|
IL-KONĊILJI
EKUMENIĊI
TAL-KNISJA KATTOLIKA
ID-DOKUMENTI
L-Ewwel
Konċilju kien dak ta’ Niċea -
Ara
d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Fis-Sena
325. Dam xahrejn u tnax-il ġurnata. Ħadu sehem 318-il Isqof, bl-Isqof
Hosius ta’ Cordova ikun preżenti bħala l-Legat tal-Papa Silvestru.
L-Imperatur Konstantinu kien preżenti wkoll. Lil dan il-Konċilju nafu
l-Kredu ta’ Niċea, li irribatta it-tagħlim ta’ Arius u ta t-tifsira
tad-Divinità ta’ l-Iben t’Alla. Kien f’dan il-Konċilju li d-data ta’
Għid ġiet iffissata, biex ma jiġix iċċelebrat fl-istess jum ta’ l-Għid
tal-Lhud kif kienu jridu dawk imsejħa bħala ’Quartodecimans’.
It-Tieni Konċilju magħruf bħala l-Ewwel Konċilju ta’ Konstantinopli -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Fis-sena 381
taħt il-Papa Damasus u l-Imperatur Theodosius I bis-sehem ta’ mija u
ħamsin isqof. Il-mira prinċipali ta’ dan il-Konċilju kienet kontra
l-fidili ta’ Macedonius li kien jargumenta bis-sħiħ kontra id-Divinità
ta’ l-Ispirtu s-Santu. Fil-fatt mal-Kredu ta’ Niċea li semmejna aktar
qabel żdiedu...”U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja: li ġej
mill-Missier u mill-Iben; li hu meqjum u mweġġaħ flimkien mal-Missier u
ma’ l-Iben...” u jibqa’ sejjer sal-kelma ’Amen’.
It-Tielet Konċilju kien dak ta’ Efesu -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Fis-Sena
431 fejn ħadu sehem aktar minn 200 Isqof, taħt il-Presidenza ta’ San
Ċirillu ta’ Lixandra, li kien jirrappreżenta lill-Papa Ċelestinu I.
F’dan il-Konċilju ġiet imfissra l-unità personali ta’ Kristu, Alla u
Bniedem, u Marija ġiet idikkjarata Omm Alla (theotokos) kontra dak li
kien ixandar Nestorju, Isqof ta’ Kostantinopli. Fl-istess Konċilju ġiet
imġedda l-kundanna ta’ Pelagius.
Ir-Raba’ Konċilju kien dak ta’ Kalċedonja -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Sar
għoxrin sena wara, fis-sena 451. Ħadu sehem 150 Isqof immexxija
mill-Papa Ljun il-Kbir u mill-Imperatur Marċjanu. Ġew imfissra bir-reqqa
ż-żewġ naturi ta’ Kristu, Divina u Umana, kontra dak li kien qed
jgħallem Eutyches, li ġie skomunikat.
Il-Ħames Konċilju kien it-Tieni Konċilju ta’ Konstantinopli -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Fis-Sena
553 fejn ħadu sehem 165 Isqof taħt it-tmexxija tal-Papa Vigilius u
l-Imperatur Ġustinjan I. Hawnhekk ġew ikkundannati t-tagħlim qarrieqi
ta’ Origen u t-Tliet Kapitli miktuba minn Theodoret, Isqof ta’
Mopsuestia u ta’ Ibas, Isqof ta’ Edessa. Matul dan il-Konċilju ġie
kkonfermat dak kollu li ħareġ mill-ewwel erba’ Konċilji, speċjalment dak
li twettaq fir-Raba’ wieħed ta’ Kalċedonja li l-awtorità tiegħu kienet
qed tiġi sfidata minn xi eretiki.
Is-Sitt Konċilju kien it-Tielet Konċilju ta’ Konstantinopli -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Sar bejn is-snin 680 u 681 taħt il-Papa Agatho u l-Imperatur Konstantinu
Pogonatus.
Ħadu sehem il-Patrijarki ta’ Konstantinopli u ta’ Antjokja, 174 isqof, u
l-Imperatur innifsu. Dan il-Konċilju ġab fi tmiemu il-‘Monoateliżmu’
billi ta t-tifsira taż-żewġ naturi ta’ Kristu distinti minn xulxin, dik
Divina u dik umana. B’hekk ġabu fix-xejn it-tagħlim qarrieqi ta’
Sergius, Pyrrhus, Pawlu, Mararius, u d-dixxipli tagħhom.
Is-Seba’ Konċilju kien it-Tieni wieħed ta’ Niċea
-
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Fis-Sena
787. Kien ġie msejjaħ mill-Imperatur Konstantinu VI u minn ommu Irene,
taħt il-Papa Adrian I. Il-Konċilju, li ħadu sehem fih bejn 300 u 367
isqof, kien immexxi mil-Legati tal-Papa. Matulu intlaħaq ftehim dwar
il-qima lejn ix-xbihat imqaddsa.
It-Tmien Konċilju kien
ir-Raba’ ta’ Konstantinopli
-
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Sar
fis-Sena 869 taħt il-Papa Adrijanu II u l-Imperatur Basilju. Preżenti
kien hemm 102 isqfijiet, 3 legati tal-Papa, u 4 patrijarki. Kien
konċilju li għarbel u ħaraq l-Atti kollha li ħarġu minn Konċilju
rregolari
(conciliabulum)
msejjaħ minn Photius kontra il-Papa Nikola u Injazju il-Patrijarka
leġittimu ta’ Konstantinopli; ikkundanna lil Photius li ħataf
illegalment it-dinjità patrijarkali. Madankollu ix-Xiżma ta’ Photius
ġiet milqugħa bil-kbir ġewwa l-Knisja Griega, u ebda konċilju ieħor ma
sar fil-Lvant.
Id-Disa’ Konċilju kien
l-Ewwel Konċilju Lateran -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Fis-sena
1123 ġewwa Ruma taħt il-Papa Kallistu II. Kien hemm mad-900 isqof u
abbati. Matulu tneħħa għal kollox id-dritt tal-prinċipijiet lajċi ta’
investitura biċ-ċurkett u l-bastun ta’ isqof u l-benefiċċji
ekklesjastiċi li kellhom x’jaqsmu mad-dixxiplina tal-Knisja u t-teħid
lura ta’ l-Art Imqaddsa minn taħt idejn l-Islam.
L-Għaxar Konċilju kien
it-Tieni Konċilju tal-Lateran
-
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Inżamm
ġewwa Ruma fl-1139 taħt il-Papa Innoċenzu II. Ħadu sehem mal-1000 prelat
u l-Imperatur Konrad. Il-ħsieb prinċipali kien jġieb fi tmiemhom
l-iżbalji ta’ Arnoldu ta’ Brescia.
Il-Ħdax-il Konċilju kien
it-Tielet wieħed tal-Lateran
-
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Sar
fl-1179 taħt il-Papa Alessandru III u l-Imperatur Federiku I. Kien hemm
302 isqfijiet. Matul dan il-Konċilju ġew ikkundannati Albigenses u
Waldenses barra li ġew imxandra bosta digrieti dwar ir-riforma
tal-morali.
It-Tnax-il Konċilju kien
ir-Raba’ wieħed tal-Lateran
-
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Fl-1215,
taħt il-Papa Innoċenzu III. Kien hemm preżenti il-Patrijarki ta’
Konstantinopli u ta’ Ġerusalemm, 71 Arċisqof, 412-il Isqof, 800 Abbati,
il-Primat tal-Maroniti, u San Duminku. Ħareġ Kredu imkabbar
(simbolu)
kontra l-Albiġeniżi (Firmiter
credimus), ġew ikkundannati l-iżbalji Trinitarjani ta’ l-Abbati
Ġwakkin, u ġew ippubblikati 70 digrieti riformatorji. Dan kien l-aktar
Konċilju importanti taż-Żmenijiet tan-Nofs, fil-fatt magħruf bħala
l-”Konċilju l-Kbir”, peress li ta tifsira siwja tal-ħajja ekklesjastika
u l-qawwa tal-papat.
It-Tlettax-il Konċilju kien l-Ewwel Konċilju ta’ Lyons -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Fl-1245, taħt il-presidenza tal-Papa Innoċenzu IV li miegħu kien hemm
il-Patrijarki Latini ta’ Konstantinopli, Antjokja, u Aquileia(Venezja).
Ħadu sehem 140 Isqof; Baldwinu II ta’ Konstantinopli; San Luwiġi
(IX), Re ta’ Franza; Rajmondu VII, Konti ta’ Toulouse; u Rajmundu
Bérenger IV, Konti ta’ Provence. Ġie skumnikat u mneħħi l-Imperatur
Frederiku II u ġiet mnedija kruċjata ġdida taħt il-Kmand ta’ San Luwiġi
kontra s-Sarraċiniżi u l-Mongoli.
L-Erbatax-il Konċilju kien it-Tieni Konċilju ta’ Lyons -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Sar
29 sena wara, fl-1274, taħt il-Papa Gregorju X; flimkien mal-Patrijarki
ta’ Antjokja u ta’ Konstantinopli; ħmistax-il Kardinal; 500 Isqof; u
aktar minn 1000 dinjitarju ieħor, fosthom Ġakbu I, Re ta’ Aragona;
ambaxxaturi tar-Rejiet ta’ Franza u ta’ l-Ingilterra; ambaxxaturi ta’
l-Imperatur Michael Paleaologus, flimkien ma’ membri tal-Kleru Grieg; u
ambaxxaturi ta’ Khan tat-Tartari. Bis-saħħa ta’ dan il-Konċilju, kif
rajna minn dawk preżenti, kien hemm għaqda temporanja bejn il-Knisja
Rumana u dik Griega. Il-kelma filioque ġiet miżjuda mas-simbolu
ta’ Konstantinopli u sar attentat biex jinstabu riżorsi biex
il-Palestina terġa’ tintrebah minn ħdan it-Torok. Ġew ukoll stabbiliti
regoli ġodda għal l-elezzjoni ta’ Papa.
Il-Ħmistax-il Konċilju kien dak ta’ Vienne ġewwa Franza -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Fl- 1311 fuq ordni tal-Papa Klement V, l-ewwel mill-Papiet Avignon. Ħadu
sehem il-Patrijarki ta’ Antjokja u ta’ Alessandrija; flimkien ma’ 300
isqof, għalkemm xi awtoritajiet storiċi jsostnu li kienu 114; u tliet
rejiet...Filippu IV ta’ Franza, Dwardu II ta’ l-Ingilterra, u Ġakbu II
ta’ Aragona. Dan il-Konċilju ħada qattgħa bla ħabel kontra l-iżbalji
tal-Kavallieri Templari, tal-Fraticelli, il-Beghards, u l-Beguines. Ġew
mistħarrġa proġetti ta’ kruċjati ġodda, ir-riforma tal-kleru, u
t-tagħlim ta’ I-ilsna Orjentali fl-Universitajiet.
Is-Sittax-il Konċilju kien dak imsejjaħ ta’ Konstanzu (1414-1418) -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Kien inżamm
fi żmien ix-Xiżma l-kbira tal-Punent bil-ħsieb li jintemmu d-diversi
qasmiet li kien hemm fil-Knisja. Sar leġittimu meta ġie mlaqqa’
formalment minn Gregorju XI. Dan il-fatt għen biex inqerdet ix-xiżma
billi ġie elett il-Papa Martinu V, ħaġa li l-Konċilju ta’ Pisa(1403) ma
kenx irnexxielu jagħmel għax bħala konċilju kien meqjus illegali.
Il-Papa
leġittimu kkonferma d-digrieti tas-sinodu kontra Wyclif u Hus. Dan
il-konċilju kien għaldaqstant ekumeniku fl-aħħar sessjonijiet tiegħu,
XLII sa XLV inklużi, u bid-digrieti tas-sessjonijiet ta’ qabel
approvati minn Martinu V.
Is-Sbatax-il Konċilju kien dak ta’ Basle fl-1431 -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Meta
l-Papa kien Ewgenju IV u Sigismundu Imperatur ta’ l-Imperu Ruman Qaddis.
L-għan prinċipali kien il-paċi reliġjuża tal-Boħimja. Kien hemm bosta
nkwiet mal-Papa u l-Konċilju ġie trasferit l-ewwel lejn Ferrara fl-1438
u mbagħad lejn Firenze fl- 1439 fejn ġiet stabbilita għaqda, għalkemm ma
tantx damet, mal-Knisja Griega li min-naħa tagħha aċċettat qbil
dwar punti li kienu ħolqu l-firda. Il-Konċilju ta’ Basle kien ekumeniku
biss sa tmiem il-ħamsa u għoxrin sessjoni, u mid-digrieti li ħarġu
l-Papa Ewgenju IV approva biss dawk li kellhom x’jaqsmu ma’
l-eliminazzjoni sħiħa ta’ l-ereżija, il-paċi qalb il-Kristjani, u
r-riforma fil-Knisja, li fl-istess waqt ma dderogatx mid-drittijiet
tas-Santa Sede.
It-Tmintax-il Konċilju kien il-Ħames wieħed tal-Lateran -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Fil-fatt il-Papa Ġulju II kien sejjaħ dan il-Konċilju b’digriet tat-18
ta’ Lulju 1511 minħabba bosta taħwid minn Kardinali xiżmatiċi, li
mgħejuna mir-Re ta’ Franza Luigi XII, kienu ser jibdew Konċilju
f’Pisa. Il-Konċilju proprju beda fl- 10 ta’ Mejju 1512 u ntemm fis- 16
ta’ Marzu 1517. L-ewwel ħames sessjonijiet, li kienu taħt Ġulju II,
ikkundannaw l-għemejjel ta’ dawk il-Kardinali. F’Marzu ta’ 1513 ġie
magħżul Papa Ljun X, u, dejjem bil-għajnuna ta’ l-Imperatur Massimiljanu
I, ħadu sehem 15-il kardinal u mat-80 Arċisqfijiet u Isqfijiet.Kif ġara
fl-ewwel ħames sessjonijiet il-biċċa l-kbira tad-digrieti kienu miżuri
dixxiplinarji. Ġiet ippjanata kruċjata ġdida kontra t-Torok li ntemmet
qabel ma bdiet minħabba l-ferment li qam ġewwa l-Ġermanja b’dak li beda
jwettaq Luteru.
Id-Dsatax-il Konċilju kien dak ta’ Trentu -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Dam sejjer 18-il sena, bejn l-1545 u l-1563, taħt ħames papiet: Pawlu
III, Ġulju III, Marċellu II, Pawlu IV u Piju IV, u taħt l-Imperaturi
Carlu V u Ferdinandu. Kien hemm preżenti 5 Kardinali legati tas-Santa
Sede, 3 Patrijarki, 33 Arċisqof, 235 Isqof, 7 Superjuri ta’ Abbatiji, 7
Ġenerali ta’ Ordnijiet Monastiċi, u 160 studjuż tad-divinità.
Il-Konċilju kien ġie msejjaħ biex jeżamina u jikkundanna l-iżbalji
mqajma minn Luteru u Riformatisti oħra, u biex tiġi rriformata
d-dixxiplina tal-Knisja.
Mill-Konċilji dan kollha kien l-aktar wieħed li dam, minnu ħarġu l-akbar
numru ta’ digrieti dogmatiċi u riformatorji, u wettaq l-akbar numru ta’
riżultati pożittivi.
L-Għoxrin Konċilju kien Konċilju Vatikan l-Ewwel -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju ... >
Tlaqqa’ minn Piju IX. Beda jiltaqa’ fit-8 ta’ Diċembru, 1869, u dam
sejjer sat-18 ta’ Lulju, 1870, meta kien ġie aġġornat u baqa’ bla ma
reġa’ ġie msejjaħ. Preżenti kien hem 6 Arcisqfijiet-prinċipi, 49
Kardinal, 11-il Patrijarka, 680 Arċisqof u Isqfijiet, 28 Abbati, 29
Ġenerali ta’ l-Ordnijiet...b’kollox 803 persuni. Barra kanoni importanti
li għandhom x’jaqsmu mal-Fidi u l-Kostituzzjoni tal-Knisja, dan
il-Konċilju pproklama l-infallibilità tal-Papa meta jitkellem ex
cathedra, jiġifieri:- i. bħala ragħaj u għalliem tal-Kristjani kollha,
ii. bil-virtù ta’ l-awtorità suprema u appostilika tiegħu, iii. jagħti
tifsira dottrinali dwar il-Fidi jew il-Morali għall- Knisja kollha.
Il-Wieħed u Għoxrin Konċilju, Vatikan II -
Ara d-dokumenti ta' dan il-Konċilju bil-Malti u bl-Ingliż... >
Infetaħ
mill-Papa Ġwanni XXIII fil-11 ta’ Ottubru, 1962, waqt sessjoni pubblika
fejn mill-2908, imsejħa biex jagħtu s-sehem tagħhom, kien hemm 2540
preżenti...bil-medja matul is-sessjonijiet kollha kienet tvarja bejn
2100 sa ’l fuq minn 2300. Għal din l-ewwel laqgħa kien hemm
rappreżentanti minn 86 gvern u għaqdiet internazzjonali. Dan minbarra
numru ta’ esperti għall-konsultazzjonijiet teoloġiċi li taw sehemhom tul
it-tliet snin. Preżenti wkoll kien hemm osservaturi mill-Knejjes
Ortodossi u Protestanti. Fit-8 ta’ Diċembru sar l-aġġornament u beda
x-xogħol fuq l-iskeda għas-sena 1963. Imma fit-3 ta’ Ġunju, 1963, miet
Papa Ġwanni. Madankollu il-Papa Pawlu VI, li ġie elett 18-il ġurnata
wara, ħabbar li l-Konċilju kien ser ikompli.
Fil-fatt it-Tieni Sessjoni bdiet fid-29 ta’ Settembru. It-Tielet
Sessjoni bdiet fl-14 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara. Ir-Raba’ u l-aħħar
Sessjoni bdiet fl-14 ta’ Settembru 1965 meta ġie mwaqqaf is-Sinodu ta’
l-Isqfijiet biex dawn iżommu kuntatt mal-Papa wara l-Konċilju. L-għeluq
sar fit-8 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena bl-Isqfijiet kollha jistqarru
l-ubbidjenza tagħhom lejn id-Digrieti tal-Konċilju u li jmexxu ’l
quddiem ix-xogħol ta’ l-istess Konċilju.
Biex dan kollu jitwettaq:
-
Twaqqfet Kummissjoni Papali għall-Media tal-Kummissjonijiet Soċjali;
-
Ġie ddikkjarat ġubilew mill-1 ta’
Jannar sas-26ta’ Mejju 1966 biex il-Kattolċi istudjaw
id-deċiżjonijiet tal-Konċilju u jgħinnuhom biex jiksbu tiġdid
spiritwali;
-
Fl-1965 inbidlu xi ismijiet u proċeduri ta’ Uffiċju Sagru u
dipartimenti tal-Kurja Rumana bl-ewwel wieħed isir Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi;
-
Twaqqfu segretarjati permanenti għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda
Kristjana, għar-Reliġjonijiet mhux Kristjani, u għal dawk li ma
jemmnux.
Id-diskussjoni ġenerali kienet dwar:Il-Knisja fid-Dinja Moderna,
l-ekumeniżmu. Bħala Dokumenti ħarġu erba’ Kostituzzjonijiet:
-
Dei Verbum (Rivelazzjoni Divina)
-
Gaudium et Spes(Il-Knisja fid-Dinja Moderna)
-
Lumen Gentium(Il-Knisja)
-
Sacrosanctum Concilium(Il-Liturġija)
Kien hemm 9 Digrieti:
-
Ad Gentes(Attivitajiet Missjunarji);
-
Apostolicam Actuositatem(għal-Lajċi);
-
Christus Dominus(L-Isqfijiet fil-Knisja);
-
Inter Mirifica(Komunikazzjoni Soċjali);
-
Optatam Totius(Ħidma għas-Saċerdozju);
-
Orientalium Ecclesiarum(Knejjes tal-Lvant);
-
Perfectæ Caritatis(Tiġdid tal-Ħajja Reliġjuża);
-
Presbyterorum Ordinis(Il-ħajja Saċerdotali);
-
Unitatis Redintegratio(Ekumeniżmu).
Barra dan kien hemm tliet dikjarazzjonijiet:
-
Dignitatis Humanæ(Ħelsien Reliġjuż);
-
Gravissimum Educationis(Edukazzjoni Nisranija);
-
Nostra Ætate(Relazzjonijiet ma’ dawk mhumiex Nsara).
|