MARIJA U L-KARMELITANI

 

Il-Verġni Marija hija kkunsidrata bħala waħda mill-figuri fundamentali tal-Familja Karmelitana, Omm u Oħt il-Karmelitani.   Sa mill-bidu tagħhom, l-eremiti fuq l-Għolja tal-Karmelu kellhom devozzjoni speċjali lejn Marija Omma Ġesù.  Mir-rakkonti li għandna sa mill-1231 ta’ xi pellegrini, nafu li fuq l-Għolja tal-Karmelu kien hemm kappella ddedikata lill-Verġni Marija.  L-għażla tal-eremiti biex jiddedikawha lill-Verġni Marija għandha s-sinifikat tagħha.  Din id-dedikazzjoni kienet tfisser ix-xewqa li l-Verġni Marija tkun preżenti fil-komunità bħala s-Sinjura tal-post; il-verġni Mqaddsa Marija tal-Għolja tal-Karmelu.

Il-patronat kien realtà aċċettata fiż-żminijiet tan-nofs.  Il-qaddejja kienu juru li huma qegħdin għall-qadi tas-sid ui dan kienu jagħmluh billi jpoġġu jdejhom fl-idejn il-Patrun.  Din hija użanza li għadha ssir illum ukoll anki  fil-professjoni reliġjuża. Il-patronat kien jinvolvi żewġ persuni bi drittijiet u b’obbligazzjonijiet miż-żewġ naħat.  Is-Sid kien dmir tiegħu li jipproteġi lill-qaddej li min-naħa tiegħu kien iwiegħed li jaqdi. Ir-Regola  ta’ S. Albert enfasizzat li l-Karmelitani jrid jgħix ħajja ta’ ubbidjenza lejn Ġesù Kristu, bl-istess mod li qaddej ried iwiegħed lis-sid tiegħu.

Il-Karmelitani dehrilhom li kienet ħaġa naturali li bħalma wegħdu l-fedeltà tagħhom lejn is-Sid tal-post, lejn Ġesù Kristu, issa kien dmirhom li jagħmlu l-istess diskors dwar Marija, is-Sinjura tal-post.  U għalhekk meta l-Karmelitani ddedikaw il-kappella għall-Verġni Marija, huma kienu jqisu lilhom infushom bħala marbutin b’mod fewdali għas-servizz u l-qadi tagħha, taħt il-protezzjoni tagħha.  Il-ħajja reliġjuża tagħhom kienet f’riġlejha.  Hija kienet tieħu ħsiebhom u huma kienu jaqduha.

Din ir-realtà għandha tifsira speċjali mhux biss għalina r-reliġjużi, imma wkoll għall-membri kollha tal-Familja Karmelitana, terzjarji, devoti tal-Madonna tal-Karmnu u tant u tant ħbieb u benefatturi tal-Ordni Karmelitan.

Meta aħna niċċelebraw il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, ma nkunux biss qed infaħħru lill Ommna Marija, imma nkunu qed nerġgħu nistqarru x-xewqa tagħna li nimxu fuq il-passi ta’ din Ommna u Oħtna.  Dan ifisser li nġeddu l-wegħda tagħna li nħalluha tressaqna lejn Binha Ġesù u nistqarru l-fehma tagħna li ngħixu l-fidi, t-tama u l-imħabba.

P. Joseph Saliba O. Carm.

Pirjol Provinċjali.