas ta’ mħabba li jkun hemm qalb id-dlam ta’ qalbna.  Meta nħarsu lejn id-dlam ta-dinja, dik li tidher li hija l-assenza ta’ Alla ddellel ħafna mis-soċjeta’ tagħna.  Madankollu xorta waħda nkunu nistgħu nagħrfu l-preżenza ta’ Alla f’dan kollu għax naraw lil Alla tal-Golgota.

 

Din hija l-ewwel tip ta’ esperjenza tas-salib fid-dlam ta’ ħajjitna: meta l-preżenza ta’ Ġesuż fina twassal l-imħabba ta’ Alla fin-nuqqas ta’ mħabba li jkun hemm madwarna.  Imma mbagħad hemm it-tieni tip ta’ esperjenza tas-salib li hija aktar qrib lejn dik ta’ Marija ta’ Magdala.  Kultant, fid-dlam tagħna u f’dak tad-dinja nistgħu nsibu biss id-dlam li Ġesù sofra u għadda minnu.   Inħossuna mingħajr Alla u ngħaddu minn mumenti li nibqgħu nħossu dan is-sentiment.  Ma nsibu ebda tama jew konsolazzjoni.  Bħal Marija, kull ma nkunu nistgħu nagħmlu hu li nistennew fid-dlam bla ma jkun hemm xejn x’nistennew.  Minħabba l-imħabba u l-fedelta’ tagħha hija m’għandha mkien fejn tmur.  F’mument bħal dawn, kemm għalina kif ukoll għal Marija, ikun hemm biss id-dlam, il-fidili li jżommu sħiħ, sakemm bħal Marija li tgħaddi mis-sorpriża quddiem il-qabar vojt fil-ġnien, nisimgħu warajna, kultant mingħajr ma nagħrfuha, il-vuċi ta’ Kristu Rxuxtat li jgħajtilna b’isimna.

 


3.

Riflessjonijiet marbuta mat-Tridu Mqaddes tal-Għid

Fr. Charles Buttigieg

 

L-Aħħar Ikla ta’ Ġesù mal-appostli tiegħu

“Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati!” (Luqa 22:15)

 

Il-Ġrajja tal-Eżodu

L-ikla tal-Għid tal-Lhud (kif naraw fil-ktieb tal-Eżodu fil-kapitlu 12) kienet tfakkarhom fil-ġrajja memorabbli tal-imħabba infinita ta’ Alla li għaddihom mill-mgħoddija tal-mewt għall-ħajja (bil-Lhudi l-kelma ‘għid’ hija ‘pesah’ li tfisser ‘passaġġ’; jew ‘taqbeż’ jew ‘tiżfen’, għalhekk il-kliem: ‘paskwali’, ‘passover’). Fl-akkadiku nsibu l-kelma ‘pashahu’ li tfisser ‘paċi’. Fl-Għarbi l-iktar kelma li toqrob hija ‘fetah’ li bħal fil-Malti tfisser ‘ftuħ’. Fil-Malti, f’dan il-kuntest għadna wkoll il-kelma ‘fidwa’. F’2 Samwel 4:4 il-kelma Ebrajka tfisser ‘timxi u taqbeż’. Ilkoll nafu kemm il-poplu ta’ Alla kien qed ibati ġewwa l-Eġittu u għalhekk Alla kien sejjaħ proprju lil Mosè biex joħroġ lil dan il-poplu minn dan il-jasar. Naraw però r-resistenza tal-Fargħun tal-Eġittu. Alla għalhekk jibgħat l-għaxar kastigi fuq l-Eġittu: l-ilma jsir demm, iż-żringijiet; in-nemus; id-dubbien; il-pesta; l-infafet; is-silġ; il-ġradijiet; id-dlam u l-aħħar wieħed, il-kastig il-kbir, il-mewt tal-iben il-kbir (bl-Ebrajk: ‘bekor’, u bil-Grieg: ‘prototokos’) fid-djar tal-Eġizzjani. Huwa fil-kuntest ta’ din il-ġrajja li l-anglu tal-mewt ‘jaqbeż’ (pass-over) id-djar fejn kien hemm il-Lhud u jsalva lit-tfal tagħhom u joqtol it-tfal tal-Eġizzjani, fosthom it-tifel il-kbir tal-Fargħun (it-tifel kien meqjus daqs missieru u kellu t-titlu Eġizzjan ‘SaRaen khetef’ jiġifieri ‘it-tifel ta’ alla Ra’), u b’hekk wassal lil dan tal-aħħar sabiex iħalli lil-Lhud (li setgħu kienu jammontaw għal madwar 2 miljuni, meta l-irgiel kienu 600,000. Ara Es 12:37) jitilqu minn pajjiżu u qasmu l-‘Baħar l-Aħmar’ (fejn illum hemm l-Golf ta’ Aqaba) bl-Ebrajk ‘yam suph’ li tfisser il-‘baħar tal-qasab’. Imma din il-frażi tista’ tfisser ukoll il-‘baħar tat-tarf’. Il-‘baħar l-aħmar’, li bil-Grieg hu: ‘erythre thalassa’, hu msejjaħ ukoll f’xi kitbiet bħala ‘mare algosum’ jew ‘bahr –al-kolsum’. Il-kelma Ebrajka ‘suf’ hija marbuta mal-Eġizzjan ‘twfy’ li tirreferi għall-papyrus. Dan ġara madwar is-sena 1300 Q.K.  Skont l-Università ta’ Chicago, id-data preċiża tal-Eżodu hija l-20 t’April tas-sena 1488 Q.K.

 

Però f’dik il-lejla qabel ma kien ser jiġi l-anġlu tal-mewt, fuq ordni ta’ Alla l-Lhud riedu jagħmlu ikla u riedhom jagħmluha u jfakkruha, bħala l-ġrajja ta’ ħelsien tagħhom, kull sena matul il-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 tax-xahar ta’ Abib, li jaħbat bejn Marzu u April tagħna (imbagħad beda jissejjaħ bl-isem Babilonjiż ‘Nisan’ li tfisser ‘fjur’). Kull familja kellha tipprepara għall-ħaruf sa minn ħamest ijiem qabel. Fejn kien hemm familji żgħar dawn setgħu jingħaqdu ma’ xulxin għal din l-ikla tal-ħaruf.  Bejn wieħed u ieħor, ħaruf wieħed kien iservi għal għaxar persuni.

 

Il-ħaruf kien ikun bla difett u ta’ madwar sena. Imbagħad, nhar l-erbatax tax-xahar bejn wara nofs in-nhar u filgħaxija, kien jinqatel b’daqqa ta’ sikkina ġo qalbu fejn ma tinkisirlu ebda għadma (ara Numri 9:12, fejn bħal donnu iħabbar il-qawmien tal-ġisem) u kienu jiskarnawh u ma jħallulux demm ġo fih għax huma ma setgħux jieklu laħam bid-demm. Id-demm kien xi ħaġa sagra ta’ Alla.  Kien fih il-ħajja u jagħti l-ħajja lill-ġisem. Ovvjament, assolutament ma setgħux jixorbu d-demm (ara Genesi 9:4; Levitiku 17:1-14 u Dewt 12:23-25).  Fuq kollox, il-ħaruf ifakkarna fis-sagrifiċċju ta’ Iżakk: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni li inti tħobb, lil Iżakk, u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq” (Ġenesi 22:2).

 

Dakinhar tal-Eżodu, bid-demm tal-ħaruf, il-Lhud li kienu lesti biex jitilqu mill-Eġittu, ċappsu bis-suf jew bil-pjanta tal-issopu, il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar tagħhom ħalli x’ħin jgħaddi l-anglu tal-mewt u jara l-blajjet imċappsin bid-demm, ma jidholx fid-dar biex jagħmel ħerba. Il-laħam tal-ħaruf kienu kiluh mixwi. Kielu  wkoll il-ħobż bla ħmira għax ma kellhomx ċans joqogħdu jistennew l-għagna tikber kieku kellha l-ħmira; mela kielu ħobz ażżmu (għalhekk, biex niftehmu, kielu ħobż ċatt, ħobż forma ta’ ftajjar; l-ostja tagħna, bil-forma ċatta tagħha, trid turi din il-forma) u ħaxix morr biex ifakkarhom fit-tbatijiet li għaddew minnhom fl-iskjavitù tal-Egittu.  Dan huwa l-ħobż tal-afflizzjoni, kif inisbu f’Dewt 16:3.

 

Ġesù jħejji ‘Ikla’ mal-Appostli

F’Lq 22:7-14, naraw lil Ġesù jordna lil Pietru u Ġwanni sabiex jippreparaw għall-ikla tal-Għid. Kellhom għalhekk isibu post ġewwa Ġerusalemm biex jagħmlu din l-ikla, u din kienet biċċa xogħol iebsa meta nimmaginaw li f’Ġerusalemm fl-Għid fi żmien Ġesù, kien ikun hemm madwar 200,000 persuna, b’kalkolu li kienu jinqatlu mal-20,000 ħaruf, li jfisser li kienu jsiru 20,000 ikla ġewwa Ġerusalemm. Josephus jikteb li fis-sena 66 A.D. inqatlu 256,000 ħaruf għall-festa tal-Għid f’Ġerusalemm, li aktarx żaruha 2 miljun persuna. Huma għalhekk sabu, kif naraw f’Lq 22:12-13, kamra kbira (u mhux dar) mgħammra b’kollox.

 

Mill-kliem li Ġesù jgħid lil Pietru u lil Ġwanni: “Morru ħejjulna l-ikla tal-Għid ħalli nieklu l-ħaruf”, nintebħu li bħal donnu Ġesù kien digà qed jindika lilu nnifsu bħala l-ħaruf, bħala l-ħaruf il-ġdid, u mhux id-daqsxejn ta’ ħaruf żgħir. Importanti ta’ min isemmni hawnhekk li l-post tal-ikla kellu jkun nadif, mingħajr ħmieġ, għax il-post isir qisu d-dar ta’ Alla u dawk kollha li jipparteċipaw kienu jilbsu d-dinijità ta’ saċerdoti. (Għalhekk wieħed jista’ jifhem l-indafa u l-ħasil fid-djar tagħna li jsir qabel it-tberik tal-Għid, meta jigi l-Arċipriet jew il-Kappillan ibierek id-djar).

 

L-Aħħar Ċena tal-Mulej

L-aħħar ċena kien il-mument li fih Ġesù waqqaf żewġ sagramenti importanti: l-Ewkaristija u s-Saċerdozju. Ġesù, infatti, wera xewqa kbira li jagħmel din l-ikla mal-Appostli, kif naraw f’Lq 22:15: “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati!”  Għalhekk, il-Jum ta’ Ħamis ix-Xirka huwa jum ta’ misteri kbar: dies mysteriorum. Kienet, mela, l-ikla tal-Għid tal-Lhud, kif juruna San Mattew, San Mark u San Luqa, fejn Ġesù huwa l-ħaruf il-ġdid. Ġesù issa jieħu post il-ħaruf, kif jurina biċ-ċar l-iktar San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu, fejn Ġesù jinqatel fuq is-salib xħin kienu qegħdin jinqatlu l-ħrief għall-ikla tal-Għid tal-Lhud u għalhekk f’San Ġwann l-ikla tal-Għid kienet antiċipata b’24 siegħa.  Dan seta’ jigri sabiex jitqassmu l-follol kbar fl-Għid ġewwa Ġerusalemm (ara Ġwanni 18:28 u 19:31).

 

L-ikla kienet tibda b’talba u dawk preżenti kienu jixorbu l-ewwel tazza tal-inbid bħala bidu. Interessanti, kienu jixorbu erba’ tazzi nbid waqt l-ikla u kienu jieklu tliet darbiet mill-ħobż ażżmu. Dan il-Lhud jagħmluh għaliex fl-Eżodu 6:7 insibu erba’ azzonijiet li għamel Alla biex ħeles lill-poplu: “Jiena noħroġkom, jien neħliskom, jiena nifdikom, jiena niġbidkom lejja biex tkunu tiegħi”. Dan l-inbid jissemma f’Isaija 51:17 u Ġeremija 25:15. Kien isir imbagħad il-ħasil tal-idejn li Ġesù, bħala l-kap tal-mejda, kif naraw f’Ġw 13, għamel il-ħasil tar-riġlejn. Hawnhekk f’San Ġwann għandna seba’ verbi jew azzjonjiet ta’ qadi minn Kristu: qam, neħħa, ħa, rabat, ferra’, ħasel u xxotta. Il-ħasil tar-riglejn kien isir fil-komunità tal-Esseni ġewwa Qumran (ara Manwal tad-Dixxiplina numru 377). Ġesù qasam (bil-Grieg: eklasen) u qal (bil-Grieg: lego) il-kliem tal-konsagrazzjoni fuq it-tielet ħobż (bil-Grieg: artos) ażżmu: “Dan hu ġismi (bil-Grieg oriġinali: touto mou estin to soma) li jingħata għalikom”, u fuq it-tazza (bil-Grieg: poterion) inbid ta radd il-ħajr (il-kalċi ta’ radd il-ħajr, bl-Ebrajk: ‘kos xel berakah’, fejn seta’ wieħed iżid xi ftit ilma): “dan il-kalċi huwa l-Patt ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom” (touto to poterion he kaine diateke en to haimati mou). Hawnhekk Ġuda l-Iskarjota kien digà telaq u għalhekk ma kinx prżenti għat-twaqqif tal-Ewkaristija. San Pawl, fl-ittri tiegħu, isejjaħ l-aħħar ċena bħala l-ikla tal-Mulej (bil-Grieg: ‘kuriakon deipnon’, ara 1 Kor 11:20) u l-Ewkaristija (ara 1 Kor 10:16 u 11:24). Is-salmi li kienu jitkantaw kienu dawk imsejħin tal-Hallel il-kbir li huma s-salmi113 sal-118.

 

Konkluzjoni

L-aħħar ċena turi wkoll l-Ewkaristija bħala servizz, li ssejħilna sabiex naqdu lil xulxin bħala komunità li lesta taqdi lill-proxxmu.  San Ġwann, isemmi fid-dettal il-mument sabiħ ta’ Ġesù li jaħsel saqajn l-Appostli qabel l-ikla (ara Gw 13:4-5). Dan jirrifletti wkoll il-kmand li nsibu fil-ktieb tal-Eżodu 30:19: “Il-qassisin iridu jaħslu jdejhom u saqajhom qabel is-servizz”. Infatti l-Ewkaristija trid twassalna għad-djakonija u għall-karità biex tagħmel tassew sens fil-ħajja tagħna. Dan mela hu l-kobor tal-Ewkaristija, li Alla li ħalaq kollox jinżel fil-qalb tagħna u jsir parti minna u jnaddafna mid-dnub u mill-miżerja tagħna: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1:29). Henjin aħna tassew li dejjem inkunu mistiedna għal din il-Mejda tal-Ħaruf.

 

 

Is-Salib ta’ Kristu

“U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.” (Ġwanni 12:32)

 

Introduzzjoni

Huwa proprju fil-Litwanja, wieħed mill-pajjiżi Baltiċi li kienu taħt l-ex-Unjoni Sovjetika, li nsibu muntanja partikulari fil-belt ta’ Siauliai. Sa mill-1944 din il-muntanja tbdiet tiżżejjen mill-Insara tal-post b’eluf ta’ slaleb u kurċifissi ta’ kull tip. Il-mexxejja tal-pajjiż ippruvaw tliet darbiet iħarbtu din ix-xena minn fuq din il-muntanja meta fl-1961, fl-1973 u fl-1975 kissru, farrku u neħħew dawn is-slaleb minn fuq din il-għolja. Imma wara dawn is-sagrileġġi kollha, kull darba l-Insara tal-Litwanja kienu mill-ewwel jerġgħu ‘iħawlu’ dawn is-slaleb mill-ġdid. Din il-‘għolja tas-slaleb’ fil-Litwanja turi eżattament il-glorja tas-Salib ta’ Kristu li dejjem joħroġ rebbieħ fuq il-ħażen. Riċentament ukoll nafu bis-sentenza assurda tal-qorti Ewropeja biex jitneħħew is-slaleb mill-postijiet pubbliċi fl-Italja. U dan anke seta’ jfisser, b’mod sottoli, li saħansitra jitneħħew ukoll is-slaleb mill-faċċati tal-knejjes!

 

Is-Salib ta’ Ġesù

Il-kelma salib ġejja mis-Sirjak u mill-Għarbi ‘seliba’. Fl-oriġini Persjan insibu l-kelma ‘salipa’. Fl-Ebrajk għandna l-kelma ‘seqel’ li hija marbuta mal-għerq t-q-l li jfisser, bħal fil-Malti, ‘toqol’. It-tislib (bil-Grieg: stauros) kienet il-kundanna tal-mewt tar-Rumani li kienu qegħdin jaħkmu l-Palestina fi żmien Kristu permezz ta’ Pilatu mis-sena 26 W.K. (Pontius Pilatus, Preafectus Iudaeae) skont il-ligi ‘Lex Julia Majestratis’. Pilatu kien jaf li Ġesù kien innocenti imma nafu wkoll li kien dejjem attent għall-moviment taż-Żeloti li l-epiċentru tagħhom kien fil-Galileja. Nafu wkoll li Pilatu wettaq diversi massakri, kemm fil-Galileja fejn skont Ġużeppi Flavju kien qatel numru kbir ta’ Lhud li ma ridux li jinbena akwadott, kif ukoll, fis-sena 36 A.D., lil ħafna Samaritani ġewwa Tirathaba li kienu sejrin lejn Geriżim. Iżda ċ-ċittadini Rumani ma kinux jieħdu din il-piena kapitali. Fil-fatt San Pawl, bħala ċittadin Ruman, fil-martirju ma ġiex imsallab. Ir-Rumani kellhom prattika oħra ftit differenti mit-tislib. Huma kienu jorbtu lill-ikkundannat ma’ siġra u mbagħad ibiċċruh għall-mewt (infelici arbori reste suspendito). It-tislib ta’ Ġesù seħħ matul l-għaxar snin tal-ħakma ta’ Pilatu (26-36 A.D. Ara Tacitus Ann 15:44). Kien l-Imperatur Kostantinu li neħħa din il-prattika krudila fis-sena 337 W.K. It-tislib imur lura fl-istorja tal-Assirja, tal-Feniċi u tal-Persjani. Ir-re Salmanesser, fid-disa’ seklu Q.K., kien sallab diversi persuni. Ir-re Darju kien sallab 3000 Babiloniż. Anke s-Selewki u l-Kartaginiżi kienu jikkundannaw għat-tislib. Alessandru l-Kbir kien sallab 2000 persuna ġewwa Tir, skont l-istoriku Latin Quintus Curtius. Fi żmien Antijokju Epifanju, diversi Makkabin kienu ġew imsallba. Ir-re Alessandru Janneus (102-76 Q.K.) tal-Hasmonej kien sallab 800 Fariżew. Fis-sena 90 Q.K. Varus tas-Sirja kien sallab 2000 Lhudi. It-tislib kienet ipprattikat fil-Gwerer Puniċi wkoll. Fis-sena 71 Q.K. madwar 6000 persuna ġew imsallba minn Licinju Crasso bejn Ruma u Capua matul il-Via Appja li kienet twila 195 km. Għal-Lhud, li bil-‘ius gladii’ kienu tilfu d-dritt li jeżerċitaw il-piena kapitali, it-tislib kien saħta kbira ‘servile supplicium’ (Ara Dewt 21:22-23; ara wkoll Gal 3:13). Seneka jqis it-tislib bħala ‘infelix lignum’. Fl-Antik Testment niltaqgħu mat-tislib fiż-żmien tar-Re David (Ara: 2 Sam 4,12 u 21,6-10). It-Targum ta’ Rut 1, 17 jikkonferma t-tislib bħala waħda mill-pieni kapitali. Kienet mewt mill-iktar krudila u umiljanti. Fis-sena 4 Q.K. Quinctilius Varus kien sallab 2000 Lhudi. L-istoriku Josephus jikteb li fis-sena 7 A.D. 800 Lhudi ġew misluba f’jum wieħed f’rewwixta li kienet qamet. Pilatu kien sallab 6000 Lhudi. Filun jikteb ukoll dwar il-kruċifissjoni tal-Lhud ġewwa Lixandra bejn is-snin 37 u 41 A.D. Ir-Rumani kellhom diversi tipi ta’ tislib, fosthom dak b’forma tal-ittra (T) il-crux commissa jew Egizzjan; imma fil-Palestina t-tislib kien isir b’salib latin (?) il-crux immissa jew ordinaria, jigifieri l-għuda orizzontali taqsam fuq l-għuda vertikali bejn in-nofs u t-tarf tagħha. Insibu wkoll is-salib bħal dak ta’ Sant’ Andrija, b’forma tal-ittra ‘X’, il-crux decussata. Iktar dawl dwar il-krucifissjoni Rumana ngħata fl-iskavi tal-1980 li sar minn Vassilios Tzaferis tal-Università Ebrajka ta’ Ġerusalemm f’żona bl-isem ta’ Givat ha-Mivtar. L-arkeoloġisti jidentifikaw tipi oħra ta’ slaleb: dak ta’ San Pietru, salib Latin rasu ’l isfel; is-salib Grieg li hu ugwali fit-tul fuq kull naħa; is-salib doppju; u dak tripplu. Is-salib semplici (crux simplex) kien biss arblu tal-injam; il-crux sublimes kien salib għoli; waqt il-crux humilis kien salib qasir.

 

Kemm Erodi, kif ukoll il-Qassis il-Kbir, il-Fariżej u s-Sadduċej riedu jeħilsu minn Ġesù u nqdew b’Ġuda l-Iskarjota. Ġuda ttradixxa lil Ġesù permezz ta’ bewsa fil-ġnien tal-Ġetsemani jew tal-Agonija (bil-Grieg tfisser glieda) fejn Ġesù kellu l-għaraq tad-demm (haematohidrosis), (Ara Luqa 22:43). Skont il-biblista L. Nolle, il-Ġetsemani kien aktarx proprjetà tal-familja ta’ San Mark. Il-Qassis il-Kbir kien Kajfa, imsejjaħ ukoll Ġużeppi, li kien il-Qassis il-Kbir bejn is-snin 25 u 37 A.D., filwaqt li Annas (Ananus) kien sar il-Qassis il-Kbir fi żmien Kwirinu, fis-sena 7 A.D., u dam sas-sena 14 A.D., imma wara baqa’ jħaddan dan it-titlu.

 

Wara l-flaġellazzjoni (flagellatio) mal-kolonna bil-flagellum jew flagrum (li kienet frosta bil-biċċiet tal-għadam u l-ċomb ‘plumbatae’), minn suldat jew żewg suldati (lictores), li għar-Rumani ma kienx hemm numru stabbilit (horribile flagrum) bħalma kellhom il-Lhud, l-erbgħin daqqa neqsin waħda (ara Dt 28:58 u Salm 78:38, tlettax fuq is-sider u 26 fuq l-ispallejn), l-ikkundannat (cruciarus) kien iġorr it-traversa l-minduda tas-salib (furca jew patibulum), jigifieri l-għuda orizzontali, lejn il-post tat-tislib. Din l-għuda orizzontali kienet tiżen madwar 70kg u kienet twila metru u nofs. Relikwi tal-kolonna tal-flaġelazzjoni jinsabu f’Ġerusalemm, Kostantinopli u Ruma. Ir-relikwa tal-kuruna tax-xewk (ziziphus spina Christi) tinsab fil-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi u nġiebet hemm mir-Re San Lwigi. L-għuda (aktarx taż-żebbuġ) vertikali (bil-Latin: stipes jew palus) kienet tkun diġà mwaħħla fil-post. Is-salib kollu kemm hu kien jiżen madwar 135 kg. L-imsiemer (clavus) kienu jkunu twal seba’ pulżieri jew 18 cm. Dawn kienu jikkawżaw uġigħ tremend fin-nervaturi tal-ġisem, kondizzjoni magħrufa bħala ‘causalgia’. Relikwa tal-musmar qaddis ‘Santo Chiodo’ jinsab fid-Duomo ta’ Milan fejn issir festa speċjali bir-rit ta’ ‘Nivola’ fl-14 ta’ Settembru, waqt li t-tunika tinsab fi Trier, Argenteuil u Mtskheta fi Georgia. Seneka jikteb li l-ikkundannat kien jissallab mingħajr ħwejjeġ. Ġesù tant kien batut fil-passjoni, li waqt il-vjaġġ lejn il-Kalvarju (deductio) ġie mgħejjun minn Xmun minn Ċirene li jerfagħlu s-salib, kif naraw f’Mt 27:32 u f’Mk 15:21. Aktarx li t-triq għall-Kalvarju kienet madwar kilometru. Din kienet mixja ta’ kastig u ta’ umiljazzjoni (celeberrimae eliguntur viae). Fuq kollox, folla kbira ta’ nies kienet issegwi din il-kruċifissjoni (Ara Luqa 23:48). L-ikkundannat ma kienx jibqa’ meqjus bħala raġel imma kien jiġi meqjus bħala ‘dead man walking’.

 

It-Tislib fuq il-Golgota

Il-post fejn ġie msallab Sidna Ġesù Kristu kien jissejjaħ ‘il-Qorriegħa’, bil-Lhudi ‘Golgota’, bl-armajk: Gulgoth, bil-Grieg: Kranion, bil-Latin: Kalvarju (mill-kelma: calva li tfisser ras bla xagħar). Kienet tissejjaħ hekk aktarx minħabba l-għamla tal-art. Din kienet daqsxejn ta’ għolja (għolja 6m) barra l-ħitan ta’ Ġerusalemm. Illum qiegħda ġewwa l-belt li kibret xi ftit maż-żmien, u dan il-post hu magħruf ukoll bħala l-‘Kalvarju’; illum jinsab fl-istess Bażilika fejn insibu wkoll il-qabar ta’ Kristu. Dan aktarx kien il-‘campus sceleratus’ għat-tislib qrib il-belt ta’ Ġerusalemm. Skond Origene hawnhekk jinsab midfun Adam (Ara: Comm. in Matt, PG 13, 1777). Fil-kumpless tal-Knisja tar-Riżurrezzjoni nsibu diversi kappelli marbuta mal-Passjoni, bħall-Apocathelosis (id-depożizzjoni tal-ġisem mejjet ta’ Kristu minn fuq is-salib), fejn inġabru n-nisa taħt is-salib, il-kuruna tax-xewk, fejn instab is-salib ta’ Kristu, il-kappella taċ-ċenturjun, id-Diemerisanto (fejn qasmu l-ħwejjeġ ta’ Kristu) u l-kappella tal-Maddalena.

 

Kien hemm imsallbin ma’ Ġesù, wieħed kull naħa, żewġ ħallelin (latrones) jew persuni ta’ kondotta ħażina. Għandna l-konverżjoni ta’ wieħed minnhom, dak li t-tradizzjoni laqqmithu bħala “il-ħalliel it-tajjeb” u tatu l-isem ta’ Dismas.  Hekk seħħet ukoll l-Iskrittura li tgħid: “…u kien magħdud mal-midinbin” (Is 53:12). It-tradizzjoni żżomm li l-ħallelin kienu t-tnejn mir-raħal ta’ Lifta fil-Ġudeja, qrib Ġerusalemm u Ain Karim.

 

Ġesù jissallab fis-sitt siegħa, f’nofsinhar. L-ilbies tiegħu nqasam bejn erbgħa għaliex erbgħa kienu jkunu s-suldati Rumani (quaternio) li kienu jakkumpanjaw il-ħati għall-mewt u li, skont il-ligi Rumana, kellhom id-dritt għal dawn il-ħwejjeġ tal-iġġustizzjat. Kien ikun hemm magħhom l-exactor mortis jew iċ-ċenturjun. Imma għat-tunika, li kienet tkun minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel, huma tefgħu x-xorti u dan biex iseħħ il-kliem tas-salmista: “Ħwejġi qasmu bejniethom, u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti” (Ġw 19:24 u Salm 22:16-18, nifduli –taqbuli - idejja u riglejja). Din t-tunika (chiton), li kienet tmiss mal-ġisem ta’ Kristu, hija s-simbolu tal-għaqda profonda u spiritwali tal-Knisja. L-imsallab, minbarra li kien jiġi msallab bl-imsiemer (in cruce figarus) seta’ kien ukoll jiġi marbut bil-ħbula mas-salib ħalli l-ġisem jibqa’ marbut mas-salib.

 

Il-qasba tal-issopu, li magħha waħħlu sponża bil-ħall, teħodna lura għall-ġrajja tal-Eżodu meta bil-friegħi tagħha l-Lhud raxxew id-demm tal-ħaruf fuq il-blajjet tad-djar tagħhom fil-lejl qabel ma kellu jiġi l-anġlu tal-mewt u joqtol l-ewwel wild tal-Egizzjani. Il-pjanta kienet tintuża wkoll għat-traxxix tal-ilma fir-riti tal-purifikazzjoni tat-tempju. Issa din x-xena tal-Golgota turi li d-demm li ser jitraxxax fuqna huwa dak ta’ Ġesù Kristu, il-Ħaruf t’Alla, sabiex isalvana. Ix-xorb bil-ħall jew inbid qares imħallat bil-mirra (bil-Grieg: posca) kien jintuża f’dawn is-sitwazzjonijiet biex inaqqas l-uġigħ tat-tislib (ara Salm 69:22). L-ikkundannat kien isofri minn għatx kbir minħabba t-telf kbir ta’ demm. Hawnhekk, dan il-ħall, l-inbid tal-foqra, huwa r-raba’ tazza tal-ikla tal-Għid li dam ma nxtorob minn Kristu li ftaqar għalina u li kellu l-għatx, proprjament l-għatx biex iseħħ il-pjan tal-Missier. Huwa l-kalċi tar-Rieda tal-Missier (Ġwanni 18:11). Bħalma Ġesù kellu l-għatx fl-episodju tas-Samaritana, fiż-żewg episodji Ġesù jagħtina l-ilma tal-ħajja ta’ dejjem.

 

L-imsallab kien imut bil-mod il-mod, bi qtigħ in-nifs (inspissatio sanguinis), bil-piż ta’ ġismu jagħfas fuq il-pulmun.  U biex jgħaġġlu din il-mewt kiefra, kienu jkissru r-riġlejn (bil-latin: crurifragium), xi ħaġa li fuq Ġesù ma saritx: “Ġew is-suldati u kissru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. … Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ebda waħda minn għadmu ma jkissrulu.” (Ġw 19:32-36). Anke lill-Ħaruf tal-Għid tal-Lhud ma kienet tinkisirlu ebda għadma (ara Eż 12:46; Num 9:12 u Salm 34:20).

 

Ovvjament Ġesù kien każ partikulari għaliex l-esaġerazzjoni kollha tat-tortura li setgħet issir, saret fuqu. Biex insemmu t-torturi: il-flaġellazzjoni, feriti kbar, tixrid tad-demm, ksur ta’ għadam, il-kuruna tax-xewk, it-toqol tas-salib u l-fatt li demmu jitilfu kollu, kif turina d-daqqa tal-lanza fejn minnufih ħareġ demm u ilma. Dan il-fenomenu jindika wkoll li l-qalb ta’ Ġesù ċediet u nqasmet (hematoma fil-pericardium tal-qalb) u dan b’rabta wkoll mat-tiċrit tal-purtiera tat-tempju, ‘velum scissum’. (Il-qalb minfuda bil-lanza ispirat fil-Knisja d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, kif insibu fit-tagħlim ta’ San Bernard, San Bonaventura, Santa Lutgarda, Santa Mathilda, Santa Gertrude, Ludolfu tas-Sassonja, San Frangisk de Sales, Santa Margerita Marija Alacoque, San Ġwann Eudes, San Claude de la Colombiere u San Ġwann Bosco). Din il-lanza ta’ Longinu tinsab ġewwa Schatzkammer, il-palazz ta’ Hofburg fi Vjenna.  

 

Fuq is-salib kien hemm tabella impoġġija minn Pilatu li kienet taqra bil-Latin: “Jesus Nazarenus Rex Judaeorun (I.N.R.I.) li tfisser Ġesù in-Nazzarenu, is-Sultan tal-Lhud (bl-Ebrajk: zeh yeshua natsriy melekh ha’yehudiym) kif isibu fl-Evanġelju ta’ San Ġwann 19, 19. Fil-fatt, San Ġwann jgħid li din l-iskrizzjoni kienet miktuba bl-Lhudi, bil-Grieg u bil-Latin. Fl-Evanġelji l-oħra għandna “Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud (Matt 27, 37), “Is-Sultan tal-Lhud” (Mk 15, 26), u “Dan hu s-sultan tal-Lhud” (Lq 23,38). Din it-tabella jew skrizzjoni (titulus) kienet tinġarr minn qaddej li kien jimxi quddiem l-ikkundannat. Ġieli wkoll li din l-iskrizzjoni kienet tindendel ma’ għonq l-ikkundannat. Jingħad li din it-tabella tinsab ġewwa Ruma. Ir-relikwa tas-salib ta’ Kristu li kien instab fis-sena 326 minn Santa Elena, omm l-Imperatur Kostantinu, kienet ġiet maħtufa fis-sena 614 mill-armata Persjana ta’ Chosroe II, sultan tas-Sassanidi, u ġiet restitwita fis-sena 629 lill-Imperatur Biżantin Heraclius. Gużeppi Flavju, kif ukoll Taċitu Kornelju, jiktbu dwar din il-kundanna ta’ Ġesù. Il-fdalijiet tas-Salib ta’ Kristu u parti mill-iskrizzjoni u l-isponża jinsabu għall-qima fil-Bażilika ta’ Santa Croce in Gerusalemme f’Ruma. Ir-relikwa tal-musmar qaddis tinsab fil-Katidral ta’ Bamberg. Hemm ukoll musmar ieħor li qiegħed fil-kuruna tar-rejiet miżmuma fil-Katidral ta’ Monza. It-tunika tinsab fil-Bażilika ta’ Trier fejn hemm ukoll musmar tal-kruċifissjoni. F’din il-bażilika nsibu wkoll il-ġisem ta’ San Mattew, is-sandli ta’ San Andrija u sinna ta’ San Pietru. Hemm ukoll il-Bażilika tad-Demm Qaddis ta’ Kristu li jingħad li kien miġbur minn Ġużeppi t’Arimatea.  Din tinsab fi Bruges fil-Belgium. Is-sudarju jinsab f’Oviedo fi Spanja; għandna l-Liżar f’Turin u l-Wiċċ Qaddis ta’ Kristu f’Manoppello fl-Abruzzo.

 

L-aħħar kelmiet ta’ Ġesù fuq is-Salib

Dawn huma seba’ frażjiet miġbura mill-erba’ Vanġeli li juruna l-aħħar kelmiet li qal Ġesù fuq il-għuda tas-salib. Huma seba’ kelmiet li Ġesù bata biex qalhom minħabba l-kundizzjoni tiegħu fuq is-salib waqt li baqa’ konxju sal-aħħar għajta kbira. Huma seba’ kelmiet ta’ min jimmetida fuqhom għaliex għandna nistħajluhom verament bħala l-aħħar testment li ħallielna Ġesù fuq is-salib. Il-kelmiet huma dawn li ġejjin:

“Missier aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”

“Tassew ngħidlek illum tkun miegħi fil-ġenna”

“Mara hawn hu ibnek”, “Hemm hi ommok”

“Alla tiegħi (bl-Ebrajk ‘Eli ata’, waqt li fl-Aramajk ‘Elia ta’ tirreferi għall-miġja ta’ Elija), Alla tiegħi għaliex tlaqni?”

“Għandi l-għatx”

“Kollox mitmum”

“Missier f’idejk jien nerħi ruħi”

 

 

 

Il-Glorja tas-Salib

Għal San Ġwann l-Evanġelista, il-mument ta’ Kristu fuq is-salib hu l-ikbar sinjal tal-glorja ta’ Alla, għaliex is-salib mhux it-tmiem ta’ kollox, imma rebħa u bidu ta’ qawmien ġdid: “Hu li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll” (Rumani 8;32). Ġesù għadda tliet sigħat ta’ agonija fuq is-salib u miet fit-tlieta ta’ waranofsinhar. Infatti, fi żmien Ġesù l-qtil tal-Ħaruf tal-Għid, skont Filun, waranofsinhar kien isir, minn wara d-disa’ siegħa sa filgħaxija (ara Quaestiones in Exordum 1:11). Josephus, f’War 6:9, jgħid li mid-disa’ sal-ħdax-il siegħa, jigifieri bejn it-3.00pm u l-5.00pm.

 

Kien il-Ġimgħa, lejlet il-Għid tal-Lhud (ara Mat 27:62, Mk 15:42 u Lq 23:54). Possibilment id-data kienet is-7 ta’ April tas-sena 30 W.K., dejjem skont l-istudjużi. Sir Isaac Newton fl-1733 kien ikkalkula d-data bħala l-Ġimgħa, 23 ta’ April tas-sena 33 jew 34. Fl-1990 Bradley E. Shaefer wasal għad-data tal-Ġimgħa 3 t’April tas-sena 33. Din hija sostnuta wkoll minn Humphrey and Waddington. Il-ġurnata dakinhar kienet proprju l-14 ta’ Nisan u kien seħħ eklissi tal-qamar li kien viżibbli sittin fil-mija minn Ġerusalemm. (Fis-sena 30 A.D., kif naqraw f’San Ġwann, it-tempju kien ilu mibni 46 sena). Kienet is-siegħa li fiha, għall-festa tal-Għid tal-Lhud, dak kollu li kellu l-ħmira kellu jitneħħa mid-dar biex iħalli l-post għall-ħobż il-ġdid bla ħmira. Kien ukoll il-waqt xħin kienu jinqatlu l-ħrief tal-Għid fit-tempju. Ġesù, bħal ħaruf, huwa l-qaddej sofferenti ta’ Alla li jbati għall-ħtijiet tal-bnedmin “Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard” (Isaija 53:5 ir-raba’ għanja dwar il-Qaddej ta’ Yahweh). Bil-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib jinqered kull ħażen u tibda era ġdida għan-Nisrani: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja.” (Ġw 1:29) u “Il-ħaruf tal-Għid tagħna li hu Kristu, hu maqtul” (1 Kor 5;7). Marbuta mal-ġrajja tal-Passjoni u l-Mewt insibu diversi tipoloġiji (xebh) bibliċi, bħall-episodju ta’ Ġona, is-sagrifiċċju ta’ Iżakk, Ġużeppi tal-Antik Testement u l-figura ta’ Mosè (Ara: battalja tal-Amalekiti f’Esodu 17:11 u s-serp tal-bronż f’Num 21:8). Huwa bis-salib ta’ Kristu li s-Saltna ta’ Alla titwaqqaf darba għal dejjem, għaliex Kristu Sultan tassew deher isaltan fuq l-għuda tas-Salib, “Regnavit a ligno Deus”. Il-viżjoni tas-salib saret ukoll il-motto għall-Imperatur Kostantinu fil-bidu tar-raba’ seklu: ‘in hoc signo vinces’. Għal San Ġwann l-Evanġelista din kienet is-siegħa tal-glorja (ara Ġw 12, 20-36; 13:31-32; 17;1-5; 1 Ġw 1:5-2:2). (Tajjeb li nsemmu hawnhekk li l-ġurnata tal-Lhud kien fiha 24 siegħa, u l-ġurnata kienet tibda mis-6.00 p.m. Kull siegħa kellha 1080 partijiet jew halakim u kull parti jew halek kien jikkonsisti f’76 mument jew reaim, fejn kull halek ifisser 3.33 sekondi). Fl-Apokalissi l-figura tal-ħaruf tilbes il-figura tal-Passjoni: arnion estekos os esphagmenon. (Apok 7:13-17; 11:3-13 u 12:11-13:10): “mifdija minn fost il-bnedmin, l-ewwel frott għal Alla u għall-ħaruf” (Apok 14:4).

 

 

 

“Fejn hi, ja mewt, ir-rebha tiegħek?”

Il-messaġġ tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt jinsab b’mod qawwi fl-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, b’mod partikulari f’kap 15: “Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?” (1 Kor 15:55). Dan il-kapitlu huwa l-eqdem tagħlim dwar l-ikbar verità tal-Kristajneżmu, miktub saħansitra qabel l-erba’ Vanġeli: “L-ewwel nett għallimtkom dak li tgħallimt, li Kristu miet għal dnubietna, skont il-Kitba, u kien midfun u qam it-tielet jum skont il-Kitba, u deher lil Kefa, imbagħad lit-Tnax.” (1 Kor 15:3-5). Għalhekk il-mewt ta’ Kristu fuq is-salib ġabet il-mewt tal-‘Mewt’ darba għal dejjem, għaliex il-Glorja tas-Salib fdiet tassew il-‘Ħajja’. Is-Salib ġab ir-rebħa tal-‘Ħajja’ u t-telfien tal-‘Mewt’: “Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftahar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja.” (Gal 6:14).

 

Konklużjoni

Is-Salib ta’ Kristu huwa dak li jgħaqqad iċ-ċiviltà Nisranija flimkien, għax huwa espressjoni tassew ħajja tad-demm ta’ Kristu li nxtered għal kulħadd. Dan huwa d-distintiv tan-Nisrani u għalhekk verament fis-Salib ta’ Kristu l-Insara, Kattoliċi, Ortodossi u Protestanti, isibu l-għaqda tagħhom: “U meta nintrefa’ (bil-Grieg: hypsothenai u bil-Latin: exaltari) ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.” (Ġw 12:32). Huwa s-Salib li jrid jiġbor lil kulhadd, għax fuq is-salib Kristu tawwal idejh lejn il-Lvant u lejn il-Punent biex jifdi lid-dinja kollha. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika f’paragrafu 613, jurina li fis-salib hemm il-mewt ta’ Kristu bħala sagrifiċċju waħdieni u definittiv: “…is-sagrifiċċju tal-Patt il-Ġdid (ara 1 Kor 11:25) li jerġa’ jdaħħal il-bniedem f’xirka ma’ Alla, huwa u jħabbu miegħu bid-“…demm li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet (Mt 26:28)”.

 

Fil-ktieb tiegħu ‘Ktieb il-Kbir’, San Ġorġ Preca jimmedita fit-tul dwar dan il-misteru tat-tbatija li għadda minnha Ġesù u s-Soċji katekisti jaqraw minn dan il-ktieb kull nhar ta’ Ħadd. Dan huwa dak li jfisser għalina l-Kattoliċi s-Salib ta’ Kristu, li huwa s-Salib tal-Imħabba t’Alla u tal-fidwa tagħna. Meta aħna ningħaqdu mas-salib ta’ Kristu, inkunu nistgħu nġorru u nagħtu sens lit-tbatijiet tagħna: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċhad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.” (Mt 16:24).

  

 

L-Episodju taż-Żewġ Dixxipli ta’ Emmaws

“Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm” (Lq 24:29)

 

Dan l-episodju taż-żewg dixxipli ta’ Għemmaws insibuh biss fil-Vangelu ta’ San Luqa fil-kapitlu 24. 

 

Il-Jum

Ninsabu l-Ħadd filgħaxija, “dakinhar stess”, x’aktarx ftit sigħat qabel inżul ix-xemx. Kien mument li jirrifletti tassew il-moral taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, li kien wieħed baxx ħafna, għax ir-Rabbi jew l-Imgħallem tagħhom, Ġesù, kien ġie imsallab u maqtul b’mod umiljanti fuq salib fuq il-Golgota. Għalihom is-salib kien it-tmiem ta’ kollox u għalhekk kull tama kienet spiċċat: “Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!” (vers 21). Huwa l-ewwel jum tal-gimgħa wara dak tas-Sibt, il-jum tal-Għid, it-tielet jum fuq il-Ġimgħa l-Kbira, il-jum tal-qawmien ta’ Kristu mill-mewt, il-jum li jimmarka r-rebħa tal-ħajja ta’ dejjem fuq il-mewt. Fuq kollox huwa t-tmien jum li ma jispiċċa qatt. Infatti, id-dehriet ta’ Kristu Rxoxt iseħħu kollha fil-jum tal-Ħadd li għalina l-Insara huwa tassew Jum il-Mulej, ‘Dies Domini’.

 

Il-Post

Ninsabu nitkellmu dwar vjaġġ ta’ żewġ dixxipli li minn Ġerusalemm imorru lura lejn id-dar tagħhom, eżattament lejn ir-raħal ta’ Għemmaws (Emmaus, bil-Grieg: Ammaous) li kien jinsab madwar sittin stadju, liema numru mhux perfett imma juri imperfezzjoni (kull stadju kien ikejjel madwar 178 metru, mixja tas-Sibt kienet ta’ ħames stadji biss) jiġifieri xi seba’ mili jew madwar 11-il kilometru bogħod mill-belt ta’ Ġerusalemmm (ara Ġużeppi Flavju, il-Gwerra Ġudajka 7:6,6). Għalhekk kellhom mixja ta’ madwar sagħtejn. L-isem jista’ jfisser ‘għejjun ta’ ilmijiet sħan’. Fil-fatt, insibu hawnhekk f’Emmaus il-banijiet Rumani, fejn hemm iċ-ċimiterju Għarbi, kif ukoll il-fdalijiet ta’ fortizza asmoneja ta’ żmien il-Makkabej. Illum l-istudjużi tal-Bibbja, permezz ta’ skavi arkeologiċi, identifikaw ir-raħal ta’ Għemmaws bħala r-raħal ta’ El Qubejbeh (Amauante, bl-Għarbi ‘al-Qubaiba’ jew kif magħrufa fis-seklu 12 bħala ‘Parva Mahomeria’) li tinsab eżattament 62 stadju u nofs fil-Majjistral ta’ Ġerusalemm.   Bħala triq, minn Ġersualem, li bħala belt tinsab fuq l-għolja Sijon (li tinsab madwar 750 metru fuq il-livell tal-baħar), mhijiex xi waħda dritta imma tgħaddi minn diversi widien sa ma tieħdok għan-naħat ta’ Nablus, lejn ix-xaqliba tal-Wied tal-Ġordan fejn saħansitra n-naħat tal-Baħar il-Mejjet jinsabu mhux ħażin taħt il-livell tal-baħar (madwar 400 metru taħt il-livell tal-baħar). Għalhekk, f’medda biss ta’ ħmistax-il mil għandek elevazzjoni ta’ madwar 3400 pied! It-triq, mela, terġa’ tirrifletti fl-istess ħin, it-triq tan-niżla tal-fidi ta’ dawn iż-żewġ dixxipli li kienu qatgħu qalbhom għal kollox. Nicopoli (jew Hammat jew bl-Għarbi: Aniwas) qrib Latrun skont xi studjużi, hija ukoll marbuta ma’ Għemmaws. Fuq kollox din ‘Għemmaus’ kienet meqruda għal kollox fis-sena 4 Q.K. mir-Rumani u ġiet mibnija mill-ġdid lura fis-sena 66 A.D. u fis-sena 221 A.D. ġiet imsemmija ‘Nikopolis’, jigifieri l-belt tar-rebħa. Dan kien tkellem dwarha digà Ewsebju ta’ Ċesarija fl-ewwel sekli, imma din hija ’l bogħod minn Ġerusalemm mija u sittin stadju (29km) u għalhekk ma’ taqbilx mal-qari ta’ San Luqa. Dan l-aħħar Carsten Peter Thiede qiegħed jissuġġerixxi li Għemmaws hija lokalizzata f’Motza li tinsab 8 km ’il bogħod minn Ġerusalemmm. Postijiet oħra li ntrabtu ma’ Għemmaws huma Kuriet el Enab, Abu Ghosh, Etan, Amwas, Kulonieh, Emmaus Tiberias u Khamasa.

 

Il-Persunaġġi

Il-mixja tal-fidi mhijiex mixja ta’ bniedem waħdu imma hija mixja tal-komunità, u fil-komunità insibu “tnejn minnhom”, kif naraw fil-vers 13. Huwa ċert li wieħed mid-dixxipli jismu Klejopa. Jista’ jkun li dawn id-dixxipli huma tnejn mis-sebgħin dixxiplu li nsibu f’Luqa 10:1. Ma għandniex l-isem tat-tieni dixxiplu. Il-Knisja Ortodossa tqis lil dan Kleopa bħala ħu San Ġużepp, iż-żgħir, li kien ukoll miżżewweġ lil Marija oħra. Xi biblisti jitkellmu dwar koppja, Klejopa u l-mara tiegħu, u għalhekk il-mixja ta’ dawn id-dixxipli hi mixja ta’ familja li tiskopri lil Kristu. Oħrajn jitkellmu dwar dixxiplu bl-isem ta’ Xmun jew dwar San Luqa nnifsu. Hu x’inhu, l-identità tat-tieni dixxiplu tibqa’ waħda inċerta. Jista’ jkun ukoll li San Luqa ried jinqeda b’dan id-dixxiplu anonimu biex jinvolvi wkoll lill-qarrejja f’dan l-episodju. Għalhekk, mela, it-tieni dixxiplu jista’ jkun inti u jien, aħna li lkoll ninsabu mexjin f’ħajjitna f’din it-triq lejn Għemmaws, u forsi ninsabu ukoll b’qalb maqtugħa. Imma l-Mulej żgur ser jakkompanjana u mhux ser iħallina waħedna.

 

Il-Kontenut

Dan l-episodju ta’ Għemmaws nistgħu naqsmuh f’żewg partijiet. Għandna l-ewwel parti fejn Ġesù jirrivela lilu nnifsu lid-dixxipli permezz tal-Kelma ta’ Alla meta jagħtihom, biex niftehmu, l-ewwel lenti tan-nuċċali tal-fidi: “U beda minn Mosè u l-profeti kollha, ifissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” (vers 27). It-tieni parti, jiġifieri t-tieni lenti tan-nuċċali, hi dik tal-Ewkaristija fejn Ġesù jingħata lid-dixxipli fil-qsim tal-ħobż (klasis tou artou): “U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infethulhom (bil-Grieg: dianaigo) għajnejhom u għarfuh, iżda u għab minn quddiemhom” (versi 30 u 31). Fl-oriġinal Grieg tal-Vangelu għandna ‘sar inviżibbli’ (bil-Grieg: aphantos) minflok ‘għab’ u għalhekk, minkejja li ma baqax jidher, kien preżenti tassew u mhux telaq minn quddiemhom. Ġesù sar preżenti  fil-ħobż, fil-preżenza Ewkaristika.

 

Il-Messagg Attwali

Waqt li x-xemx kienet nieżla, ix-Xemx tal-Ġustizzja, Kristu Rxoxt, deher fosthom: “Huma u jitħaddtu u jitkellmu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom” (vers 15). Il-verb ‘mexa’, li fl-oriġinal Grieg insibuh 51 darba f’Luqa, għandu aspett teoloġiku ferm importanti billi jindika vjaġġ mill-mewt għall-ħajja, vjaġġ ta’ fidi, il-mixja tal-pellegrin. Ġesù qatt ma jħalli lill-bniedem waħdu, imma tassew ‘huwa miexi miegħu’ (symporeuomai) biex ikun miegħu fid-diffikultajiet tal-ħajja għax hu tassew l-“Emmanuel", Alla magħna. Is-sens qawwi ta’ ospitalità fil-kultura biblika narawh ukoll f’dawn id-dixxipli li jistiednu lil dan il-‘barrani’ biex jibqa’ u jgħaddi l-lejl għall-kenn tad-dar tagħhom. Il-frażi qawwija “Ibqa’ magħna” fil-vers 29, li fil-Grieg tinqara ‘Meinon meth’ hemon’, tfisser eżattament “ibqa’ biex tgħix magħna” għaliex il-verb Grieg ‘menein’, li nsibuh 118-il darba fil-Ġdid Testment, mhux biss ifisser ‘tibqa’, imma wkoll ‘tgħix’, ‘toqgħod biex tgħix ma’ xi ħadd’: “Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.” (Gw 15:4).

Fil-qsim tal-ħobż (bil-Grieg: ‘he klasis tou artou’) iż-żewg dixxipli jagħrfu lil Ġesù li sar preżenti quddiemhom fl-Ewkaristija. Imbagħad, minkejja li kien bil-lejl, marru lura lejn Ġerusalemm, mimlijin kollha fidi u ħajja, ixandru li huma wkoll iltaqgħu mal-Irxoxt. Hekk ukoll tagħmel magħna l-Ewkaristija li tbiddel il-qalb tal-bniedem u toħloq fina ħajja ġdida għax “il-Mulej qam tassew”. Il-mixja tad-dixxipli ta’ Għemmaws hija għalhekk il-mixja tiegħek ma’ Kristu fil-Knisja, fit-triq lejn Ġerusalemm tas-Sema.

 

 


 

4.

Via Crucis

Miktuba mill-Kan. Dr Joe Zammit

 

 

Daħla

 

Qabel ma wasalna aħna, inti, Ġesù, wasalt qabilna, tistenniena biex mill-ġdid tiftaħ il-ġerħa tal-qalb tiegħek beraħ u minnha tfawwar fina l-imħabba bla tarf tiegħek għalina.  Agħmel li nagħrfu nilqgħu din il-grazzja tiegħek għalina l-lejla.  Ammen.

 

Mela nitħejjew, għeżież, ilkoll hawn miġbura fi spirtu ta’ tama, għax il-Mulej iħobbna lkoll, aħna min aħna.  Nisimgħu b’devozzjoni kbira għax il-Mulej ħa jkellimna… fil-fond ta’ qalbna, hemm fejn Hu biss jaf jasal.

 

 

1

Ġesù kkundannat għall-mewt

 

Ħiereġ tilqa’ r-Rieda t’Alla

li għaliha nżilt ħerqan

minn ġo Sema ta’ tgawdija

biex il-bniedem sab serħan.

 

Qari (Is 52:13-14)

Araw!  Il-qaddej tiegħi jsib ir-riżq, jintrefa’, jogħla u jkun ’il fuq minn kulħadd.  Bħalma ħafna ndiehxu minnu, – għax wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem, u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem – hekk għad jistagħġbu ħafna ġnus minħabba fih.

 

Riflessjoni

Wara elfejn sena għadek tiġi kkundannat għall-mewt, Ġesù, u dejjem bla ħtija, fit-trabi li idejn assassini ma jħalluhomx jaraw id-dawl tad-dinja.  Eluf, miljuni, u dan kollu kuljum, forsi wkoll waqt li aħna nkunu komdi d-dar u reqdin fil-wens tal-familja.  Jgħajtu dawn it-trabi u ħadd ma jisma’ l-karba tagħhom, lanqas aħna.  Min ma għandux dritt ineħħi ħajtu, daħal fuq id-dritt tagħhom li jkollhom xi darba l-ħajja bħal ta’ ħaddieħor.  U s-soċjetà tiskot, tħares u ma tagħmel xejn favur tagħhom.  U inti, Ġesù, tibqa’ kkundannat għall-mewt fihom… għax aħna wkoll siekta.

 

Talba

Nistħu nħarsu lejk, Ġesù, biex nitolbuk taħfrilna għal din l-apatija tagħna lejn il-ġid tal-proxxmu ż-żgħir, dgħajjef u mingħajr vuċi.  Qanqal fina mħabba ġdida lejn dawn ħutna li baqgħu mingħajr isem, mingħajr identità, mhux għalik, imma għalina iva.  Ammen.

 

2

Ġesù jilqa’ s-salib

 

Mas-salib il-weġgħat kollha

li ssibhom f’bosta qlub

frott il-qerq u l-ħażen kollu

fejn qatigħ jiġġerra d-dnub.

 

Qari (Is 53:11-12)

Il-Ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra, u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.  Għalhekk nagħtih il-kotra b’sehmu, u jkollu sehem fil-priża mal-qalbenin, għaliex hu offra ruħu għall-mewt, u kien magħdud mal-midinbin.  Hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra, u ndaħal għall-midinbin.

 

Riflessjoni

Anki aħna, Ġesù, għandna s-salib tagħna, il-kbar, iż-żgħar.  U inti tgħallimna kif għandna nilqgħuh, kif għandna nimxu warajk.  Billi nkunu mansweti u fl-istess ħin qawwija għax nafu li inti qabilna għaddejt mill-istess triq ta’ mard, ta’ tfixkil, ta’ ingratitudni, ta’ inġustizzja… u inti kont mingħajr ħtija u lqajt il-ħtija.  Għalina m’huwiex skandlu s-salib, m’huwiex bluha, imma l-qawwa ta’ Alla.  Is-salvazzjoni tagħna.

 

Talba

Itfa’ l-ħarsa ħanina tiegħek fuqna l-lejla hawnhekk miġbura, kbar u żgħar.  Inti taf x’hemm għaddej f’qalbna muġugħa, fil-menti għajjiena tagħna, fil-ħajja diżorjentata tagħna.  Hemm dak li jissejjaħ salib.  Għallimna nħarsu lejk u nitgħallmu minnek kif għandna nilqgħuh, konxji dejjem iktar li taħt it-toqol hemm il-Ġenna miftuħa għalina.  Ammen.

 

3

Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba

 

Taqa’ fl-art u tfarrak wiċċek:

dik id-dija, dak il-ġieħ,

kien jistħoqqlok iktar Sema

fejn ir-Re joħroġ rebbieħ.

 

Qari (Is 53:4-5)

Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn.  Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna.

 

Riflessjoni

Anki aħna waqajna bħalek, Ġesù, imma mhux dejjem bħalek qomna mid-dgħufija tagħna u rġajna qbadna t-triq it-tajba.  Għamilna żball meta waqajna u żball ikbar li bqajna fih.  Imma inti, dgħajjef, ħaddant miegħek id-dgħufija u rbaħtha biex tibqa’ miexi u tiġbed lilna wkoll fit-triq tal-verità, fit-triq tal-ħajja vera.

 

Talba

Għallimna, Ġesù, ma naqtgħux qalbna meta nħossuna mgħaffġa taħt id-dgħufija tagħna u bħalek nerġgħu nibdew, ħarsitna dejjem ’il quddiem, qatt lura, jekk mhux biss biex nitgħallmu ma naqgħux aktar.  Ammen.

 

4

Ġesù jiltaqa mal-Omm Imqaddsa tiegħu

 

Hekk kif ratek l-Omm Imbierka

tiela’ t-telgħa tas-salib

riedet kieku tgħinek, twieżnek,

biex fid-dinja l-ġid iġġib.

 

Qari (Is 53:10-11)

Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.  Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni, huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu; u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.  Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba’ bit-tagħrif tiegħu.

 

Riflessjoni

Kemm xtaqna konna hemm ħalli naraw il-ħarsa li għaddiet minn għajnejk għal għajnejha, l-Iben il-waħdieni ta’ Alla u ta’ Marija.  Ħarsa li kienet tfisser programm ta’ ħajja, storja ta’ mħabba, is-salvazzjoni tagħna.  Iltaqgħu l-qlub mifnija bi ħniena bla tarf għalina.  U mill-ġdid wieġbu l-kelma determinanti “Iva” biex setgħet isseħħ il-fidwa, sema ġdid u art ġdida.

 

Talba

Verġni Mbierka li ġibt fid-dinja l-Ħellies ta’ kull jasar li jista’ jaħkimna, għallimna ngħidu dejjem Iva għar-rieda qaddisa ta’ Alla biex qatt id-dnub ma jirbaħ fuqna, iżda biss il-grazzja li int biha kont mimlija.  Ammen.

 

5

Xmun ta’ Ċirene mġiegħel jerfa’ s-salib

 

Kemm għajnuna jsib il-bniedem

minn tal-bogħod u minn tal-qrib

meta qalbu jiftaħ beraħ

għal min mgħobbi b’xi salib.

 

Qari (Salm 31:12-13)

Minħabba l-għedewwa tiegħi kollha, jien sirt ħaġa ta’ min ikasbarha; jitwerwru l-ġirien tiegħi, u min jafni jibża’ minni.  Dawk li jarawni barra jaħarbu minni.  Insewni bħal wieħed mejjet, sirt bħal ġarra mkissra.

 

Riflessjoni

L-għajnuna kemm hi tajba, u għajnuna f’waqtha.  Kull min ikun f’xi bżonn jixtieqha u jixtieqha dak il-ħin.  U min m’huwiex f’xi bżonn?  Min ma jixtieqx ikun mismugħ, mifhum, maħbub…?  Min hu meħlus minn xewqa kbira li jħossu sewwa, b’qalb u moħħ mistrieħa, speċjalment hekk kif il-jum ikun qed inin u jistiednek għall-irqad?  Kulħadd hu f’xi bżonn, imma mhux kulħadd isib min jgħinu dak il-ħin.

 

Talba

Inti taf, Mulej, fiex ninsab jien bħalissa, inti tagħraf mill-bogħod ħsibijieti, il-bżonnijiet tiegħi m’humiex moħbija għalik.  Għinni, mela, nitolbok, kun int iċ-Ċirinew għalija l-lejla, nitolbok, kemm inħossni bla saħħa, bla direzzjoni, bla kumpanija.  Kun int il-kumpann li qatt ma jidħak bija.  Ammen.

 

6

Il-Veronika timsaħ wiċċ Ġesù

 

X’xorti kellha l-id imbierka

li ressqitlek il-maktur!

Minnu rajna x-xbieha tiegħek:

tal-Missier l-għaxqa, il-Maħtur.

 

Qari (Is 53:2-3)

Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih.  Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh.

 

Riflessjoni

Kemm ħin ngħaddu nħarsu lejn wiċċna biex naraw fihx xi tebgħa, xi nikta li ma tħallilux dik id-dehra li kull wieħed u waħda minna jkun jixtieq jara u juri lill-oħrajn x’ħin magħhom jiltaqa’!  Min jaf x’ħasset dik il-mara mbierka hekk kif rat stampat f’idejha issa, u mhux biss quddiemha, ix-xbieħa tal-Iben ta’ Alla, murija fil-wiċċ ta’ dak li fuqu ntqal: “Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin”, imsawba l-ħlewwa ta’ Alla fih!

 

Talba

Mulej, tħalli qatt li wiċċna ma jurix dak li hemm f’qalbna, libbisna bl-onestà u bil-fedeltà, ħalli fid-dinja ma nagħmlux għajb għall-adozzjoni ta’ wlied Alla li rċivejna.  Jalla wiċċna dejjem juri min aħna tassew, bnedmin ħielsa u misjura fl-imħabba, għax dik hi l-vera natura ta’ Alla fina.  Ammen.

 

7

Ġesù jaqa’ għat-tieni darba

 

Mill-ġdid fl-art u s-salib fuqek

qisu d-dinja mgeddsa fih,

taħt it-toqol tibqa’ miexi

biex il-midneb tifdi bih.

 

Qari (Is 53:5-6)

Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.  Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu.  U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.

 

Riflessjoni

It-toqol!  Min jaf x’toqol ħassejt, u waħdek.  Min jaf kemm ħsibijiet għaddew minn moħħok magħfus b’dik il-kuruna tax-xewk.  Forsi lanqas stajt tifhimhom, forsi lanqas stajt tlaħħaq magħhom.  Għax dritt mill-ġdid daqqiet ta’ frosta biex tintrefa’ mill-art u tibqa’ miexi.  X’konfużjoni stajt għaddejt minnha, f’dak il-moħħ, il-Verb etern ta’ Alla, li kollox jaf, li hu l-Verità fiha nfisha.

 

Talba

Għal meta ma nifhimx, kun int, Mulej, li mhux biss iddawwalli triqati billi timxi quddiemi, imma nitolbok timxi warajja u timbuttani ’l quddiem, għax inkella nibqa’ wieqaf, fl-art tad-dubji tiegħi, ta’ dak li nħoss u ma nafx x’inhu, tal-injoranza spiritwali tiegħi, ta’ moħħi hekk ċkejken quddiem l-immensità tiegħek.  Ammen.

 

8

Ġesù jkellem lin-nisa ta’ Ġerusalemm

 

Kinux dawn in-nisa kollha

li ġrew fis ilkoll warajk

biex jisimgħu kelmtek ħajja,

fasslet triqthom bħal mużajk!

 

Qari (Lhud 5:7-9)

Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla.  Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza.  U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.

 

Riflessjoni

Kemm kliem ta’ seħer, ta’ tjubija, ta’ ġid żrajt fil-qlub tal-bnedmin!  Int l-istess Kelma ta’ Alla li fiha l-verità kollha, fiha kull tifsira, fiha kull tweġiba.  ’Il bogħod minn kelmtek, silenzju kbir.  Id-dinja tintilef fil-baħħ, f’dak li ma tafx u li qatt ma tista’ tkun taf, is-soċjetà ddur magħha nfisha fil-fixla, għax ma tafx.  ’Il bogħod minnek, kollox frugħa tal-frugħat u kollox frugħa.

 

Talba

Għallimna nisimgħu l-kelma tiegħek fis-silenzju tal-qalb, hemm fejn inti turina min int u tidħol fi djalogu ta’ mħabba magħna, imsejkna bnedmin.  Weżinna bil-kelma setgħana tiegħek li kollox tista’ u agħtina l-grazzja li nindunaw bil-mirakli li twettaq quddiem għajnejna.  Ammen.

 

9

Ġesù jaqa’ għat-tielet darba

 

Għal darb’oħra waqgħa kiefra

ma ħallietlek saħħa mkien,

ġisem tari f’ġuf Marija

kien il-hena tal-ħolqien.

 

Qari (Is 53:7)

Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu.

 

Riflessjoni

Waqgħa oħra u għal ftit l-art ma sammritikx magħha qabel ma ssammart fuq is-salib.  Tassew ebda sura ta’ bniedem ma kien baqa’ fik.  Min jaf is-Sema kif kien iħares lejk u jinkedd għalik u bħal donnu ma jista’ jagħmel xejn għax hekk kellu jsir biex jien u int, bnedmin, inkunu salvi.  Hekk kellu jsir biex ukoll dawk li kienu qed jagħmlulek ħajtek infern, isibu s-salvazzjoni.

 

Talba

Kemm-il darba nsibu ruħna ma nistgħu nagħmlu xejn, ma nistgħux niċċaqalqu, ma nistgħux nagħmlu pass ’il quddiem, ma nistgħux insiru mill-ġdid ħbieb…  Għinna f’dak il-ħin, Mulej, biex mhux il-piż tal-inċertezza, tas-suspett, tal-ingratitudni jirbaħ fina, imma x-xewqa ta’ rikonċiljazzjoni magħna nfusna, mal-oħrajn u miegħek tibqa’ dejjem fil-wiċċ fina.  Ammen.

 

10

Lil Ġesù jneżżgħuh il-libsa

 

Mank wasalt ftit iktar qabel

ħalli d-dmija tibqa’ fik!

Xejn ma kellek x’jagħtik saħħa

ħlief il-hemm li stagħġeb bik.

 

Qari (Salm 22:16-20)

Ħalqi niexef bħal xaqqufa, ilsieni mwaħħal ma’ ħnieki; ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt.  Qabda klieb daru għalija; ġemgħa nies ħżiena rassewni.  B’għajnejhom fuqi jħarsu lejja.  Ħwejġi jaqsmu bejniethom; jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

 

Riflessjoni

Tneżża’ mid-dinjità ta’ dak li jkun!  Dak li qed tagħmel is-soċjetà tal-lum.  Tneżża’ lill-familja mill-identità tagħha u tipproponi alternattiva mostruża; tneżża’ lill-individwu min-natura vera tiegħu u tlibbsu xbieha stramba; tneżża’ l-imħabba mir-relazzjonijiet u toħloq ġungla ta’ interessi mifdija mill-qerq u l-ħażen li jgħammar fis-serp ta’ darba.  U l-libsa tax-xbieha ta’ Alla fina u fostna ġiet imwarrba u sibna ruħna mkeċċija mill-Għeden li kien fil-bidu tagħna.

 

Talba

Libbisna, Mulej, mill-ġdid kif taf int, b’dik is-sbuħija tal-ġilju tal-widien li lanqas l-għaref Salamun ma kien jasal għaliha.  Hija l-grazzja tas-sens komun li għandna tant bżonn fil-ħajja normali u komuni bejnietna l-bnedmin.  Agħtihielna, Mulej, għax għarwenin fil-kesħa tal-egoiżmi tagħna.  Ammen.

 

11

Ġesù jsammruh mas-salib

 

Qatt ma kellek xorti oħra

li minn hemm ma titħarrikx,

ogħla l-ġid ta’ dik is-siegħa

fiħa l-ħażen ma ġarrbikx.

 

Qari (Is 53:8)

Bil-forza u l-ħaqq neħħewh; u min qagħad jaħseb fuq xortih? Iva, qaċċtuh mill-art tal-ħajjin, minħabba fi dnub il-poplu tiegħi kien midrub.

 

Riflessjoni

Mhux imsiemer nużaw daż-żmien biex insallbu lill-proxxmu tagħna imma lsienna li mingħajru donna ma nafux nuru min aħna, bih inweġġgħu, bih inkasbru, bih niżżuffjettaw, nikkalunjaw, bih insallbu.  Kemm aħna bravi!  Miskin min jaqa’ taħt ilsienna, miskin min ma jistax joħroġ mill-gaġeġ li ħejjewlu ħsibijietna, miskin min ma jistax jitħarrek bina, imma forsi msieken iktar aħna li ma narawx it-travu li hemm f’għajnejna.

 

Talba

Mulej, x’xorti kbira tajtna biex nesprimu l-profondità ta’ qalbna permezz ta’ lsienna, ħolqien inġenjuż tiegħek bħal kull ħaġa oħra!  X’meravilja!  Agħtina li nużaw dejjem dan id-don biex infaħħru u mhux niddisprezzaw, ngħollu u mhux nikkalpestaw il-ġieħ ta’ għajrna, intejbu u mhux nifirdu l-qlub tal-aħwa.  Ammen.

 

12

Ġesù jmut fuq is-salib

 

Mas-salib imdendel, mifni,

fuq il-għolja tal-barkiet,

u min nifdek emmen f’Alla,

il-Mulej, Sid is-Smewwiet.

 

Qari (Salm 31:15-17)

Imma jien fik nittama, Mulej; jien ngħidlek: “Alla tiegħi int!”.  F’idejk hi xortija, eħlisni minn id l-għedewwa, minn id dawk li jeħduha kontrija.  Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek; fit-tjieba tiegħek eħlisni.

 

Riflessjoni

Mank mitna aħna minflokok, Ġesù, ħalli fid-dinja kienet tibqa’ l-Ħajja.  Mank ġie lilna meħud in-nifs, ħalli fid-dinja kien jibqa’ l-ispirtu tas-sewwa.  Mank temmejna aħna l-mixja, ħalli fid-dinja kienet tibqa’ sħiħa l-Imħabba.  Imma inti li mitt, u għal mument kollox spiċċa.  Fejn hi, ja ħajja, is-sbuħija tiegħek, is-saħħa, l-enerġija, l-ilwien li lilek f’kull żmien u ma’ kulħadd għamluk fis-seħer setgħana?  Kollox mitmum!

 

Talba

Kollox mitmum, veru, imma fit-temma tiegħek hemm il-bidu ta’ ħajja ġdida, il-ħajja ta’ dejjem, li tant kienet fuq fommok meta kont fid-dinja, għax kienet it-temma tar-Rieda ta’ Alla għalik fuq salib imsallab.  Agħtina li nifhmu mqar ftit minn dik l-imħabba li għaliha ma qistx li int Alla u sirt bniedem għalina, f’mewt tixbah lil tagħna.  Ammen.

 

13

Lil Ġesù jqegħduh fi ħdan ommu Marija Santissma

 

Tgħarrset fis il-ħlewwa, il-ħniena,

mat-tjubija tal-bnedmin

waqt li l-Omm laqgħet fid-diqa

il-Feddej tal-midinbin.

 

Qari (Is 52:15-53:2)

Quddiemu s-slaten jagħlqu ħalqhom, għax għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet, u jifhmu dak li qatt ma semgħu bih.  Min kien jemmen dak li smajna, u f’min intwera driegħ il-Mulej?  Bħal xitla kiber quddiemna, u bħal għerq minn art niexfa.

 

Riflessjoni

Kellha tkun hi li tilqgħek mill-ġdid fi ħdanha, did-darba iżda mgeżwer f’faxex il-mewt u mhux il-ħajja.  Taret il-hena ta’ għar it-twelid u postha ħaditu d-diqa tal-Omm imnikkta.  Ma kienx hemm anġli li ħabbru l-ġrajja, imma tkarwit is-sema mifxul u mħawwad għal dehra hekk kerha: il-mewt tal-Iben ta’ Alla.  U Marija żżommok f’ħoġorha.

 

Talba

Lejk induru, o Verġni Mbierka, biex tagħtina s-sabar li neħtieġu meta xi ħadd għażiż itemm l-istorja tiegħu fostna u jħallina waħedna fit-triq li jkun baqgħalna quddiemna.  Min ser issabbarna jekk mhux int, ja Omm is-sabar, li bqajt wieqfa għalkemm imbikkija, ħdejn salib Ibnek li ġarru miegħek, monument int tal-ikbar imħabba!  Ammen.

 

14

Lil Ġesù jqegħduh f’qabar ġdid

 

Għalkemm ġdid il-qabar tiegħek,

vojt ħallielna f’ruħna lkoll,

ebda nifs, ebda taħbita;

tlifna l-ħajja aħna wkoll.

 

Qari (Is 53:9)

U tawh qabar mal-ħżiena, u mal-għonja difnuh, għalkemm ma għamel ebda deni, u minn fommu ma ħareġ ebda qerq.

 

Riflessjoni

Oqbra mbajda!  Kemm ma stajtx għalihom il-Fariżej li kienu jiġru ma’ djulek biex jonsbuk f’xi kelma.  U x’eżempju għalina d-difna tiegħek ġo qabar kollu kemm hu tiegħek, ħadd qablek, ħadd warajk, għax sar minflok benniena.  Kemm hi għal qalbek l-onestà, il-lealtà, il-fedeltà, kemm hu għal qalbek is-sewwa, li jnissel kredibbiltà u fiduċja.

 

Talba

Jekk qatt noħorġu mid-dawl tas-sewwa, għallimna ma norqdux fid-dlam tal-ħtija u niġru nidħlu fir-raġġ tar-rieda ta’ Alla ħalli ruħna ma tixliniex li ħallejnieha fl-għama u qalbna barra mis-serħien mistħoqq tagħha.  Ammen.

 

15

Kristu Rxoxt

 

Maż-żerniq ta’ dinja ġdida,

Sema ġdid u art bl-ilwien,

Kristu qam biex ma jmutx aktar

fost il-għana tal-ħolqien.

 

Qari (Lhud 4:14-16)

Mela meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha.  Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub.  Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.

 

Riflessjoni

Ippermettilna ngħidulek, Ġesù, għalxejn kienet tkun il-mewta tiegħek kieku ma qomtx minnha u żammejt rebbieħ għal dejjem fuqha.  Hekk ukoll jistqarr San Pawl Missierna, fiergħa kienet tkun il-fidi tagħna.  Imbierka dik il-bewsa li biha l-Missier tgħannaq mar-ruħ tiegħek u fiha żbruffat il-ħajja.  U biha l-ħolqien kollu reġa’ ħa l-ħajja bil-kotra.  U aħna l-bnedmin sirna wlied ta’ Alla!

 

Talba

Inti s-Sid tal-ħajja, inqegħdulek quddiemek lil dawk kollha li tilfu l-kuraġġ, il-ħeġġa li jgħixu, għax mifnija b’kull tip ta’ mard u saram.  Għinhom jibdlu n-negattiv f’tama qawwija li huma wkoll bħalek, għax miegħek jistgħu jgħixu l-flaġell b’serenità kbira meta jagħrfu jibdlu t-tbatija fi mħabba.  Ammen.

 

Għeluq

 

Grazzi, Mulej, ta’ din ix-xmara ta’ grazzji li sawwabt fuqna lkoll il-lejla…  Ħajja ġdida li ħarġet mill-kustat tiegħek imdemmi, u għamilt minna mill-ġdid il-komunità tiegħek, li mhux biss iġġib ismek, imma l-iktar iġġib imħabbtek fid-dinja ta’ madwarha.

 

Immorru, mela, b’wiċċna ’l fuq, nidħlu f’darna mill-ġdid, imma issa b’qalb mibdula li taf tagħder u tħobb, taf tieħu paċenzja u terfa’ s-salib tal-ħajja, taf tgħix f’dinja mejta fiha nfisha u toħloq tbissima.

 


 

 

 

5.

It-Triq tas-Salib ta’ Ġesù

Testi u meditazzjonijiet ta’ Dun Mario Pieracci. Traduzzjoni ta’ Francesco Pio Attard

 

L-Ewwel Stazzjon

Ġesù kkundannat għall-mewt

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Ponzju Pilatu jikkundanna għall-mewt bniedem bla ħtija.  Kemm hi kbira t-tbatija tal-innoċenti!  Biżżejjed naħsbu fit-tfal imġewħa u nieqsa mill-ikel ta’ kuljum, fit-tfal suldati, fil-morda gravi, fil-vittmi tal-kunflitti nazzjonali u l-gwerer bejn il-pajjiżi… kollha realtajiet tal-ħajja ta’ kuljum fil-kontinenti kollha.  Ġesù, dak li hu bla ħtija, biex jegħleb id-dnub u l-mewt, iwettaq il-pjan ta’ mħabba ta’ Alla l-Missier.

Patri Piju ta’ Pietrelcina kien iħobb jgħid li l-faraġ waħdieni li tista’ tagħti lil min qed ibati hu li “tagħti sens lit-tbatija tiegħu”.  It-tbatija tal-innoċenti ta’ din l-art għandha l-istess raġuni tat-tbatija ta’ Ġesù: dik li tifdi lid-dinja.

 

Saċ  Mulej, bid-dnub tagħna aħna wkoll ikkundannajniek.

Kulħ    Mulej, bid-dnub tagħna aħna wkoll ikkundannajniek.

 

Meta ninsewk u ngħixu ħajjitna bħallikieku int ma kontx teżisti.  Rit.

Meta nonqsu mill-karità u nagħmlu ta’ bir-ruħna li l-faqar ta’ ħutna m’hux biċċa tagħna.  Rit.

Meta d-dinja tiċħdek u aħna ma nsibux il-kuraġġ li nagħtu xhieda tiegħek.  Rit.

Meta ngħixu ħajja medjokri u bla valuri.  Rit.

Meta noqogħdu għall-ħażen u ninsew dak li hu tajjeb għax nistħu nistqarru ismek.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, id-dnub ikkundannak għall-mewt u aħna nibqgħu passivi quddiem is-sagrifiċċju tiegħek.  Agħmel li nagħrfu l-imħabba bla tarf li għandek għalina.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

It-Tieni Stazzjon

Ġesù mgħobbi s-salib

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Is-salib hu s-sieħeb naturali ta’ kull ħajja umana: “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja, ma jistħoqqlux li jkun miegħi”, jgħidilna Ġesù.  Is-slaleb jistgħu jkunu ftit jew tqal ħafna; hi l-Providenza ta’ Alla li tiddetermina l-piż tagħhom skond il-ħila u l-vokazzjoni speċifika ta’ kull persuna.  In-Nisrani li, bħal Kristu, jagħraf jerfa’ salibu, isir kredibbli meta jħobb is-salib li qed jerfa’, għax hekk isir jixbah lill-Feddej fuq is-salib, hekk li jieħu sehem ukoll fil-glorja tal-qawmien tiegħu u fil-ħajja ta’ dejjem.

Il-ħajja tan-Nisrani b’xi mod bil-fors li hi Triq tas-Salib.  Minn Kristu li jġorr fuq spallejh is-salib jeħtieġ nitgħallmu s-sens tas-sagrifiċċju, tat-tbatija maħbuba u tat-tpattija għad-dnubiet.

 

Saċ  Mulej, is-salib li qed inġorru hu tqil, għinna int.

Kulħ    Mulej, is-salib li qed inġorru hu tqil, għinna int.

 

Meta l-bnedmin jitbiegħdu minnek u ma jirnexxilniex nuru mħabbtek lill-oħrajn.  Rit.

Meta l-bnedmin iħallu jmexxuhom liġijiet inġusti u immorali.  Rit.

Meta l-popli jissieltu bejniethom biex irekknu għalihom iżjed ġid f’din id-dinja.  Rit.

Meta ismek hu mkasbar u l-fidili tiegħek miġjuba fix-xejn.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, is-salib li int erfajt għalina jistedinna nimxu warajk, biex nerfgħu aħna wkoll is-salib tagħna warajk b’qawwa u umiltà.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

It-Tielet Stazzjon

Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

In-Nisrani, għax dgħajjef, diffiċli jevita li jaqa’ fil-mixja iebsa tal-ħajja.  Kull waqgħa hi ħaġa ta’ wġigħ il-qalb imma mhux traġika, sakemm hemm ir-rieda li wieħed jerġa’ jqum u jkompli tiela’.  Kif l-omm bis-sabar kollu tant drabi terġa’ terfa’ lil binha ċkejken mill-art, meta jkun qed imidd l-ewwel passi tiegħu, hekk il-Knisja, bis-sagrament tal-Penitenza, il-ħin kollu tqiegħed idha fuq min waqa’, biex jista’ jerġa’ jqum u jduq il-ħniena ta’ Alla.  Anki aħna jeħtieġ infittxu spiss din il-grazzja providenzjali fil-Qrar.

 

Saċ  Mulej, għinna nerġgħu nqumu mill-waqgħat tagħna.

Kulħ    Mulej, għinna nerġgħu nqumu mill-waqgħat tagħna.

 

Meta donnu kulħadd sar għadu tagħna u nibdew naqtgħu qalbna.  Rit.

Meta d-dnub u l-egoiżmu donnhom saru l-unika triq li fiha nistgħu nimxu.  Rit.

Meta madwarna jittrijonfa l-ħażen u jidher qisu kien xi ħaġa normali.  Rit.

Meta ngħaddu l-ġranet tagħna f’monotonija u bla ħeġġa ta’ xejn.  Rit.

Meta l-bnedmin ma jilqgħux id-don tal-imħabba u s-salvazzjoni tiegħek.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, il-waqgħat tagħna huma l-kawża tal-waqgħat tiegħek u t-toqol ta’ dnubietna hu t-toqol tas-salib tiegħek.  Għinna nsiru bnedmin aħjar biex nagħrfu nibdlu l-qalb tagħna.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Ir-Raba’ Stazzjon

Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Il-ħarsa ta’ Marija tiltaqa’ ma’ dik ta’ Ġesù.  It-tbatija ta’ din l-Omm hi wisq kbira.  Dan hu l-Iben il-waħdieni tagħha li bħalissa hi ma tistax tgħinu, ħlief billi ttenni l-kelmiet li kienet qalet lill-anġlu dak in-nhar tat-Tħabbira: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmtek” (Lq 1:38).  Skond il-profezija, Ġesù hu l-Qaddej ta’ Jaħweh, u ma jistax ħlief itenni lil Ommu dak li kien qal lill-Appostli: “Għal din is-siegħa ta’ tbatija ġejt jien”.  L-imħabba tiegħu għall-bnedmin twaħħdu għal kollox mal-Missier li jsawwab fuqna l-Ispirtu s-Santu.  Il-laqgħa bejn Ġesù u Marija fuq il-Golgota hi l-armonija tal-Ispirtu s-Santu mwettqa fiż-żewġt iqlub tal-Iben u tal-Omm, u għalina hi stedina biex inqiegħdu l-qalb tagħna f’sintonija mal-qalb ħanina ta’ Ġesù u mal-qalb bla tebgħa ta’ Marija.

 

Saċ  Mulej, agħmilna doċli bħal Ommok Marija.

Kulħ    Mulej, agħmilna doċli bħal Ommok Marija.

 

Meta r-rabja, il-mibegħda u l-vjolenza jaħtfu lil qalbna.  Rit.

Meta l-kburija ma tħalliniex naraw iżjed il-wiċċ tiegħek f’dak ta’ ħutna.  Rit.

Meta ninsew l-istediniet kollha mħabba ta’ Marija għat-talb u għall-penitenza.  Rit.

Meta, minħabba fl-egoiżmu tagħna, nirribellaw kontra s-superjuri tagħna, ħbiebna u l-istess familja tagħna.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, kemm drabi Ommok ġiet lura biex ittenni mħabbtek lill-bnedmin u kemm nies ma emmnux kliemha!  Għinna nemmnu u ngħixu l-fidi u l-imħabba tal-aħwa.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Il-Ħames Stazzjon

Iċ-Ċirinew jerfa’ s-salib ta’ Ġesù

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

L-ewwel ħsieb li jiġina f’moħħna hu li l-Madonna, meta rat l-għeja terribbli li Ġesù kien qed iħoss f’ġismu, talbet lill-Missier tas-Sema biex jibgħat xi għajnuna lil Binha.  Niddejqu naħsbu li l-unika persuna xortiha tajba li resqet biex tgħin lil Ġesù jerfa’ s-salib tiegħu lejn il-Kalvarju, iċ-Ċirinew, ġiet imġiegħla tagħmel dan b’ordni tas-suldati.  Għalina l-Insara hi stedina kontinwa biex ma noqogħdux nistennew iċ-ċirkustanzi jġagħluna ngħinu lil Ġesù jġorr is-salib tiegħu, imma noffru lilna nfusna bil-ferħ u hekk nieħdu sehem fil-missjoni tiegħu, u ngħaqqdu t-taħbit tagħna mal-ħidma divina li teħles id-dinja mid-dnub.

 

Saċ  Mulej, irridu nerfgħu s-salib miegħek.

Kulħ    Mulej, irridu nerfgħu s-salib miegħek.

 

Imdawrin kif aħna b’dinja sekularizzata u pagana.  Rit.

Meta x-xjenza u t-teknoloġija jwarrbu u jinsew il-valuri umani fundamentali tal-umanità.  Rit.

Meta l-midja tal-massa jistednuna għal ħajja komda li trid tieħu post l-imħabba u l-ġid veru tagħna.  Rit.

Meta kulħadd jitkellem dwar l-importanza tal-ġisem u r-ruħ hi minsija.  Rit.

Meta m’aħniex kapaċi nħarsu l-valuri Nsara preżenti fis-soċjetà tagħna.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, x’ferħ konna nħossu kieku kellna nkunu aħna t-twajjeb Ċirinew!  Għinna nifhmu li anki l-lum nistgħu ngħinuk terfa’ s-salib.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Is-Sitt Stazzjon

Il-Veronika tixxutta wiċċ Ġesù

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Dik il-mara żgur kienet taf li kienet qed tistieden xi daqqa ta’ ħarta mis-suldati, imma l-qalb nobbli tagħha ma setgħetx tissaporti iżjed id-dehra tal-istat li fih kien wiċċ l-ikkundannat, Ġesù ta’ Nazareth.  Imbiċċer mid-daqqiet li laqqat waqt l-interrogatorji ripetuti li kellu fis-Sinedriju u quddiem Pilatu, wiċċ Ġesù bil-ġrieħi jnixxu d-demm jiġi xxuttat minn din il-mara qalbiena li toffrilu ġest ta’ ħlewwa u ta’ mħabba qalb tant vjolenza u mibegħda.  Dan il-wiċċ, li dwaru l-profeta qal: “Ħarsu sewwa u araw jekk hawnx hemm bħal tiegħi”, hu bħall-wiċċ tal-umanità miġruħa mid-dnub oriġinali u bid-dmija ħierġa minħabba fil-ħażen tal-bniedem.

Il-Veronika ġabret magħha x-Xbieha tal-wiċċ sofferenti ta’ Kristu l-Feddej li baqgħet stampata fuq il-maktur.  In-Nisrani jġorr ix-xbieha ta’ Kristu batut li l-marka tagħha fil-qalb tiegħu ma tistax titħassar.  Jalla l-wiċċ ta’ Kristu ma jiġix imbiċċer għal darb’oħra mid-dnubiet tagħna!

 

Saċ  Mulej, stampa l-wiċċ tiegħek fuq qalbna.

Kulħ    Mulej, stampa l-wiċċ tiegħek fuq qalbna.

 

Meta ninsew li wiċċek jinsab f’wiċċ ħutna.  Rit.

Meta l-wiċċ tiegħek jibqa’ jiġi anki l-lum imsawwat u mbiċċer kollu dmija.  Rit.

Meta l-wiċċ tiegħek li jidher, li hi l-Knisja, hu mgħajjar u żżuffjettat.  Rit.

Meta l-istorja tagħna hi mimlija bl-inġustizzji, l-uġigħ, l-abbuż tal-poter u t-tbatija.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, il-wiċċ tiegħek kollu dawl, li ġibed lejh tant ġmiegħi, issa hu mimli bid-dmija, imma xorta jibqa’ jiġbed erwieħ għatxana għall-imħabba.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Is-Seba’ Stazzjon

Ġesù jaqa’ għat-tieni darba taħt is-salib

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Spiss jiġri lilna wkoll li ngergru: “Minkejja l-intenzjonijiet tajba kollha tiegħi, nispiċċa nerġa’ naqa’ dejjem fl-istess żbalji jew saħansitra fl-istess ħtija”.  Anki Ġesù jaqa’ għat-tieni darba u mbagħad anki għat-tielet, taħt it-toqol tas-salib.  Ma rridux naqtgħu qalbna dwar il-ġejjieni.  Inħarsu lejn Ġesù, u fih insibu l-kuraġġ li nerġgħu nqumu u nissoktaw bil-mixja tagħna.

Is-suldati ġagħlu bid-daqqiet tal-frosta lill-Feddej tagħna jerġa’ jqum.  Anki l-waqgħat tagħna huma għalina kawża ta’ umiljazzjonijiet u penitenzi ġodda, u ħa jkunu fuq kollox kawża ta’ proponimenti u impenji ġodda fil-ħajja tagħna.

 

Saċ  Mulej, aħna l-ħin kollu naqgħu, għinna int.

Kulħ    Mulej, aħna l-ħin kollu naqgħu, għinna int.

 

Meta t-tentazzjoni donnha trid tegħleb ir-rieda u l-fedeltà tagħna.  Rit.

Meta l-ħajja turina toroq ħfief u li jaqblilna, imma li huma mibnija fuq il-ħażen.  Rit.

Meta l-vjolenza u l-abbuż jidhru li qed jerfgħu rashom fuq it-tajjeb.  Rit.

Meta nibżgħu nkunu Nsara veri u nonqsu milli nagħtu xhieda sħiħa.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, aħna nemmnu fik u fil-kelma tiegħek, imma d-dinja qed turina toroq oħra komdi u ħfief biex nimxu fihom. Għinna nagħrfu nagħżlu b’koerenza u kuraġġ.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

It-Tmien Stazzjon

Ġesù jfarraġ in-nisa ta’ Ġerusalemm

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Anki jekk l-intenzjoni tan-nisa fit-Triq tas-Salib żgur li kienet waħda tajba, huma ma kienx qed jirnexxielhom jaraw lil hemm minn dak li jidher, ma kellhomx il-ħila jaqraw x’kienet ir-raġuni vera tas-sagrifiċċju tal-Feddej; għalhekk Ġesù jwiddibhom u jitfa’ ħarstu fuq uliedhom biex għalihom ma jkunx sar għalxejn is-sagrifiċċju li hu qed iwettaq b’rieda ta’ Alla l-Missier.

Fuqna l-Insara jaqa’ d-dmir li naraw li s-sagrifiċċju ta’ Kristu jħalli l-frott.  Dan l-istazzjon tat-triq ta’ tbatija hu għalina lkoll stedina għal eżami tal-kuxjenza fuqna nfusna u fuq is-soċjetà li biha aħna mdawra biex nifhmu aħjar fuq min għandna nibku u fuq min għandna nixħtu l-ħarsa tagħna ta’ ħniena.

 

Saċ  Mulej, farraġ il-qalb imħabbta tagħna.

Kulħ    Mulej, farraġ il-qalb imħabbta tagħna.

 

Meta fina hemm tant dlam u ma nistgħux naraw it-triq li toħroġna mid-dalma.  Rit.

Meta l-għedewwa tagħna marru minn fuq u fuqna reġa’ waqa’ r-riħ tal-kalunnja u l-malafama.  Rit.

Meta ħbiebna telquna u kulħadd sar barrani għalina u jdawwar wiċċu minna.  Rit.

Meta d-dalma tal-lejl hi qawwija u nibdew naħsbu li l-istorja tagħna waslet biex tintemm.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, int biss tista’ tfarraġ lil ruħna, int tagħmlilna ħaqq, int iċ-ċertezza tagħna.  Għinna biex ma nitbiegħdu qatt minnek.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Id-Disa’ Stazzjon

Ġesù jaqa’ għat-tielet darba taħt is-salib

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Kemm hu minnu dak li qal Santu Wistin: “Peccare humanum est, perseverare diabolicum”!  Nistgħu ngħidu li hu uman li taqa’ u terġa’ taqa’ taħt is-salib tiegħek; imma Kristu l-Bniedem-Alla jgħallimna nerġgħu naqbdu t-triq b’mod divin, jiġifieri nerġgħu nqumu fuq saqajna u nkomplu t-telgħa.  Dan hu dmir li għandna quddiem l-identità tagħna bħala Nsara u quddiem tant erwieħ li l-Mulej iqiegħed quddiemna fl-istorja tagħna.  Hu anki dmir li għandna lejna nfusna, biex il-ħażin ma jirbaħx fuq it-tajjeb u l-istorja tagħmel ħaqq ma’ min żamm sħiħ fil-fidi u fil-fedeltà.

 

Saċ  Mulej, għinni nitbiegħed mid-dnub.

Kulħ    Mulej, għinni nitbiegħed mid-dnub.

 

Meta l-ħajja tħajjarna biex naqblu mal-ħażin.  Rit.

Meta d-dinja titbiegħed mill-verità.  Rit.

Meta l-ħażen jiġi ppreżentat bħala tajjeb u d-dnub bħala xi ħaġa konvenjenti.  Rit.

Meta ħajjitna hi miġjuba fix-xejn mill-bnedmin u nkunu rridu nirribellaw.  Rit.

Meta kulħadd jitkellem kontrina u s-setgħat tal-ħażen jidhru li ħa jirbħu l-battalja.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, id-dnub ikompli jitturmenta r-ruħ tagħna u jipprova jbellagħhielna li hu biss jista’ jagħtina l-ferħ.  Għinna negħlbu l-waqgħat tagħna u nagħrfu kif nerġgħu nqumu mill-ġdid.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

L-Għaxar Stazzjon

Ġesù mneżża’ minn ħwejġu

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Qabel ma ġie msammar mas-salib, il-Feddej ġie mneżża’ mill-umanità li hu rċieva mill-Verġni Marija.  Meta tneżża’ minn ħwejġu, hu wettaq is-sagrifiċċju sħiħ tiegħu u stedinna, bl-eżempju tiegħu, biex ninżgħu l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, inwarrbu kull mod ta’ ħsieb sekularizzat, biex inkunu “fid-”dinja imma mhux “tad-”dinja.  Aħna biss ta’ Alla!  Dmirna ta’ ħbieb u aħwa ta’ Ġesù hu li ninħelsu mill-imbarazz żejjed kollu tal-umanità u tal-ħażen.

 

Saċ  Mulej, irridu nkunu tiegħek biss.

Kulħ    Mulej, irridu nkunu tiegħek biss.

 

Meta niġu mċaħħda minn kull dritt tagħna.  Rit.

Meta kull ħaġa li għandna tidhrilna bla siwi.  Rit.

Meta l-inġustizzji soċjali jfaqqru lill-popli.  Rit.

Meta l-Knisja tistedinna nagħmlu l-għażla tal-faqar.  Rit.

Meta l-ġustizzja u l-paċi huma mkasbra u mormija.  Rit.

Meta l-jien tagħna jiġi umiljat u offiż.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, l-umanità tiegħek sfat miġruħa qabel ma ġie mislub il-ġisem tiegħek.  Għinna nagħrfu negħlbu l-offiżi u t-tkasbir li sal-lum għadhom isiru kontra ħafna minn uliedek.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Il-Ħdax-il Stazzjon

Ġesù msammar mas-salib

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Ġesù jagħżel l-aktar mewt kiefra li qatt ingħatat fl-istorja tal-umanità, il-mewt tas-salib.  Hu l-misteru tal-idejn u tar-riġlejn minfuda li mbagħad hu kellu juri lill-Appostli u lil San Tumas, dubjuż, biex imissuh, bħala prova tal-Qawmien tiegħu.  Bil-ġisem glorjuż tiegħu Ġesù kellu jidħol fiċ-Ċenaklu minn ġol-bibien magħluqa, biex jurina li fis-Sema, fuq il-leminija tal-Missier, kien qed iġorr il-pjagi tal-idejn u tar-riġlejn, li hu kien ġarrab fit-tislib tiegħu, bħala prova tar-rebħa tiegħu fuq il-mewt u tal-Fidwa defenittiva tal-bnedmin kollha.

Minn ġot-toqob li ħallew l-imsiemer fl-idejn u r-riġlejn ta’ Ibnu, Alla l-Missier jista’ jħares lejn kull bniedem, u hekk hu jidher bħala Missier il-ħniena li hu.  Anki aħna, ulied ta’ mħabba hekk ħanina, għandna nħarsu lejn kull wieħed u waħda minn ħutna minn ġo dawn il-ġrieħi tas-salvazzjoni.  Din hi l-ħarsa li għad teħodna l-Ġenna.

 

Saċ  Mulej, ħa jkunu l-pjagi tiegħek il-fidwa ta’ ruħna.

Kulħ    Mulej, ħa jkunu l-pjagi tiegħek il-fidwa ta’ ruħna.

 

Meta nikkontemplaw it-tbissima ta’ wiċċek.  Rit.

Meta nħarsu lejn it-toqob ta’ jdejk u ta’ riġlejk.  Rit.

Meta naraw il-ġerħa tal-kustat tiegħek.  Rit.

Meta nilmħu l-kuruna tax-xewk, sinjal tar-regalità li biha fdejtna.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù li, imsammar mas-salib, toħroġ dirgħajk biex tiġbor u tħaddan miegħek lil kull bniedem, għinna nkunu missjunarji tal-Vanġelu fir-rabta ta’ merħla waħda u taħt it-tmexxija ta’ ragħaj wieħed.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

It-Tnax-il Stazzjon

Ġesù jmut fuq is-salib

u mill-kustat tiegħu jnixxu demm u ilma bħala xhieda tal-Akbar Imħabba

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Ġesù jidħol fl-agunija.  Jagħti ħajtu u jerħi ruħu f’idejn il-Missier, imut jaħfer lill-qattiela tiegħu.  Jiġi minfud minn lanza u d-dinja hekk tagħraf l-imħabba bla tarf tal-Qalb ta’ Ġesù li għall-fidwa tal-bnedmin lesta li toffri kollox, sa l-aħħar qatra ta’ demmu.

Bħalma fil-Ġenna tal-Art, mill-kustat ta’ Adam, Alla jnissel lil Eva, “omm il-ħajjin”, hekk il-kustat minfud ta’ Ġesù jnissel lill-Knisja biex anki hi tnissel għall-grazzja lil kull min jgħix.  Hekk nifhmu l-valur sħiħ tal-kelma ta’ Ġesù lil Pietru f’Ċesarija ta’ Filippu: “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi”.  Il-Knisja tkun kollha kemm hi tiegħu għax tnixxi mill-Qalb tiegħu.  Tkun Knisja umana u divina fl-istess ħin, għax tnixxi mill-Qalb ta’ Ġesù, bniedem u Alla.  Inħobbuha lill-Knisja u ngħixu għaliha billi ningħataw kollna kemm aħna.

 

Saċ  Mulej, aħna l-Knisja tiegħek.

Kulħ    Mulej, aħna l-Knisja tiegħek.

 

Meta nħossuna waħidna u minsija.  Rit.

Meta ma nifhmux il-firdiet li jeżistu madwarna.  Rit.

Meta nfakkru l-preżenza tiegħek fiċ-Ċenaklu.  Rit.

Meta l-mewt tiegħek tmiss il-qalb ta’ xi persuna.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, il-mewt tiegħek fuq is-salib hi biss il-bidu tas-salvazzjoni.  Għinna ningħataw kif għamilt int u nkunu ħabbâra qawwija tal-mewt tiegħek li biha fdejt id-dinja.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

It-Tlettax-il Stazzjon

Ġesù mniżżel mis-salib f’dirgħajn Ommu

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Qatt ma nistgħu nixbgħu nammiraw biżżejjed il-fidi ta’ Marija li, hi u żżomm fi ħdanha l-ġisem bla ħajja u hekk terribbilment imbiċċer ta’ Binha, qatt ma ġieha dubju mill-Qawmien tiegħu.  Ġesù kien qal: “Fit-tielet jum nerġa’ nqum”.  Mhux ta’ b’xejn Eliżabetta kienet karbet bil-ferħ dak in-nhar taż-żjara tagħha: “Hienja int li emmint kull ma bagħat jgħidlek il-Mulej” (Lq 1:45).

Aħna msejħin nitrawmu fl-istess fidi billi ntennu: “Hienja int li emmint”.  Ġesù għadu fid-dirgħajn tiegħek kollha mħabba, Marija, u ħarstek tistrieħ fuq il-membri bla ħajja tal-ġisem tiegħu, imma int taf li l-ħajja ta’ Alla ma tmut qatt, u int l-ewwel waħda li, bil-fidi tiegħek, sa minn qabel tħabbar lid-dinja li l-Irxoxt għad jimla l-istorja bil-preżenza tiegħu, li għad jagħti sens lil kull ħaġa, biex tirbaħ il-ħajja u l-mewt tintrebaħ għal dejjem.

 

Saċ  Mulej, int irbaħt fuq il-mewt.

Kulħ    Mulej, int irbaħt fuq il-mewt.

 

Meta jidher li l-ħażen rebaħ l-aħħar battalja.  Rit.

Meta d-dubju u t-tentazzjoni jimlew il-ħsibijiet tagħna.  Rit.

Meta l-ħajja tintemm u donnu m’hemm xejn iżjed warajha.  Rit.

Meta l-għeżież tagħna jħalluna waħidna.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, id-dirgħajn ta’ Ommok Marija, għal darb’oħra, dawruk bi mħabba u għożża.  Għin lilna lkoll biex inkunu doċli għar-rieda ta’ Alla l-Missier u ġenerużi fit-twettiq tal-pjan tiegħu ta’ mħabba għal kull bniedem.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

L-Erbatax-il Stazzjon

Ġesù midfun fil-qabar

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Il-fidi ta’ Marija tgħaddi minn prova iktar qalila.  Blata kbira tgħatti d-daħla tal-qabar.  Is-siġilli tas-Sinedriju u s-suldati ta’ Pilatu jitqiegħdu fid-daħla.  Spiċċa kollox?  Hekk jibdew jaħsbu l-Appostli, mimlijin biża’ u qalbhom maqtugħa.  L-għada ma’ sbiħ il-jum in-nisa twajba jmorru ħdejn il-qabar biż-żjut prezzjużi tagħhom.  Għall-ewwel darba l-Madonna m’hix magħhom; hi taf li l-qabar hu diġà vojt.

San Karlu Borromeo, l-ewwel wieħed li daħħal fl-Ewropa l-Via Crucis, li tradizzjonalment kienet ilha sekli sħaħ tinżamm f’Ġerusalemm bl-erbatax-il stazzjon, immedita fit-tul fuq dan l-erbatax-il wieħed.  F’ħafna pajjiżi tal-Ewropa twaqqfu santwarji bl-isem ta’ “Calvaria”, li kont tasal għalihom b’telgħa.  Il-Qdusija Tiegħu Ġwanni Pawlu II, li meta kien għadu żgħir missieru kien ħadu f’Kalwaria-Zebrzydowska, baqa’ sa l-aħħar, fil-kappella privata tiegħu, jagħmel l-erbatax-il stazzjon tal-Via Crucis, tal-inqas darba fil-ġimgħa.  Ejjew nimitawh, għax il-Kalvarju hu skola ta’ sagrifiċċju, hu skola ta’ identità, hu skola ta’ qdusija.

 

Saċ  Mulej, irridu nkunu qaddisin.

Kulħ    Mulej, irridu nkunu qaddisin.

 

Meta kollox ikellimna dwarek.  Rit.

Meta nħallu din il-ħajja u niġu biex nidhru quddiemek.  Rit.

Meta l-ħwejjeġ tad-dinja ma jibqgħalhomx valur.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, il-qabar deher bħallikieku kien l-aħħar għamara tiegħek, imma ma kienx hekk.  Nitolbuk li tgħix u tgħammar dejjem fina u f’kull min jemmen fik.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Il-Ħmistax-il Stazzjon

Ġesù jqum mill-mewt

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

In-nisa raw li ġisem il-Mulej ma kienx għadu hemm u ħasbu li kien serqu xi ħadd.  Marija ta’ Magdala talbet lil wieħed li ħasbitu l-ġennien biex iġibilha lura l-ġisem ta’ Ġesù, imma kien sewwa sew hu l-Mulej u wrieha lilu nnifsu.  Imma l-aktar esperjenza qawwija għexha l-Appostlu Ġwanni, li meta wasal fil-qabar, daħal wara Pietru u “ra u emmen”.

Il-Ġisem tal-Mulej ma kienx insteraq; fil-qabar kollox kien f’postu, imma fuq ġewwa tal-faxex bħal donnu kien vojt.  Dak li kien idawwar il-ġisem tal-Mulej kien baqa’ bla minsus, imma b’għaġeb kbir kien vojt, mitluq fuq il-ġebla tal-qabar.  L-Irxoxt jegħleb il-limiti taż-żmien, tal-materja u tal-ispazju.

“Nemmen fil-qawma mill-imwiet u fil-ħajja ta’ dejjem”.  Aħna l-Insara għandna nixxennqu li nkunu f’dirgħajn din l-Omm li tana Ġesù mis-Salib biex nistgħu b’qalbna kollha ngħidulha: “Totus tuus ego sum!”.

 

Saċ  Mulej, qalbna hi kollha għalik.

Kulħ    Mulej, qalbna hi kollha għalik.

 

Meta bl-ilma tal-Magħmudija nsiru ħlejjaq ġodda.  Rit.

Meta nisimgħu l-kelma tal-ħajja tiegħek.  Rit.

Meta tagħtina l-grazzja tal-ħniena tiegħek.  Rit.

Meta nitrejqu bil-ġisem u d-demm tiegħek.  Rit.

Meta nimtlew bid-don tal-Ispirtu Qaddis tiegħek.  Rit.

Meta tidlikna biż-żejt tal-konsagrazzjoni.  Rit.

Meta tilqa’ l-iva tagħna ta’ mħabba eterna.  Rit.

Meta taqbdilna jdejna u twassalna għandek.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, il-qawmien tiegħek fetaħ beraħ il-bibien tal-Ġenna u tana ċ-ċertezza li int ma titlaqniex, li tridna qrib tiegħek u li int Alla li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.

 

 

6.

It-Triq tas-Salib tal-bniedem

Testi u meditazzjonijiet ta’ Dun Mario Pieracci. Traduzzjoni ta’ Francesco Pio Attard

 

 

L-Ewwel Stazzjon

Il-bniedem ikkundannat għall-mewt mill-ħażin

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Il-ġmiel tal-ħolqien mixtieq minn Alla, il-meravilji li ħalla f’idejn il-bniedem, l-intelliġenza u r-ruħ maħluqa fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla u mqiegħda fil-bniedem, inisslu l-għira qalila ta’ Luċifru li, għalkemm kien l-aktar intelliġenti fost l-anġli, ma riedx jaċċetta l-limiti tal-essenza tiegħu u ħaseb li seta’ jiġġudika l-għemil ta’ Alla u ppretenda li jaf il-misteru kollu tiegħu.

Il-kburija tiegħu għamietu u r-ribelljoni tiegħu kissret ir-rabta bejn Sema u art.  Issa hu għaraf l-iżball etern tiegħu, u jrid ikaxkar miegħu kull ħaġa oħra fl-abbiss tal-ħażen, speċjalment lill-bniedem.  Jekk jirnexxielu f’dan, ikun qed juri bl-ogħla mod ir-ribelljoni u l-wirja l-aktar ċara tal-mibegħda li għandu lejn Alla.

 

Saċ  Il-ħażen m’hux sa joħroġ rebbieħ.

Kulħ    Il-ħażen m’hux sa joħroġ rebbieħ.

 

Meta l-qawwiet tal-ħażen donnhom jegħlbu lil ħajjitna u kollox jidher ġej fix-xejn, fakkarna li:  Rit.

Meta l-istess bnedmin jiġġustifikaw ruħhom għall-abbużi u l-vjolenzi li jagħmlu, fakkarna li:  Rit.

Meta l-popli jagħmlu gwerer bejniethom u kollox madwarna jidher maħkum mit-terrur u l-biża’, fakkarna li:  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, l-umanità hi l-ħin kollu mġarrba u kkundannata mill-ħażin.  Eħlisha darba għal dejjem mit-tentazzjonijiet u mill-preżenza tad-dnub.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

It-Tieni Stazzjon

Il-bniedem mogħti d-don tal-libertà:

biex jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

“Intom qiskom bħal Alla, tistgħu tagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn il-ħajja u l-mewt, bejn il-ferħ u n-niket, bejn il-paċi u l-gwerra, bejn l-imħabba u l-mibegħda”.  Nista’ nagħżel, nista’ nħaddem b’mod sħiħ il-libertà tiegħi, nista’ nuri li jien neżisti u, jaħsbu x’jaħsbu l-oħrajn, nista’ ngħid kif naħsibha jien, imma nista’ wkoll nikkundizzjona l-istorja tiegħi u tal-oħrajn.

Imma l-libertà tiegħi tieqaf hemm fejn tibda dik tal-ieħor, il-libertà ta’ min għandi maġenbi.  Mela l-libertà tiegħi trid tgħix mal-libertà tal-bnedmin l-oħra kollha.  Mela m’hux veru li nista’ nagħmel dak kollu li jidhirli, dak li jogħġobni l-iżjed jew dak li rrid.  Jekk dan nagħmlu bla ma nagħti kas ta’ xejn u ta’ ħadd, inkun infieri l-libertà tal-oħrajn.

Matul l-istorja, kemm rajna eżempji ta’ vjolazzjoni tal-libertà tal-oħrajn: l-iskjavitù, ir-razziżmu, l-ittraffikar sesswali, il-klandestinità.  Jekk fl-għażliet ħielsa li nagħmel ma jkunx hemm il-ġustizzja ta’ Alla, dawn m’huma għażliet ħielsa xejn!

 

Saċ  Il-libertà hi li nagħżlu lilek, li int l-ogħla ġid.

Kulħ    Il-libertà hi li nagħżlu lilek, li int l-ogħla ġid.

 

Meta l-libertà tidher imxejna minn dawk ta’ madwarna, Mulej, fakkarna li:  Rit.

Meta l-ubbidjenza u t-tiġrib jiswewlna prezz għoli, Mulej, fakkarna li:  Rit.

Meta diffiċli nħobbu l-proxxmu tagħna, Mulej, fakkarna li:  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, il-libertà hi don tiegħek, imma anki responsabbiltà fuq il-bniedem.  Agħmel li kull bniedem jirrispetta dan id-don u jħabrek biex jgħix kull responsabbiltà li ġejja minnu.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

It-Tielet Stazzjon

Il-bniedem jaqa’ taħt it-toqol tal-ewwel qtil ta’ ħuh

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Adam u Eva taw il-ħajja lil żewġ ulied: Kajjin u Abel; il-karattru tagħhom, il-mod ta’ kif kienu jaħsbuha kien kważi identifikazzjoni ta’ wieħed mal-ħażin u tal-ieħor mat-tajjeb.  Kajjin: għajjur, iħobb il-ġlied, ribelli, vjolenti u xħiħ.  Abel: trasparenti, ġeneruż, ferrieħi u rikonoxxenti.  Kajjin il-ħażin.  Abel it-tajjeb.  Il-ħażin joqtol lit-tajjeb għax b’hekk jaħseb li jista’ jiġġustifika l-kefrija tiegħu.  Kajjin iqaċċat lil Abel biex jevita li kull darba joqgħod jikkonfronta ruħu miegħu.

Il-ħażin m’għandux pjaċir bil-preżenza tat-tajjeb għax hu jrid li jidher hu bħala tajjeb, bħala l-unika realtà possibbli u għalhekk l-unika waħda li l-umanità tista’ tgħix.

 

Saċ  Imġarrba mill-ħażin, nafdaw fik, Mulej.

Kulħ    Imġarrba mill-ħażin, nafdaw fik, Mulej.

 

Meta l-ħażen donnu jidher l-unika triq li nistgħu nterrqu, fakkarna li:  Rit.

Meta l-ħażin joqtol lit-tajjeb, fakkarna li:  Rit.

Meta kull ma għandna madwarna jħajjarna għall-mibegħda u l-għira, fakkarna li:  Rit.

Meta t-triq tal-ħażin tidher eħfef minn dik tat-tajjeb, fakkarna li:  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, l-umanità sfat vittma tal-għira u l-mibegħda.  Agħmel li dejjem nagħrfu naraw it-tajjeb f’kull ħaġa u niskopru dak li hemm tajjeb f’kull wieħed u waħda minn ħutna.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Ir-Raba’ Stazzjon

Il-bniedem jiltaqa’ ma’ Marija medjatriċi ta’ kull grazzja

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Ġesù fdana lkoll f’idejn Ommu Marija meta, x’ħin urieha lil Ġwanni, qalilha: “Mara, hawn hu ibnek”.  Aħna lkoll miġbura u rrappreżentati fi Ġwanni.  Marija hi l-bieb tas-Sema, l-ankra tas-salvazzjoni tagħna, il-medjatriċi ta’ kull grazzja u ma tehda qatt twissi lilna wliedha u tistedinna bil-ħlewwa biex nimxu wara Ġesù.

F’Fatima l-Madonna stqarret lit-tlitt itfal li “ma kienx qed jirnexxielha iżjed iżżomm id Binha milli ssawwat l-umanità”.  Marija tinsab magħna, dejjem tiddefendina u trid issalvana.  Hi t-triq tal-grazzji impossibbli li niksbuhom minn għand Alla.  Hi l-Omm tagħna, li, bħal fit-tieġ ta’ Kana, Binha Ġesù ma jafx jgħidilha le.

 

Saċ  Marija, int l-Omm tas-salvazzjoni tagħna.

Kulħ    Marija, int l-Omm tas-salvazzjoni tagħna.

 

Meta niddispraw u kollox jidher qed jitfarrak, fakkarna li:  Rit.

Meta t-tbatija ddgħajfilna r-rieda tagħna u l-ħajja donnha spiċċat, fakkarna li:  Rit.

Meta naraw il-ħażen jittrijonfa u s-sinjali tal-fidi mkasbra u mxejna, fakkarna li:  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, int tajt lil Marija bħala don lill-bnedmin, biex bil-ħlewwa tagħha ta’ Omm, iċċanfar l-iżbalji tagħna u tqabbadna mill-ġdid it-triq tiegħek.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Il-Ħames Stazzjon

Il-Knisja terfa’ s-salib fuq il-passi ta’ Ġesù

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Kristu ried li warajh, xi rġiel fqajra, l-Appostli, jissoktaw itennu lid-dinja li Alla jħobbha.  Dinja u umanità li riedu tliet sekli biex jilqgħu l-Vanġelu.  Kemm martri taw ħajjithom f’isem Ġesù, kemm ġew imsallba bħalu, kemm ġew imbiċċra mill-bhejjem, kemm imħaġġra!  Imma l-vjolenza u l-kefrija umana ma lissnux l-aħħar kelma.  Id-don tal-ħajja u d-demm li xarrab l-art nisslu lill-Knisja xhud ta’ Kristu li sal-lum għadha terfa’ s-salib tal-Mulej.  Hi taf tagħti ħajjitha għax-xandir tal-Vanġelu.  Intemm it-tieni millennju u marru miegħu l-martri li dawlu l-istorja tiegħu.  Għadu kemm beda millennju ġdid u d-demm tal-Insara għadu jaħsel l-art u jiċċarċar għall-imħabba ta’ Ġesù.  Il-qawwa tal-martri hu Ġesù Ewkaristija li jimla lil ħajjithom bil-preżenza tiegħu u huma jsiru ħaġa waħda miegħu.

 

Saċ  Fejn insibu paċi u tama żgura jekk mhux madwar il-mejda tal-Mulej?

Kulħ    Fejn insibu paċi u tama żgura jekk mhux madwar il-mejda tal-Mulej?

 

Qalb it-tbatija kkawżata minn dinja li l-ħin kollu titlobna nagħtu raġuni tal-fidi tagħna:  Rit.

Fil-ħajja ta’ kuljum mimlija b’inkoerenza u dubji:  Rit.

Qalb il-paganiżmu li dejjem jikber madwarna:  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, anki l-lum il-Knisja terfa’ s-salib tiegħek biex id-dinja temmen.  Agħmel li kull sforz għax-xandir tal-Vanġelu jiġi ppremjat bit-twaħħid ta’ iktar erwieħ tajba mar-rieda tiegħek.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Is-Sitt Stazzjon

Il-Fraternità Universali tixxutta wiċċ il-bniedem

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Umanità li tbati, umanità li ġġarrab inġustizzji fis-skiet u fil-moħbi, umanità bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja u tal-ħobż ta’ kuljum, umanità li qed tfittex lil Alla, dan hu li qed jimla d-dinja tal-lum.  Ftit għonja u ħafna foqra, ftit bl-abbundanza f’idejhom u miljuni kważi b’xejn, ftit sidien u ħafna lsiera.  Il-ftit li jiddeċiedu x-xorti tal-ħafna, ftit li jiddikkjaraw gwerra u ħafna li jmutu bla ma biss jafu għaliex.  Dan hu l-wiċċ tal-umanità li qed tgħajjat vendetta quddiem Alla.

L-imħabba universali tal-aħwa biss tista’ ġġib il-paċi u l-ġustizzja f’kull rokna tad-dinja.  Iċ-ċiviltà tal-imħabba biss tista’ tħażżeż mill-ġdid l-istorja tal-bniedem.  Il-maħfra reċiproka u l-kollaborazzjoni inkundizzjonata biss jistgħu jagħtu mill-ġdid it-tama lill-umanità.

 

Saċ  Ilkoll qaddisin, ilkoll aħwa.

Kulħ    Ilkoll qaddisin, ilkoll aħwa.

 

Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku l-bnedmin kollha kellhom jinħabbu!  Rit.

Kemm tkun ħaġa li timla l-qalb kieku l-ġid tad-dinja kellu jinqasam indaqs bejn kulħadd!  Rit.

Kemm tkun ħaġa rivoluzzjonarja kieku l-imħabba kellha tkun it-tweġiba tal-bniedem kull meta jsib min ma jifhmux!  Rit.

X’milja ta’ hena kieku Alla kellu jkun maħbub u mfaħħar minn kull qalb!  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, l-inġustizzji soċjali qed jgħajtu vendetta quddiemek.  Għinna nikbru fl-imħabba tal-aħwa kollha bejniethom u noħolqu dinja ta’ ġustizzja u ta’ paċi.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Is-Seba’ Stazzjon

Il-bniedem jaqa’ għat-tieni darba taħt it-toqol tal-ħażin

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Piju XII appella lill-Ġnus u qalilhom: “Bil-paċi kollox possibbli, bil-gwerra kollox mitluf”.  Kemm gwerer bdew u ntemmu, kemm demm iċċarċar, kemm ħajjiet tfarrku, kemm dmugħ xtered!  U dan kollu għaliex?  Għall-bilanċ bejn il-popli?  Għall-poter?  Għall-affermazzjoni tal-ideat filosofiċi ta’ naħa jew oħra?  Għall-pussess taż-żejt?

L-ebda waħda minn dawn il-motivazzjonijiet m’hi valida quddiem ħajja waħda biss li tintilef.  Anki l-lum id-dinja għadha maħbuta minn gwerer u vjolenza: f’isem il-fundamentaliżmu jinqerdu ħajjiet umani, popli sħaħ huma taħt it-terrur.  F’isem il-ġlieda kontra t-terroriżmu jinqatlu ħajjiet innoċenti.  Il-lum il-gwerra saret familjari u tidħol fil-djar tagħna b’mod puntwali waqt ħin l-ikel permezz tal-midja, imma ma tantx tmissilna qalbna.  Għall-bidu tqanqal fina sentiment ċkejken ta’ ħniena, imma ftit wara… ninsew kollox.  Il-ħajja tibqa’ għaddejja bil-ġlidiet tagħha, bit-telliefa u r-rebbieħa tagħha.

 

Saċ  Id-dgħufija, jekk ngħixuha fi Kristu, issir il-qawwa tagħna.

Kulħ    Id-dgħufija, jekk ngħixuha fi Kristu, issir il-qawwa tagħna.

 

Meta madwarna kollox jitkellem dwar vjolenza.  Rit.

Meta l-ħażen u l-inġustizzja nħossuhom jagħfsu fuqna.  Rit.

Meta jiġġudikawna bla ħila u dgħajfa għax ma niddefendux ruħna.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, il-vjolenza u l-gwerra m’humiex is-soluzzjoni għall-kontroversji tal-istorja.  Għin lill-bniedem jgħix il-paċi li tiġi biss minnek.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

It-Tmien Stazzjon

Il-bniedem, hu u jibki lil uliedu, hu mfarraġ min-nies ta’ Alla

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

“Ir-rivendikazzjoni tagħna laħqet il-quċċata tagħha, 1,200 persuna sekwestrati, fosthom mijiet ta’ tfal fl-ewwel jum tal-iskola tagħhom”.  Beslan fir-Russja l-lum hu sinonimu mal-mibegħda, mal-ġenn u l-attroċità.  L-ommijiet ta’ Beslan jibku lil uliedhom u ma jridux min isabbarhom.  Uliedhom m’għadhomx iżjed, kienu innoċenti mjassra mill-vjolenza, ittorturati sa l-aħħar nifs, maqtula huma u jippruvaw jaħarbu mit-terrur.

Imma din hi l-unika vjolenza li l-bnedmin sal-lum użaw fuq it-tfal?  Nistgħu ninsew il-miljuni ta’ aborti li saru grazzi għal liġi immorali?  Jew it-tifi tal-magna li żżomm ħajja persuna innoċenti?  Jew twelid bi prova wara li tkun ġiet immanipulata n-natura?  Is-suldati tfal jew it-tfal użati għas-sess?  L-umanità ma tirrispettahomx lit-tfal, ma tħobbhomx lit-tfal u tużahom għax-xewqat baxxi tagħha.

 

Saċ  X’futur, x’umanità hemm għal uliedna?

Kulħ    X’futur, x’umanità hemm għal uliedna?

 

Meta naraw it-tfal ivvjolentati u mitluqa, nistaqsu:  Rit.

Meta m’humiex rikonoxxuti d-dinjità u d-dritt għall-ħajja ta’ tarbija ġdida, nistaqsu:  Rit.

Meta l-liġijiet ma jgħinux lill-familja tikber u tagħti l-ħajja, nistaqsu:  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, int għidt: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi”.  Agħmel li d-dinja tagħraf id-dinjità tat-tfal u tħabrek biex huma jikbru f’familji mimlija mħabba.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Id-Disa’ Stazzjon

Il-bniedem jaqa’ taħt it-tentazzjoni għat-tielet darba

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

L-istess bħall-ewwel darba, l-umanità ċċedi mill-ġdid taħt it-tentazzjoni tal-egoiżmu tagħha.  It-tentazzjoni li taħkem id-dinja, li tmexxi hi l-futur tal-univers kollu, li tafferma l-qawwa tagħha u timponiha bl-armamenti tal-qerda tal-massa u bl-armi kimiċi.  Mod ġdid ta’ kif tagħmel gwerra, mod qarrier kif toqtol u teqred popli u pajjiżi sħaħ: virus qerriedi li joqtol fis-skiet u ma jidhirx.  Battalja bla ebda possibbiltà ta’ rebħa, battalja li tista’ ssejħilha: finali.  Forsi din għad tkun il-kawża ta’ tmiem id-dinja?  Tmiem li jikkawżawh il-bnedmin għax ma jifhmux lil xulxin.  F’seklu fejn il-komunikazzjoni tidher bħala t-triq li qed tmexxina, fejn il-mowbajls jagħmlu kollox, jiġbdu r-ritratti, jieħdu l-vidjows, iżommulek id-djajru, l-indirizzi u n-numri, jagħtuk l-aħbarijiet, fejn b’għafsa waħda fuq il-kompjuter tista’ tibgħat il-posta lid-dinja kollha issa stess, il-bniedem, fir-realtà, m’għadux jitkellem ma’ ħuh li jinsab maġenbu.  Sar diġitali, jikklikkja, jinnaviga u juża magni dejjem iżjed sofistikati, imma m’għadux jaf jitkellem b’xufftejh u b’qalbu ma’ min hu bħalu.

 

Saċ  Int it-tama tagħna, Mulej.

Kulħ    Int it-tama tagħna, Mulej.

 

Meta d-dinja titkellem b’lingwaġġi li ma jinftehmux mill-bniedem tal-fidi.  Rit.

Meta ċ-ċertezza tal-ħajja qed titbandal daqshekk.  Rit.

Meta nitolbu għal paċi fit-tul u minflok jagħtuna ftehim li jgħodd biss għal ftit żmien.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, dik li jmiss, forsi, għad tkun l-aħħar gwerra li naraw fuq din l-art.  Għin lil kull bniedem jifhem id-don tal-paċi li hu d-don tal-progress tal-popli u n-nazzjonijiet.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

L-Għaxar Stazzjon

Il-bniedem imneżża’ mill-istess umanità tiegħu

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

“X’inhu l-bniedem biex taħseb fih?”.

Misruqa minn darhom stess, mifruda mill-għeżież tagħhom, imqiegħda fuq karrijiet tal-bhejjem b’destinazzjonijiet mhux magħrufa, ġimgħat ta’ stennija u fl-aħħar tasal id-destinazzjoni: “Ix-xogħol jagħmilna ħielsa”.  Auschwitz!  Tined tal-injam, xogħol sfurzat, doċċi tal-mewt, fran għall-ħruq tal-katavri.  Il-bniedem neża’ l-umanità f’isem razza pura li kellha taħkem lid-dinja.  Jew tagħmel parti minn din ir-razza pura fejn kulħadd superman, jew m’hemmx post għad-dgħajfa qalb il-bnedmin ta’ din id-dinja.

Ta’ kull sena nfakkruhom is-sitt miljun Lhudi li mietu fil-kampijiet Nażisti, is-sitt miljun oħra żingari li mietu bl-istess mod; ma nistgħux ninsew lanqas it-tliet miljun Armen immassakrati minn popli oħra.  Kollha mqanqla mill-istess ġenn kollettiv li kultant idallam il-moħħ tal-bnedmin.  Bnedmin li jinsew li huma bnedmin u mhux allat, bnedmin li jisfidaw l-istorja u li ħadd ma jwaqqafhom, bnedmin li jħossuhom feddejja tal-umanità imma li fir-realtà jġibu t-tmiem tagħha.  Anki l-lum il-bniedem nesa l-umanità tiegħu, ibda mil-livelli l-aktar elementari: l-imġiba, il-lingwaġġ, il-ħsieb, il-lum il-bniedem m’għadux jaf li hu bniedem.

 

Saċ  X’nitolbu lill-Mulej li jibqa’ jiswa għal dejjem?

Kulħ    X’nitolbu lill-Mulej li jibqa’ jiswa għal dejjem?

 

Meta aħna mneżżgħin mid-dinjità tagħna.  Rit.

Meta l-mexxejja tal-popli jeħduna f’toroq li jwasslu għall-mewt.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, ħafna huma l-inġustizzji u l-abbużi ta’ poter li twettqu kontra l-umanità.  Qajjem fostna ħabbâra tal-ġustizzja u tat-tama.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Il-Ħdax-il Stazzjon

Il-bniedem imsammar mas-salib tal-ħażin

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Għaliex il-ħażen, għaliex il-vjolenza, għaliex il-mewt?  It-tweġiba hi waħda: għax id-Demonju jibqa’ jsawwat lill-bnedmin u jrid ineżżagħhom mill-imħabba ħanina ta’ Alla li dehret fi Kristu msallab.

Iva, dak hu, id-Demonju!  Ħafna jgħidu li ma jeżistix u meta jgħidu hekk ma jkunu jagħmlu xejn ħlief jilagħbu l-logħba maħmuġa tiegħu: jippruvaw ibellgħuha li ma jeżistix.  Min jaħseb hekk ikun jinjora wkoll (u dan hu gravi) il-verità tal-Vanġelu fejn ħafna drabi nsibu kif Ġesù keċċa d-demonji, ħeles minnhom lill-bnedmin u ddikjara li hu ġie biex jeħles lill-bniedem sewwa sew mill-qawwa u l-preżenza tiegħu.  Ix-Xitan hu l-kawża tal-mewt, tal-mard, tal-atroċitajiet, tal-inġustizzji, tal-abbużi, tal-ġuħ li jeżisti fid-dinja u tal-gwerer bejn il-popli.  Hu li jħeġġeġ l-imħuħ u l-qlub ta’ ħafna biex jingħalqu għat-tajjeb u għall-maħfra u jaqbdu triq il-ħażen.

Hu, il-qarrieq li, fl-aħħar tal-istorja tagħna, sa jixlina quddiem Alla għax inkunu smajna u qgħadna għal-leħen qarrieqi tiegħu.  Il-bniedem hu msammar mas-salib mix-Xitan, imma dan m’hux sa jirbaħ l-aħħar battalja.

 

Saċ  Il-ħażin jiġbidna, imma ruħna tittama fil-Mulej.

Kulħ    Il-ħażin jiġbidna, imma ruħna tittama fil-Mulej.

 

Meta l-qawwa tal-ħażin donnha tkun rebħitna.  Rit.

Meta kollox iħajjarna nilqgħu l-kompromessi tal-ħażen.  Rit.

Meta nħossuna bla siwi u mgħaffġa.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, għin lill-umanità msammra mas-salib tad-dnub biex tinħeles u tgħix biss fik.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

It-Tnax-il Stazzjon

Il-bniedem imut. Id-dnub u l-mewt donnhom rebħu

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Mgħaffġa mill-fanatiżmu, mill-illużjonijiet u mill-arroganza tal-ħażin, l-umanità tmut imkissra taħt it-toqol tal-vjolenza, tal-abbuż, tat-terroriżmu, tal-fundamentaliżmu, tal-idolatrija u tan-nuqqas ta’ valuri.  Il-ftit li baqgħu fidili lejn Alla huma ppruvati bħad-deheb imdewweb fil-forġa u, imsoffija, ixerrdu demmhom biex jagħtu xhieda ta’ Kristu u tal-messaġġ tiegħu ta’ mħabba u maħfra.

Il-ħażen ittrijonfa!  Id-dinja issa hi tiegħu!  Ix-Xitan rebaħ fuq Alla u qed iħares madwaru jitgħaxxaq bi tmiem il-ġusti u l-fidili tal-Mulej.  Għal darb’oħra: “Kollox mitmum”.  Imma, hekk kien fil-bidu tal-Knisja, hekk sa jkun fit-tmiem, wara t-taħbit il-kbir: id-demm imxerred fl-art iġib frott ġdid u minn qalb għadam il-mejtin iqumu ulied ġodda għal Alla.

 

Saċ  Il-mewt hi l-bidu ta’ ħajja ġdida.

Kulħ    Il-mewt hi l-bidu ta’ ħajja ġdida.

 

Meta madwarna naraw jittrijonfaw biss il-ħażen u l-abbuż, fakkarna li:  Rit.

Meta l-mewt donnha tkun ħassret kull tama, fakkarna li:  Rit.

Meta l-ħajja umana tasal fi tmiemha u ma nkunux irridu nitilquha, fakkarna li:  Rit.

Meta d-dinja tispiċċa u l-aħħar xhieda ta’ Alla tingħata mill-fidili tiegħu biċ-ċarċir tad-demm, fakkarna li:  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, il-mewt ma tistax tifridna minnek, għax id-dnub biss ibegħidna għal dejjem minn imħabbtek.  Agħmel li kull min jgħix, jagħraf jeħodha kontra l-ħażen u jagħżel lilek, li int l-ogħla ġid.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

It-Tlettax-il Stazzjon

Il-bniedem u l-Knisja mqiegħda f’dirgħajn Marija

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Fl-isbaħ waqtiet tal-istorja, dejjem iqumu dwal ġodda u deċiżivi, li ma nkunux nistennewhom, u li juru lill-bniedem it-triq li għandu jimxi fiha.  Huma l-qaddisin, il-bnedmin kbar tal-fidi li bil-kuraġġ u kontra l-kurrent jerġgħu jqabbdu lill-bniedem it-triq it-tajba.  Franġisku ta’ Assisi, Tereża ta’ Lisieux, Ġwanni Marija Vianney, Patri Piju, Madre Teresa ta’ Calcutta huma biss ftit minnhom.  Id-dawl tal-qdusija sħiħa u totali jiġi minn Marija Immakulata, Omm Ġesù.  Hi reġgħet ġiet fid-dinja, dehret u tkellmet ma’ erwieħ magħżula u umli li f’idejhom fdat xi messaġġi għall-umanità: Fatima, Lourdes, Sidtna ta’ Bonaria, Siracusa, Medjugorje, Guadalupe u ħafna postijiet oħra, għadhom qed itennulna l-lum ukoll il-messaġġ fundamentali li Marija tixtieq twassal lill-bnedmin: “Ikkonvertu, erġgħu lura għand Ibni Ġesù, agħmlu penitenza, itolbu u ħallu warajkom il-ħażen”.  Messaġġ li, jekk il-bniedem jisma’ minnu u jwettqu, ikun jevita gwerra dinjija, id-diżastri u l-vjolenza, u jagħti ħajja lil ċiviltà tal-imħabba mwaqqfa fuq il-ġustizzja.

 

Saċ  Induru lejn Marija, Omm tagħna.

Kulħ    Induru lejn Marija, Omm tagħna.

 

Meta nħossuna mirbuħa mill-ħażen.  Rit.

Meta kollox jidher spiċċa.  Rit.

Meta umanament ma fadalx tama.  Rit.

Meta anki ħbiebna telquna u ċaħduna.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, Ommok, il-Verġni Marija, hi dejjem qrib tagħna u bħala Omm tal-bnedmin kollha tfittex bla heda li twissina fl-iżbalji tagħna u terġa’ twassalna għandek.  Agħmel li hi trossna dejjem mal-qalb ħanina tagħha.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

L-Erbatax-il Stazzjon

Il-bniedem midfun u minsi

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

“Alla ma jeżistix!  Qatt ma eżista!  Hu l-loppju tal-popli.  Din kollha impostazzjoni qarrieqa tal-ħajja maħluqa b’ċerta arti minn min ried jikkontrolla l-kuxjenzi tan-nies għall-interessi tiegħu.  Imma x-xjenza, il-politika, il-progress, il-kultura, il-moderniżmu u s-sekulariżmu reġgħu xeħtu dawl fuq il-verità: il-bniedem hu alla!”.

Dan hu l-kredu ġdid tat-tielet millennju, dawn ir-raġunijiet biex naffermaw il-jien tagħna nfusna u l-egoiżmu tagħna, dan il-ħsieb filosofiku li jgħarrex fil-mentalità tal-ħajja ta’ kuljum u mingħajr ma spara ebda kolp daħal fil-qalb u anki fil-moħħ tal-umanità.

Il-bniedem spiċċa midfun taħt l-istess irmied tiegħu, il-bniedem mgħaffeġ mill-istess kliem tiegħu, il-bniedem miżmum ħabsi fil-ktajjen tal-istess idea tiegħu ta’ libertà, il-bniedem jgħix fid-dlam u jobgħod id-dawl.  Il-blata issa diġà tgerrbet fuq id-daħla tal-qabar tal-umanità u l-egoiżmu jikxef il-vanaglorji kollha tagħha: l-edoniżmu, il-flus, il-karriera, il-libertà inkudizzjonata, il-pussess tal-ġid, is-sess, l-arroganza u l-vjolenza.  Allura ntemmet għal kollox l-avventura tal-bniedem imsawra minn valuri u fidi fil-verità?

 

Saċ  Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, ma tagħmilx frott.

Kulħ    Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, ma tagħmilx frott.

 

Meta kollox madwarna jiċħad il-validità tal-valuri u tal-fidi, fakkarna li:  Rit.

Meta hu impossibbli mqar li nittamaw f’bidla tas-soċjetà, fakkarna li:  Rit.

Meta nbatu għax naraw kull valur mgħaffeġ u mkasbar, fakkarna li:  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Fis-skiet u d-dalma tal-qabar donnu kollox spiċċa u għad-dinja hekk hu.  Agħmel, o Mulej, li fi qlubna jibqa’ mixgħul il-musbieħ tal-fidi u tal-verità ta’ dejjem.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.


 

Il-Ħmistax-il Stazzjon

Il-bniedem iqum għal dejjem għal ħajja ġdida

 

Saċ  Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk.

Kulħ    Għax bis-salib imqaddes tiegħek fdejt id-dinja.

 

Lettur

Ma setgħetx tintemm hekk l-istorja tal-bniedem!  Ma setax ikun li l-ħażin jirbaħ il-battalja aħħarija!  Ma setax ikun li sar għalxejn is-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-Salib!  Anki jekk minn barra l-ħażen deher li għeleb it-tajjeb, dan kien biss fil-ġrajjiet tal-bnedmin u għaż-żmien li tah Alla, biex seta’ jipprova l-fidi ta’ wliedu.  Imma issa l-ħajja tittrijonfa u l-bniedem jitnissel għal ħajja ġdida.  “Smewwiet u art ġodda” fejn il-Mulej hu li jmexxina, fejn m’hemmx iżjed dmugħ jew dwejjaq, fejn hemm biss ġustizzja u sliem.  Umanità ħielsa għal dejjem mid-dnub li lil Alla waħdu għandha jmexxiha, il-karità hi l-istendard tagħha, u l-imħabba l-liġi tagħha.

Umanità li qamet mid-dnub u fl-aħħar tista’ tiddi bil-ġmiel, safi u qaddis, li qatt iżjed m’hu ħa jitteħdilha.

Il-Knisja għad tkun igglorifikata u wliedha jgħannu għal dejjem: “Qaddis, Qaddis, Qaddis il-Mulej Alla tal-Eżerċti”.

 

Saċ  Jiena nemmen, għad inqum!

Kulħ    Jiena nemmen, għad inqum!

 

Il-ħajja tittrijonfa u Alla jsaltan.  Rit.

L-umanità hi mġedda fil-fidi.  Rit.

Il-mewt ġiet mirbuħa għal dejjem.  Rit.

Il-Knisja: merħla waħda taħt Ragħaj wieħed.  Rit.

 

Saċ  Nitolbu: Mulej Ġesù, int biss stajt tagħmel dan l-għaġeb kollu, minn midinbin kif konna għamiltna ħutek u qaddistna f’Alla.  Agħmel li l-kontemplazzjoni ta’ wiċċek fil-ħajja ta’ dejjem tkun id-don tiegħek lill-bnedmin kollha.  Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Christus vincit, Christus regnat, Christus imperat.

 


7.

Is-Seba’ Duluri ta’ Marija

Kav. Joe M. Attard

 

Jekk l-Imgħallem Divin kellu jara Passjoni sħiħa sakemm ruħu nfirdet minn ġismu wara tliet sigħat ta’ agunija fuq għuda ta’ salib imsammar u mgħolli bejn żewġ ħallelin, xejn inqas ma batiet Ommu Marija tishar u tara lil Binha bla ma tista’ tagħmillu xejn.

 

Anzi forsi nistgħu ngħidu li jekk it-tbatija ta’ Ġesù bdiet mat-tliet snin tal-ħajja pubblika tiegħu fuq din l-art u laħqet il-quċċata tagħha mal-kelmiet “consumatum est” – “kollox mitmum” – dik ta’ Marija kellha l-bidu tagħha ferm u ferm qabel. Għalhekk ma niskantawx li din l-Omm tagħna ngħatawlha daqstant ismijiet għad-duluri li kellha tara.

 

Forsi għalina tas-seklu wieħed u għoxrin, l-isbaħ isem li nistgħu nagħtu lil Marija huwa “Salus Infirmorum” – “Saħħa tal-Morda” – u dan bir-raġun, għaliex il-bniedem ta’ żmienna huwa marid sewwa. Iżda għalkemm ninsabu mdawrin b’tant tobba, ħadd minnhom għadu ma sab tarf din il-marda li mhix waħda ekonomika bħalma jaħsbu ħafna. Lanqas mhi waħda soċjali inkella politika, bħalma jemmnu xi wħud. Il-bniedem modern huwa marid b’marda ferm iktar fonda u serja milli juru dawn is-sintomi li għadna kemm semmejna.

 

Għalkemm jidher li l-bniedem ma jonqsu xejn, u sab tarf ta’ kollox, għal kuntrarju huwa jonqsu l-aqwa ħaġa. Il-bniedem, fil-fond ta’ qalbu, jixtieq isib is-sigriet tal-vera paċi u tal-veru ferħ. Il-bniedem jixtieq jaf il-verità u għandu għatx kbir għal dak kollu li hu sabiħ. Il-bniedem ta’ żmienna jixtieq isib lil Alla li huwa l-għajn ta’ kull grazzja u ġid.

 

Jekk aħna ma ninżgħux il-bniedem il-qadim u nilbsu l-bniedem il-ġdid, m’aħniex sa naslu biex niltaqgħu mal-Feddej tagħna. Il-mediċina tal-vera paċi tahielna darba dak li llum huwa msejjaħ missier ir-relattività; il-bniedem li ħoloq il-bomba atomika. Il-Professur Albert Einstein qal li l-problema li qed iħabbat wiċċu magħha l-bniedem modern mhijiex dik tax-xjenza, iżda kif sa jirnexxilu dan il-bniedem ibiddel moħħu u qalbu. Dak li ġie biex jagħmel il-Battista; dak li ġie biex jagħmel Kristu nnifsu; dak hu li rnexxielu jagħmel l-ewwel Papa, San Pietru, meta mibdul kif kien, wara li niżel l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, ħareġ minn ġewwa ċ-Ċenaklu u għamel l-ewwel prietka tiegħu u kkonverta eluf ta’nies.

 

L-Omm tagħna Marija mhux forsi l-istess qed titlob minna?! Hija tixtieq tarana ninbidlu kompletament biex inkunu nistgħu nogħġbu lil Binha. Fid-dehriet tagħha ġewwa Pariġi fi Franza fl-1830 lil Katerina Labourè; ġewwa La Salette lil dawk it-tfal; ġewwa l-grotta ta’ Massabielle f’Lourdes fis-sena 1858; f’Pontmain 12-il sena wara u issa wkoll fis-seklu li għadu kemm ħalliena ġewwa l-Portugal – mhux l-istess ħwejjeġ dejjem talbet il-Verġni Mbierka?!

 

Din l-istess mara kellha wkoll iġġarrab duluri l-iktar kbar u profondi meta kienet għadha tgħix bejn l-erba’ ħitan ta’ darha flimkien ma’ Ġesù u l-mastrudaxxa Gużeppi, l-għarus kastissimu tagħha u l-missier putattiv ta’ Ġesù. Seba’ duluri kellha  u li fnewha sal-aħħar. Dawn id-duluri kienu ta’ tliet xorta. Marija sofriet fil-ħsieb tagħha għaliex kienet dejjem tistenna l-agħar li għandu jiġi. Li tgħix f’tensjoni kontinwa hi xi ħaġa li tista’ twassal għal ġenn, li therri n-nervi, li tkisser u ġġib fix-xejn il-qlub anke ta’ l-iprem azzar. Marija, imbagħad, sofriet fil-qalb tagħha għax kellha mħabba perfetta lejn binha Ġesù. It-tama tagħha kienet kollha fih; għaliha dan binha, kien l-alfa u l-omega, il-bidu u t-tmiem ta’ kollox. Marija sofriet ukoll fir-ruħ u r-rieda tagħha, għaliex hija kienet marbuta ħaġa waħda mal-volontà ta’ Alla. Il-fiduċja tagħha kienet biss fih u ma setgħet issib l-ebda faraġ fil-bnedmin, huma min huma.

 

Jeħtieġ li aħna naħsbu ta’ spiss fuq it-tbatijiet tagħha ħalli jkollna s-sabar u nsibu l-faraġ u l-hena fit-tbatijiet tagħna. Induru lejha fis-siegħa tat-tiġrib u tad-dwejjaq tagħna għaliex żgur li ħadd daqsha ma jista’ jifhimna u jagħdirna, hi li għaddiet minn baħar ta’ niket u hemm, u nitolbuha tgħinna kif għamel darba dak l-imnikket tal-poeżija fil-versi tal-poeta Rużar Briffa:

 

O Madonna tad-Duluri

Mhux il-ward

Jien fittixt ħa nsebbaħ darek

U nfewwaħlek lil altarek,

Imma x-xewk minn qalb ix-xagħri

U l-għollieq marrad, musfari,

O Madonna tad-Duluri,

Dana biss.

 

O Madonna tad-Duluri

L-oħrajn ġew

U bid-deheb għammru lil darek,

U bil-ħaġar sawwru altarek –

Jiena biss kont il-barrani,

Mingħajr ward u deheb il-għani,

Jiena biss!

 

O Madonna tad-Duluri

Ma stmerrejtx

Int l-imnikket ġewwa darek,

’Mma tbissimt minn fuq altarek,

Kollok ħlewwa, kollok ħniena,

Serraħt int lill-qalb għajjiena,

Inti biss!

 

Bir-raġun immela, fi tmiem il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, insibu tiddomina l-istatwa simpatika tad-Duluri, għaliex hija din l-Omm Imnikkta li torbot kollox; hija din l-Omm li ġarrbet waħidha t-tbatijiet ħorox ta’ Binha, seba’ duluri li raw il-bidu tagħhom ma’għeluq l-erbgħin jum mit-twelid taċ-ċkejken Ġesù sal-mewt u d-difna ta’ Kristu f’qabar li mank biss kien tiegħu.

 

Fil-ġżira Għawdxija, matul il-ġimgħa tad-Duluri, isiru iktar minn purċissjoni waħda bl-istatwa tal-Addolorata, xhieda sħiħa f’din l-Omm imnikkta. Fil-belt Victoria toħroġ waħda mill-knisja qadima ta’ San Ġakbu fejn insibu statwa tassew devota tagħha. F’din il-purċissjoni jieħu sehem l-Isqof Djoċesan u l-Fratellanza antika tad-

Duluri flimkien ma’ għadd kbir ta’ Nsara, ħafna minnhom mexjin ħafjin, sinjal ta’ penitenza inkella b’riżultat ta’ grazzji maqlugħa. Fix-Xewkija mbagħad, din il-Purċissjoni tieħu s-sura ta’ pageant, bid-daqq tal-banda, u tiġbed nies minn kull rokna tal-gżira. Naturalment dak li jgħodd għal Għawdex jgħodd ukoll bla dubju għall-gżira oħtna l-kbira, Malta. Darba nzertajt hemm u bqajt mistagħġeb bit-turija ta’ fidi u mħabba li għandhom ħutna l-Maltin lejn id-Duluri meta fil-purċissjoni bl-istatwa tagħha fil-Belt Valletta in-nies ma kontx tgħoddha.

 

Il-Ġiżwita Raoul Plus, fil-ktieb tiegħu “Mary, our Soul Life”, jirrakkonta leġġenda dwar “it-tmien dulur tal-Madonna”. Huwa jgħid li kien hemm raġel żagħżugħ li kellu drawwa li jżur id-Duluri kuljum. Darba fost l-oħrajn, disgrazzjatament, kien jinsab fid-dnub il-mejjet. Meta bħas-soltu mar iżur lill-Addolorata, ħa l-qatgħa ta’ ħajtu – lemaħ stallett ieħor f’sider Marija biswit is-sebgħa l-oħra. Bilġri mar jistqarr ħtijietu fi ħdan il-konfessur. Kbir kien il-ferħ tiegħu meta reġa’ lura f’riġlejn il-Madonna u sab li dak it-tmien dulur kien għeb.

 

Din hija biss storja iżda kemm għandha messaġġ qawwi għalina l-insara tas-Seklu 21! Għandna nagħmlu minn kollox biex lil din l-Omm tagħna mhux biss ma nżidulhiex mad-duluri tagħha, iżda nagħmlu ħilitna biex dawk li għandha nnaqsuhomlha jew talinqas intaffuhomlha mill-aħjar li nistgħu.

 

Ninsbu resqin lejn tmiem din il-kitba u għalhekk ħa nissellef xi ftit mill-vrus tal-poeta Rużar Briffa li huwa kiteb fl-1957 fil-poeżija tiegħu “Mater Dolorosa”, biċċa xogħol li tiddeskrivi t-triq imwiegħra li kellha tterraq Marija wara Binha sakemm ratu arbulat fuq salib tal-għuda f’agunija l-aktar ħarxa:

 

Fil-ħemda ta’ ġnejna mudlama

Taħt kenna ta’ xwejħa żebbuġa

Qed togħtor, bil-għaja miksura

Il-qalb minn ta’ bniedem mifluġa.

 

Kemm bogħod qiegħed jidher is-Sema

Fejn qiegħed isaltan Missieru

Fuq l-art qed tinfena Qalb Ommu

Dik l-Omm li għażillu Missieru.

 

U l-bniedem, li twieled bħal Bniedem,

Fil-ġuf minn tal-Mara magħżula

Xtaq jerġa’ ġol-kenna ta’ ġufha

Imbiegħed mis-slaleb u l-ħbula.

 

’Mma l-bniedem sab mewtu bħal bniedem

Imqaċċat mill-Omm li ħabbitu

Ħa jifdi lid-dinja qarrieqa

Li f’ġenn ta’ mibegħda sallbitu.

 

U l-Omm li minn dejjem magħżula

Biex twelled il-Bniedem bla dnub,

Għad-dnub ta’ ħaddieħor tilfitu

Imżeblaħ, għarwien u Mislub.

 

Din is-sena jien ukoll ktibt xi ftit vrus lid-Duluri waqt li darba minnhom kont mixħut quddiem l-istatwa tagħha li nsibu fil-knisja ta’ San Ġakbu fi Pjazza Indipendenza, Victoria mnejn f’jum il-festa, joħroġ pellegrinaġġ penitenzjali mmexxi mill-Isqof Djoċesan b’din l-istatwa merfugħa fuq l-ispallejn. U allura se nagħlaq din il-kitba billi naqsamha magħkom! Semmejtha Marija Addolorata!

 

Min qatt jista’ jasal jifhem

X’ħasset l-Omm tagħna l-bnedmin

Meta rat lil Binha mdendel

Bejn dawk iż-żewġ ħallelin!

 

X’qatt kien għamel dana l-Iben

Sabiex tawh mewta bħal dik!

Kellu bżonn Passjoni jġarrab

Biex ikun jista’ jifdik!

 

Hekk pattietlu dik il-folla

Li lilha m’għamilx ħlief ġid

Billi ma’ salib dendlitu

B’dawk l-imsiemer tal-ħadid.

 

U l-Omm li wellditu f’Betlem

Ma fdatux għal mument wieħed;

Baqgħet miegħu sal-Qorriegħa

Fejn ratu għan-nifs jissielet.

 

Ma’ xi nisa baqgħet sejra

U ma’ Gwanni l-maħbub

Sa ma l-ġebla l-qabar tebqet –

Minn quddiemha ratu jdub.

 

O Marija Addolorata

Għall- kenn tiegħek aħna ġejna;

Miegħek naqsmu dad-duluri –

Fid-dmugħ jgħumu dawn għajnejna.

 

Inwiegħduk illi lil Ibnek

M’aħniex iktar ser nonqsuh

Fuq il-Għolja tal-Kalvarju

Ma rridux illi nwassluh!

 

Għinna nindmu minn ħtijietna

Biex ngħixu ta’ vera nsara;

Kun int li ddawwal ħajjitna

U dlonk begħidna minn kull ħsara.

 

L-Ewwel Dulur

 

Sebgħa kienu d-duluri

Illi tertqu qalb Marija,

Illi fnewha u kagħbruha

U ġarret fis-skiet mifnija.

 

Mill-ewwel din l-Omm bdiet tbati

B’dit-tarbija ta’ ftit xhur

Kif daħlet biha fit-tempju

U qalbha b’niket bdiet tfur

 

Xħin Xmuni beda jtarrfilha

Minn xiex kellu jgħaddi binha –

Fuq salib jispiċċa msammar

U lilha fil-hemm jidfinha.

 

X’ma tibkix din l-omm imnikkta

Ma’ Ġużeppi l-Patrijarka

Meta semgħet dal-kliem iebes,

F’ħadd ma sabet l-ebda tarka!

 

Żgur li ħarġet minn ġot-tempju

B’qalb maqsuma, b’sejf minfuda;

Kif ser jirnexxilha torqod

Fuq l-imħadda b’ras mimduda!

 

F’ġieħ dan l-ewwel dulur tiegħek

O Marija, inwiegħduk

Sejrin nagħmlu l-almu tagħna

Biex qatt iktar ma nonsquk.

 

It-Tieni Dulur

 

Wara illi twieled f’Betlem

F’lejla kiesħa u xitwija

Ġesù beda għajnejh ibexxaq

Jara ‘l-anġli ferreħija.

 

Dan il-ferħ ma damx isaltan

Fil-qalb ta’ ommu Marija

Għax fil-ħolm Ġużeppi tnebbaħ

Sabiex jaħrab bit-tarbija

 

U jerħulha lejn l-Eġittu

Biex jeħilsu minn Erodi

Illi ried liċ-ċkejken joqtol

Bix-xwabel kiefra u sodi!

 

Kien vjaġġ twil u b’ħafna sogru

Qalb għoljiet, mergħat, widien

Fuq id-dahar ta’ ħmara ġwejda

Illi żgur ħa ħafna żmien.

 

Ruħhom sabu f’art stranġiera

Fejn ma kienu jafu ‘l ħadd;

Stil ta’ ħajja differenti

Illi żgur ma bassru qatt!

 

F’ġieħ it-tieni dulur tiegħek

Li minn darek ġagħlek taħrab

Ma’ Ġużeppi tbati ħafna

U ħaddejk bid-dmugħ ixxarrab,

 

Tina grazzja li minn ibnek

Naraw li ma ninfirdux

L-almu tagħna nżidu nagħmlu

Biex miegħu ma niġġildux!

 

It-Tielet Dulur

 

Kif Ġesù beda jitfarfar

U għalaq it-tnax-il sena

Sar tfajjel sabiħ u għaqli

Wiċċu jixhed ferħ u hena.

 

Ma’ ommu u ma’ missieru

Kien wasal issa iż-żmien

Li magħhom imur fit-tempju -

L-ewwel darba f’dan l-imkien!

 

F’dawk il-folol hekk imdaqqsa

Ħin bla waqt ‘l Ġesù tilfuh;

Tlett ijiem għamlu mbikkija

Bla ma setgħu isibuh!

 

Fl-aħħar fit-tempju lil binhom

Imdawwar sabuh bl-għorrief

Iċċassati lejh iħarsu

Kif mar-ragħaj iduru l-ħrief!

 

Dritt ħarġet il-mistoqsija:

Għaliex għamiltilna hekk!

Dritt weġibhom bl-akbar kalma:

X’għamilt jien ħażin b’daqshekk!

 

Ma tafux li ta’ missieri

Jiena ġejt ir-rieda nwettaq!

Kellmuh hekk għax dawn l-imsejkna

Qalbhom kienet kollha dwejjaq!

 

Magħhom lejn id-dar inġabar

Bla dewmien, bla telf ta’ ħin;

Kien jobdihom u iħobbhom

Sakemm hawn għalqulu s-snin.

 

Għinna Inti O Marija

Lil Ġesù ma nitilfuhx;

Jekk tmissna din id-disgrazzja

Għinna sabiex insibuh.

 

Ir-Raba’ Dulur

 

Matul il-Passjoni tiegħu

Lil binha ma ħallitux

Warajh imxiet bit-tbatija

Mument wieħed ma fdatux!

 

U f’ħin minnhom irnexxielha

Wiċċ imb wiċċ hi tiġi miegħu

Kelma ta’ faraġ tlissinlu

U tħaddan is-salib tiegħu.

 

Din il-laqgħa hekk qasira

Qatgħu ħesrem is-suldati

U lil omm firdu minn binha

Illi b’mewtu kienu fdati!

 

Min jaf x’ħasset din l-omm twajba

Meta rat din il-moħqrija

Illi binha kellu jġarrab

Għad li kien bla ebda ħtija.

 

Ma’ xi nisa baqgħet miexja

It-triq kollha tas-salib;

Pass pass wara dana binha

Li sqietu l-itjeb ħalib!

 

B’dan ir-raba’ dulur tieghek

Nissel fina rieda sħiħa

Sabiex wara Ġesù nimxu –

Tal-midinba balzmu w fwieħa!

 

Il-Ħames Dulur

 

Għiduli dlonk x’jibqa’minnek

Meta fost l-eħrex tbatija

Imdendel ma’ salib aħrax

Wara tlett s’għat t’agunija

 

Ibnek imut mewta kerha

Fost l-insulti tal-bnedmin

Illi żgur ma kenux jafu

Lil min sallbu dak il-ħin!

 

Din hi x-xena li Marija

Kellha tħabbat wiċċha magħha

Ma’ xi nisa w id-dixxiplu

Tħares lejn dan l-iben tagħha!

 

Dan il-ħames dulur naħseb

Kien jispikka fost is-sebgħa;

U jekk s’issa ma bkietx bosta

Xerrdet hawn iktar minn demgħa!

 

Sigħat sħaħ taħt dik il-għuda

Fost tbatija minn tal-ġenn

Imkien din l-Addolorata

Ma setgħet issib ftit kenn!

 

Dad-dulur kellu ifisser

Tmiem Ġesù fuq dina l-art;

Illi triegħdet, dlam fis-sema -

Kulħadd ħass tkexkixa bard!

 

Bħal Marija, Mulej ‘tina

Li bis-sabar kollu nġarrbu

Is-slaleb u l-hemm tal-ħajja –

Mit-tbatija le naħarbu!

 

Is-Sitt Dulur

 

Dad-dulur hu mfisser tajjeb

Fil-knisja tal-Vatikan -

Michelangelo fl-irħam naqqxu

Min jaf żmien kemm ħadlu dan!

 

Tidher l-omm imnikkta, imbikkma

Qegħda żżomm lil binha mejjet;

B’qalb maqsuma qegħda tingħi,

Qegħda tgħid: ‘issa biżżejjed!

 

Ma niflaħx inġarrab aktar

Dan ibni ma jkellimnix;

B’fomm mitbuq, ġisem imbenġel

Kelma waħda ma jgħidlix!’

 

Għalxejn issa lilu tgħannaq

Ġisem sħun, iżda bla ħajja,

Pjaga waħda bid-demm miksi

Minn fuq s’isfel mimli tbajja’!

 

Gużeppi d’Arimathea

U t-twajjeb Nikodemu -

Mis-salib lil Ġesù niżżlu

Mill-ewwel lil Kristu fehmu

 

U minn sħabhom fis inqatgħu

U mxew wara n-Nazzarenu

Għax fih sabu l-vera ħajja

U il-grazzja bdew itiegħmu.

 

F’ġieħ is-sitt dulur, Marija,

Waħidna la titlaqniex;

Għinna nġorru s-slaleb tagħna

U nogħtru la tħalliniex!

 

Is-Seba ’ Dulur

 

Wara tlieta w tletin sena

Issa kien wasal il-ħin

Li minn binha l-omm tinfired

U tarah sejjer għad-dfin.

 

Minn ħdanha zewġt irġiel twajba

Gezwruh sewwa ġo lizar

Imxew bih dlonk lejn il-qabar

B’qalb mimlija mrar sax-xfar!

 

Min qatt jista’ hawn ifisser

X’ħasset l-omm addolorata

Illi f’Lourdes ferħana lissnet:

“Jiena jien l-Immakulata!”

 

Hawn il-ferħ kollu sparixxa

F’dal-mument ta’ qsim il-qalb;

Donnok titlef int kull tama

Anke fil-qawwa tat-talb!

 

Ta’ Kristu il-ġisem mejjet

Issa jinsab ġewwa l-qabar

Waqt li ommu tingħi, tolfoq –

Fejn sa ssib xi ftit tas-sabar!

 

O kemm kellha din l-Omm tbati

F’din id-dinja tal-bnedmin;

Pass pass hi mxiet ma’ binha

Sabiex jifdi ‘l-midinbin!

 

F’ġieħ dawn is-seba’ duluri

O Marija inwiegħduk

Li lil ibnek sejrin ngħozzu;

Lilek f’qalbna indaħħluk.

 

U kif int b’rassenjazzjoni

Ġarrabt das-seba’ duluri;

Kif tal-ħajja nġorru s-slaleb

Bil-paċenzja lilna uri.

 

Konklużjoni – Id-duluri ta’ Marija

 

Sebgħa kienu d-Duluri

Illi tertqu qalb Marija

Qalb minfuda b’sejf in-niket

Qalb li tnixxi dmugħ u dmija.

 

O kemm kellha issofri, tbati,

Din il-Omm Adddolorata

Taħt salib Binha, imdendel

Minn kulħadd abbandunata!

 

Xejn ma beżgħet timxi, tterraq

Wara binha fit-tbatija

Fost l-insulti w l-għadab kiefer

U kull xorta’ ta’ moħqrija.

 

Min jaf x’ħasset din l-Omm tagħna

B’Binha mejjet ġo dirgħajha

Wiċċu mbenġel, kollu ġrieħi

Ġisem sħun, iżda bla ħajja!

 

Minn fuq is-salib imperreċ

Hekk kif kien bejn sema w art

Lil Marija tana b’Ommna

Biex tfejjaqna minn kull mard.

 

O Marija tad-Duluri

B’rieda soda inwiegħduk

Li dan-niket intaffulek

U b’qalb niedma inħobbuk.

 

Lil Ġesù ibnek waħdani

Le ma nżidu noffenduh;

Bibien qalbna inberrħulu

Hemm għal dejjem inqiegħduh.

 


 

8.

Riflessjonijiet għal waqt il-ħruġ tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Fr. Simon Mario Cachia

 

Introduzzjoni

 

Lettur 1:  Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Lettur 2:  Ammen.

 

Lettur 1:  Illum, jum il-Ġimgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa hu jum ta’ skiet. Skiet kbir. Skiet miksur biss min-noti kiebja ta’ baned vistuża, mill-ħoss tal-ktajjen imkaxkra u mill-karba tal-Knisja sajma, tal-Maħbuba li tteħdilha l-Għarus (ara Mk 2, 20). Illum inbierku u naduraw lil Kristu li b’salibu u b’mewtu feda lid-dinja kollha.

 

Lettur 2:  F’dan il-kuntest qaddis ta’ skiet u talb, wara li ħadna sehem fil-Liturġija Solenni u l-Adorazzjoni tas-Salib, ser nagħtu bidu għall-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. L-istatwi u s-simboli, li juru l-mumenti tal-Passjoni ta’ Sidna hu u jagħti ħajtu għalina, għandhom iservuna bħala “il-messaġġ tal-Evanġelju li l-Iskrittura twassal bil-kliem” għax “xbiha u kelma jdawlu ’l xulxin” (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1160).

 

Lettur 1:  Il-ħruġ ta’ kull vara ser ikun akkumpanjat minn silta mill-Evanġelju u minn siltiet minn poeżiji tal-poetessa Mary Mejlak u ta’ neputiha, il-Kanonku Joe Mejlak.

 

Niftħu għalhekk din il-meditazzjoni fit-toroq tagħna bi kliem il-Kanonku Joe Mejlak, fil-poeżija tiegħu: Crucifige Eum.

 

Lettur 2:  U għajtet il-kotra bla rażan:

“Jissallab! Jissallab!”

u heżhżet kemm felħet

idejha magħluqa,

bla ħniena, għajjura.

Jissallab il-bniedem li bl-akbar imħabba

fejjaqha,

għallimha,

xabbagħha b’dak l-Ikel

li jaħji lir-ruħ.

Jiem qabel

laqgħetu,

għollietu,

xejritlu

bil-friegħi tal-palm.

 

Issa għajtet il-kotra mitlufa:

“Jissallab! Jissallab!”

Riditu fuq għolja jintemm mas-salib.

 

 

Statwa/sinjal tal-bidu: Is-Salib

 

Lettur 1:  Il-purċissjoni tiftaħ bis-Salib glorjuż li mal-ewwel tfakkarna li ma tistax tifred il-Ġimgħa l-Kbira mill-Għid tal-Qawmien. Qalbna timtela bit-tama għax mill-ġdid niftakru li s-Sagrifiċċju ta’ Kristu li ser nimmeditaw f’din il-purċissjoni wassal għal rebħa kbira, u aħna, minn ilsira tal-ħażin sirna wlied Alla. Dan is-Salib, li aħna adurajna llum fil-Liturġija solenni, mhuwiex strument ta’ qerda u disprament imma sar strument ta’ rebħa: rebħa li Kristu ġab bil-Qawmien glorjuż tiegħu. Din ir-rebħa ma żammhiex għalih imma taha lilna lkoll. Missierna Pawlu jgħidilna: “Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.” (Rum 6, 4)

 

Lettur 2:  O Alla ta’dejjem li tista’ kollox, int lilna l-bnedmin tajtna eżempju ta’ umiltà meta ridt li s-Salvatur tagħna jsir bniedem bħalna u jieħu l-mewt tas-salib; fil-ħniena tiegħek, agħtina li s-sabar tiegħu jkun ta’ tagħlima għall-ħajja. Bi Kristu Sidna.

Lettur 1:  Ammen.

 

 

L-ewwel vara: L-Agunija fil-Ġetsemani

 

Lettur 1:  Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù.

Lettur 2:  Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Lettur 1:  Mill-Evanġelju skont San Luqa  (Lq 22, 39-45)

Imbagħad ħareġ u mar bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli wkoll marru miegħu. Kif wasal hemmhekk qalilhom: “Itolbu li ma tidħlux fit-tiġrib”. Imbagħad tbiegħed minnhom daqs tefgħa ta’ ġebla u xteħet għarkopptejh jitlob u jgħid: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dak il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek u mhux tiegħi.” Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb, imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sal-art.

 

Lettur 2:  Mill-poeżija Il-Kalċi ta’ Mary Mejlak:

Imnikket, waħdu, mwarrab – mitluq mill-istess ħbieb,

kull faraġ minnu tbiegħed – għalaq f’wiċċu l-bieb.

Xejn ħlief dwejjaq, tbatija – u fuqu t-tagħbija

tad-dnub tagħna l-bnedmin.

 

Imlibbes l-eħmeġ libsa – ta’ ħtija u ta’ xbihat

ta’ sriep, t’uħux, ta’ mostri – ta’ ħama u kruhat,

Ġesù l-Ħaruf bla ħtija – ġo baħar ta’ moħqrija

ipatti ta’ kulħadd.

 

Lettur 1:  Nadurawk o Ġesù u nberkuk

Lettur 2:  Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

 

It-tieni vara:    Ġesù marbut mal-kolonna u fflaġellat

 

Lettur 2:  Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù.

Lettur 1:  Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Lettur 2:  Mill-Evanġelju skont San Mark  (Mk 15, 8-15)

In-nies telgħu u bdew jitolbuh jagħmel kif kien jagħmlilhom dejjem. Qabad Pilatu u qalilhom: "Tridux nitilqilkom is-sultan tal-Lhud?" Għax hu għaraf tajjeb li l-qassisin il-kbar kienu tawh lil Ġesù f'idejh minħabba l-għira. Iżda l-qassisin il-kbar bdew ixewwxu n-nies li aħjar jitilqilhom lil Barabba. Pilatu raġa' staqsiehom u qalilhom: "U x'nagħmel imbagħad b'dak li intom issejjħulu s-sultan tal-Lhud?" Iżda huma nfexxew jgħajjtu mill-ġdid: "Sallbu!" Qalilhom Pilatu: "Imma x'għamel ħażin?" Huma aktar bdew jgħajjtu: "Sallbu!" Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.

 

Lettur 1:  Mill-Poeżija Is-Swat ta’ Mary Mejlak

    Ma seta’ qatt li bniedem – jgħix taħt dak l-eħrex swat,

    flaġelli, kollha msiemer – kulħadd kelb irrabbjat.

    Kulħadd iniżżel fuqu – u ‘l fuq bil-herra jsuqu,

    agħar wisq milli kien bhima.

 

    Imbenġel, Ġesù wasal – miġruħ minn kullimkien,

    u dmija, marċa w ilma – iċarċru bħal widien.

    Imfarrak u ċedut – sa għadmu wkoll magħdud,

kif ħabbar il-Profeta.

 

Lettur 2:  Nadurawk o Ġesù u nberkuk

Lettur 1:  Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

 

It-tielet vara: Ġesù inkurunat bix-xewk

 

Lettur 1:  Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù.

Lettur 2:  Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Lettur 1:  Mill-Evanġelju skont San Ġwann   (Ġw 19, 2-6)

Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur. U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu: "Is-sliem għalik, ja sultan tal-Lhud!" U bdew jagħtuh  bil-ħarta. Għal darb' oħra Pilatu ħareġ barra jgħidilhom: "Araw, se nġibhulkom quddiemkom hawn barra, biex tkunu tafu li jien ma nsib ebda ħtija fih." U Ġesù ħareġ hemm barra, liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar aħmar; u Pilatu qalilhom: "Arawh, hawn hu  l-bniedem!" X'ħin rawh, il-qassisin il-kbar u l-għases bdew jgħajjtu u jgħidu: "Sallbu! Sallbu!" 

 

 

Lettur 2:  Mill-Poeżija Il-Porpra ta’ Mary Mejlak

    Libbsuk il-porpra l-ħamra – rabtuk mn’idejk it-tnejn,

kuruna tax-xewk f’rasek – u int ma tkellimt xejn.

Madwarek kien min kien – jgħaddik beda biż-żmien.

Jgħajrek u jinsultak.

 

Il-porpra xeddewhielek – w int ħiemed biha bqajt,

iddieħku bik kemm riedu – w għaddewk b’sultan taċ-ċajt.

Int lilhom kollha għadirthom – titniegħed li teħlishom

Mid-dwiefer ta’ l-infern.

 

Lettur 1:  Nadurawk o Ġesù u nberkuk

Lettur 2:  Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Ir-raba’ vara: Kristu jaqa’ taħt toqol is-salib

 

Lettur 2:  Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù.

Lettur 1:  Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Lettur 2:  Mill-Evanġelju skont San Mattew  (Mt 27, 31-34)

U ħaduh magħhom biex isallbuh. Huma u sejrin sabu raġel minn Ċireni, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. Meta waslu f'post jgħidulu Golgota, jiġifieri post il-Qorriegħa, tawh jixrob inbid b'taħlita morra; hu daqu, imma ma riedx jixorbu.

 

Lettur 1:  Mill-poeżija Is-Salib ta’ Mary Mejlak

    U mhux talli ħaddantu – x’ħin is-Salib tawhulek,

    talli wkoll qbadt u bistu – minn qabel m’għabbewhulek.

U sieket, kollok sabar – bdejt miexi t-triq tal-qabar,

mat-telgħa tal-Kalvarju.

 

Salib, int kont is-sodda – b’mibegħda mħejjija,

biex ruħ Ġesù tispira – u toħroġ minn ġo fiha;

miġruħ u demm iċarċar – u nifsu beda jħarħar

x’ħin wasal ħin il-fidwa.

 

Lettur 2:  Nadurawk o Ġesù u nberkuk

Lettur 1:  Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Il-ħames vara: Il-Veronika

 

Lettur 1:  Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù.

Lettur 2:  Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Lettur 1:  Mis-salm 27 (27, 8-9)

“Ejja,” għedt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu”. Jien wiċċek infittex, Mulej. La taħbix wiċċek minni, la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek. Inti l-għajnuna tiegħi; tħallinix u titlaqnix, Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

 

Lettur 2:  Mill-poeżija Il-Maktur tal-Veronika ta’ Mary Mejlak

    Veronka kienet taħsel – x’ħin tilmaħ mill-bogħod ġejja

il-kotra bla lġiem mgħaddba – bir-ragħwa f’ħalqha għaddejja.

Imbiċċer wasal hemm – u wiċċu kollu demm,

imkasbar kollu trab.

 

Veronka ’n-Nazzarenu – ġo nofshom daħlet tfittxu,

maktur xarrbet mill-banju – u resqet ħaslet wiċċu;

xbihietu tfuħ ħallielha – u lilha u ’l missierha,

għamilhom qaddisin.

 

Lettur 1:  Nadurawk o Ġesù u nberkuk

Lettur 2:  Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Is-sitt vara: Il-mewt ta’ Kristu fuq is-Salib

 

Lettur 2:  Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù.

Lettur 1:  Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Lettur 2:  Mill-Evanġelju skont San Mattew  (Mt 27, 45-50)

Mis-sitt siegħa 'l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa' siegħa. U madwar id-disa' siegħa Ġesù għajjat b'leħen qawwi u qal: "Eli, Eli, lema sabaqtani?" Jiġifieri, 'Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?' Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: "Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!" U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f'tarf ta' qasba u tah jixrob, waqt li l-oħrajn qalu: "Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!" Imma Ġesù reġa' għajjat għajta kbira u radd ruħu.

 

Lettur 1:  Mill-poeżija Il-Lanza ta’ Mary Mejlak

    Għaliex lanza daqs vleġġa – feriet il-qalb divina?

    ... Biex l-aħħar demm u ilma – jingħata mħabba fina.

    Lonġinu ntebaħ fis – u sar ukoll qaddis

    bid-demm li tar għalih.

 

    Lanza li nfidt qalb Kristu – inħoss biss xi ftit sabar,

    li naf li xejn ma ħassek – kien mejjet lest għall-qabar.

Lonġinu, kbir suldat – li ftaħt lilna l-kustat

sabiex nistkennu fih.

 

Lettur 2:  Nadurawk o Ġesù u nberkuk

Lettur 1:  Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Is-seba’ vara: Ġesù midfun

 

Lettur 1:  Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù.

Lettur 2:  Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Lettur 1:  Mill-Evanġelju skont San Mattew  (Mt 27, 57-61)

X’ħin sar fil-għaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta' Ġesù; mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù. Mbagħad Pilatu ordna li jingħatalu. Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f'liżar nadif, qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira fid-daħla tal-qabar, u telaq. Iżda Marija ta' Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il-qabar.

   

Lettur 2:  Mill-poeżija Il-Qabar ġdid ta’ Mary Mejlak

    Ningħaqdu l-ġnus tad-dinja – madwar l-imqaddes Qabar,

nixegħlu ż-żejt ta’ qalbna – kull ħlejqa ’l hawn tinġabar.

Bħall-anġli nitbaxxaw – u ’l Kristu naduraw

li miet minħabba fina!

 

Inżejnu l-Qabar tiegħu – nixegħlu d-dawl tax-xema’,

w għajnejna bi tpattija – nisiltu mqar biss demgħa

u nsabbru lil Marija – il-qalb tagħha mifnija,

u ntuh is-sliem u l-ħajr.

 

Lettur 1:  Nadurawk o Ġesù u nberkuk

Lettur 2:  Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

It-tmien vara: Marija addolorata

 

Lettur 2:  Imbierka l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù.

Lettur 1:  Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Lettur 2:  Mill-Ewwel ittra ta’ Pietru l-Appostlu    (1 Pt 2, 21-25)

Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu. Hu li ma kien għamel ebda dnub, meta għajjruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f'idejn l-Imħallef ġust. Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu. Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa, imma issa rġajtu lura għand ir-Ragħaj u l-Għassies ta' ruħkom.

 

Lettur 1:  Mill-poeżija Għaliex tal-Kanonku Joe Mejlak.

    Jien naf għaliex dad-dmugħ, għalfejn qed tibki

    u taħsel dawk ħaddejk b’qatriet safjin;

    jien naf il-għala qalbek hija mnikkta

u naf ukoll għax leħnek qed inin.

 

Il- ħarsa ħelwa tiegħek fuq id-dinja

tinsab imwarrba għal kollox mill-bnedmin;

Kulħadd insiek, kulħadd fil-ġenb iżommok,

bidluk ma’ hena fieragħ, imsejknin!

Lettur 2:  Nadurawk o Ġesù u nberkuk

Lettur 1:  Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

 

Konlużjoni:

 

Lettur 2:  “Kristu bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu. Hu li ma kien għamel ebda dnub, meta għajjruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f'idejn l-Imħallef ġust. Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu.” (1 Pt 2, 21-24)

 

Lettur 1:  Mill-poeżija Ego Vinci Mundum tal-Kanonku Joe Mejlak.

    Elfejn sen’ilu ġewwa d-dinja mkankra

    feġġ Bniedem li ried jeħles lill-imsejkna

    mill-qilla tas-setgħat tad-dlam u l-qirda;

    u meta ż-żmien intemmlu w reġa’ telaq

minn fejn kien ġie, seta’ bil-qawwa jgħajjat:

“Irbaħt id-dinja!” għaliex bil-ħlewwa tiegħu

saħħar warajh lil min, bla kien intebaħ,

bil-qajla l-qajla ħaj kien qed jindifen.

 

Lettur 2:  Filwaqt li nkomplu nassistu għall-purċissjoni, hi u ddur ma’ toroq il-komunità tagħna, inkomplu nżommu s-skiet u l-ġabra f’atmosfera ta’ talb. F’qalbna nroddu ħajr lil Kristu għall-ħniena infinita tiegħu magħna u nuru l-gratitudni tagħna lejn Marija, li bid-duluri tagħha saret omm tagħna. Inkomplu wkoll is-sawm u l-penitenza ħa nkomplu nħejju ruħna biex għada billejl, niċċelebraw flimkien u bil-ferħ il-Velja l-Kbira tal-Qawmien.

 


9.

Riflessjoni għal Żmien ir-Randan

Mons. Lawrenz Sciberras

 

 

ID-DNUB  U  L-INDIEMA TA’ DAVID

 

“Ġara li fil-bidu tas-sena, meta s-slaten soltu joħorġu għall-gwerra, David bagħat lil Ġowab u l-qaddejja tiegħu, u Iżrael kollu għall-gwerra; wara li ħarbtu l-art tal-Għammonin, dawru l-belt ta’ Rabba.  Imma David baqa’ Ġerusalemm” (2 Sam 11,1).  Minn dan il-kliem wieħed jista’ jikkonkludi li David kien żgur ħafna minnu nnifsu li xejn ma jimporta għaliex jittarrf.  Dan il-vers iservi ħafna bħala daħla għar-rakkont li jiġi wara dwar id-dnub tas-sultan.

 

Il-kuntest tal-ġrajja

L-awtur sagru, b’għaqal u finezza kbira fil-kitba tiegħu, iwassal biex juri li kollox beda b’ħarsa ta’ kurżità, ħarsa mhix mgħakksa u maqtugħa.  “Ġara li, għall-ħabta ta’ filgħaxija David qam minn friexu u mar jagħmel mixja fuq is-setaħ tal-palazz tas-sultan u minn fuq is-setaħ jilmaħ mara qiegħda tinħasel.  Il-mara kienet sabiħa ħafna fl-għajn” (2 Sam 11,2).

 

Forsi David ħaseb li issa, billi hu kien imdaħħal sew fiż-żmien u għani fl-esperjenza tiegħu, dan kien ta’ permess għalih, seta’ jagħmlu, kien b’saħħtu biżżejjed.  Irraġuna li ma hemm ebda periklu.  Sempliċi kurżità li ma kellha ebda effett fuqu.  Xejn ma kien ħsieb feliċi għaliex wasslu f’inkwiet kbir.

 

It-tieni azzjoni li kompliet għarrqet is-sitwazzjoni hija l-imprudenza żejda ta’ David dwar minn kienet dik il-mara.  “David staqsa għaliha tant li qalulu: “Dik Batseba bint Eligħam, mart Urija l-Ħitti”. Veru li din kienet sempliċi ċirkustanza żgħira ħafna; imma David ma ntebaħx b’dak kollu li kien qed jintiseġ fin fin ġo fih stess.  Bdiet tinbet fih l-imħabba u din kienet waħda perikoluża.

 

Għalhekk l-imprudenza ggravat aktar: “U David bagħat il-messaġġiera tiegħu għaliha” (v 4)  Ħalli nippruvaw niskużawh ftit:  Nistgħu naħsbu li dan seta’ kien sempliċi kapriċċ u kurżità.  Huwa forsi  xtaq biss li jsir jaf minn kienet dik il-mara – xejn aktar.  Forsi ħaseb li jqabbadha taħdem fil-palazz flimkien man-nisa l-oħra.  Imma fir-realtà qalbu  diġà kienet deċiża. Il-periklu żdied u ħxien tassew.

 

It-test dritt jieħu xejra oħra: “U hi daħlet għandu, u hu mtedd magħha – kienet għadha kemm tnaddfet mill-inġiesa tax-xahar tagħha – u telqet lejn darha.  U l-mara tqalet u bagħtet tgħid lil David u qaltlu: ‘Jien tqalt’ (vs 4-5).  Minn ħarsa sempliċi issa għal mara b’tarbija.  Kollox ġara qisu f’ħolma.  Effett ta’ min ma jaħrabx dritt l-okkażjoni. 

 

U issa bdiet l-istorja vera ta’ David.  Sa issa wieħed seta’ jitkellem dwar debbulizza, stupidità minn sogru żejjed.  Ħaseb li kien qawwi;  ’l fuq minn kull riskju.  Imma issa hawn teżisti l-problema reali.  X’se jsir; kif se jġib ruħu quddiem din is-sitwazzjoni vera u reali!?

 

Għal ewwel David ħaseb hekk:  “Nipprova neħles lili nnifsi minn din it-trawma u nagħmel minn kollox biex insalva ismi, ir-reputazzjoni u nirrispetta l-unur ta’ Batseba.  Is-sitwazzjoni hija waħda kerha tassew, imma jirnexxili.”  David, żgur minnu nnifsu, bagħat messaġġ lil Ġowab: “Ibgħatli lil Urija l-Ħitti”.  Meta Urija kien għand is-Sultan, dan tal-aħħar ipprova jieħu mingħandu kull informazzjoni dwar l-armata u kif jinsab Ġowad, il-ġeneral (vs 6-7).

 

Is-Sultan għamel tabirruħu li ma jaf b’xejn; beda jfaħħru u jżiegħel bih u jonfħu.  Hawn David  sar giddieb u impostur.  Imbagħad waqt dik id-diskursata David qallu: “Mur id-dar u aħsel riġlejk”.  Urija ħareġ mill-palazz u David bagħatlu wkoll sehem mill-ikel tal-mejda tiegħu.  Imma Urija flimkien mal-għases raqad ħdejn il-bieb tal-palazz u ma marx id-dar (vs 8-9).

 

Issa jista’ jkun  li dan ġara (i) jew għax minħabba t-ton ta’ David, Urija fehem li fin-nofs jeżisti xi misteru;  (ii) inkella fehem li hu kellu jirrispetta u jobdi r-regoli tal-gwerra!  Matul dak l-ewwel lejl, is-Sultan beda jaħseb li xejn ma kien faċli – kif ħaseb hu – li jikkontrolla s-sitwazzjoni.  Però David baqa’ ma tilifx is-setgħa  li kellu bħala sultan.

 

(f)    David sar jaf b’dan kollu.  Qalulu li Urija ma marx id-dar.  David bagħat għalih mill-ġdid u qallu: “M’intix ġej mit-triq?  Għaliex ma nżiltx f’darek?”  Urija fil-pront wieġeb hekk lil David: “L-arka ta’ Iżrael u Ġua qegħdin fit-tined, u sidi Ġowab  u l-qaddejja ta’ sidi fil-kamp għall-beraħ tar-raba’  u mbagħad jien immur f’dari niekol u nixrob u norqod ma’ marti?  F’ħajjietek  u ħajjet ruħek dan ma nagħmlu qatt”  (v 11).

 

Dan it-test hu mimli kliem ta’ ironja tant li wieħed jasal biex jikkonkludi li Urija beda jgħaddi biż-żmien lill-istess Sultan.  Urija tħasseb dwar dak kollu li kien miexi bih David.  Is-Sultan issa kien jinsab imħawwad u ngannat għaliex Urija qaleb kliem is-Sultan.  Urija donnu ried jistrieħ fuq il-lealtà  u r-rispett lejn David.  Din kienet tassew taqbida kbira u f’nofsha, konfuż  u mħawwad, kien hemm David.  Naturalment qatt ma ħaseb li se jasal sa hawn!

 

David ikompli jirriskja

David ma riedx jagħmilha li ġie mirbuħ tant li stieden lil Urija biex jiekol sew u jixrob aktar – tant li wasal biex sakkru!  Minkejja li kien f’dan l-istat, Urija ma marx jorqod f’daru!  Matul dak il-lejl terribli għall-ewwel darba David induna li sar tassew skjav tiegħu stess u tad-dnub li għamel.  Madankollu ma qalx “ara jaħasra x’għamilt”, iżda f’moħħu serrep biss ħsieb wieħed.  Huwa ried isalva tliet valuri kbar:

 

(i) Ir-rispett lejh innifsu bħala Sultan; (ii) l-omm flimkien ma’ binha, għaliex akkost ta’ kollox David riedu ħaj.  Seta’, kieku ried, jitlaq lil Batseba imma x’kien qatt se jagħmel jekk żewġha jsir jaf b’dan!  David kien iħobbha, għalhekk ma riedx jitlifha. (iii) Kien hemm ukoll Urija, il-ħabib li ma riedx jeqirdu.  David wasal f’waqt li ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel.  Jitlef ir-rispett tiegħu bħala re?  Impossibli. Iħalli li  tmur il-mara bit-tarbija?  Gravità tas-sitwazzjoni.  Jeħles issa stess mill-ħabib?  Altru li le!

 

L-effett tad-dnub

David beda jgħaddi minn valur wieħed għal ieħor.  Ma ried jirrinunċja għall-ebda wieħed!  Dan huwa d-dnub:  Diżordni, nuqqas ta’ attenzjoni, superfiċjalità; tasal f’sitwazzjoni li bil-mod il-mod ma tissaportihiex aktar. Il-kuxjenza tniggeż u tniggeż sew! Forsi għall-ewwel darba f’ħajtu, David beża’ u ntebaħ sew li bilfors issa kellu jissagrifika u jiċċaħħad minn xi wieħed minn dawk it-tliet valuri.

 

Matul il-lejl kollu, David ma għamel xejn għajr jitqalleb u jitħasseb kif se jagħmel.  Sebaħ sfinit u moħħu tqil!  Fl-aħħar iddeċieda: jissagrifika l-ħabib! Bil-ħażen ta’ moħħu u fl-istess waqt bil-kattiverja ta’ qalbu, iżda wkoll b’qalbu maqsuma tnejn, David kiteb ittra lil Ġowab u bagħatha ma Urija stess.  L-innoċenti jġorr bil-miktub il-kundanna tiegħu innifsu.  Sa fejn jasal il-bniedem li jidneb!

 

Jaslu l-aħbarijiet lil David.

L-istorja ma  tispiċċax hawn għaliex id-dnub iġorr miegħu konsegwenzi tassew koroh.  Il-vrus li issa jkomplu l-istorja jiġbru fihom nisġa  meraviljuża ta’ ħsieb.  L-istess irġiel issa jgħaddu biż-żmien lix-xwejjaħ David.  Ġowab li kien tant stmat minn David stess kien l-ewwel wieħed li għaddieh biż-żmien lis-Sultan għal dak li għamel.  Bniedem xiħ u stmat bħal David qatt ma kellu jintrebaħ mill-passjonijiet.

 

Dan il-kmandant informa sew u b’ton sarkastiku lill-messaġġier bid-dettalji kollha li kellu jgħid u jinforma lis-sultan.  ‘U meta tispiċċa tirrakkonta wkoll bit-telfa kbira ta’ numru ta’ suldati u s-Sultan jimtela’ bir-rabja u jgħidilkom: “Din kif inhi li intom ersaqtu daqshekk lejn il-belt biex tiġġildulha?  Ma kontux forsi tafu li l-għadu jispara l-vleġeġ minn fuq il-ħitan tal-belt?  Min qatt qatel lil Abimelek, iben Ġerubaal?  Ma kenitx forsi mara li xeħtet il-ġebla tat-tħin fuqu mill-għoli u huwa miet f’Tebek (Mħal 9,50-53).  Għaliex mela intom ersaqtu daqshekk lejn il-ħitan?  Inti fil-pront għidlu: “Il-qaddej tiegħek Urija l-Ħitti hu wkoll miet”’( vv 20-21).

 

Il-pjan ta’ Ġowab irnexxa

Kollox mexa kif ħaseb minn qabel Ġowab, tant li r-rakkont kompla sejjer bil-kawtela biex David iniżżel kollox bil-mod.  Il-messaġier telaq, wasal għand is-Sultan u rrakkonta kollox kif marru l-ġrajjiet.  Il-messaġġier spiċċa hekk ir-rakkont: “Ukoll il-qaddej tiegħek Urija l-Ħitti miet” ( v 24).

 

Quddiem dan kollu David qal: “Dan għandek tgħid lil Ġowab: ‘Teħodhiex bi kbira din, għaliex ix-xabla teqred, issa hawn u issa hemm!  Aħbat għall-belt b’qawwa akbar u ġarrafha’ (v 25). 

 

David kompla ngħalaq fih innfisu u fid-dnub li bih kien imgeżwer, konvint li ma setax jagħmel mod ieħor.  Hekk David ta raġun lilu nnifsu!  Din hija l-konklużjoni ta’ dawk li jonqsu mill-fedeltà tal-ħbiberija u tal-familja.  Qatt ma xtaqu li jagħmlu l-ħażin, iżda jidher li ma għandhomx mod ieħor biex joħorġu minn dak is-sqaq dejjaq li jkunu daħlu fih.

 

Issa s-Sultan ma għandu ebda diffikultà li jieħu lil Batseba b’martu, għaliex huwa ħaseb li għamel ħaġa tassew ġusta.  Batseba saret mart David iva, u se jkollha tifel.  Biss Alla huwa ġust.

 

 

ALLA  JMEXXI LIL DAVID  LEJN L-INDIEMA  (2 Sam 12,1-14).

 

Il-kapitlu ħdax (11)  jagħlaq b’riferenza li taqleb kollox ta’ taħt fuq, issa toħroġ għad-dawl l-indiema: “Imma dan għemil David ma għoġibx lill-Mulej” (2 Sam 11,27b).

 

Fil-verità, is-Sultan kien nesa sew u għal kollox ’l Alla flimkien mal-ħafna salmi li huwa stess kiteb:  “Alla, Alla tiegħi int, ruħi bil-għatx għalik.  Inti l-blata tiegħi u l-ħarsien tiegħi”.  Interessanti ħafna kif f’din il-ġrajja drammatika kollha qatt u mkien ma jingħad li David talab ’l Alla biex jagħtih l-għajnuna  u jgħinu joħroġ minn dik is-sitwazzjoni mħabbla tassew li daħal fiha.  David aktar fada fih innifsu u fil-qawwa li kellu ta’ sultan milli f’Alla!

 

Huwa deher konvint li dik il-problema setgħet kienet tiegħu biss u ta’ ħadd aktar, anqas ta’ Alla.  Ikkonkluda li ħadd ma seta’ jagħtih l-għajnuna.  Għalhekk David jidher li tbiegħed minn dak l-ispirtu ta’ fidi, ta’ umiltà, ta’ abbandun li kellu qabel.  Probabilment anzi ħaseb hekk:  Il-Mulej telaqni waħdi u ħallieni nidħol f’dan it-taħwid kollu.  Huwa mhux aktar maġenbi.  Imma r-raġunar kien kollu bil-maqlub, għaliex kien David li ġenneb lil Alla u tbiegħed minnu. 

 

Bidu tal-kapitlu tnax (12)

Minn dan il-waqt ’il quddiem Alla jieħu f’idejh dik il-ġrajja:  “Għalhekk il-Mulej bagħat lil Natan il-profeta għand David” ( v 1).  Li kieku Alla ma bagħatx lil Natan, David kien jibqa’ għal matul ħajtu kollha konvint li għażel is-sew għal dak li għamel!  U hawn jidher kemm Alla jrid li l-bniedem jgħix tassew fil-paċi miegħu innifsu u ma’ Alla. 

 

Biss il-Mulej irid l-ordni, il-paċi, il-verità.  Hekk jgħid is-salm: “Inti tħobb il-verità fil-qalb tal-individwu”.  Ir-rakkont jitkompla permezz ta’ parabbola li bil-mod il-mod kixfet il-verità kollha tas-Sultan (2 Sam 12, 1-4).

Fir-rakkont ta’ Natan hemm narrazzjoni sempliċi u xi ftit inġenwa wkoll, u dan għaliex huwa ried jiddeskrivi lis-Sultan sitwazzjoni estrema ħafna.  David, wara li sama’ b’attenzjoni kbira x’kellu xi jgħidlu Natan, ġie ħafna f’sensih.  Huwa ħaseb li issa jrid jiddefendi l-ġustizzja.  Natan ma ċanfrux kif forsi kien jista’ jagħmel wieħed b’każ bħal dan! 

 

Li kienu l-profeta ċanfar lil David, probabbilment is-Sultan kien iġib xi raġuni biex jiġġustifika dak li għamel.  L-appell ta’ Natan ma ġiex indirizzat lil David li dineb, daqskemm lil David ġust u leali.  Tant hu hekk li David imtela’ rabja u qal: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, il-bniedem li għamel dan ħaqqu l-mewt”.  Tant ħaseb dwar il-ġustizzja li David kompla: “Il-ħarufa jħallas għaliha erba’ darbiet, għax għamel dan u ma kellux ħniena”. 

 

Mument l-aktar delikat

Issa quddiem din is-sitwazzjoni kif se jġib ruħu Natan?  Għandu kuraġġ biżżejjed biex jitkellem?  Nafu mill-esperjenza kemm hija ħaġa diffiċli li wieħed jaffronta sitwazzjoni bħal din, tant li ta’ spiss jonqos il-kuraġġ tal-verità sħiħa.  Natan għalhekk imtela bil-kuraġġ  u l-qawwa u qallu: “Inti hu dak il-bniedem”. 

 

David intlaqat bil-qawwa kollha tant li stqarr lil Natan meta dan ħabbarlu l-kastig: “Dnibt kontra l-Mulej”  (v 13).  Issa David joħroġ minn dak l-inkubu terribbli biex isib it-triq l-aktar sempliċi u ovvja.  Jirrinunċja mir-rispettabbiltà tiegħu bħala sultan biex jafferma x-xewqa suprema ta’ Alla.

 

Forsi xtaq jiddefendi l-privileġġ ta’ sultan u jidħol f’xibka ta’ gideb u infedeltajiet.  Iżda dan kollu ħareġ minn qalb umiljata u sinċiera tant li Natan qallu li l-Mulej jaħfirlu u ma jagħtihx il-mewt.  Biss it-tifel li kellu jitwieħed minn Betseba, dan imut!

 

Aħna bħal David

Din il-ġrajja mimlija għerf mhix ’l bogħod minna għaliex David huwa eżempju għalina ilkoll.  Huwa jgħallimna sew kif bi ħwejjeġ żgħar ta’ distrazzjoni, il-bniedem jista’ jidħol f’diffikultajiet kbar tassew,  u jekk wieħed ma jżommx ħarstu imwaħħla fuq Alla, jaqa’  fi żbalji kbar tassew u l-konsegwenzi tagħhom ikunu gravi.

 

Alla, però, hu għani fil-ħniena u jidħol fix-xena dejjem biex jgħin lill-individwu jsib dawk id-doni li l-Ispirtu s-Santu qiegħed fil-qalb ta’ kull individwu:  il-verità, il-ġustizzja  u l-leatà.

 

Ġesù llum ukoll għadu jwissina li huwa mill-qalb li joħorġu ħwejjeġ ħżiena: qtil, żina, adulterji, serq, tbaħrid, korla.  U huma dawn li jagħmlu lill-bniedem imniġġes (Mt 15,19).

 

Ejjew inqiegħdu lilna nfusna f’David għaliex f’kull wieħed minna hemm il-qalb ħażina u li minnha joħorġu l-ħsibijiet kollha. 

 

Il-kundizzjoni umana tista’ twassalna biex insiru tassew skjavi tagħna nfusna, inkapaċi  li nistqarru ħtijietna u li aħna tassew midinbin.  Hija biss il-ġrajja ta’ Alla, u li kontinwament għandna nsejħulha, li tagħmilna kuljum nies sinċieri magħna nfusna.

 


10.

Posters maħruġa mill-Uffiċċju tal-Katekeżi għar-Randan u l-Għid (Sena A)

BIex tara l-posters trid tmur f'paġna 95 tal-verżjoni PDF ...

 


 

11.

Innijiet għal Żmien ir-Randan

BIex tara l-innijiet trid tmur f'paġna 110 tal-verżjoni PDF ... 

 


 

12.

Kapitlu 8 tal-Amoris Laetitia

Mons. Edward Xuereb, Vigarju Ġudizzjali

 

 

I. L-Indikazzjonijiet tal-Eżortazzjoni

Tweġibiet pastorali

Fil-kura pastorali ta’ persuni separati jew iddivorzjati li jinsabu f’rabta ġdida, fejn possibbli – għax m’hemmx possibbiltà ta’ rikonċiljazzjoni u hemm fumus boni iuris – hu ssuġġerit li ssir talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità jew għal dissoluzzjoni tar-rabta taż-żwieġ.

Għal dawk li jikkoabitaw, “Waqt id-dixxerniment, neżaminaw ukoll il-possibbiltà tal-kontinenza konjugali. Għalkemm hi ideal tqil, jaf ikun hemm koppji li bil-qawwa tal-grazzja jipprattikaw din il-virtù mingħajr ma jqiegħdu f’riskju aspetti oħra tal-ħajja tagħhom flimkien”[1]. Meta San Ġwanni Pawlu II, semma li l-ddivorzjati miżżewġin mill-ġdid ċivilment jistgħu jirċievu l-qrar u t-tqarbin meta jinsabu f’mixja ta’ konverżjoni, f’qagħda irriversibbli u jassumu l-obbligu li jastjienu mill-atti konjugali[2], diġà wriena li allura ma nistgħux ngħaddu ġudizzju ġeneralizzat illi kull min jikkoabita ma jistax jersaq lejn dawn is-sagramenti.

Minkejja dawn iż-żewġ tweġibiet pastorali msemmija – dik kanonika u dik tal-kontinenza kompleta – xorta tibqa’ faxxa ta’ persuni mhux milħuqa.

 

Novità

Hawn tinsab in-novità tal-Amoris laetitia, almenu fil-kapitlu 8. Ma tagħtix tagħlim ġdid differenti, imma tagħti attenzjoni sħiħa lill-fenomenu wiesa’ ta’ qagħdiet familjari imperfetti billi tevalwahom mill-aspett morali u fl-istess ħin, b’animu mija fil-mija Evanġeliku, saħansitra tfittex l-elementi pożittivi li hemm fihom biex tibni fuqhom u timbotta lejn integrazzjoni sħiħa tal-persuni involuti.

Il-prinċipju ewlieni huwa l-integrazzjoni, li hi waħda mill-alternattivi ta’ x’risposta għandha tingħata lil persuni f’dawn is-sitwazzjonijiet. L-oħra hi li dawn jiġu mwarrba, mitluqa għal rashom u mpoġġija kollha fl-istess keffa, mingħajr distinzjoni.

Mentri r-realtà toffri varjetà enormi ta’ qagħdiet irregolari li ma nistgħux inpoġġuhom fl-istess keffa: altru dawk l-unjonijiet li jmorru radikalment kontra l-ideal taż-żwieġ u altru dawk li jirrealizzawh almenu b’mod parzjali jew jixbhuh. Pereżempju, altru unjoni ċivili jew anke sempliċi koabitazzjoni li b’xi mod saret stabbli, hi rikonoxxuta legalment u fiha affezzjoni profonda u responsabbiltà lejn it-tfal u li f’dan il-każ tista’ tiġi ggwidata għaż-żwieġ; altru żwieġ ċivili jew sempliċi koabittazzjoni minħabba fatturi kulturali u kontinġenti u mhux għax wieħed hu kontra s-sagrament; altru unjoni de facto f’diversi pajjiżi, minħabba l-faqar, għax iqisu li t-tieġ jiswa ħafna.

 

L-Integrazzjoni

F’dawn il-każi ta’ dgħufija u imperfezzjoni, il-Papa Franġisku jindikalna t-triq tal-integrazzjoni:

Niskopru u nagħtu importanza lill-elementi kostruttivi li jeżistu f’dawn il-qagħdiet li ma jaqblux mal-ideal sħiħ taż-żwieġ skont il-pjan ta’ Alla. Din l-azzjoni pastorali tkun ta’ ġid anke għal uliedhom, biex jingħataw trobbija Nisranija.

Dan isir b’akkumpanjament mir-rgħajja tal-erwieħ, permezz ta’ djalogu li jidentifika l-elementi f’ħajjithom li jistgħu jwasslu biex jinfetħu iżjed għall-Vanġelu.

Dan mhux soġġettiviżmu morali: li wieħed jagħmel id-dgħufija l-kriterju ta’ x’inhu tajjeb bla ma jirrikorri għall-ħniena ta’ Alla. Bil-kontra, bil-għajnuna ta’ min imexxiha, il-persuna ssir konxja tal-qagħda tagħha quddiem Alla permezz ta’ eżami tal-kuxjenza li jinkludi riflessjoni u penitenza.

F’dan il-proċess il-persuni ddivorzjati u miżżewġa mill-ġdid jew f’qagħdiet oħra imperfetti, ta’ min jistaqsu: kif ġabu ruħhom lejn l-ulied tul il-kriżi taż-żwieġ tagħhom[3]; x’ġara mill-parti abbandunata; x’konsegwenzi għandha r-relazzjoni ġdida fuq il-bqija tal-familja u fuq il-Knisja; x’eżempju qed jagħtu lil dawk li qed jitħejjew għaż-żwieġ; ippruvawx jagħmlu rikonċiljazzjoni.

B’dan il-mod, is-saċerdot, fil-forum intern, jgħin biex il-persuna tifforma ġudizzju korrett dwar x’qed itellef sehem aktar sħiħ fil-ħajja tal-Knisja u tindividwa x’passi għandhom jittieħdu biex dan iseħħ.

 

Iċ-Ċirkostanzi

F’dan l-akkumpanjament, id-dixxerniment li jsir iqis is-sitwazzjoni reali – nazzarda ngħid “oġġettiva” – tal-persuna. Hija l-evalwazzjoni morali tal-qagħda ta’ dak li jkun, skont kif għallem San Piju X fil-Katekiżmu tiegħu, illi biex ikun hemm dnub jeħtieġ materja gravi, imma wkoll avvertenza sħiħa u kunsens deliberat, b’libertà sħiħa.

Hawn jidħlu ċ-ċirkostanzi, għax il-persuna ma tgħixx fl-ajru imma fi ħdan xibka ta’ relazzjonijiet u sitwazzjonijiet li xi ftit jew wisq jikkundizzjonawha. Inħallu għall-psikoloġija biex tapprofondixxi dan is-suġġett. Mill-bqija, it-tradizzjoni Nisranija għandha korp solidu ta’ riflessjoni dwar fatturi u qagħdiet li jimmitigaw il-kolpevolezza. Il-grad ta’ responsabbiltà mhux ugwali fil-każi kollha, għax is-sitwazzjonijiet tal-ħajja huma tant varji u kumplessi u differenti huma wkoll il-modi kif nies diversi jgħixu t-tbatija minħabba l-kundizzjoni tagħhom.

Għalhekk, jagħmel sens illi l-Amoris laetitia tesponi żewġ prinċipji:

Ma nistgħux ngħidu sempliċement illi dawk kollha f’qagħda ‘irregolari’ jinsabu fl-istat tad-dnub morali u huma mċaħħdin mill-grazzja santifikanti;

Ġudizzju negattiv dwar qagħda oġġettiva ma jimplikax ġudizzju dwar il-ħtija tal-persuna.

Din mhix allura s-sitwazzjoni ta’ min ħati ta’ dnub, jersaq lejn l-Ewkaristija u jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess (cf. I Kor, 11, 29).

 

Fatturi li jimmitigaw

Minħabba dan l-aħħar prinċipju (b), f’każi maritali irregolari possibbli dawn ix-xenarji:

Qagħda komparabbli mal-injoranza invinċibbli – avolja l-Amoris laetitia ma ssemmix din l-espressjoni[4] – li ma tinvolvix sempliċi injoranza tal-liġi, għax wieħed jista’ jkun jafha tajjeb, imma jista’ jkollu diffikultà kbira biex jifhem il-“valuri inerenti tagħha”[5].

Qagħda konkreta li ma tippermettix lill-persuna li taġixxi b’mod differenti u tiddeċiedi mod ieħor mingħajr ma tidneb iżjed. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jsemmi ċar dawn il-fatturi: “l-imputabilità u r-responsabbiltà għall-azzjoni jistgħu jonqsu jew anke jiġu fix-xejn mill-injoranza, inavvertenza, forza, biża’, drawwa, rabtiet inordinati u fatturi oħra psikoloġiċi u soċjali”[6]. Aktar lura jerġa’ jirreferi għaċ-ċirkostanzi li jimmitigaw ir-responsabbiltà morali: “immaturità affettiva, il-forza ta’ drawwa akkwistata, kundizzjonijiet ta’ ansjetà jew fatturi oħra psikoloġiċi jew soċjali li jnaqqsu jew anke jattenwaw il-ħtija” – minuere, fortasse etiam ad minimum reducere[7].

Diversi persuni, waqt li jafu u jaċċettaw il-possibbiltà li l-Knisja toffrilhom li jgħixu ‘bħal aħwa’, josservaw li jekk ċerti espressjonijiet ta’ intimità jonqsu, spiss jiġri li l-fedeltà titpoġġa fil-periklu u l-ġid tat-tfal isofri. L-Isqfijiet Maltin taw din it-tifsira: “jeżistu sitwazzjonijiet kumplessi fejn li tnejn jgħixu ‘ta’ aħwa’ ikun umanament impossibbli jew joħloq dannu akbar (ara AL, nota 329)”[8].

F’dan l-akkumpanjament ta’ dixxerniment irid isir kull sforz biex tiddawwal il-kuxjenza u l-persuna tikber fil-fiduċja fil-grazzja ta’ Alla.

 

X’għandu allura jsir hic et nunc?

Il-kuxjenza mhux biss hi kapaċi tagħraf li sitwazzjoni partikolari ma taqbilx oġġettivament mal-esiġenzi ġenerali tal-Vanġelu.

Fost il-komplessità u l-limiti konkreti tal-individwu, wieħed kapaċi wkoll jagħraf b’onestà dik li fil-waqt ta’ issa hi t-tweġiba l-aktar ġeneruża li tista’ tingħata lil Alla.

“Minħabba forom ta’ kundizzjonament u fatturi mitiganti, hu possibbli li f’sitwazzjoni oġġettiva ta’ dnub – li jista’ ma tkunx soġġettivament kolpevoli jew mhux hekk għal kollox – persuna tista’ tgħix il-grazzja ta’ Alla, tista’ tħobb u tista’ wkoll tikber fil-ħajja tal-grazzja u l-karità, waqt li tirċievi l-għajnuna tal-Knisja għal dan l-iskop”[9].

“F’ċerti każi, din tista’ tinkludi l-għajnuna tas-sagramenti[10]. Għalhekk, ‘Irrid infakkar lis-saċerdoti li l-konfessjonarju m’għandux ikun il-kamra tat-tortura, imma pjuttost laqgħa mal-ħniena tal-Mulej’ (Evangelii Gaudium, 44). Nixtieq ukoll nosserva li l-Ewkaristija ‘mhix premju tal-perfetti, imma mediċina qawwija u għejxien tad-dgħajfin; (ibid, 47)”[11].

Din ir-riflessjoni hi tassew profonda: tagħti ħjiel ta’ aspetti tal-Ewkaristija li forsi s’issa ma tantx tajniehom attenzjoni[12].

Hekk wieħed jista’ jasal b’ċerta sigurtà morali għal dak li l-Mulej qed jistenna minnu f’din is-sitwazzjoni partikolari, waqt li jibqa’ miftuħ għal stadji ġodda biex jikber u jieħu deċiżjonijiet ġodda li jwassluh eqreb lejn l-ideal. F’din il-qagħda l-Isqfijiet Maltin jinnotaw:

“Jekk frott ta’ proċess ta’ dixxerniment, magħmul b’umiltà, diskrezzjoni, imħabba lejn il-Knisja u t-tagħlim tagħha, fit-tiftixa sinċiera tar-rieda ta’ Alla u fix-xewqa li wieħed jasal għal tweġiba iżjed pefetta għaliha’ (AL 300), persuna separata jew iddivorzjata li tkun f’rabta ġdida tasal – b’kuxjenza iffurmata u mdawla – li tagħraf u temmen li hi f’paċi ma’ Alla, ma tistax tkun imċaħħda milli tersaq għas-sagramenti tal-Qrar u tal-Ewkaristija (ara AL, noti 336 u 351)”[13].

Din hi l-liġi tal-gradwalità, jiġifieri tal-avvanz pass pass fil-ħajja morali, differenti mill-idea żbaljata li hemm preċetti differenti fil-liġi ta’ Alla għal individwi u qagħdiet differenti.

Skont l-indikazzjoni tal-Amoris laetitia, id-duttrina tal-grazzja santifikanti bħala rekwiżit neċessarju biex wieħed jitqarben hi rrispettata, għax l-Insara involuti, anke jekk f’dan il-mument ma waslux għal bidla ta’ ħajja għax hu impossibbli għalihom lil jagħmlu dan, però għandhom il-propożitu li jwettqu din il-bidla. Hu eżattament dan il-propożitu li huwa l-element teoloġiku li jippermetti li l-persuna tqerr u titqarben, dejjem – nirrepeti – meta jkun impossibbli li dritt tibdel il-qagħda materjali ta’ dnub li tinsab fiha. Min ma jistax iqerr u jitqarben? Min, waqt li jaf li qiegħed fid-dnub gravi u jista’ jibdel, m’għandux iżda ebda intenzjoni sinċiera li jattwa dan il-propożitu[14].

 

II. Mhix linja ġdida

 

Sentenza Rotali

Dettall tassew interessanti huwa li fost id-deċiżjonijiet tat-Tribunal tar-Rota Rumana, maqtugħa ftit snin wara l-promulgazzjoni tal-Kodiċi l-ġdid, insibu sentenza li b’kapaċità ġuridika u b’sensittività pastorali xejn inqas akuta, telenka l-prinċipji dwar il-kura li l-Knisja tagħti lill-hekk imsejħa “good faith cases”, jiġifieri l-każi ta’ Nsara li huma ċerti dwar il-validità jew invalidità taż-żwieġ tagħhom, imma li ma jistgħux jippruvaw dan fil-forum estern. Hija s-sentenza coram Pinto tal-20 ta’ Ġunju 1986.

L-ewwel jingħad li l-miżżewġin mgħandhomx setgħa awtoritattiva illi jiġġudikaw dwar il-validità taż-żwieġ tagħhom; din hi kompetenza tal-imħallef – wara kollox nemo iudex in causa propria – li jista’ jippronunċja ruħu abbażi tal-provi miġbura (n. 6, 3). Mill-bqija dan jaqbel mal-Kan. 1100: “L-għarfien jew l-opinjoni tan-nullità taż-żwieġ ma jeskludix neċessarjament il-kunsens matrimonjali”.

Il-parti interessanti tiġi fejn Mons. Pinto jagħti dan it-tagħrif dwar il-każi li jiġu riżolti fil-forum intern:

“Għall-każi “good faith”, l-unika soluzzjoni jidher li tibqa’ r-rikors għall-forum intern, ladarba l-imsemmija każi hawn jistgħu jiġu solvuti.

Id-duttrina, b’mod komuni, tgħallem li d-dikjarazzjoni tan-nullità taż-żwieġ, min-natura tagħha trid issir fil-forum estern. Infatti mhix kwistjoni ta’ dmirijiet u rabtiet li huma biss morali, iżda li huma fl-istess ħin ġurirdiċi-soċjali u morali. Bħalma rabta morali quddiem Alla ma titwelidx jekk mhux dipendentement minn dmir jew rabta ġuridika quddiem il-Knisja, hekk ukoll, minnha nnifisha, ma titneħħiex jekk mhux dipendentement minn tneħħija ta’ din l-obbligazzjoni jew rabta quddiem il-Knisja. Din ir-rabta, iżda, tista’ biss titneħħa minn min igawdi l-ġuriżdizzjoni fil-forum estern. Fil-fatt, imma, fil-każi okkulti, biex tisserraħ il-kuxjenza, il-Knisja tikkonċedi li titneħħa direttament biss l-obbligazzjoni morali jew ir-rabta morali minn min jippossjedi l-ġuriżdizzjoni biss għall-forum intern, b’tali mod li n-Nisrani fil-kuxjenza, jiġifieri quddiem Alla, tassew ikun meħlus mid-dmir jew rabta, għalkemm fil-forum estern, jiġifieri quddiem il-Knisja, għandu jitqies li għadu marbut b’din ir-rabta, sakemm in-nullità tiġi ppruvata fil-forum estern”.

Hawn il-Ponens iġib ċitazzjonijiet minn Michiels, Bertrams u Navarrete li l-qarrej jista’ jara fil-footnote[15]. U jissokta jgħid: “Għalhekk din is-soluzzjoni: a) hi limitata għall-każi li mhumiex riżolti fil-forum estern; b) imma li fihom tista’ tinkiseb ċertezza morali mill-provi tal-forum intern; c) u tgħodd biss għall-forum tal-kuxjenza”[16].

 

Il-Kongregazzjoni għall-Kleru

Preċedent tassew sinifikattiv, għalkemm ftit magħruf, hu l-każ ta’ Washington li daħal biex jagħmel parti mill-ġabra ta’ pronunzjamenti tas-Santa Sede[17]. Il-Kongregazzjoni għall-Kleru kienet irċeviet mis-Segreterija tal-Istat, fil-21 ta’ Lulju 1970, appell indirizzat lis-Santa Sede mir-Rev. Joseph Byron, delegat ta’ grupp ta’ saċerdoti mill-Arċidjoċesi ta’ Washington. Dawn il-qassisin kienu ġew limitati, f’diversi gradi, fl-eżerċizzju tal-ministeru mill-Arċisqof tagħhom minħabba d-“dissens” tagħhom għat-tagħlim tal-enċiklika Humanae vitae. Is-sena ta’ wara, fis-26 ta’ April 1971, il-Kongregazzjoni ppronunċjat ruħha billi tat sostanzjalment raġun lis-saċerdoti: iċ-ċirkostanzi partikolari li jakkumpanjaw att uman oġġettivament ħażin, mentri ma jistgħux jibdluh f’att oġġettivament virtuż, jistgħu jirrenduh “incolpevole o meno colpevole o soggettivamente giustificabile”[18].

 

Teoloġi

Punt mill-iżjed interessanti hu li fl-1972, Josef Ratzinger, għat-tmiem ta’ artiklu bil-Ġermaniż dwar l-indissolubbiltà taż-żwieġ, meta allura t-teologu u futur Papa kellu 45 sena, jgħid:

“Where a first marriage broke up a long time ago and in a mutually irreparable way, and where, conversely, a marriage consequently entered into has proven itself over a longer period as a moral reality and has been filled with the spirit of the faith, especially in the education of the children (so that the destruction of this second marriage would destroy a moral greatness and cause moral harm), the possibility should be granted, in a non-judicial way, based on the testimony of the pastor and church members, for the admission to Communion of those in live in such a second marriage”[19].

Verament illi bħala prefett tal-Kongregazzjoni tal-Fidi u aktar tard bħala Papa, l-enfasi ta’ Benedittu XVI kienet aktar fuq l-aspett oġġettiv tal-moralità. Saħansitra ffirma l-ittra tal-14 ta’ Settembru 1994 li biha s-Santa Sede ċaħdet it-teżi favorevoli għat-tqarbin tad-divorzjati miżżewġin mill-ġdid, sostnuna f’dawk is-snin minn isqfijiet fosthom Kasper. Veru wkoll li meta fl-2014 dan l-artiklu ġie ppubblikat mill-ġdid fl-Opera Omnia ta’ Ratzinger, il-parti konklussiva ġiet miktuba mill-ġdid[20]. Però dak li osserva ma jitlifx il-valur intrinsiku tiegħu. Ir-realtà hi komplessa u tinkludi mhux biss l-element oġġettiv imma wkoll dak soġġettiv.

Il-ħsieb teoloġiku u l-linja pastorali offruti mill-Amoris laetitia bħala tweġiba għall-bżonnijiet impellenti ta’ żmienna jinsabu f’linja ta’ kontinwità mat-tradizzjoni kbira Kattolika. Verament li fl-aħħar deċennji l-Maġisteru saħaq fuq l-aspett oġġettiv tal-moralità. Tispikka l-Enċiklika Veritatis Splendor, l-ewwel waħda fl-istorja, dwar il-fundamenti tal-moralità, li fost ħwejjeġ oħra tgħallem li hemm atti tradizzjonalment imsejħa “intrinsece malum” li dejjem u mill-istess oġġett tagħhom huma ħżiena[21]. Kien meħtieġ li, fil-klima ta’ relativiżmu morali, il-Knisja tisħaq fuq l-aspett oġġettiv tal-moralità, li jinkludi fost l-oħrajn li l-fini ma jiġġustifikax il-mezzi. Imma bħal kull diskors uman ieħor, din hija biss dimensjoni waħda tal-moralità. Kif insibu f’talba attribwita lill-Beatu Oscar Arnulfo Romero, “Xejn milli nagħmlu ma hu komplet. [...] Ebda affermazzjoni ma tgħid dak kollu li jista’ jingħad. Ebda talba ma tesprimi kompletament il-fidi. [...] Ebda programm ma jwettaq fil-milja l-missjoni tal-Knisja. Ebda għan jew objettiv ma jilħaq il-kompletezza”[22]. F’kelma waħda, hemm ukoll l-aspett soġġettiv tal-moralità. Tant hu hekk, li l-istess eżempju li saħansitra fil-Veritatis Splendor nsibu wkoll illi: “mingħajr ma ninnegaw bl-inqas mod l-influwenza fuq il-moralità eżerċitata miċ-ċirkostanzi u speċjalment mill-intenzjonijiet, il-Knisja tgħallem illi ‘jeżistu atti li, per se u fihom infushom indipendentement miċ-ċirkostanzi, huma dejjem serjament ħżiena minħabba l-oġġett tagħhom”[23].

Huwa minn din il-perspettiva li tagħti kas tas-sitwazzjoni konkreta u soġġettiva tal-persuna li l-Kardinal Carlo M. Martini, fl-aħħar intervista tiegħu, għamel osservazzjonijiet dwar persuni f’qagħdiet familjari imperfetti. Fis-silta pjuttost twila, iżda li jaqbel li nġibha kif sibtha, imiss punti fundamentali: (a) l-importanza tal-kuxjenza u d-dixxerniment marbut magħha; (b) il-valur terapewtiku tas-sagramenti; (ċ) l-atteġġjament pastorali lejn familji irregolari:

“Né il clero né il Diritto ecclesiale possono sostituirsi all’interiorità dell’uomo. Tutte le regole esterne, le leggi, i dogmi ci sono dati per chiarire la voce interna e per il discernimento degli spiriti. Per chi sono i sacramenti? Questi sono il terzo strumento di guarigione. I sacramenti non sono uno strumento per la disciplina, ma un aiuto per gli uomini nei momenti del cammino e nelle debolezze della vita. Portiamo i sacramenti agli uomini che necessitano una nuova forza? Io penso a tutti i divorziati e alle coppie risposate, alle famiglie allargate. Questi hanno bisogno di una protezione speciale. La Chiesa sostiene l’indissolubilità del matrimonio. È una grazia quando un matrimonio e una famiglia riescono [...]. L’atteggiamento che teniamo verso le famiglie allargate determinerà l’avvicinamento alla Chiesa della generazione dei figli. Una donna è stata abbandonata dal marito e trova un nuovo compagno che si occupa di lei e dei suoi tre figli. Il secondo amore riesce. Se questa famiglia viene discriminata, viene tagliata fuori non solo la madre ma anche i suoi figli. Se i genitori si sentono esterni alla Chiesa o non ne sentono il sostegno, la Chiesa perderà la generazione futura. Prima della Comunione noi preghiamo: ‘Signore non sono degno...’ Noi sappiamo di non essere degni [...]. L’amore è grazia. L’amore è un dono. La domanda se i divorziati possano fare la Comunione dovrebbe essere capovolta. Come può la Chiesa arrivare in aiuto con la forza dei sacramenti a chi ha situazioni familiari complesse?”[24]

L-intuwizzjoni brillanti tal-Kardinal Martini, fl-apiċi tal-ħajja tiegħu, tirrigwarda eżattament il-“konverżjoni” li l-Papa Franġisku jipproponi għall-attività pastorali kollha, inkluż fejn imiss il-familja. Qed nirreferi fejn Martini jgħid li l-mistoqsija proprja għandha tkun: kif tista’ l-Knisja tasal biex tgħin bis-sagramenti lil dawk f’qagħdiet familjari komplessi. Hawn nirreferi għal dak fuq imsemmi, fejn il-Papa Franġisku jgħallem li l-Ewkaristija “mhix premju tal-perfetti, imma mediċina qawwija u għejxien tad-dgħajfin”[25].

 

Santi Padri

Il-linja ta’ pastorali indikata mill-Amoris laetitia għandha fuq kollox il-bażi u l-ispirtu tagħha fil-Vanġelu, fi Kristu li ġie bħala tabib, mhux għal min hu b’saħħtu imma għall-morda, mhux biex jikkundanna imma biex isalva u qasba mġelġla ma jiksirhiex.

Fost is-Santi Padri, San Bażilju (330-379) isemmi linja ta’ attività pastorali ma’ persuni ġejjin minn ħajja miżżewġa ma’ persuna oħra, kif insibu fl-imsemmi artiklu ta’ Ratzinger, u illi taqbel mal-linja tal-Amoris laetitia:

“The requirement that a second marriage have proven itself over a long time as a moral greatness and have been lived in the spirit of faith in fact corresponds to that type of forbearance that is palpable in Basil, where after a long penance Communion is granted to the “Digamus” (= the one living in a second marriage) without terminating the second marriage: in trust in the mercy of God, who does not leave the penance unanswered. If in the second marriage moral obligations to the children, to the family, and so also to the woman have arisen, and no similar commitments from the first marriage exist, and if thus for moral reasons the abandonment of the second marriage is inadmissible, and on the other hand practically speaking abstinence presents no real possibility (magnorum est, says Gregory II), the opening up of community in Communion after a period of probation appears to be no less than just and to be fully in line with the Church’s tradition: The granting of communio cannot here depend on an act that is either immoral or practically speaking impossible”[26].

Fost il-Padri Latini hemm S. Wistin (354-430) li fl-Istqarrijiet jagħmel osservazzjoni li fil-prinċipju li tesponi tgħinna nifhmu aktar l-Amoris laetitia:

“Jeżistu mbagħad ċerti azzjonijiet li jixbhu l-vizzji jew l-għemejjel ħżiena u madankollu mhumiex dnubiet għaliex ma joffendux la lilek, Mulej Alla tagħna, anqas il-konsorzju tal-bnedmin. [...] Jeżistu, allura, ħafna azzjonijiet li jidhru ta’ min jikkundannahom għall-bnedmin mentri tapprovahom ix-xhieda tiegħek, u ħafna li l-bnedmin ifaħħru u inti bix-xhieda tiegħek tikkundanna. Spiss huma diversi l-aspetti ta’ azzjoni u l-intenzjonijiet ta’ min jaġixxi, kif ukoll il-taħwida taċ-ċirkostanzi, li aħna ma nafuhomx”[27].

 

San Tumas minn Akwinu

(a)    Fuq kollox hemm San Tumas minn Akwinu (1225-1274), duttur “non modo Angelicum, sed etiam Communem seu Universalem Ecclesiae Doctorem”[28]. Id-dixxerniment propost mill-Papa Franġisku dwar il-qagħdiet diversifikati ta’ persuni f’qagħdiet matrimonjali rregolari għandu fundament fit-tagħlim ta’ San Tumas dwar it-tajjeb u l-ħin tal-atti umani inġenerali.

Meta jiddiskuti fis-Summa Theologica x’jagħmel azzjoni tajba jew ħażina, San Tumas jgħid li l-oġġett morali hu l-aktar importanti x’wieħed jikkonsidra: “it-tieba primarja tal-azzjoni morali tiġi mill-oġġett proprju tagħha” [29]. Jidher li qed jindika li dak li għandu f’moħħu mhux tant azzjoni biss, imma azzjoni kkunsidrata fl-isfond taċ-ċirkostanzi li l-persuna ssib ruħha fihom. Hekk hu jpoġġi l-enfasi fuq l-oġġett morali, imma ma jiqafx hemm. Jisħaq, barra milli fuq l-oġġett u l-konvenjenza tiegħu, ukoll fuq ir-rwol taċ-ċirkostanzi. Dan għax fl-evalwazzjoni ta’ kull att partikolari rridu nżommu f’moħħna li “l-milja tat-tieba tiegħu ma tikkonsistix għalkollox fl-ispeċi tiegħu, imma wkoll f’ċerti żidiet li jingħaqdu miegħu bħala ċerti aċċidenti. U hekk huma d-debiti ċirkostanzi”[30].

Fuq kollox, it-teoloġija morali ta’ S. Tumas kienet teleoloġika, fis-sens li tiffoka fuq il-persuna li titħabat biex tikseb l-għan aħħari u fuq l-atti ġejjin mill-qawwiet affettwati mill-imġiba tajba u ħażina. Dak li hu formali fl-att morali tal-bniedem hi l-intenzjoni tal-fini (Cf. I-II, 18,6; 19,7) u l-iżball involontarju jolqot l-element materjali tal-kuxjena u mhux dak formali: min joqtol lil missieru li jaħseb li hu ċerva, mhux ħati ta’ parriċidju (Cf. Quodlibet., 13, a. 27).

Hu jagħmel ukoll ċara d-diffikultà li wieħed jifformola regoli morali bbażati fuq il-prinċipji fundamentali tal-liġi naturali, li jkunu dejjem applikabbli, huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi. Jgħid li n-nuqqas ta’ qbil jista’ jkollu diversi kawżi: għarfien insuffiċjenti tal-liġi morali, il-perverżjoni tar-raġuni b’xi passjoni jew abitu ħażin jew ukoll dispożizzjoni naturali[31].

Isemmi wkoll il-kuxjenza, conscientia (etika tal-għemil) bħala parti mis-synderesis (etika tal-esseri). Hija l-kuxjenza li tagħmel id-determinazzjoni formali, mhux biss rigward att indifferenti, imma wkoll rigward atti fihom infushom oġġettivament ħżiena jew tajbin (cf. I-II, 19,5c).

 

(b)    Kontribut kbir ta’ San Tumas biex idawwal l-interpretazzjoni ġusta tal-Amoris laetitia jiġi mill-kunċett ta’ kuxjenza li jgħaddilna. Hu kunċett li jmur kontra tip ta’ morali ‘essenzjalista’, ‘oġġettivista’. Xi tkun din tal-aħħar? Skont “l’oggetivismo rigido della ‘cosa in sé’ (oggettivismo cosistico), la coscienza sarebbe puramente passiva nell’applicare alla scelta morale singolare la legge: essa dovrebbe dire in singolare quello che la legge dice in universale. Le varianti sarebbero soltanto accidentali, o comunque saranno delle aggiunte”[32]. B’mod rigorożament xentifiku, San Tumas warrab dan l-oġġettiviżmu meta tratta f’erba’ kwistjonijiet it-tieba u l-ħażen tal-att uman[33].

L-essenzjaliżmu fil-morali rriduċa l-kuxjenza għal sempliċi lsira tal-liġi. Dan fixkel lil xi moralisti anke fid-duttrina dwar il-prudenza (recta ratio agibilium), f’kuntrast ċar ma’ San Tumas minn Akwinu. Issib moralisti ta’ livell li fi kwistjonijiet ta’ interess kbir dottrinali u pastorali jżommu bħala kuxjenza prudentement ifformata biss il-kuxjenza li taqbel mal-verità oġġettiva-kożistika tal-liġi. Skont ħafna, kuxjenza oġġettiva min-naħa l-waħda u kuxjenza vera, retta u prudenti min-naħa l-oħra, għandhom dejjem jaqblu. S. Tumas, min-naħa l-oħra, jurina li dan ir-raġunament jitlaq minn presuppost falz, li jidentifika l-verità tal-virtù intellettwali spekulattiva mal-verità tal-virtù intellettwali prattika. Fil-fatt, dawn huma differenti. F’tal-ewwel – pereżempju fix-xjenzi – jidħol l-intellett u l-idea trid tkun taqbel mar-realtà oġġettiva. Iżda l-oġġett tal-virtù intellettwali prattika – bħalma hi l-prudenza – huma l-atti tar-rieda u din li tagħmel huma atti kontinġenti, li jinbidlu, u mhux assoluti [34]. Il-verità proprja tal-virtù intellettwali prattika mhix dik tal-virtù intellettwali spekulattiva: din tal-aħħar tikkonsisti fil-qbil sħiħ tal-intellett mal-ħaġa magħrufa, “conformitas intellectus ad rem”; il-verità tal-intellett prattiku, min-naħa l-oħra, tikkonsisti fil-qbil mal-intenzjoni retta “conformitas ad appetitum rectum”[35].

S. Tumas jafferma mill-ġdid din id-duttrina meta jitkellem dwar id-deliberazzjoni morali li tagħlaq bil-ġudizzju tal-kuxjenza: il-verità tal-għażla morali tal-mezzi għall-fini hi determinata mill-prudenza li tikkonsisti fil-“qbil mar-rieda retta”[36].

 

Sant’ Alfons

Sant’ Alfons jimxi fuq il-linja ta’ Akwinu: dwar l-azzjonijiet, jeħtieġ niddistingwu bejn il-verità spekulattiva u l-onestà prattika tal-għemil[37]. Eżattament għax hi marbuta mal-prassi u tant magħġuna mal-konkretezza u s-singolarità tal-azzjoni, il-kuxjenza tiddifferixxi mill-għarfien spekulattiv tal-prinċipji universali neċessarji biex wieħed jgħix ħajja tajba (synderesis).

Hu jiftaħ it-Teoloġija Morali tiegħu billi saħansitra jgħid li l-liġi divina hi norma remota u materjali; ir-regola prossima u formali hija, però, il-kuxjenza[38]. U jgħid li l-iżball involontarju ma jneħħix lill-att morali konkret it-tieba u l-mertu tiegħu[39]. Fl-opra Homo apostolicus, insibu hekk, proprju fil-bidu:

“L-ewwel regola tal-għemil tajjeb hija l-liġi divina, li mbagħad magħha għandha tuniforma ruħha l-kuxjenza: iżda għaliex it-tjieba jew il-ħażen ta’ azzjoni hekk jidhru f’għajnejna, bil-mod kif il-kuxjenza tagħrafhom; minn dan joħroġ illi r-regola remota, jiġifieri materjali, tal-għemejjel tagħna, hija l-liġi divina; dik prossima u formali mbagħad hi l-kuxjenza, kif jgħallem San Tumas meta jgħid hekk: ‘Ir-raġuni umana hi r-regola tar-rieda umana, li minnha titkejjel it-tjieba tagħha’. U b’mod aktar ċar band’oħra: ‘L-att uman hu ġġudikat bħala virtuż jew vizzjuż skont it-tajjeb li wieħed jagħraf, li hu oġġett tar-rieda, u mhux skont l-oġġett materjali tal-att’. Għalhekk f’dan l-ewwel trattat se nittrattaw il-kuxjenza; f’li jmiss imbagħad il-liġi”[40].

Hu ċar li fost id-dutturi tal-Knisja, Sant’Alfons M. De Liguori (1696-1787) jispikka bħala qaddis u għaref li fil-kitbiet tiegħu nistgħu nsibu punti ta’ għajnuna mill-aqwa fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni korretta tal-Amoris laetita. Mhux ta’ b’xejn li f’ittra lill-Isqfijiet Maltin wara li ħarġu l-linjigwida dwar l-Eżortazzjoni Apostolika, il-Provinċjal tar-Redentoristi fl-Iskozja qalilhom: “I believe that these critieria are based on true gospel values as well as on the teaching of St. Alphonsus. [...] I shall send a copy of your document to all the members of my Province”[41]. Illum hawn kumdità kbira għax tista’ tgħid li l-opri kollha ta’ Sant’ Alfons, imsejjaħ Doctor zelantissimus, patrun tat-teoloġi morali u tal-konfessuri, jinsabu fuq l-Internet[42].

Sant’ Alfons josserva li xi wħud jirraġunaw li l-konfessur hu duttur u bħala tali għandu jistruwixxi lill-Insara dwar il-liġi u għalhekk ineħħihom mill-injoranza u jurihom x’tgħid il-liġi. Jew għandu jippermetti l-ksur materjali tal-liġi biex ma jħallix lill-persuna taqa’ fl-istat tad-dnub il-mejjet. Jirrispondi:

“Il-konfessur mhux biss hu duttur; hu wkoll tabib. Bħala tabib, kull meta jipprevedi li t-twiddiba tinbidel f’rovina għall-penitent, għandu jastjeni milli jagħmel twiddiba bħal din. U għalkemm hu wkoll duttur, madankollu ladarba l-uffiċċju ta’ konfessur hu uffiċċju ta’ karità, imwaqqaf mill-Mulej biss għall-ġdid tal-erwieħ, għandu jikkomunika d-duttrina, imma biss dik li tgħin u mhux dik li tagħmel dannu lill-penitent”[43].

Għal Sant’ Alfons, fil-ħajja spiritwali tiegħu l-bniedem għandu bżonn ta’ duttur li jistruwih dwar il-liġijiet tan-natura jew, insomma, dwar dawk universali, imma għandu aktar bżonn tat-tabib li jeżamina l-istat konkret tiegħu, biċ-ċirkostanzi individwali involuti. Hu persuna debboli. Għall-essenzjalista, id-dgħufija hi ħtija mhix skużata. Għal Sant’ Alfons id-dgħufija, sakemm ma tkunx adeżjoni fondamentali għall-ħażen, hi sitwazzjoni reali li bil-kura tat-tabib tista’ u għandha tiġi riżolta u ssir tajba. Wieħed m’għandux jitfi l-musbieħ inemnem, anke jekk jagħti fastidju. Għalhekk, id-dgħufija tal-persuna, sakemm it-tabib ikun jaf pastoralment ipoġġiha fit-triq tal-fejqan, hi raġuni valida biex tippermetti l-ksur materjali tal-liġi.

Il-glorja ta’ Alla u l-karità ta’ Alla huma miksura biss meta r-ruħ taqa’ fid-dnub formali. Jekk is-saċerdot ma jagħtix każ tal-istat dgħajjef tal-penitent, ikun kawża tar-rovina tiegħu. It-tagħlim ta’ Sant’ Alfons iserrħilna qalbna li din mhix kwistjoni akkademika imma tas-salvazzjoni tal-erwieħ. Fi tmiem it-trattat tiegħu fuq il-kuxjenza, Sant’ Alfons isemmi “prinċipju ta’ flessibilità” biex wieħed jiġġudika “in vivo” il-probabbiltà tar-regoli etiċi. Il-kriterju ta’ flessibilità li l-prudenza kellha tadotta kien l-esiġenza tal-persuna, b’tali mod li din tevita l-periklu tad-dnub formali; meta dan ma kienx hemm u kien hemm biss periklu ta’ dnub materjali, jiġifieri ksur materjali tal-liġi, hu ssuġġerixxa mhux ir-rigore imma l-beninjità[44]

Kienu l-esperjenza pastorali tiegħu mgħejxa b’responsabbiltà u spritu saċerdotali, il-gwida minn diretturi spritwali ekwilibarati u l-qari tal-moralisti Ġiżwiti li għenuh, b’mod speċjali, biex jgħaddi mir-rigoriżmu għall-beninjità pastorali[45]. B’mod partikolari hu “ipprefera l-verità pastorali, għax kien jaf illi li tkun riġidu jfisser li toffendi l-poplu Nisrani u tibgħat għadd kbir ta’ Nsara għat-telfien”[46]. F’dan l-ispirtu, fil-kamp morali ma weħilx mal-evalwazzjoni tal-att morali fih innifsu, il-finis operis tiegħu, bħallikieku hu l-att uman huwa “semplice fatto”, imma evalwa l-att morali sħiħ, in actu exercito, bħala “persona in atto”[47]. Għalhekk uriena f’dawl tant qawwi l-importanza tal-kuxjenza.

Il-liġi divina hi norma “remota” għax toffri punt ta’ riferiment assolut u mhux kontinġenti: tissuplixxi l-materja, il-kontenut etiku li jservi bħala standard biex jikkwalifika l-att u l-qbil mar-rieda divina. Min-naħa tagħha, il-kuxjenza hija ineparabbilment “prossima” għax hi proprja tal-individwu li jagħmel l-att u “formali” [48] għax tagħti forma lill-att innifsu. Infatti, li hu meħtieġ biex wieħed jista’ jirrealizza li hu obblilgat huwa li jkun infurmat b’mod ċar dwar ċerta liġi, mentri l-inċertezza ta’ norma jew l-injoranza invinċibbli jiskużaw mir-responsabbiltà morali.

Hekk niġu għall-punt tal-injoranza. Sant’ Alfons jgħallem li l-konfessur hu obbligat iwiddeb lil min jinsab fl-injoranza kolpevoli dwar xi dmir tiegħu, tal-liġi naturali jew pożittiva. Iżda meta l-injoranza mhix kolpevoli u ma joħroġx minnha dannu għall-ġid komuni u ma tirrigwardax il-ħwejjeġ neċessari għas-salvazzjoni, avolja tkun dwar il-preċetti divini, u l-konfessur jara li t-twiddiba ser tagħmel ħsara, x’għandu jagħmel?

“se il penitente l’ignorasse senza colpa, allora, quando l’ignoranza è circa le cose necessarie alla salvezza, in ogni conto gliela deve togliere; se poi è d’altra materia, ancorché sia circa i precetti divini, e ‘l confessore prudentemente giudica che l’ammonizione sia per nocere al penitente, allora deve farne a meno e lasciare il penitente, nella sua buona fede; ed in ciò s’accordano anche gli autori più rigidi. La ragione si è, perché si deve maggiormente evitare il pericolo del peccato formale che del materiale, mentre Dio solamente il formale punisce, poiché da questo solo si reputa offeso. Ciò sta provato pienamente nel Libro colla opinione de’ dd. a eccezione di pochi”[49].

Forsi wieħed joġġezzjona li ż-żwieġ hu materja li toffri eċċezzjoni. Ekku kif ifisser Sant’ Alfons:

“E quindi s’inferisce anche colla comune, che nel caso che ‘l penitente avesse contratto matrimonio invalido per qualche impedimento occulto e stesse in buona fede, ed inoltre vi fosse pericolo d’infamia, di scandalo o d’incontinenza, se gli fosse manifestata la nullità, allora deve il confessore lasciarlo in buona fede finché gli ottenga la dispensa (eccettoché se la dispensa facilmente e subito potesse ottenersi). Ed in tal caso, cioè quando sta in buona fede, se mai il penitente si confessasse di aver negato senza giusta causa il debito coniugale, dicono i dd (ibid) che il confessore deve benanco a ciò obbligarlo”[50].

U l-istess prinċipju jgħodd fil-każ tad-dnub tas-serq:

“Così anche, secondo la comun sentenza, deve omettersi l’ammonire di qualche obbligo di restituzione chi stesse in piena buona fede, se certamente si prevedesse che ‘l penitente non ubbidirebbe all’ammonizione”[51].

Li hu ta’ siwi għalina hu l-prinċipju użat f’dan ir-raġunament. Is-sitwazzjoni ta’ injoranza, fil-każ tagħna, tista’ tirrigwarda l-każ analogu ta’ min jaf bl-indissolubililtà taż-żwieġ imma jkollu diffikultà kbira biex jifhem il-“valuri inerenti” tagħha[52].

Il-kuxjenza konkreta għandha l-għeruq tagħha fiż-żmien: għandha aspett storiku li jintwera fuq livelli u għamliet diversi ta’ konoxxenza. Hekk, il-kuxjenza erronja hi kolpevoli skont kemm hija volontarja. Tista’ tkun żbaljata waqt li ma jkollhiex x’taqsam mar-rieda tal-persuna, meta tkun determinata minn kundizzjonamenti storiċi, kulturali, psikoloġiċi, morali u reliġjużi li jagħfsu fuq dak li jkun. Fit-tieni każ, Sant’ Alfons mhux biss jeskludi r-responsabbiltà morali tal-att, imma saħansitra jasal biex jgħid li wieħed jista’ jkun fid-dmir li jsegwi dak li tgħidlu kuxjenza bħal din: “Min jippossiedi kuxjenza invinċibilment żbaljata, mhux biss ma jidnibx billi jopra skont din, imma xi drabi hu wkoll fid-dmir li jsegwiha”[53]. Hawn naraw il-moħħ miftuħ tiegħu, li bħala avukat abbli tal-kuxjenza, jaf kif iġib il-fatturi mitiganti li japplikaw, anke dawk li jeskludu l-ħtija għal kollox jew jirrendu l-imġiba doveruża. Hekk jiftħilna t-triq għal rispett mill-akbar lejn il-kuxjenza, avolja l-għażliet tagħha jistgħu jidhru mbegħdin mill-prinċipji morali astratti u ġenerali. Għażel it-triq kuraġġjuża ta’ moralità tal-azzjoni personali u għalhekk tal-imġiba konxja u libera bħala kundizzjoni esklussiva biex ikun hemm responsabbiltà morali.

 

Kelma tal-aħħar

Il-ġudizzju tal-kuxjenza mhux sempliċi applikazzjoni tan-normi universali għall-każ prattiku, għaliex is-sitwazzjoni konkreta singulari mhix biss il-punt tal-wasla imma wkoll il-punt tat-tluq[54]. Infatti s-sitwazzjonijiet eżistenzjali tant huma diversifikati u kkumplikati li fid-dixxerniment tagħhom “la scelta è più sovente fra il grigio e il grigio che fra il bianco e il nero”[55].Għalhekk l-importanza tal-kuxjenza[56].

F’dan l-istudju waqaft fuq personaġġi kbar fit-tradizzjoni Nisranija, li joffrulna triq privileġġjata kif nifhmu u napplikaw l-indikazzjonijiet tal-Amoris laetitia għall-każijiet ta’ familji miġruħa. Nagħlaq b’riferenza għal min aktarx kien l-akbar fost il-filosofi pagani. Il-punt hu li waqt li tibqa’ bla mittiefsa l-oġġettività tan-norma morali, jeħtieġ iżda li l-universalità ta’ dak li hu tajjeb tingħaqad mas-singolarità tal-kuxjenza. Mhix biċċa xogħol faċli. Titlob dixxerniment. Aristotile, meta ġie biex jitkellem dwar l-għerf, phronesis – tant viċina għall-prudentia li jsemmi San Tumas – jgħid li hija t-triq tan-nofs bejn żewġ eċċessi opposti u hekk turi liema hi l-azzjoni tajba u ta’ min ifaħħarha[57] imma din it-triq tan-nofs ġusta ma tippretendix li ssolvi a priori kull sitwazzjoni.

 

 

 


[1]   Isqfijiet Maltin, Kriterji għall-Applikazzjoni ta’ Kapitlu VIII tal-Amoris Laetitia, Jan. 2017, n. 9. F’ittra ta’ Girgor II lil San Bonifazju jissemma kemm hu diffiċli għar-raġel ta’ mara li, minħabba mard, ma tistax twettaq id-dejn konjugali, li jibqa’ kontinenti jitlob minnu qawwa erojka: “hoc magnorum est” (Grazjanu, Decretum, p. 2, c. 32, q. 7, c. 18).

[2]  Eżortazzjoni Apostolika Familiaris consortio, 22.11.1981, n. 84.

[3]   Fil-Criterios básicos para la aplicación del capítulo VIII de Amoris laetitia tal-Isqfijiet tar-Reġjun Pastorali ta’ Buenos Aires, 5.9.2016, naqraw illi meta kien hemm inġustizzji rriżolti, l-aċċess għas-sagramenti hu b’mod partikolari skandaluż: “Cuando hubo injusticias no resueltas, el acceso a los sacramentos es particularmente escandaloso (no. 8).

[4]   L-injoranza invinċibbli hi trattata speċifikament mill-Kunsill Pont. għall-Familja, Vademecum għall-Konfessuri dwar ċerti aspetti tal-Moralità tal-Ħajja Konjugali, 12.2.1997, nn. 7 & 8.

[5]  Amoris laetitia, n. 301.

[6]  Art. 1735.

[7]  Ibid., art. 2352.

[8]  Isqfijiet Maltin, Kriterji għall-Applikazzjoni, n. 9.

[9]   Amoris laetitia, n. 305.

[10] nella nota 351 si legge: In certi casi, potrebbe essere anche l’aiuto dei sacramenti. Il Papa usa il condizionale, dunque non dice che bisogna ammettere ai sacramenti, sebbene non lo escluda in alcuni casi e ad alcune condizioni” (Relazione del Cardinale Vicario [A. Vallini], La letizia dell’amore: il cammino delle famiglie a Roma, 19.9.2016, 11); “quando le circostanze concrete di una coppia lo rendono fattibile, vale a dire quando il loro cammino di fede è stato lungo, sincero e progressivo, si proponga di vivere in continenza; se poi questa scelta è difficile da praticare per la stabilità della coppia, Amoris laetitia non esclude la possibilità di accedere alla Penitenza e all’Eucarestia. Ciò significa una qualche apertura, come nel caso in cui vi è la certezza morale che il primo matrimonio era nullo, ma non ci sono le prove per dimostrarlo in sede giudiziaria; ma non invece nel caso in cui, ad esempio, viene ostentata la propria condizione come se facesse parte dell’ideale cristiano, ecc” (Ibid., 13).

[11]    Amoris laetitia, nota 351.

[12] “The important argument for the absolute and indistinct exclusion of divorced and remarried Catholics from the Eucharist comes from sacramental theology. Following St Thomas, ‘sacramentum est in genere signi.’ So, reasoning about sacraments is also reasoning about symbols. Symbols are ‘forms’ (Gestalten) in a deep and rich sense that carry many levels of meaning each connected and referring to the others. Symbolic reasoning is never-ending and the symbolic sense of the Eucharist is too rich to be extinguished” (G. Virt, Moral Norms and the Forgotten Virtue of Epikeia in the Pastoral Care of the Divorced and Remarried, in Melita Theologica, 63/1 [2013] 33).

[13]    Isqfijiet Maltin, Kriterji għall-Applikazzjoni, n. 10.

[14]    Amoris laetitia, n. 297.

[15]    “Pro ‘bonae fidei’ casibus, unica solutio manere videtur recursus ad forum internum, cum dicti casus hic solvi possunt.

Doctrina communiter docet delcarationem nullitatis matrimonii, ex natura sua, faciendam esse in foro externo. Non enim agitur de obligationibus et vinculis quae mere moralia sunt, sed quae sunt simul iuridico-socialia atque moralia. Sicut vinculum morale coram Deo non oritur nisi dependenter ab obligatione aut vinculo iuridico coram Ecclesia, ita quoque, ex se, non aufertur nisi dependenter ab ablatione huius obligationis vel vinculi coram Ecclesia. Vinculum tamen hoc ab eo solo auferri potest qui gaudet iurisdictione pro foro externo. De facto autem, in casibus occultis, ad consulendum conscientiae, Ecclesia concedit ut directe auferatur sola obligatio moralis aut vinculum morale ab eo qui sola iurisdictione pro foro interno potitur, ita ut fidelis in conscientia, seu coram Deo, revera ab obligatione aut vinculo liberatus sit, quamvis in foro externo, seu coram Ecclesia, adhuc habendus sit hoc vinculo ligatus, usque dum nullitas in foro externo comprobetur. Cf. G. Michiels, De potestate ordinaria et delegata, 1964, pp. 101-103 et 107-110; W. Bertrams, De natura iuridica fori interni Ecclesiae, in Quaestiones fundamentales iuris canonici, 1969, pp. 187, 194-196 et 199-200; U. Navarrete, Conflictus inter forum internum et externum in matrimonio, in Investigationes theologicae-canonicae, 1978, 338-340” (coram Pinto, 20.6.1986, n. 6).

[16]    “Solutio autem haec: a) limitatur ad casus qui in foro externo soluti non sunt; b) sec in quibus moralis certitudo ex probationibus fori interni obtineri potest; c) et valet tantummodo pro foro conscientiae” (coram Pinto, 20.6.1986, n. 6).

[17]    Enchiridion Vaticanum, 4, 412-425.

[18]    412, 4.

[19] Zur Frage nach der Unauflöslichkeit der Ehe: Bemerkungen zum dogmengeschichtlichen Befund und zu seiner gegenwärtigen Bedeutung, f’Ehe und Ehescheidung: Diskussion unter Christen, Kösel-Verlag, München, 1972, 35-56. Traduzzjoni minn Joseph Bolin: http://www.pathsoflove.com/texts/ratzinger-indissolubility-marriage/

[20]    http://chiesa.espresso.repubblica.it/articolo/1350933

[21]    Cf. S. Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Veritatis splendor, 6.8.1993, n. 80.

[22]    Cf. Papa Franġisku, Diskors lill-Kurja Rumana, 21.12.2015, tmiem.

[23]    Veritatis splendor, n. 80 – italics miżjuda minni.

[25]    Papa Franġisku, Eżortazzjoni Apostolika Evangelii Gaudium, 24.11.2013, n. 47.

[26]    J. Ratzinger, Zur Frage nach der Unauflöslichkeit der Ehe.

[27]    Confessiones, III, 9, 17.

[28]    Piju XI, Studiorum Ducem, 11 (29 Ġunju 1923), AAS, XV.

[29]    “prima bonitas actus moralis attenditur ex obiecto convenienti” (Summa Theologica, I-II, 18, 2).

[30]    “plenitudo bonitatis eius non tota consistit in sua specie, sed aliquid additur ex his quae adveniunt tanquam accidentia quaedam. Et huiusmodi sunt circumstantiae debitae” (Summa Theologica, I-II, 18, 3).

[31]    Cf. Summa Theologica, I-II, 94, 4; cf. Amoris laetitia, 304, note 347.

[32]    D. Capone, La verità nella coscienza morale, fi Studia Moralia, 8 (1970) 12.

[33]    Cf. Summa Theologica, I-I, qq. 18-21.

[34]    Cf. Ibid., I-II, q. 94, 4c.

[35]    Cf. Ibid., I-II, q. 19, 3, ad 2.

[36]    Cf. Ibid., I-II, 57, 5c u ad 3.

[37] “semper distinguere oportet (in quantum pertinet ad operandum) duas veritates, unam rei speculativam, alteram honestatis actionis practicam” (S. Alfons, Dissertatio secunda scholastico-moralis pro usu moderato opinionis probabilis in concursu probabilioris, Napli 1755, n. 15).

[38]    “Duplex est regula actuum humanorum; una dicitur remota, altera proxima. Remota, sive materialis, est lex divina; proxima vero, sive formalis, est conscientia: quia, liceat conscientia in omnibus divinae legi conformari debeat, bonitas tamen aut malitia humanarum actionum nobis innotescit, prout ab ipsa conscientia apprehenditur” (Theologia Moralis, I, 3).

[39]    Cf. Theologia Moralis, I, 1, I, tr. 1, nn. 1-6.

[40] Prima regula bene agendi est lex divina, cui postea debet se uniformare conscientia: sed quia bonitas aut malitia actionis talis nobis apparet, qualem eam conscientia apprehendit; hinc fit, quod regula remota, sive materialis, nostratum operationum, est lex divina; proxima vero et formalis est conscientia, ut docet s. Thomas sic loquens: Ratio humana est regula voluntatis humanae, ex qua eius bonitas mensuratur [S.Th., I-II, q. 19, a. 4]. Et apertius alibi: Actus humanus iudicatur virtuosus, vel vitiosus, secundum bonum apprehensum, in quod voluntas fertur, et non secundum materiale obiectum actus [Quodlib., 3, a. 27]. Qua de re in hoc primo tractatu agemus de conscientia, in sequenti vero de lege” (Homo apostolicus, n. 1; Cf. Confessore diretto per le confessioni della gente di campagna, kap. 1).

[41] Ronald J. McAinsh C.Ss.R., Ittra lill-Konferenza Episkopali Maltija, 8.2.2017, iċċirkolata fostna s-saċerdoti.

[43]    Theologia Moralis, VI, n. 610, ob. 2.

[44]    Cf. D. Capone, Per la teologia della coscienza cristiana, fi Studia moralia, 20 (1982) 87.

[45]    Cf. M. Vidal, La morale di Sant’Alfonso. Dal rigorismo alla benignità, Roma 1992, 111.

[46]    “Alfonso preferisce la verità pastorale, poiché sa che essere rigido significa offendere il popolo cristiano e mandare alla perdizione un gran numero di fedeli” (Ibid., 47)

[47]    Hawn tidħol u “si radica finalment quella che costituisce la densità dell’atto morale concreto, per cui esso non è semplice ‘fatto’, ma è ‘persona in atto’, protesa in crescita orizzontale e verticale. Quello che vien definito da teologi e pastori ‘malum intrinsece’ e che è al centro delle dispute, a volte pesanti, odierne, consiste proprio nella violazione di questa tensione finalistica” (D. Capone, La teologia moralis di s. Alfonso. Prudenzialità nella scienza casistica per la prudenza nella coscienza, fi Studia moralia, 25 (1987) 65) u hekk wieħed jasal għal oġġettiviżmu riġidu.

[48]    “Duplex est regula actuum humanorum; una dicitur remota, altera proxima. Remota, sive materialis, est lex divina; proxima vero, sive formalis, est conscientia: quia, liceat conscientia in omnibus divinae legi conformari debeat, bonitas tamen aut malitia humanarum actionum nobis innotescit, prout ab ipsa conscientia apprehenditur” (Theologia Moralis, I, 3).

[49]    Pratica del confessore, n. 8.

[50]    Ibid.

[51]    Ibid.

[52]    Amoris laetitia, n. 301.

[53] “Qui conscientiam invincibiliter erroneam habet, non solum non peccat juxta eam operando, sed etiam aliquando tenetur illam sequi” (Theologia Moralis, I, 4).

[54]    M. Chiodi, Teologia morale fondamentale, Brescia 2014, 461.

[55]    P. Ricœur, Riflession fatta. Autobiografia intellettuale, Milano 1998, trad. mill-Franċiż, 96, dwar l-għerf prattiku. Cf. Amoris laetitia, 305.

[56] “Conscience [...] is a messenger from Him, who, both in nature and in grace, speaks to us behind a veil, and teaches and rules us by His representatives. Conscience is the aborigenal Vicar of Christ, a prophet in its informations, a monarch in its peremptoriness, a priest in its blessings and anathemas” (Beatu J.H. Newman, A letter addressed to His Grace the Duke of Norfolk in occasion of Mr Gladstone’s recent expostulation in Certain Difficulties felt by Anglicans in Catholic teaching, II, London 1891, 248-249).

[57] Virtue, then, is a state of character concerned with choice, lying in a mean, i.e. the mean relative to us, this being determined by a rational principle, and by that principle by which the man of practical wisdom would determine it. Now it is a mean between two vices, that which depends on excess and that which depends on defect” (Nicomachean Ethics, II, 6).