LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

 

Home

Librerija

Forum

Arkivju

Links

Ikkuntatjana

 

 

     

 

MIS-SINODU TAL-ISQFIJIET OTTUBRU 2012

QUDDIESA TAL-FTUĦ TAS-SINODU TA’ L-ISQFIJIET

U L-PROKLAMAZZJONI

TA’ SAN ĠWANN TA’ AVILA U SANTA ILDEGARDA TA’ BINGEN

BĦALA “DUTTURI TAL-KNISJA”

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA BENEDITTU XVI

 

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 7 ta’ Ottubru 2012

 

Għeżież Ħuti fl-Episkopat,

Għeżież Ħuti,

 

B’din il-Konċelebrazzjoni Solenni qed niftħu t-tlettax-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet bit-tema L-Evanġelizzazzjoni Ġdida għat-Trasmissjoni tal-Fidi Nisranija.  It-tema tirrifletti direzzjoni programmatika għall-ħajja tal-Knisja, u għall-membri, il-familji, il-komunitajiet u l-istituzzjonijiet tagħha.  U dan il-pjan hu msaħħaħ mill-fatt li dan is-Sinodu qed jaħbat mal-bidu tas-Sena tal-Fidi, li tiftaħ fil-11 ta’ Ottubru, fil-ħamsin anniversarju mill-ftuħ tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.  Nagħti merħba kordjali u mimlija gratitudni lilkom li ġejtu hawn biex tkunu parti minn din l-Assemblea Sinodali, b’mod partikulari lis-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, u lill-kollegi tiegħu.  Insellem lil ħutna d-delegati mill-Knejjes u l-komunitajiet ekkleżjali l-oħra, kif ukoll lil dawk kollha preżenti, u nistedinhom isieħbu bit-talb ta’ kuljum tagħhom id-deliberazzjonijiet li sa jsiru tul it-tliet ġimgħat li ġejjin.

 

Il-qari tal-Liturġija tal-Kelma ta’ dan il-Ħadd jipproponilna żewġ punti prinċipali għar-riflessjoni: l-ewwel wieħed dwar iż-żwieġ, li sa nitkellem fuqu dalwaqt; u t-tieni dwar Ġesù Kristu, li sa nittratta issa.  M’għandniex ħin biex nikkummentaw fuq is-silta mill-Ittra lil-Lhud, imma, fil-ftuħ ta’ din l-Assemblea Sinodali, għandna nilqgħu l-istedina biex niffissaw ħarsitna fuq il-Mulej Ġesù, “imżejjen fil-glorja u l-ġieħ minħabba fil-mewt li hu bata” (2:9).  Il-Kelma ta’ Alla tqiegħdna f’riġlejn il-Glorjuż li ġie msallab, biex ħajjitna kollha, u b’mod partikulari l-impenn ta’ din is-sessjoni Sinodali, jiżvolġu taħt il-ħarsa tiegħu u fid-dawl tal-misteru tiegħu.  F’kull żmien u post, l-evanġelizzazzjoni dejjem għandha bħala l-bidu u t-tmiem tagħha lil Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla (ara Mk 1:1); u l-Mislub hu s-sinjal l-aktar għoli u distintiv ta’ dak li jħabbar il-Vanġelu: sinjal ta’ mħabba u sliem, sejħa għall-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni.  Għeżież Ħuti fl-Episkopat, ejjew nibdew minna stess u niffissaw ħarsitna fuqu, u hekk inħallu l-grazzja tiegħu ssaffina.

 

Issa nixtieq neżamina fil-qosor l-evanġelizzazzjoni ġdida, u r-rabta tagħha ma’ l-evanġelizzazzjoni ordinarja u l-missjoni ad Gentes.  Il-Knisja teżisti biex tevanġelizza.  Fidili lejn il-kmand tal-Mulej Ġesù Kristu, id-dixxipli tiegħu marru mad-dinja kollha jħabbru l-Bxara t-Tajba, u xerrdu ma’ kullimkien il-komunitajiet Insara.  Maż-żmien, dawn kibru fi Knejjes organizzati tajjeb, b’bosta fidili.  F’diversi mumenti ta’ l-istorja, il-providenza divina qajmet dinamiżmu ġdid fi ħdan l-attività evanġelizzatriċi tal-Knisja.  Biżżejjed naħsbu fl-evanġelizzazzjoni tal-popli Anglo-Sassoni jew tas-Slavi, inkella t-trasmissjoni tal-fidi fil-kontinent ta’ l-Amerika, jew il-ħidma missjunarja fost il-popli ta’ l-Afrika, l-Asja u l-Oċeanja.  Hu f’dan l-isfond dinamiku li rrid inħares lejn iż-żewġ figuri radjanti li għadni kemm ipproklamajt  Dutturi

tal-Knisja, San Ġwann ta’ Avila u Santa Ildegarda ta’ Bingen.  Anki fi żminijietna, l-Ispirtu s-Santu rawwem fil-Knisja qawmien ġdid għat-tħabbir tal-Bxara t-Tajba, dinamiżmu pastorali u spiritwali li sab espressjoni iktar universali u spinta iktar awtoritattiva fil-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.  Dan id-dinamiżmu evanġeliku ġdid iħalli influwenza tajba fuq iż-żewġ “friegħi” speċifiċi li jiżviluppaw minnu, jiġifieri, fuq naħa l-Missio ad Gentes, jew it-tħabbira tal-Vanġelu lil dawk li għadhom ma jafux lil Ġesù Kristu u l-messaġġ tiegħu ta’ salvazzjoni, u fuq in-naħa l-oħra l-Evanġelizzazzjoni Ġdida, immirata prinċipalment lejn dawk li, għalkemm mgħammda, tbiegħdu mill-Knisja u jgħixu mingħajr ebda riferenza għall-ħajja Nisranija.  L-Assemblea Sinodali li qed tiftaħ il-lum qed timpenja ruħha b’riżq din l-evanġelizzazzjoni ġdida, biex tgħin lil dawn il-persuni jiltaqgħu mal-Mulej, li waħdu jista’ jimla l-eżistenza tagħna b’sens u paċi profonda; u biex tgħinna niskopru mill-ġdid il-fidi, dik l-għajn tal-grazzja li ġġib il-ferħ u t-tama lill-ħajja personali, familjari u soċjali.  Ovvjament, din il-mira speċjali m’għandhiex tnaqqas la mill-isforzi missjunarji fis-sens strett tal-kelma u lanqas mill-attività ordinarja ta’ evanġelizzazzjoni fil-komunitajiet Insara tagħna, għax dawn huma tliet aspetti tar-realtà waħda ta’ l-evanġelizzazzjoni, li jikkumplimentaw u jagħnu lil xulxin.

 

It-tema taż-żwieġ, li nsibu fil-Vanġelu u fl-ewwel qari, jixirqilha attenzjoni speċjali.  Il-messaġġ tal-Kelma ta’ Alla nistgħu niġbruh fl-espressjoni li nsibu fil-Ktieb tal-Ġenesi u li Ġesù nnifsu kkwota: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (Ġen 2:24; Mk 10:7-8).  X’qed tgħidilna din il-kelma l-lum?  Jidhirli li qed tistedinna biex insiru iktar konxji minn din ir-realtà, diġà magħrufa sew imma mhux apprezzata għal kollox: li ż-żwieġ hu Vanġelu fih innifsu, Bxara Tajba għad-dinja tal-lum, speċjalment fid-dinja dekristjanizzata.  L-għaqda ta’ bejn raġel u mara, il-fatt li huma jsiru “ġisem wieħed” fl-imħabba, waħda li tħalli l-frott u hi indissolubbli, hu sinjal li jitkellem b’qawwa dwar Alla u b’elokwenza li fi żminijietna saret ikbar għax sfortunatament, għal bosta raġunijiet, iż-żwieġ, sewwa sew fl-eqdem reġjuni li ġew evanġelizzati, għaddej minn kriżi profonda.  U dan m’hux b’kumbinazzjoni.  Iż-żwieġ hu marbut mal-fidi, imma mhux b’mod ġenerali.  Iż-żwieġ, bħala għaqda ta’ mħabba fidila u indissolubbli, hu mibni fuq il-grazzja li ġejja minn Alla Trinità, li fi Kristu ħabbna bi mħabba fidila, sa fuq is-Salib.  Il-lum, f’kuntrast mar-realtà qarsa ta’ tant żwiġijiet li sfortunatament jispiċċaw ħażin, hemm bżonn nifhmu l-verità sħiħa ta’ din l-istqarrija.  Hemm rabta ċara bejn il-kriżi fil-fidi u l-kriżi fiż-żwieġ.  U, kif il-Knisja tenniet u xehdet għal żmien twil issa, iż-żwieġ hu msejjaħ biex ma jkunx biss oġġett imma suġġett ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida.  Dan diġà qed narawh fid-diversi esperjenzi ta’ komunitajiet u movimenti, imma bil-mod il-mod qed iseħħ ukoll fid-djoċesijiet u l-parroċċi, kif deher riċentement fil-Laqgħa Dinjija tal-Familji.

 

Waħda mill-ideat importanti ta’ l-ispinta ġdida li l-Konċilju Vatikan II ta lill-evanġelizzazzjoni hi s-sejħa universali għall-qdusija, li fiha nfisha tgħodd għall-Insara kollha (ara Lumen Gentium, 39-42).  Il-qaddisin huma l-atturi veri ta’ l-evanġelizzazzjoni fl-espressjonijiet kollha tagħha.  B’mod speċjali huma wkoll pjunieri u xandara ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida: bl-interċessjoni u l-eżempju ta’ ħajjithom, attenti għat-tidwil ta’ l-Ispirtu s-Santu, huma juru l-ġmiel tal-Vanġelu lil dawk li huma indifferenti jew anki ostili, u jistiednu lil min hu biered fil-fidi biex jgħix il-ferħ tal-fidi, it-tama u l-imħabba, biex jiskopri mill-ġdid l-għatx u l-ġuħ għall-Kelma ta’ Alla u għas-sagramenti, speċjalment għall-ħobż tal-ħajja, l-Ewkaristija.  Nilmħu rġiel u nisa ta’ ħajja qaddisa jwarrdu qalb il-missjunarji ġenerużi li jħabbru l-Bxara t-Tajba lil dawk li m’humiex Insara, fl-imgħoddi fl-artijiet tal-missjoni u l-lum f’kull post fejn jgħixu nies li m’humiex Insara.  Il-qdusija ma tafx b’konfini kulturali, soċjali, politiċi jew reliġjużi.  Il-lingwa tagħha, dik ta’ l-imħabba u l-verità, tinftiehem mill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba u tiġbidhom lejn Ġesù Kristu, l-għajn ta’ ħajja ġdida li ma taqta’ qatt.

 

Hawnhekk, ejjew nieqfu għal ftit biex napprezzaw iż-żewġ qaddisin li l-lum ġew miżjuda ma’ l-għadd magħżul tad-Dutturi tal-Knisja.  San Ġwann ta’ Avila għex fis-seklu sittax.  Espert kbir ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, kien imżejjen bi spirtu missjunarju mħeġġeġ.  Kien jaf kif jippenetra b’mod unikament profond fil-misteri tal-fidwa li Kristu wettaq għall-ġid ta’ l-umanità.  Bniedem ta’ Alla, hu rnexxielu jgħaqqad flimkien it-talb kostanti u l-azzjoni appostolika.  Ta ruħu għall-predikazzjoni u għall-prattika iktar frekwenti tas-sagramenti, u kkonċentra l-impenn tiegħu fuq it-tisħiħ tal-formazzjoni tal-kandidati għas-saċerdozju, tar-reliġjużi u tal-lajċi, b’viżjoni ta’ riforma fil-Knisja li kienet kapaċi tħalli l-frott.

 

Santa Ildegarda ta’ Bingen, figura femminili importanti tas-seklu tnax, offriet il-kontribut prezzjuż tagħha biex il-Knisja ta’ żmienha tkompli tikber, u ħaddmet id-doni li rċiviet minn għand Alla, u wriet li kienet mara ta’ intelliġenza brillanti, sensittività profonda u awtorità spiritwali magħrufa minn ħafna.  Il-Mulej żejjinha bi spirtu profetiku u kapaċità ferventi li tagħraf is-sinjali taż-żminijiet.  Ildegarda rawmet fiha mħabba evidenti għall-ħolqien, u kienet mgħallma fil-mediċina, il-poeżija u l-mużika.  Fuq kollox, żammet fiha mħabba kbira u fidila lejn Kristu u l-Knisja tiegħu.

 

Din il-ġabra fil-qosor ta’ l-ideal tal-ħajja Nisranija, espressa fis-sejħa għall-qdusija, iġġegħilina nħarsu b’umiltà lejn id-dgħufija, u anki d-dnub, ta’ bosta Nsara, kemm bħala individwi u kemm bħala komunitajiet, ħaġa li hi xkiel kbir għall-evanġelizzazzjoni u għall-għarfien tal-qawwa ta’ Alla li, fil-fidi, jiġi jiltaqa’ mad-dgħufija umana.  Għalhekk, ma nistgħux nitkellmu dwar l-evanġelizzazzjoni ġdida mingħajr ma jkollna xewqa sinċiera għall-konverżjoni.  L-aqwa triq għall-evanġelizzazzjoni ġdida hi li nħallu lil Alla jirrikonċiljana miegħu u ma’ xulxin (ara 2 Kor 5:20).  Solennement ippurifikati, l-Insara jistgħu jiksbu mill-ġdid dik il-kburija leġittima fid-dinjità tagħhom ta’ wlied Alla, maħluqa xbieha tiegħu u mifdija mid-demm prezzjuż ta’ Ġesù Kristu, u jistgħu jduqu l-ferħ tiegħu biex hekk jaqsmuh ma’ kulħadd, fil-qrib u fil-bogħod.

 

Għeżież ħuti, ejjew nafdaw f’idejn Alla l-ħidma tas-Sinodu, imwieżen mix-xirka tal-qaddisin, u nsejħu b’mod partikulari l-interċessjoni ta’ evanġelizzaturi kbar, li fosthom, b’tant għożża, għandna ngħoddu lill-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II, li l-pontifikat twil tiegħu kien mudell ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida.  Ejjew nintefgħu taħt il-ħarsien tal-Verġni Mqaddsa Marija, Kewkba ta’ l-Evanġelizzazzjoni Ġdida.  Magħha ejjew nitolbu li l-Ispirtu s-Santu jinżel mill-ġdid fuqna, u mill-għoli jdawwal lill-Assemblea Sinodali u jagħmel li tħalli l-frott għall-vjaġġ tal-Knisja fid-dinja tal-lum, fi żminijietna.  Amen.

 

 

miġjuba mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 

 

 

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link