ID-DJALOGU FID-DOKUMENTI TAS-SINODU DJOĊESAN
SERJE VALURI TAS-SINODU – 4
SINODU MALTA
Matul is-Sinodu Djoċesan, fi proċess ta’ dixxerniment ġew identifikati sitt valuri fundamentali. Dawn huma l-valuri bażiċi li wieħed isib fid-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan. Dawn huma: l-evanġelizzazzjoni, il-komunjoni, il-formazzjoni, id-djalogu, il-qadi, is-solidarjetà. Dan il-ktejjeb jagħti r-referenzi prinċipali li wieħed isib għad-djalogu fid-dokumenti tas-Sinodu. Wieħed għandu jikkonsulta d-dokumenti nfushom biex ikollu t-test sħiħ.
Ħajr lil Dun Joe Mizzi li ġabar flimkien dawn ir-referenzi.
Viżjoni ta’ Knisja komunjoni
▪ Inseddqu d-djalogu fostna u mas-setturi kollha tas-soċjetà – preż, 51;
▪ Djalogu bejn l-istess membri tal-Knisja – komunità – 38;
▪ Il-Knisja tgħin fil-vokazzjoni ta’ Malta li tkun fus għad-djalogu bejn il-pajjiżi, kulturi u reliġjonijiet diversi – 50;
▪ Knisja kuraġġuża li taf tisma’ u taf tiddjaloga bla ma tkun paternalista jew awtoritarja – 51;
▪ Aktar kordinament fost l-aġenziji tal-Knisja stess – 51.
Kultura – Soċjetà – Knisja
▪ Il-Knisja tidħol fi djalogu ma’ dak li hu pożittiv fil-kultura u tibqa’ fidila għall-missjoni li taha Kristu billi tibqa’ turi b’mod ċar dak li jagħmel ħsara lis-soċjetà – 6;
▪ Huwa dmir tal-Kattoliċi li jkunu preżenti f’dawn l-oqsma: Radju, televiżjoni, gazzetti, internet – sabiex jaħdmu bħala ħmira fis-soċjetà – 16;
▪ Djalogu ma’ bnedmin ta’ fehmiet u reliġjonijiet differenti – 20;
▪ Formazzjoni soda tal-kleru u tal-lajċi twassal biex titwettaq pastorali effettiva u aġġornata fi djalogu kontinwu mas-soċjetà Maltija fl-aspetti kollha tagħha, anki fis-sottokulturi – 83.
Lajċi Insara
▪ Il-lajċi jridu jagħmlu l-appostolat tagħhom b’metodi adattati għaż-żminijiet u b’lingwaġġ li jinftiehem mill-bniedem tal-lum – 47.
Xandir tal-Kelma
▪ Id-dokument jitlob għal djalogu dejjem aktar sħiħ bejn il-Knisja u l-kultura Maltija – preż, 24, 30;
▪ Il-Knisja f’Malta għandha biċċa xogħol doppja: trid tiftaħ djalogu ġdid ma’ dawk ta’ rieda tajba li ma jħaddnux l-istess twemmin, u trid tiftaħ ukoll djalogu mal-istess membri tagħha biex jifhmu dan l-ambjent ġdid – 24;
▪ Il-Knisja trid tidħol fi djalogu ġdid li japprezza iżjed il-ħidma tal-professjonisti u ta’ metodi professjonali. Bil-ħidma tagħha ma’ dawn l-għaqdiet, il-Knisja tagħti xhieda tat-twemmin tagħha fil-bniedem bħala xbieha ta’ Alla u tal-qawwa tas-solidarjetà bejn il-bnedmin, anke dawk li ma jaqsmux l-istess twemmin – 25;
▪ Il-Knisja f’Malta trid tidħol fi djalogu aktar ħaj mal-artisti ta’ żmienna. Tista’ tipprovdi post fejn dawn in-nies jiltaqgħu u toffri stimolu biex tqanqal il-ħidma ta’ dawn in-nies – 46.
Liturġija u Sagramenti
▪ Iċ-ċelebrazzjoni sagramentali hi laqgħa ta’ wlied Alla ma’ Missierhom, fi Kristu u l-Ispirtu s-Santu. Din il-laqgħa ssir qisha djalogu permezz ta’ għemil u ta’ kliem – 7.
Djakonija u Ġustizzja
▪ Id-dmir profetiku tal-Knisja u d-dmir għad-djalogu u rispett lejn dawk li ma jagħmlux parti mill-komunità nisranija jmorru flimkien – 13;
▪ Il-knisja tidħol fi djalogu ma’ oħrajn li bħalna, avolja mhux parti mill-Knisja, qed ifittxu l-ġid komuni – 14.
Żwieġ u Familja
▪ Xi ġenituri m’humiex mudelli ta’ ħajja nisranija għal uliedhom. Dan jidher, per eżempju, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejniethom – 18;
▪ Il-Knisja tiddjaloga mal-gvern biex jiddaħħlu aktar family friendly u marriage friendly policies, inaqqas u jikkontrolla l-logħob ta’ l-ażżard; permezz tal-politka ta’ tassazzjoni jaġevola familji li għandhom it-tfal, u jirrikonoxxi l-kontribut li l-ġenituri li jibqgħu d-dar għall-familja qed jagħtu lis-soċjetà – 54.
Adolexxenti u Żgħażagħ
▪ Il-Knisja għandha bżonn ukoll metodi ġodda ta’ kif tikkomunika ma’ dawk li jipprattikaw ir-reliġjon b’mod iżjed “kulturali” – 8;
▪ Hemm bżonn li l-Knisja mhux biss taħdem fost iż-żgħażagħ, iżda taħdem maż-żgħażagħ. Dan tista’ tagħmlu biss jekk tisma’ liż-żgħażagħ, biex tkun tista’ tagħraf il-kultura tagħhom, tħoss il-bżonnijiet tagħhom, u tagħrafhom bħala membri responsabbli sħaħ tagħha, li jistgħu mhux biss jriċievu iżda jagħtu u jbiddlu l-Knisja – 32;
▪ Ikun hemm proċess ta’ djalogu u ta’ pastorali ma’ għaqdiet u movimenti ta’ reliġjożità popolari u wkoll ma’ għaqdiet u movimenti mhux reliġjużi, per eżempju dawk sportivi, kif ukoll ma’ dawk involuti fil- qasam tad-divertiment – 58, 59;
▪ Flimkien inġibu ‘l quddiem kultura ta’ djalogu, ftehim, rispett u tolleranza quddiem min hu differenti fl’idejat, fl-età, fil-kultura u fir-reliġjon – prinċipji gwida 23.