L-osservazzjonijiet tiegħu
fl-1968 huma profetiċi… u ta’
faraġ għalina
Miguel
Pastorino
Fl-1968,
it-teologu Joseph Ratzinger –
iktar tard il-Papa Benedittu XVI
– fil-ktieb tiegħu
Introduzzjoni għall-Kristjaneżmu
kiteb kapitlu qasir fuq
il-Knisja, u fetħu b’mod li
jidher relevanti ħafna, anzi
profetiku, għal żmienna:
… Ejjew
nitkellmu ċar dwar xi jbeżżagħna
llum… Jekk irridu nkunu onesti
magħna nfusna, niġu ttentati li
ngħidu li l-Knisja la hi qaddisa
u lanqas kattolika… Is-sekli
tal-istorja tal-Knisja tant huma
mimlija b’kull xorta ta’
falliment uman li xi ftit
nistgħu nifhmuha l-viżjoni tat-tkexkix
li kellu Dante meta ra l-prostituta
Babiloniża bilqiegħda fil-karru
tal-Knisja; u l-kliem tal-biża’
ta’ Guliermu ta’ Auvergne, Isqof
ta’ Pariġi, fis-seklu tlettax,
jinftiehem perfettament.
Guliermu qal li l-barbariżmu
tal-Knisja, min jarah, kien sa
jibbies u jitqażżu: “Quddiemna
m’għadx għandna iżjed għarusa,
imma mostru feroċi ta’ deformità
terribbli”.
Il-kattoliċità
tal-Knisja wkoll hi
f’diskussjoni daqs il-qdusija
tagħha. Il-libsa waħda tal-Mulej
hi mċarrta bejn il-ħafna
partijiet fi kwistjonijiet
bejniethom, il-Knisja waħda hi
maqsuma f’ħafna Knejjes, kull
waħda xi ftit jew wisq tinsisti
li waħidha tinsab fit-triq id-dritta.
U għalhekk għal ħafna nies illum
il-Knisja saret l-ikbar xkiel
għat-twemmin. Fiha m’għadhom
jaraw xejn ħlief it-taqbida
umana għall-poter, l-ispettaklu
msejken ta’ dawk li,
bil-pretensjoni tagħhom li huma
jistgħu jamministraw
il-Kristjaneżmu uffiċjali,
donnhom l-iktar li qed iżommu
milli jaħdem lill-ispirtu veru
tal-ħajja Nisranija.
Ratzinger
dan qed jgħidu b’ċarezza sħiħa u
ton mill-aktar qawwi, u jkompli
jgħidilna li hu konvint li dawn
l-argumenti ma jistgħux
jitwarrbu għall-ġenb, u li din
il-perċezzjoni mhux biss hi
msejsa fuq argumenti raġunati,
imma ħierġa minn qlub li, fix-xewqat
l-aktar għolja tagħhom, sfaw
delużi u miġruħa, u huma
ddiżappuntati ħafna.
Minn dan
il-punt tat-tluq, dan
il-kuntrast bejn dak li fih
nemmnu bil-fidi u dak li qed
naraw iseħħ fir-realtà, aħna
nistaqsu: “Għaliex inħobbuha
lill-Knisja, minkejja dan
kollu?”.
Knisja qaddisa?
Meta ngħidu
li l-Knisja hi “qaddisa”
m’aħniex infissru li kull membru
tagħha hu bla tebgħa u qaddis
minn fuq s’isfel. Ratzinger
jgħid li din il-ħolma ta’ Knisja
bla tebgħa dejjem reġgħet
tnisslet f’kull epoka, imma li
ma hemmx post għaliha fil-Kredu,
u tassew, l-eħrex kritika kontra
l-Knisja ħierġa minn din
il-ħolma xejn realistika ta’
Knisja bla tikmixa.
Il-qdusija
tal-Knisja ġejja minn dik
il-qawwa ta’ tqaddis li Alla
jwettaq fiha minkejja d-dnubiet
tal-bnedmin. Hi l-espressjoni
tal-imħabba ta’ Alla, li mhix sa
tħalli jirbħilha n-nuqqas ta’
ħila tal-bniedem, imma dejjem
tibqa’ miftuħa għalih, tilqgħu
kull darba mill-ġdid sewwasew
għax hu midneb, iddur lejh,
tqaddsu, u tħobbu.
Proprju
għaliex hija don, u hi b’xejn,
din ma tiddependix fuq il-merti
tal-fidili; il-qdusija li tibqa’
sħiħa fil-Knisja hi ta’ Kristu,
mhux tagħna. “Hi tabilħaqq
il-qdusija tal-Mulej li ssir
preżenti fiha u li, biex iġorru
l-preżenza tagħha, tagħżel
dejjem mill-ġdid– bi mħabba
paradossali – l-idejn maħmuġa
tal-bnedmin”.
Għal
Ratzinger, ix-xbieha paradossali
tal-kuntrast bejn il-qdusija ta’
Kristu u l-infedeltà tal-bniedem
hi x-xbieha drammatika
tal-grazzja f’din id-dinja, li
permezz tagħha l-imħabba ħielsa
u inkundizzjonata ta’ Alla ssir
viżibbli għalina – l-imħabba ta’
dan Alla li, illum bħal dari,
ipoġġi bilqiegħda biex jiekol
mal-istess mejda tal-midinbin.
Il-ħolma ta’ dinja mhix mimsusa
mill-ħażen
L-idea li
l-Knisja qatt m’għandha
tiċċappas bid-dnub hi idea
simpliċistika u duwalistika li
tipproponi xbieha idealizzata u
aristokratika, imma li mhix
reali. Ratzinger ifakkar
lill-qarrejja tiegħu li l-istess
nies ta’ żmien Kristu
skandalizzaw ruħhom bih għax ma
kienx dak in-nar jaħraq li waqa’
mis-sema biex jeqred
lill-midinbin; lanqas kien
żelota li ħaffef jagħmel ħaqq u
jifred il-qamħ mis-sikrana.
… Din
il-qdusija dehret preċiżament
titħallat mal-midinbin li Ġesù
qarreb lejh; titħallat sal-punt
li hu nnifsu ‘sar dnub’ u ġarr
fuqu s-saħta tal-liġi
fl-eżekuzzjoni bħala kriminal –
biex qasam b’mod sħiħ fix-xorti
tal-mitlufa… u hekk wera x’inhi
l-vera ‘qdusija’: mhux
separazzjoni, imma għaqda; mhux
ġudizzju, imma mħabba feddejja.
Il-mistoqsijiet li jitqanqlu
minn dan il-mod ta’ kif naraw
l-affarijiet iġagħluna
nitriegħdu bit-tama:
Forsi
l-Knisja mhijiex sempliċiment
il-kontinwazzjoni tal-inżul ta’
Alla minn jeddu fil-ħama
tal-bniedem; jewwilla mhijiex
sempliċiment il-kontinwazzjoni
tad-drawwa li kellu Ġesù li
joqgħod fuq il-mejda
mal-midinbin, li jitħallat
mal-miżerja tad-dnub sal-punt li
fih donnu jidher qed jegħreq
taħt il-piż tagħha? Forsi
fil-qdusija xejn qaddisa
tal-Knisja, kuntrarju għas-safa
li jippretendi minnha l-bniedem,
ma tidhirx il-vera qdusija ta’
Alla, li hi mħabba, imħabba li
ma żżommx id-distanza tagħha
f’xi għamla ta’ safa
aristokratiku, maqtugħ, imma
titħallat mal-ħmieġ tad-dinja, u
dan biex tasal li tegħlbu? Mela,
tista’ l-qdusija tal-Knisja tkun
ħaġa oħra għajr is-sabar
b’xulxin li, naturalment, jiġi
mill-fatt li Kristu jistabar
bina lkoll?
Nistabru b’xulxin, għax Kristu
jistabar bina
Ratzinger
ifissrilna, bil-mod dejjem ċar u
trasparenti tiegħu, li din
il-qdusija tal-Knisja li kemm
kemm tinħass, fl-istess ħin b’xi
mod tfarraġna. Żgur li konna
naqtgħu qalbna quddiem qdusija
bla tebgħa li tiġġudikana u
tiblagħna, li ma tħaddanx id-dgħufija
umana u li mhux dejjem toffri l-maħfra
lil dawk li jindmu minn qalbhom.
Fil-fatt, kollha konna nitkeċċew
mill-Knisja li kieku din kienet
komunità ta’ dawk li b’mod
perfett jistħoqqilhom il-premju.
Dawk li
jgħixu bl-għarfien li ħaddieħor
irid jissaportihom, ma jistgħux
jirrifjutaw li huma jissaportu
lil ħuthom. Il-faraġ li tista’
toffri l-komunità Nisranija hu
dak li l-membri tagħha għandhom
jissaportu u jistabru b’xulxin
l-istess kif huma jsibu min
jissaportihom u jistabar bihom.
X’jiswa tassew għall-fidili
Min
jissimplifika wisq il-mod ta’
kif iħares lejn il-Knisja, ma
jkunx jagħti kas ta’ dak li hi
stess temmen dwarha nfisha,
lanqas taċ-ċentru tagħha, li hu
Ġesù Kristu. Hi mhijiex
istituzzjoni fejn l-aktar ħaġa
importanti huma l-għanijiet
organizzattivi jew politiċi
tagħha; dak li jiswa tassew hu
“l-faraġ tal-Kelma u
tas-sagramenti li hi tagħti kemm
fil-ġranet sbieħ u kemm f’dawk
koroh”.
Dawk li
tabilħaqq jemmnu ma jagħtux wisq
importanza lill-ġlieda
għar-riforma tal-istrutturi
ekkleżjastiċi. Huma jgħixu fuq
dak li l-Knisja dejjem hi; u
jekk wieħed irid jaf il-Knisja
min hi tassew, dan għandu jmur
għandhom. Għax il-Knisja hi
preżenti l-aktar, mhux fejn hemm
ix-xogħol organizzattiv, ta’
riforma, jew tmexxija, imma
f’dawk li sempliċiment jemmnu u
jirċievu mingħandha d-don
tal-fidi li hi l-ħajja tagħhom.
Huwa biss min jesperjenza kif,
minkejja l-bidliet fil-ministri
u l-forom tagħha, il-Knisja
tkabbar lill-bnedmin, tagħtihom
dar u tama, dar li hi tama – it-triq
għall-ħajja ta’ dejjem – huwa
biss min esperjenza dan li jaf
il-Knisja min hi tassew, kemm
fl-imgħoddi u kemm illum.
Dan mhux
biex ngħidu li l-Knisja
m’għandhiex dejjem titħabat għal
qdusija ikbar:
Hi tgħix
mit-taqbida ta’ dak li mhux
qaddis biex jikseb il-qdusija,
l-istess kif naturalment din
it-taqbida tgħix bid-don ta’
Alla, li mingħajru ma tistax
tkun. Imma dan l-isforz jista’
jagħti veru frott u jkun
kostruttiv jekk ikun imnebbaħ
mill-ispirtu tas-sabar, ta’
mħabba vera.
Knisja
b’bibienha magħluqa teqred lil
dawk li hemm fiha. Ratzinger
jisħaq li l-idea li wieħed
jista’ jagħmel iktar xogħol
kostruttiv waħdu milli f’għaqda
mal-oħrajn hi illużjoni daqs
il-kunċett ta’ Knisja ta’ ‘poplu
qaddis’ minflok ta’ ‘Knisja
qaddisa’ li hi qaddisa għax
il-Mulej jagħniha bid-don
tal-qdusija mingħajr ma
jistħoqqilha.
miġjub
mill-Ingliż għall-Malti minn
Francesco Pio Attard
|