IS-SENA LITURĠIKA 2
Iċ-“Ċiklu tal-Milied”,
Il-“Ħdud ta’ matul is-sena sal-Festa ta’ Kristu Sultan.
Minn Dun
Ġorġ Schembri
L-ewwel
indikazzjoni ta’ festa tal-Milied insibuha f’Ruma fil-Kalendarju ta’
Philocalus tas-sena 354 li jgħid li fil-25 ta’ Diċembru, VII
kalendas Ianuarii, natus est Christus in Betlehem Iudeae.
Intagħżel il-25 ta’ Diċembru probabbilment sabiex l-Insara taż-żmien
iwarrbu l-festa paġana ndirizzata lejn il-pjaneta xemx ukoll għax
Kristu, fl-Iskrittura, huwa assoċjat magħha kif nisimgħu mill-kliem ta’
Xmun, fil-preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju li l-miġja tal-Mulej
fostna hi bħaż-żjara tax-xemx tielgħa li dawwal il-dawk li
jinsabu fid-dlamijiet u dell il-mewt u tmexxi l-passi tagħna fit-triq
tas-sliem (Luqa 1:78-79). Barra minn hekk, l-Evanġelista San
Ġwann, fil-Prologu, jistqarr li Ġesu` huwa
d-dawl tad-dinja, u min jimxi f’dan id-dawl ma’ jimxix
fid-dlam.
Naraw ukoll li,
għall-ewwel, il-festa tal-Milied fil-Punent kienet tinkludi t-tfulija
ta’ Ġesu`, iż-żjara tal-Maġi w l-istraġi tal-innoċenti. Fil-Lvant,
iżda, u fi Franza, li mxiet fuq il-Lvant, sal-bidu tar-Raba Seklu,
nsibu biss il-festa ta’ l-Epifanija bl-enfasi fuq it-Teofanija,
jiġifieri, l-manifestazzjoni ta’ Ġesu` bħala Alla magħmul
bniedem. Kien lejn tmiem l-istess seklu, li, fil-Punent (fl-Italja,
Spanja w l-Afrika ta’ Fuq), naraw li l-festa ta’ l-Epifanija tiġi
mifiruda minn dik tal-Milied li, sadanittant, ġiet ukoll introdotta
fil-Lvant, għalkemm il-festa tal-Epifanija, hawnhekk, baqet tingħata
iktar importanza. Madankollu il-Milied, kif jgħidilna Santu Wistin,
kien għadu memoria, tifkira, mhux bħal festa tal-Għid li
kienet ikkunsidrata bħala sacramentum, jiġifieri, sinjal
tanġibbli ta’ realtajiet intanġibbli. Kien imbagħad lejn tmiem it-Tmien
Seklu li l-Papa San Iljun jikkonsidra l-festa tal-Milied bħala
sacramentum. Ta’ min iżid li lejn tmiem ir-Raba Seklu, diġa
nsibu l-quddiesa tal-Vġili, waqt li fil-Ħames Seklu, nsibu l-quddiesa
ta’ nofs il-lejl fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore kif kien qed
isir f’Belehem. Iktar tard, fis-Seklu Sitta, nsibu l-Papa jqaddes
quddiesa mas-sebħ f’Santa Anastasja, u quddiesa oħra matul il-jum
f’San Pietru. Din l-aħħar quddiesa mit-Tnax il-Seklu l-quddiem bdiet
issir f’Santa Maria Maggiore. Dawn it-tlett quddisiet, sas-Seklu
Għaxra, konna nsibuhom fil-knejjes kollha tal-Punent, fejn, l-ewwel
quddiesa tħabbar il-messaġġ tat-twelid ta’ Ġesu`, it-tieni quddiesa
tħabbar il-qima li tingħatalu mir-ragħajja, waqt li t-tielet tħabbar
li t-Tarbija ta’ Betlehem hija l-Verb magħmul bniedem.
Tmient ijiem fuq
il-Milied, sa min qabel is-Sitt Seklu kien iddedikat lill-Madonna.
Iktar tard ġie ddedikat liċ-ċirċumċiżżjoni ta’ Ġesu`, waqt li, kif
nafu, bir-riforma tal-Konċilju Vatikan II, l-ewwel ta’ Jannar huwa
ddedikat kemm l-Maternita` Divina tal-Madonna, liċ-ċirkumċiżżjoni, w
l-Isem ta’ Ġesu`, kif ukoll lill-Paċi għax hi x-xewqa tal-Knisja li
ngħixu fl-għena w is-sliem (Jum il-Paċi). Ta’ min iżid li, minn tmiem
ir-Raba Seklu, fl-ottava tal-Milied nsibu l-festi ta’ San Stiefnu, San
Ġwann l-Evanġeslista w il-Qaddisin Martri Nnoċenti. Iktar tard
insibu wkoll il-festi ta’ San Silvestru Papa, San Ġakbu w San Tumas ta’
Ċanterbury. Fil-Lvant, fl-ewwel Ħadd fuq il-Milied, insibu l-festa ta’
Maria w San Ġużepp, li ‘l-Konċilju Vatikan II ddedikaha lis-Sagra
Familja.
Diġa
għidna li l-festa ta’ l-Epifanija fil-Lvant kienet iktar importanti
mill-festa tal-Milied. Fil-fatt din ta’ l-aħħar hija pjuttost
assoċjata mat-tfulija ta’ Ġesu` u mal-Magħmudija tiegħu festi li fihom
jispikka ħafna l-element tad-dawl li huwa Kristu li ġie biex idawwalna
waqt li jimmanifesta d-Divinita` tiegħu fl-umanita tagħna. Għalhekk
li fil-Knejjes Orjentali fis-6 ta’ Jannar sa mill-qedem jiġi mbierek
l-ilma tal-Magħmudija. Għalhekk insibu lil min jitgħammed fl-Epifanija.
Għalhekk ukoll li sa mis-Seklu Tmienja fi Franza li minn dejjem
segwiet mill-qrib il-Liturġija tal-Lvant naraw il-manifestazzjoni ta’
Kristu fil-qima tal-Maġi, fl-Epifanija, li kellha wkoll il-Vġili,
fil-Magħmudija tiegħu u fit-Tieġ ta’ Kana li kien iċċelebrat fl-ottava
tal-Epifanija. Bir-riforma tal-Konċilju Vatikan II żmien il-Milied
jagħalaq bil-Magħmudija tal-Mulej li tiġi Ħadd fuq l-Epifanija fejn
insibu s-sejħa tal-ġnus għas-salvazzjoni waqt li mistednin jagħtu qima
l-Mulej, il-Misteru moħbi li ġie rrevelat lilna bi Kristu. Naraw
b’hekk li l-festa tal-Magħmudija tal-Mulej hija estensjoni
tal-Epifanija jew, aħjar, Epifanija oħra għax, fi kliem San Pawl,
bid-dehra tal-qawwa ta’ Alla fostna aħna
ksibna twelid ġdid u tiġdid fl-Ispirtu s-Santu.
Bħalma l-festi
tal-Għid ġew estiżi f’ċiklu li jwassalna kemm sal-Pentekoste u kemm
fiż-żmien tar-Randan bħala preparazzjoni għalihom, hekk ukoll il-festi
tal-Milied narawhom estiżi f’ċiklu li jagħalaq bil-Magħmudija
tal-Mulej u jinkludi wkoll żmien ta’ preparazzjoni għalihom, iż-żmien
tal-Avvent.
Il-kelma
Avvent għandha oriġni pagana assoċjata mal-fehma li l-allat, ta’ kull
sena, kienu jżuru lid-devoti tagħhom fit-tempji ddedikati lilhom,
matul
iċ-ċelebrazzjonijiet indirizzati lejhom. Insibuha wkoll fil-protoċol
tal-Qorti Imperjali indirizzata kemm lejn il-jum li fih persuna
tassumi s-setgħa ta’ Imperatur, kif ukoll il-jum meta dan jagħżel li
jagħmel xi żjara uffiċjali xi mkien. Niftakru li Imperatur spiss kien
jassumi kwalitajiet u titoli assoċjati ma’ l-allat. Fil-fatt, l-istess
Imperatur Kostantinu kien ħareġ muniti li jfakkru jum il-ħatra tiegħu
bil-kliem, Adventus Divi Augusti.
Il-kelma Avvent
insibuha mbagħad, lejn tmiem ir-Raba Seklu u fis-seklu ta’ wara
f’Gallia (Franza) u fi Spanja meta l-insara ta’ hawn dehrilhom li
kien jinħtieġ żmien qabel il-festi tal-Milied u l-Epifanija li
jestendi sa tlett ġimgħat sabiex dawk li kienu ser jitgħammdu fl-Epifanija
setgħu ikollhom tħejjija axxetika w reliġjuża xierqa. Fl-istess ħin l-insara
magħmmdin kienu mħeġġa biex jattendu l-Knisja mis-17 ta’ Diċembru
sal-festa tal-Epifanija u obbligati li jsumu w jagħmlu penitenza,
tlett ijiem fil-ġimgħa, mill-festa ta’ San Martin sal-festa tal-Milied.
L-istess kelma Avvent, għalkemm assoċjata maż-żmien ta’ tħejjija
għall-festi tal-Milied, insibuha, mill-bidu assoċjata kemm mal-miġja
ta’ Kristu fostna, bħala bniedem, biex jinawgura ż-żminijiet
messjaniċi kif ukoll mat-tieni miġja tiegħu fil-glorja, fl-aħħar
taż-żmien, biex iġib fit-tmiem il-ħidma salvifika tiegħu. Għalhekk,
Avvent, Twelid u Epifanija huma intimament marbutin ma’ xulxin.
Ruma bdiet tuża
l-kelma Avvent min-nofs is-Seklu Sitta l-quddiem, kif jixhdu l-appendiċi
tas-Sagramentarji Ġelasjan u Gregorjan, u iktar tard il-Veronense,
fejn insibu talb, in Adventu Domini, li jestendi minn 4
sa’ 6 ġimgħat qabel il-Milied. Il-quddies tal-Avvent ġie ntrodott
bejn is-Sekli Tmienja w Disgħa bħala ntroduzzjoni għaċ-Ċiklu
tal-Milied.
Ta’ min
josserva li, mid-devozzjoni lejn it-twelid u d-dehra ta’ Kristu fostna
bħala bniedem dak li ta spinta l-Avvent ma’ kienux, għall-bidu,
konsiderazzjonijiet liturġiċi iżda il-ħtieġa għall-talb, penitenza w
prattiċi axxetiċi (sawm w astinenza). Kien iktar tard minn Ruma li
naraw insistenza sabiex il-Misteru tal-Għid jiġi estiż biex jinkludi
aspetti oħra bħat-tħabbira, twelid, tfulija w l-inawgurazzjoni
tal-ħajja pubblika ta’ Kristu, bit-Tieġ ta’ Kana w bil-Magħmudija
tiegħu fil-Ġordan minn Ġwanni l-Battista. Barra minn hekk, għalkemm
fi Spanja w Gallia, qabel il-festi tal-Milied, jispikka, bħal fir-Randan,
l-ispirtu ta’ penitenza, għax l-Avvent, minħabba l-influwenza
tal-monaċi, kien ikkunsidrat bħala t-tieni Randan, f’Ruma, iżda,
jispikka iżjed l-ispirtu ta’ ferħ waqt li nistennew it-tama
hienja tal-miġja tas-Salvatur tagħna, kif tfakkarna wkoll il-Liturġija
wara t-talba tal-Missierna, qabel ma’ nitqarbnu. Huwa, fil-fatt,
għalhekk li nibqgħu nsibu l-Alleluia.
Nistgħu ngħidu
li fil-Lituġija tal-Lvant l-Avvent ma’ jeżistiex. Insibu, minflok,
żmien iqsar ta’ preparazzjoni għall-Milied, bħal meta, fir-Rit
Biżantin, fil-Ħadd ta’ qabel il-Milied insibu t-tifkira tan-nies
qaddisa, ibda minn Adam sa Ġużeppi r-Raġel Ta’ Marija, li għixu skond
il-qalb ta’ Alla. Il-Qaddisin tar-Rabta l-Qadima huma wkoll imħeġġa
biex jifirħu bit-twelid tal-Feddej. Fir-Rit Sirijaku, mbagħad, insibu
ħames ġimgħat, imsemmija bħala tat-Tħabbir tal-Feddej,
lill-Żakkarija, lill-Madonna, lill-Eliżabetta fiż-żjara li għamlitilha
Marija, fit-twelid tal-Battista, w lill-Ġużeppi.
Fl’aħħarnett,
il-Konċilju Vatikan II jidher li jqiegħed l-Avvent kemm bħala l-bidu
tas-sena Liturġika, kif ukoll bħala t-tmiem taċ-Ċiklu tal-Ħdud ta’
matul is-sena tal-Knisja għax jgħidilna …Matul il-korsa tas-sena,
l-Knisja tesprimi w tiżviluppa l-Misteru kollhu ta’Kristu mill-Inkarnazzjoni
w t-Twelid sa’ l-Axxensjoni, il-Pentekoste u l-istennija tat-Tama
qaddisa tal-Miġja tal-Mulej (Sacrosanctum Concilium, art.102).
Barra minn hekk jiddistingwi bejn l-Inkarnazzjoni w il-Miġja
tal-Mulej. Interessanti wkoll li, kemm f’Ruma u kemm f’Ravenna insibu
l-Etimasia, jiġifieri t-Tron vojt tal-Pantocrator
(Kristu fil-Glorja), li jfisser, l-istennija ta’ Kristu mill-insara
skond it-testi messjaniċi tal-profeti. Għalhekk fil-Liturġija Rumana
tal-Avvent jispikkaw il-Profeta Isaija w San Ġwann Battista.
Ir-riforma
liturġika instigata mill-Konċilju Vatikan II, tfassal l-Avvent fuq 4
ġimgħat maqsumin f’żewġ partijiet: l-ewwel parti tikkonsisti mill-bidu
ta’ Diċembru sas-16 ta’ Diċembru, waqt li t-tieni parti tibda mis-17
ta’ Diċembru sal-24 ta’ Diċembru. L-ewwel parti tenfasiżża pjuttost
it-Tieni Miġja ta’ Kristu fil-Glorja biex b’hekk għandna kontinwita`
ma’ l-aħħar Ħdud tas-Sena Liturġika li jinkludu s-Sollenita` ta’
Kristu Sultan, għalkemm insibu wkoll aċċenn għall-Ewwel Miġja ta’
Kristu bħala Bniedem kif jindika l-ewwel Prefazju tal-Avvent. It-tieni
parti, mbagħad, tenfasiżża iżjed l-Ewwel Miġja ta’ Kristu, kif
jindikalna wkoll it-tieni Prefazju tal-Avvent. Għaldaqstant,
fil-Liturġija tal-Kelma tal-Ħdud tal-Avvent, matul is-snin A, B u Ċ,
naraw l-ewwel Qari jirreferi għall-Profeziji Messjaniċi, speċjalment
ta’ Iżaija, kif ukoll ta’ Ġeremija, Baruk u Sofonija. Naraw li t-tieni
Qari mill-Ittri ta’ San Pawl, San Pietru, San Ġakbu w lill-Lhud,
jirreferu kemm għall-ewwel u kemm għat-tieni Miġja ta’ Kristu. L-Evanġelji
tal-ewwel Ħadd jirreferu għall-aħħar żmienijiet, tat-tieni w it-tielet,
għall-Ġwanni l-Battista, waqt li tar-raba Ħadd għat-tħabbir tal-anġlu
lill-Ġużeppi (sena A), w Marija (sena B), u għaż-żjara ta’ Marija
l-Santa Eliżabetta. Fl-aħħar ġimgħa qabel il-Milied insibu referenza
qawwija għall-Madonna. L-istess struttura ta’ temi nsibuhom ukoll
fil-Liturġija tas-Siegħat (Brevjar), jiġifieri, nsibuhom kemm
fis-siltiet mill-Iskrittura kif ukoll fis-siltiet minn Missirijiet il-Knisja.
Rajna li s-Sena
tal-Knisja hi magħmula miż-żewġ Ċikli Kbar tal-Għid u tal-Milied.
Rajna wkoll li dawn iċ-Ċikli huma marbutin flimkien għalkemm jirreferu
għall-Misteri tar-Redenzjoni w ta’ l-Inkarnazzjoni, rispettivament,
ukoll għaliex, kif nistqarru fil-Kredu, Ġesu`,
għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna ħa l-Ġisem u sar bniedem.
Bejn dawn iċ-Ċikli nsibu ċ-Ċiklu tal-Ħdud ta’ matul is-Sena Liturġika
li jirreferu għal dak li wettaq Kristu fil-ħajja pubblika tiegħu
sakemm ġie stabbilit fil-leminija tal-Missier minn fejn għandu jerġa
jiġi fil-Glorja. Iċ-Ċiklu tal-Ħdud ta’ matul is-Sena Liturġika jibda
mit-tieni wieħed għax, fl-ewwel Ħadd insibu l-Magħmudija ta’ Ġesu` li,
kif rajna, liturġikament jagħmel ma’ Żmien il-Milied minħabba l-konnessjoni
li għandu ma’ l-Epifanija. Is-siltiet tal-Qari li nsibu fil-Ħdud ta’
wara mhumiex neċessarjament konnessi, għalkemm fl-aħħar Ħdud jispikka
l-Qari dwar it-temi Eskatoloġiċi li, ki rajna, nsibuhom ukoll fl-ewwel
żewġt Il-Ħdud tal-Avvent biex ikun hemm kontinwita fiċ-ċelebrazzjoni
tal-Misteru tal-Għid.
Ta’ min jinnota
li, sabiex insiru midħla ta’ l-Iskrittura, bir-riforma tal-Konċilju
Vatikan II, dawn il-Ħdud huma mqassmin fuq tlett snin fejn, f’kull
sena jispikkaw l-Evanġelisti, San Mattew San Mark u San Luqa,
rispettivament. Lill-San Ġwann insibuh ħafna ta’ kull sena fiċ-Ċiklu
tal-Għid. L-ewwel Qari w l-Evanġelju tal-Ħdud għandhom tema komuni.
Normalment, it-tieni Qari, iżda, mhijiex konnessa magħhom. Il-Qari ta’
matul il-ġimgħa, mbagħad, hu maqsum f’sentejn sabiex joħloq
leċtio ċontinua tat-testi Bibbliċi biex, b’hekk, inkomplu
nsiru iktar midħla tagħhom.
|
Il-Festa
ta’ Kristu Sultan, li tiġi ċċellebrata fl-aħħar Ħadd ta’
Ottubru, timmarka tmiem is-sena liturġija. Il-Ħadd ta’ wara,
jibda’ l-Avvent, żmien ta’ preparazzjoni u mhux biss
għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, imma wkoll biex nilqgħu lil Ġesů
f’ħajjitna u nħejju ruħna dejjem aħjar għat-tieni miġja tiegħu.
|